Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2077(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0215/2007

Testi mressqa :

A6-0215/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/07/2007 - 8.27
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0315

Testi adottati
PDF 295kWORD 57k
It-Tlieta, 10 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Rapport speċjali Nru 9/2006 tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-infiq tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
P6_TA(2007)0315A6-0215/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport speċjali Nru 9/2006 tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea dwar l-infiq tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2007/2077(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea Nru 9/2006 dwar l-infiq tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet(1),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 248(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 276(3) u l-Artikolu 280(5) tat-Trattat KE,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0215/2007),

Rispett għall-multilingwiżmu

1.  Iqis il-multilingwiżmu bħala fattur ewlieni fl-UE, li jenfasizza d-diversità kulturali u lingwistika u jiżgura t-trattament ugwali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni; iqis li l-multilingwiżmu jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini li jikkomunikaw ma" l-istituzzjonijiet ta" l-UE fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tagħha, b'hekk jippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta" kontroll demokratiku; jinnota li, fl-istess waqt, is-servizzi lingwistiċi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE jgħinu biex dawk l-istituzzjonijiet jibqgħu miftuħa u trasparenti għaċ-ċittadini ta' l-Ewropa;

2.  Huwa tal-fehma li l-kunċett ta' "multilingwiżmu kontrollat b'mod sħiħ", stipulat fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-multilingwiżmu(2), jirrappreżenta l-uniku mezz biex l-ispejjeż jinżammu fi ħdan limiti baġitarji aċċettabbli, waqt li tinżamm l-ugwaljanza fost il-Membri u ċ-ċittadini;

3.  Jiddispjaċih li dejjem iktar dokumenti u komunikazzjonijiet, speċjalment l-emendi ta' kompromess fil-ħin tal-votazzjoni tagħhom fil-kumitat jew, pereżempju, l-annessi tar-rapporti, huma ppreżentati f'lingwa waħda biss;

Spiża tat-traduzzjonijiet

4.  Jenfasizza li l-ispiża totali tas-servizzi lingwistiċi kollha ta" l-istituzzjonijiet ta" l-UE, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni f'daqqa, jirrappreżentaw biss 1% tal-baġit totali ta" l-UE;

5.  Jinnota li fl-2005, il-volum ta' traduzzjonijiet kien ta' 1, 324, 000 paġna fil-Kummissjoni (1,450 traduttur), 1,080,000 paġna fil-Parlament (550 traduttur) u 475,000 paġna fil-Kunsill (660 traduttur);

6.  Huwa sorpriż li l-istituzzjonijiet għadhom sa issa ma kkalkulawx la l-ispiża totali tat-traduzzjoni(3) u lanqas l-ispiża għal kull paġna; barra minn hekk jinnota li l-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea (ECA) kkalkulat l-ispiża totali tat-traduzzjoni fl-2003 għal EUR 414.2 miljun (2005: EUR 511 miljun), EUR 218.8 miljun għall-Kummissjoni (2005: EUR 257 miljun), EUR 99 miljun għall-Parlament (2005: EUR 128 miljun), EUR 100,4 miljun għall-Kunsill (2005: EUR 126 million); għall-istess sena, l-ispiża medja għal kull paġna kienet ta' EUR 166.37 (2005: EUR 196.3): EUR 150,2 għall-Kummissjoni (2005: EUR 194), EUR 149.7 miljun għall-Parlament (2005: EUR 119), EUR 251.8 miljun għall-Kunsill (2005: EUR 276);

7.  Jilqa' f'dan il-kuntest, il-fatt li l-amministrazzjoni tiegħu rnexxielha tnaqqas l-ispejjeż ta' traduzzjoni bil-paġna minkejja t-tkabbir;

8.  Huwa mħasseb dwar l-osservazzjoni ta' l-ECA li l-produttività tas-servizz ta' traduzzjoni tal-Kunsill hija baxxa;

9.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jieħdu l-miżuri xierqa biex itejbu aktar il-produttività tas-servizzi ta' traduzzjoni ta' l-UE;

10.  Jinnota li l-prezzijiet li huwa ħallas lit-tradutturi freelance kienu ta' medja ta' 12% ogħla mill-prezzijiet imħallsa mill-Kummissjoni; jinnota l-ispjegazzjoni mogħtija mill-amministrazzjoni tiegħu, li tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-firxa ta' lingwi tat-tradutturi freelance tal-Parlament hija wiesgħa aktar, li dawk it-tradutturi jridu jirrispettaw skadenzi iqsar u l-istandards ta' kwalità għolja ħafna;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill qablu li jillimitaw iż-żieda fil-volum tat-traduzzjoni wara t-tkabbir ta' l-UE fl-2004 għal 10 Stati Membri ġodda, b'hekk jikkontrollaw iż-żieda ta' l-ispejjeż; jinnota li l-Parlament introduċa l-kunċett ta' "multilingwiżmu kontrollat b'mod sħiħ", b'hekk jippermettilu li jżomm il-livell ta' servizz waqt li jikkontrolla l-ispejjeż;

12.  Jistieden lit-tliet istituzzjonijiet biex jistabbilixxu parametri ċari u li jitqabblu bil-ħsieb li jaċċertaw kemm l-ispiża totali tat-traduzzjoni u l-prezz għal kull paġna; jenfasizza li ċ-ċifri miksuba m'għandhomx jiġu użati biss għal skopijiet baġitarji, iżda wkoll biex l-utenti jiġu sensibilizzati dwar l-ispiża;

13.  Jaqbel mal-prinċipju(4) li rapporti verbatim ta' proċedimenti fil-plenarja għandhom ikunu ppubblikati bħala dokument multilingwa li fih l-istqarrijiet tal-kelliema jidhru biss fil-lingwa oriġinali, fuq il-qbil li verżjonijiet iffilmjati tad-dibattiti, flimkien ma' interpretazzjoni diretta fil-lingwi uffiċjali kollha jkunu disponibbli b'xejn għall-pubbliku ġenerali fuq talba minn pjattaforma teknika xierqa, filwaqt li huwa ovvju li t-test oriġinali biss huwa validu, billi, ġuridikament, l-interpretazzjoni mhijiex traduzzjoni orali; huwa ta' l-opinjoni li l-Membri għandhom ikunu intitolati biex ikollhom partijiet minn dibattiti tradotti fil-lingwi tagħhom wara talba u fi żmien qasir; huwa ta' l-opinjoni wkoll li jrid ikun hemm dispożizzjoni biex jinżamm arkivju diġitali u ideali għal tiftix; jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex ifassal proposta formali li timplimenta din id-deċiżjoni fil-prinċipju, li għandha tinkludi klawsoli kontra l-abbuż u tidentifika, jekk ikun indikat, tibdiliet potenzjali għar-Regoli ta' Proċedura (eż. Artikolu 173) u għal regoli interni oħrajn meħtieġa biex jistabbilixxu fil-prattika l-approċċ maħsub ġdid;

Kwalità ta' traduzzjonijiet

14.  Jilqa' l-fatt li l-kwalità u r-rispett għall-iskadenzi ta' traduzzjonijiet fil-lingwi UE-15 (il-lingwi uffiċjali tal-15 il-Stat Membru qabel it-tkabbir ta' l-2004 u l-2007), skond sondaġġ ta' sodisfazzjon tal-klijent imwettaq mill-ECA, huma b'mod ġenerali meqjusa bħala sodisfaċenti, minkejja li xi problemi jippersistu fir-rigward ta' terminoloġija teknika u legali;

15.  Huwa madankollu mħasseb dwar il-kwalità aktar baxxa b'mod konsiderevoli tat-traduzzjonijiet UE-10 (it-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali ta' l-10 Stati Membri li aderew fl-2004) f'xi istituzzjonijiet fl-2004, ikkawżata b'mod prinċipali minħabba nuqqas ta' tradutturi kwalifikati; jinnota li - fl-istess waqt - il-Kummissjoni indirizzat il-problema u li l-istituzzjonijiet kollha, bl-għajnuna ta' l-Istati Membri, wettqu progress fir-reklutaġġ ta' tradutturi kwalifikati;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza reviżjoni kritika tal-falliment ta' l-EPSO biex tirrekluta l-istaff meħtieġ mill-pajjiżi UE-10;

17.  B'mod ġenerali huwa ta' l-opinjoni li l-istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu standard ta' kwalità għolja ta' traduzzjonijiet; għalhekk jistieden lill-amministrazzjoni tiegħu, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu rendikont tal-miżuri adottati għall-monitoraġġ u t-titjib fil-kwalità tat-traduzzjonijiet fil-ħin sal-proċedura ta' kwittanza ta' l-2006;

18.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jużaw għodod biex ikejlu s-sodisfazzjon ta' l-utent; minbarra dan, jitlob li jsiru kontrolli għall-għarrieda tal-kwalità u sondaġġi ta' sodisfazzjon tal-klijent u dawn għandhom jitwettqu fuq bażi regolari;

Proċeduri għal immaniġġjar ta' talbiet ta' traduzzjoni

19.  Jinnota li l-ECA ikkritikat proċeduri ambigwi biex jintalbu traduzzjonijiet, u linjigwida mhux ċari wkoll fir-rigward ta' liema dokumenti jridu jkunu tradotti jew le;

20.  F'dan il-kuntest, jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni biex tindirizza l-proċedura ta' l-awtorizzazzjoni u ta' l-iscreening tat-talbiet ta' traduzzjoni fl-2006; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li fl-2003, il-Kunsill stabbilixxa lista ta' dokumenti essenzjali, u b'hekk illimita t-traduzzjoni ta' testi oħra;

21.  Jirrakkomanda li jsir użu akbar ta' dokumenti li huma limitati fit-tul u tas-sommarji miktuba;

22.  Iħeġġeġ lill-kumitati u lid-delegazzjonijiet parlamentari - kull meta possibbli - biex ma jipprovdux testi ħlief fil-lingwi tal-membri tal-kumitati u ta' delegazzjoni u tas-sostituti tagħhom; iqis li l-verżjonijiet addizzjonali tal-lingwa għandhom jingħataw biss fuq talba;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' kumitati, ta' delegazzjonijiet u ta' gruppi politiċi fit-tfassil ta' previżjonijiet kull xahar(5); jinnota li, min-naħa l-oħra, l-utenti għandhom ikunu infurmati bl-ispejjeż ġenerati mit-talbiet tagħhom għal traduzzjoni;

Effiċjenza tal-proċess ta' traduzzjoni

24.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jiżviluppaw indikaturi ta' prestazzjoni kwalitattivi u kwantitattivi bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-monitoraġġ ta' proċessi ta' traduzzjoni għal skopijiet ta' mmaniġġjar;

25.  Jiddispjaċih li s-servizz ta' traduzzjoni tiegħu għadu ma jużax b'mod sistematiku l-għodod ta' traduzzjoni; għalhekk, jistieden lill-maniġment tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-użu sistematiku ta' għodod bħal dawn, b'mod partikulari sistemi ta' memorji ta' traduzzjoni (i.e. Euramis), li fihom il-potenzjal ta' l-użu mill-ġdid - u b'hekk ta' gwadanni kwalitattivi - huwa għoli;

26.  Jistieden lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jużaw b'mod effettiv u effiċjenti r-riżorsi interni u esterni, bħal databases, traduzzjonijiet assistiti bil-kompjuter, it-teleworking u l-outsourcing;

27.  Jilqa' t-titjib ta' koperazzjoni interistituzzjonali bejn is-servizzi ta' traduzzjoni ta' l-istituzzjonijiet differenti u b'mod partikulari l-ħolqien ta' database ta' terminoloġija komuni, l-iżvilupp ta' memorji ta' traduzzjoni komuni u l-qsim ta' riżorsi permezz tal-proġett ta' bilanċjar ta' l-ammont ta' xogħol;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta" l-Awdituri Ewropea.

(1) ĠU C 284, 21.11.2006, p.1
(2) Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu, adottat mill-Bureau fl-4 ta' Settembru 2006.
(3) Skond il-Qorti, tali ċifri jinkludu l-infieq fir-rigward tat-tradutturi, segretarji, uffiċjali, impjegati tas-servizz, planning, infieq fuq l-immobbli, informatika u infieq marbut mal-ġestjoni tar-riżorsi umani (pereżempju, għat-taħriġ).
(4) Spjegat fil-minuti tal-laqgħa tal-Bureau tas-16 ta' Jannar 2006 (PE 368.524/BUR/Corr).
(5) L-Artikolu 12(2) tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu.

Avviż legali - Politika tal-privatezza