Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2089(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0249/2007

Testi mressqa :

A6-0249/2007

Dibattiti :

PV 09/07/2007 - 19
CRE 09/07/2007 - 19

Votazzjonijiet :

PV 10/07/2007 - 8.38
CRE 10/07/2007 - 8.38
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0326

Testi adottati
PDF 323kWORD 114k
It-Tlieta, 10 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Is-suq intern tal-gass u ta" l-elettriku
P6_TA(2007)0326A6-0249/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta" l-elettriku (2007/2089(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (COM(2007)0001),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta" l-elettriku (COM(2006)0841),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-oqsma Ewropej tal-gass u ta" l-elettriku (COM(2006)0851), u d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni marbut magħha - ir-rapport DG Kompetizzjoni (SEC(2006)1724),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta" Interkonnessjoni Prijoritarju (COM(2006)0846),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal – Rapport ta' Implimentazzjoni dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku (SEC(2006)1709) – Dokument mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2006)0841),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta" ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar dejta ta" l-UE dwar il-politika ta" l-enerġija (SEC(2007)0012),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta" Diċembru 2006 dwar strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura - Green paper(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal netwerks ta' l-enerġija trans-Ewropej(3),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-tieni qari fit-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u ta' l-enerġija(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta" l-elettriku u ta" l-investiment fl-infrastruttura(5),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali(6),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2004/67/KE tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004 dwar miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista ta' gass naturali(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku(8),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali(9),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-iskambju transkonfinali fl-elettriku(10),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tar-Regolaturi ta" l-Enerġija Ewropej għall-perjodu mill-1 ta" Jannar 2006 sal-31 ta" Diċembru 2006 lill-membri kollha tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija (CEER) u tal-grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Enerġija (ERGEG), lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Kummissjoni Ewropea, liema rapport sar skond l-Artikolu 3(8) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE tal-11 ta" Novembru 2003 dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass (11),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u 9 ta" Marzu 2007, dwar l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew ta" "Pjan ta" Azzjoni tal-Kunsill Ewropew (2007-2009) – Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa",

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0249/2007),

A.   billi l-politika għall-enerġija l-ġdida ta' l-Unjoni Ewropea għal enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva trid tkun waħda ambizzjuża u mmirata lejn benefiċċji fuq żmien twil, iffukata fuq il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u tillimita l-vulnerabilità esterna ta' l-UE fuq l-importazzjonijiet, u tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi,

B.   billi irid jitwaqqaf qafas leġiżlattiv xieraq f'waqtu skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji ambizzjużi u għat-tul ta' żmien,

C.   billi t-tlestija tas-suq intern ta" l-enerġija u l-ħolqien ta" mekkaniżmi effettivi ta" solidarjetà bejn l-Istati Membri huma prerekwiżiti biex ikunu garantiti s-sigurtà tal-provvista u l-effiċjenza ekonomika,

D.   billi l-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-suq huma importanti b'mod indaqs għall-iffaċilitar tal-kummerċ transkonfinali, il-kisba ta" aktar effiċjenza ekonomika u likwidità akbar fis-suq, filwaqt li għalhekk jikkompletaw is-suq intern ta" l-enerġija,

E.   billi deċiżjonijiet dwar it-taħlita ta" enerġija fi Stat Membru għandhom konsegwenzi għall-Unjoni kollha kemm hi fir-rigward tal-kompetizzjoni, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità ambjentali,

F.   billi l-prinċipji ta" l-inklużjoni soċjali u ta' l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd ifissru li huwa essenzjali li kull ċittadin ta" l-Unjoni jkollu aċċess għall-enerġija bi prezz li jintlaħaq,

G.   billi 20 minn 27 Stat Membru għad iridu jittrasponu b'mod sħiħ id-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE fil-kliem u fl-ispirtu,

H.   billi l-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta" l-elettriku u r-rapport tad-DĠ għall-Kompetizzjoni dwar l-inkjesta tal-qasam ta' l-enerġija jikkonkludu li r-regoli u l-miżuri ta" liberalizzazzjoni attwali wasslu għal titjib fl-effiċjenza tal-provvista ta" l-enerġija u sabiex l-konsumaturi jiffrankaw, iżda billi s-swieq għadhom ma nfetħux għal kollox u għad hemm ostakli għall-kompetizzjoni ħielsa,

I.   billi l-istabbiliment mir-regolaturi nazzjonali ta" regoli armonizzati qawwija u effettivi dwar l-aċċess għan-netwerk flimkien ma" disakkoppjament effettiv huma prerekwiżiti sabiex jitħallew jidħlu fis-suq kompetituri ġodda,

J.   billi f'xi Stati Membri kuntratti fuq medda twila ta" żmien jgħoddu għal proporzjon sostanzjali tas-suq, u b'hekk jipperikolaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni ħielsa u b'hekk il-tlestija ta' suq intern ta' l-enerġija,

K.   billi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' l-UE fir-rigward tas-separazzjoni u l-oqfsa regolatorji fl-Istati Membri jvarjaw konsiderevolment u dan għandu implikazzjonijiet serji fl-iżvilupp tas-suq intern ta" l-elettriku,

L.   billi l-konverġenza u s-sinkronizzazzjoni ta" l-azzjoni nazzjonali fir-rigward ta" dispożizzjonijiet ta" separazzjoni huma l-unika triq lejn it-tlestija tas-suq intern ta" l-enerġija,

M.   billi l-qligħ tal-biċċa l-kbira ta" l-impriżi tal-gass jiġi prinċipalment mill-attivitajiet ta" kummerċ tagħhom milli mill-estrazzjoni tal-gass,

N.   billi ftit Stati Membri fetħu s-swieq tal-gass tagħhom; billi prezzijiet orħos u servizz ta' kwalità tal-provvista fis-suq tal-gass huma importanti għas-sistema kollha, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi,

O.   billi t-tnaqqis tal-konġestjoni fit-trażmissjoni ta" l-elettriku jirrikjedi kemm investimenti enormi fl-espansjoni u t-titjib tan-netwerk ta" l-elettriku kif ukoll mekkaniżmi ta" l-immaniġġjar tal-konġestjoni aktar effettivi u bbażati fuq is-suq,

P.   billi kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida proposta għandha taffronta l-problemi speċifiċi ffaċċjati mill-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv, bħall-prezzijiet għolja ta" l-enerġija b'riżultat ta" nuqqas ta" kompetizzjoni fis-swieq,

Q.   billi l-livelli ta" l-interkonnessjoni bejn diversi Stati Membri għad m'humiex biżżejjed, 'il bogħod mill-ftehim adottati fil-Laqgħa Għolja ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 u, f'ħafna każijiet, diversi impedimenti politiċi u amministrattivi huma l-kawża ewlenija għad-dewmien biex jinbnew,

R.   billi qabel ma tipproponi xi leġiżlazzjoni dwar il-ħolqien obbligatorju ta" faċilitajiet sabiex jinħażen il-gass f'kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tressaq studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji u evalwazzjoni bir-reqqa ta" l-impatt,

S.   billi l-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-suq għandhom importanza indaqs għall-ikkompletar tas-suq intern ta" l-enerġija,

T.   billi s-sentenza finali tal-punt 33 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza fuq imsemmija tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta" Marzu 2007 tistqarr l-importanza kbira tas-settur li juża ħafna enerġija, u tenfasizza li jinħtieġu miżuri b'infiq effiċjenti sabiex itejbu kemm il-kompetittività kif ukoll l-impatt ambjentali ta' dan it-tip ta' industriji,

U.   billi n-nuqqas ta" trasparenza ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala ostakolu għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern,

V.   billi jinħtieġ qafas regolatorju ċar, stabbli u prevedibbli għall-investimenti għal medda twila ta" żmien li huma meħtieġa fis-settur ta" l-enerġija,

W.   billi awtorità pubblika ta' l-Unjoni Ewropea ta" l-enerġija tista" tgħin biex tiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp ta" enerġiji li jiġġeddu, iżżomm tariffi bilanċjati u tiżgura aċċess indaqs għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha,

X.   billi d-dejta disponibbli turi li l-Istati Membri għamlu biss użu limitat mill-obbligi għas-servizz pubbliku maħsuba biex jindirizzaw konsumaturi vulnerabbli,

1.  Itenni li l-Istrateġija ta" Liżbona tista" tkun suċċess biss jekk isiru sforzi oħra għall-istabbiliment ta" politika għall-enerġija komuni bbażata fuq viżjoni aktar wiesgħa ta" l-interess komuni Ewropew fil-qasam ta" l-enerġija billi jkunu rispettati l-karatteristiċi nazzjonali u billi l-Istati Membri jitħallew jaderixxu mat-taħlitiet ta' l-enerġija tagħhom sabiex is-sorsi ta' l-enerġija u l-produtturi ta' l-enerġija jkunu diversifikati kemm jista' jkun;

Separazzjoni tat-trażmissjoni

2.  Iqis li s-separazzjoni tas-sjieda tat-trażmissjoni hija l-aktar għodda effettiva sabiex jiġu promossi l-investiment fl-infrastrutturi b'mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-netwerk għall-kompetituri ġodda u t-trasparenza fis-suq; jenfasizza madankollu li dan il-mudell jista' ma jindirizzax il-kwistjonijiet kollha konċernati bħall-interkonnessjonijiet jew il-punti ta" konġestjoni;

3.  Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' aktar miżuri ta' separazzjoni fil-qasam tal-gass m'hijiex ħafifa; għalhekk iħeġġeġ l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet speċifiċi sabiex ikun jista' jitlesta s-suq intern tal-gass, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn is-swieq 'upstream' u 'downstream';

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta analiżi li turi l-ispejjeż mistennija tas-separazzjoni tas-sjieda u ta' l-istabbiliment ta' operaturi indipendenti tas-sistema għall-Istati Membri, l-effetti mistennija fuq l-investiment fin-netwerks, kif ukoll il-benefiċċji għas-suq intern u għall-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni li l-analiżi għandha tindirizza l-kwistjoni ta" jekk jinħolqux problemi jew spejjeż, u jekk huwa l-każ, it-tip ta" problemi u spejjeż, jekk ma ssir ebda separazzjoni mill-istat, kif ukoll il-kwistjoni ta" jekk il-konsegwenzi negattivi jkunux differenti bħal bejn sjieda statali jew privata; barra minn hekk jissuġġerixxi li l-analiżi għandha tikkunsidra x'ikunu l-vantaġġi tas-separazzjoni tas-sjieda meta mqabbla ma" l-approċċ ta" l-operatur tas-suq reġjonali indipendenti fir-rigward ta" l-ilħuq ta" objettivi;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra d-differenzi strutturali bejn is-setturi ta' l-elettriku u tal-gass ta' l-UE, inkluż il-fatt li, xi Stati Membri m'għandhomx produzzjoni naturali ta' dawn is-sorsi ta' enerġija u li, fi swieq 'upstream' importanti tal-gass, ir-reċiproċità ekonomika sħiħa attwalment mhix żgurata; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta bilanċjata li tippermetti lill-kumpaniji tal-gass ta' l-UE li jużaw l-investimenti ġodda u upstream fil-'pipelines' u l-kuntratti għal medda twila taż-żmien sabiex isaħħu l-qawwa tagħhom ta' negozjar fil-konfront ta' pajjiżi terzi;

6.  Jinsisti li l-ebda kumpanija ta" pajjiż terz m'għandha titħalla tixtri infrastruttura ta" l-enerġija sakemm m'hemmx reċiproċità ma" dak il-pajjiż;

Regolaturi

7.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-proposta mill-Kummissjoni li tittejjeb il-koperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali fil-livell ta" l-UE, permezz ta' entità ta' l-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta" approċċ aktar Ewropew għar-regolazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali; iqis li aktar konverġenza u armonizzazzjoni tal-kompetenzi ta' regolaturi nazzjonali huma essenzjali biex jingħelbu differenzi tekniċi u regolatorji li jimponu ostakoli kbar għall-kummerċ u għall-interkonnessjonijiet transkonfinali; jisħaq li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ewlieni, filwaqt li ma ddgħajjifx l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali; jemmen li d-deċiżjonijiet meħuda mir-regolaturi għandhom ikunu bbażati fuq kwistjonijiet tekniċi u ta' kummerċ imfissra b'mod speċifiku u fuq bażi infurmata filwaqt li jitqiesu, meta jkun xieraq, il-fehmiet ta' operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni (TSOs) u ta' partijiet interessati rilevanti oħra, u għandhom jorbtu legalment;

8.  Jiġbed l-attenzjoni li r-regolaturi nazzjonali għandhom jibqgħu l-unika awtorità responsabbli għal deċiżjonijiet li jaffettwaw is-suq nazzjonali tagħhom biss; jaqbel li l-kompetenzi tagħhom jiżdiedu biex jinkludu t-tfassil ta' inventarju ta' investiment meħtieġ u l-promozzjoni attiva ta' l-implimentazzjoni tagħhom;

9.  Jemmen li r-regolaturi għandhom jiżguraw li kwalunkwe kumpanija sid ta" infrastruttura ta" l-enerġija, u b'mod partikulari ta' netwerks tat-trażmissjoni jew 'pipelines', timpenja ruħha li tilħaq il-miri ta" investiment definiti b'mod ċar sabiex tevita spekulazzjoni f'dan il-qasam;

10.  Jemmen li r-regolaturi nazzjonali għandhom ikunu indipendenti, b'saħħithom, u jkollhom kompetenzi definiti sew sabiex ikun żgurat li l-liġi tkun implimentata għalkollox fil-prattika u tkun irrispettata minn min jieħu sehem fis-suq kif ukoll li jkun hemm l-investimenti u l-livelli ta" trasparenza meħtieġa; jemmen, barra minn hekk, li l-kompetenzi tagħhom għandhom ikunu armonizzati f'livell ta' l-UE permezz tat-twaqqif ta' regoli komuni dwar it-trasparenza, l-iżvelar u r-responsabbiltà sabiex ikun żgurat li jkunu indipendenti għal kollox mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-industrija;

11.  Jemmen li r-regolaturi nazzjonali għandhom jingħataw l-irwol li jippenalizzaw operaturi li ma jirrispettawx id-deċiżjonijiet tagħhom jew operaturi ta' trażmissjoni li jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom ta' manutenzjoni tan-netwerk, li jiżguraw li kumpaniji ta' l-enerġija jagħtu pariri lill-utenti aħħarin dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija kif stabbilit fid-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija(12) u dwar servizzi ta' enerġija u li jimponu programmi ta' l-elettriku u tar-rilaxx ta' gass; jemmen ukoll li l-koperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni rilevanti għandha tissaħħaħ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell ta" l-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi soluzzjoni għall-problemi ta" indipendenza/kunflitti ta" interess u trasparenza fir-rigward ta" TSOs; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jagħtu lok lit-TSOs li jaqdu dmirhom bhala faċilitaturi tas-suq u biex jarmonizzaw ir-regolamenti internazzjonali għat-TSOs sabiex jitjieb it-trasport transkonfinali;

13.  Jilqa" l-proposta biex assoċjazzjonijiet eżistenti ta" TSOs jingħataw irwol uffiċjali b'obbligi u b'objettivi formali (is-soluzzjoni ETSO+\GTE+);

14.  Jikkritika l-indħil eċċessiv ta" xi gvernijiet fid-deċiżjonijiet meħuda minn regolaturi nazzjonali billi dan idgħajjef l-irwol ta' dawn ta' l-aħħar bħala awtoritajiet indipendenti;

15.  Jinnota l-iżvilupp ta' xi swieq reġjonali; jiġbed l-attenzjoni li se jinħtieġu miżuri xierqa sabiex jiġi evitat li jinħolqu "gżejjer ta" l-enerġija" akbar u jitlob li dawn l-istrutturi reġjonali ma jipperikolawx it-tlestija tas-suq intern ta' l-enerġija;

Tariffi regolati

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu gradwalment l-applikazzjoni ta' tariffi regolati ġeneralizzati – bl-eċċezzjoni ta" tariffi ta" l-aħħar tentattiv kif jingħad fid-Direttiva 2003/54/KE – filwaqt li jkun żgurat li hemm miżuri xierqa biex iħarsu lill-konsumaturi vulnerabbli, partikolarment fis-sens ta' faqar tal-fjuwil, inklużi mekkaniżmi mhux ibbażati fuq is-suq; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' referenza għal mekkaniżmi ta' prezzijiet fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq imsemmija dwar politika ta' l-enerġija għall-Ewropa; ifakkar li intervent fuq il-prezzijiet għandu jitħalla biss, bħala l-aħħar tentattiv, meta regolaturi nazzjonali jippruvaw jikkontrollaw prezzijiet li qed jogħlew li jkunu stimulati b'mod artifiċjali sabiex tkun evitata l-ħsara lill-konsumaturi, lin-negozji u lill-kompetituri ġodda, iżda wkoll li fi kwalunkwe każ il-prezzijiet għandhom ikopru l-ispejjeż reali;

17.  Iqis li sussidji għal sorsi ta' l-enerġija li ma tiġġeddidx għandhom jitneħħew, biex b'hekk ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs, li spejjeż ambjentali esterni għandhom ikunu inklużi fil-prezz ta' l-enerġija u li strumenti bbażati fuq is-suq għandhom jintużaw biex jintlaħqu objettivi ambjentali u tal-politika ta' l-enerġija;

18.  Jinnota li obbligi mmirati ta" standard għoli universali u ta" servizz pubbliku għandhom ikunu konformi mar-regoli ta" l-għajnuna mill-Istat u li l-liġi tal-kompetizzjoni tapplika fir-rigward ta' diskriminazzjoni tal-prezzijiet u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid; jenfasizza li dan huwa ta" importanza kruċjali li l-impatt tat-tariffi ta" provvista regolati li baqa' fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jiġi evalwat u li jitneħħew id-distorsjonijiet tas-suq;

Impatt soċjali u ħarsien tal-konsumatur

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjonijiet ta' l-impatt kompleti inkluża l-evalwazzjoni ta' l-effetti soċjali tal-proposti differenti tagħha u biex tappoġġja l-industriji biex jiżviluppaw mekkaniżmi għal taħriġ u tqassim mill-ġdid ta' l-impjiegi;

20.  Jemmen li huwa indispensabbli li l-konsumaturi jingħataw l-enerġija għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom u li l-faqar ta' l-enerġija jrid jingħeleb bil-mezzi disponibbli kollha, b'mod partikulari billi jitħeġġew l-iffrankar ta' l-enerġija u l-effiċjenza ta' l-enerġija; barra minn hekk, jitlob miżuri soċjali mmirati kif xieraq u trasparenti li, filwaqt li ma jostakolawx il-kompetizzjoni ġusta, huma meħtieġa biex iħarsu lill-konsumaturi vulnerabbli u żvantaġġjati;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta tagħha għal Karta tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija sa mhux iktar tard mill-aħħar ta" l-2007;

Interkonnessjonijiet

22.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-objettiv indikattiv li jinkisbu livelli ta' interkonnessjonijiet ta' 10% fl-Istati Membri;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom, anke permezz tat-tisħiħ ta" koperazzjoni bilaterali, biex ineħħu ostakoli tekniċi, amministrattivi u politiċi għat-tlestija ta" proġetti eżistenti u tal-ġejjieni, b'mod partikulari ta" l-erba" proġetti identifikati mill-Kummissjoni bħala proġetti ta" interess Komunitarju; jitlob l-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-proċeduri ta" awtorizzazzjoni għall-bini ta" linji ta" interkonnessjoni u biex jillimitaw it-tul ta" żmien tal-proċeduri; iqis, madankollu, li għandhom dejjem jitqiesu konsiderazzjonijiet ta' interess ġenerali;

24.  Jerġa" jafferma l-bżonn li jiżdied il-baġit allokat għal netwerks ta' l-enerġija trans-Ewropej biex, b'mod partikolari, jitneħħew l-ostakoli ambjentali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħatra ta" koordinaturi ta' l-UE għal proġetti ta" interess Komunitarju li qed ikollhom problemi bl-implimentazzjoni;

26.  Jenfasizza li infrastruttura u ġenerazzjoni ta" l-enerġija deċentralizzati jistgħu jgħinu biex ikun hemm livell ogħla ta" sigurtà tal-provvista ta" l-enerġija u għandhom ikunu inkoraġġuti meta jiġu mfassla strateġiji ta" politika dwar l-enerġija;

Kuntratti fit-tul

27.  Jirrikonoxxi li kuntratti fit-tul "upstream', b'mod partikulari fil-qasam tal-gass, huma meħtieġa għal ambjent ta' investiment pożittiv u li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista u biex ma jagħmlux ħsara lill-integrazzjoni tas-suq intern ta" l-enerġija, sakemm ma jkunux esklużi kompetituri ġodda;

28.  Jemmen li applikazzjoni bbilanċjata u effettiva tal-prinċipju 'użah jew itilfu' trid tkun żgurata biex kompetituri ġodda jkun jista' jkollhom aċċess għan-netwerks fejn il-kapaċità ma tkunx utilizzata;

29.  Jemmen li kuntratti fit-tul bilaterali "downstream", sakemm ma jeħdux persentaġġ sinifikanti tas-suq u ma jostakolawx lill-konsumaturi milli jibdlu l-fornituri, jippermettu lil industriji li jużaw ħafna enerġija li jinnegozjaw prezzijiet ta' enerġija iktar kompetittivi u stabbli mal-fornitur li jagħżlu huma u li għalhekk għandhom ikunu permessi, sakemm ikunu sorveljati sew mill-awtoritajiet rilevanti u sakemm ma joħolqux spejjeż addizzjonali għan-netwerks, li jagħlqu s-suq għal kompetituri ġodda jew li jxekklu l-iżvilupp tas-suq;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi definizzjoni ta" x'jikkostitwixxi utent li juża ħafna enerġija u sabiex tagħti attenzjoni speċjali lill-utenti li jużaw ħafna enerġija fl-UE li qed jikkompetu fl-ekonomija globali;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti linji gwida ċari dwar kuntratti fit-tul u bilaterali "downstream" sabiex titnaqqas l-inċertezza fis-suq u sabiex jibda jkun hemm standardizzazzjoni tal-kuntratti;

32.  Ifakkar li l-faċilitajiet għall-ġenerazzjoni, it-trasferiment, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija huma infrastrutturi kruċjali li s-sikurezza u s-sigurtà tagħhom iridu jkunu mħarsa u żgurati bis-sħiħ f'kull ċirkostanza;

Netwerks ta' l-elettriku u tal-gass

33.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-ħtiġijiet ta" investiment meħtieġ biex jittejjeb in-netwerks ta' l-elettriku u tal-gass biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-UE; jinsisti fuq l-istabiltà, il-koerenza u t-trasparenza tal-qafas regolatorju sabiex jinħoloq ambjent tajjeb għall-investiment u għalhekk jitlob li jkun żviluppat tali qafas regolatorju għall-benefiċċju komuni tal-konsumaturi u tan-negozji fl-UE;

34.  Jiddispjaċih li għad hemm ħafna ostakoli fi Stati Membri li jikkawżaw dewmien sproporzjonat fil-ħolqien ta" infrastrutturi għall-importazzjoni ta" l-enerġija u fil-konnessjoni ta" ġenerazzjoni ġdida man-netwerk ewlieni ta" l-elettriku; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li dan id-dewmien jitnaqqas għall-minimu assolut u li kull zona abitata, remota u inaċċessibbli (inklużi gżejjer u zoni muntanjużi) tkun konnessa man-netwerk ewlieni ta l-elettriku;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw żieda fil-kapaċità tan-netwerk biex tkun tista" tiġi inkorporata ġenerazzjoni ġdida u massiva ta" enerġija li tiġġedded fuq l-art u fil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-fattibilità li jinħoloq netwerk intelliġenti ta' l-UE li jisfrutta bis-sħiħ l-aħħar teknoloġiji ta" l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni disponibbli, wieħed li jkun jista' jakkomoda varjetà wiesgħa ta" għażliet ta" ġenerazzjoni, isaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumatur u li jkun kapaċi jsib u janalizza malajr fejn hemm il-ħsarat u jieħu azzjoni u jirrimedja l-effetti tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffavurixxu l-investimenti relatat u biex jagħtu lir-regolaturi tagħhom mandat espliċitu biex jagħtu prijorità lill-kisba ta' dawn il-miri;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa ta" armonizzazzjoni teknika tan-netwerks ta' l-UE;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjan direzzjonali għall-ħolqien ta" netwerk wieħed ta" UE tal-elettriku u tal-gass;

38.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-progress teknoloġiku reċenti fl-inklużjoni tal-bijogass fin-netwerk tal-gass; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri konkreti biex tieħu vantaġġ minn dan il-potenzjal b'mod iktar estensiv, sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, b'mod partikolari sabiex tiggarantixxi aċċess għan-netwerk tal-bijogass;

Ħażniet strateġiċi

39.  Jaqbel ma" l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li, fir-rigward tal-gass, meta titqies it-teknoloġija preżenti, huwa aħjar li jkun hemm diversi rotot u teknoloġiji ta" provvista, bħal impjanti ta' degassifikazzjoni u terminals ta" gass naturali likwifikat, milli jinħolqu ħażniet ta' gass enormi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti speċifiċi biex isir użu aħjar tal-ħażniet eżistenti tal-gass mingħajr ma ttellef il-bilanċ bejn is-sigurtà tal-provvista u l-preferenza ta' kompetituri ġodda fis-suq;

40.  Jenfasizza l-komplementarjetà tan-netwerk ta" l-elettriku u tan-netwerk tal-gass; f'dan il-kuntest, jirrimarka li l-ħażna hija parti integrali min-netwerk tal-gass u għandha tkun immaniġġjata fi spirtu ta' solidarjetà nazzjonali u ta' l-Unjoni; jemmen ukoll li l-ħażna tista" ssostni ġeneraturi "stand-by" ta" l-elettriku u b'hekk tgħin għas-sigurtà tal-provvista;

41.  Jinnota li ħażniet tal-gass strateġiċi jistgħu jkunu proposti u żviluppati minn Stati Membri individwali skond il-fattibilità ekonomika u teknika tagħhom;

It-trasparenza

42.  Jemmen li t-trasparenza hija prerekwiżit għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni u li l-informazzjoni dejjem għandha tkun żvelata f'waqtha u b'mod li jkun ċar u aċċessibbli faċilment u fuq bażi mhux diskriminatorja;

43.  Jinnota d-diffikultajiet li l-konsumaturi domestiċi jiffaċċjaw meta jgawdu s-swieq liberalizzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti dwar kif tiżdied it-trasparenza għall-konsumaturi; biex l-informazzjoni għall-konsumatur titlesta u tkun ċara (inklużi t-tariffi diversi disponibbli, it-taħlita ta' l-enerġija tal-kumpanija u informazzjoni utli oħra bħat-tikettar, kif jingħad fid-Direttiva 2003/54/KE), u sabiex jissaħħaħ l-irwol ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur fis-suq intern ta' l-enerġija;

44.  Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġu introdotti regoli li jorbtu dwar it-trasparenza għas-swieq ta' l-elettriku u tal-gass; jemmen li livell ta" trasparenza għoli u armonizzat jippromwovi kompetizzjoni effiċjenti u jġib kompetituri ġodda fis-suq;

45.  F'dan ir-rigward, jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura trasparenza aħjar fis-swieq;

Implimentazzjoni ta" leġiżlazzjoni tal-Komunità

46.  Huwa mħasseb dwar in-numru ta" Stati Membri li għad iridu jittrasponu d-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE u dwar dawk li naqsu milli jimplimentawhom sew; jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu dawn id-Direttivi u biex jimplimentawhom bis-sħiħ mingħajr dewmien;

47.  Jemmen li d-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE għandhom biżżejjed dispożizzjonijiet li, jekk ikunu applikati sew, jiżguraw xenarju kompetittiv u t-tlestija tas-suq intern ta' l-enerġija;

48.  Jaqbel mal-Kummissjoni li m'hemmx proċess ta" liberalizzazzjoni alternattiv u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw traspożizzjoni effettiva u sħiħa ta' direttivi ta" liberalizzazzjoni eżistenti; aktar minn hekk japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta" funzjonament tas-suq billi jiġu implimentati rimedji kemm dawk li jkunu bbażati fuq kompetizzjoni kif ukoll dawk regolatorji;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika r-riżultati kollha ta" l-istudju tagħha ta" evalwazzjoni ta" l-impatt u t-tweġibiet li rċeviet u biex tinfurmah b'dan qabel ma tippreżenta proposti leġiżlattivi ġodda;

50.  F'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma ttrasponewx jew ma implimentawx b'mod korrett id-Direttivi 2003/54/KE jew 2003/55/KE;

51.  Iwissi dwar konċentrazzjoni tas-suq eċċessiva u jqis li din għandha tkun indirizzata l-aħjar permezz ta" iktar progress ta' l-integrazzjoni tas-swieq u ta' miżuri regolatorji billi għandu jkun hemm għażla tal-konsumatur fir-rigward tal-fornitur f'ambjent kompetittiv miftuħ; jtenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu iktar passi biex tindirizza konċentrazzjonijiet fis-suq ta' l-enerġija fil-każ ta abbużi minn dominanza fis-suq;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, għalkemm l-iżviluppi fil-koordinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-kapaċità transkonfinali huma inkoraġġanti, il-livell baxx ta' trasparenza fil-kalkolu tal-kapaċità netta ta' trasferiment meħtieġa għall-irkantijiet u fid-determinazzjoni tal-kapaċità disponibbli ta' trasferiment jikkostitwixxi ostakolu serju għall-kompetizzjoni, liema ostakolu jrid jiġi ttrattat billi jkunu introdotti regolamenti iktar stretti dwar il-prattiki miftiehma li nstabu li jseħħu f'irkantijiet u billi jkun imsaħħaħ il-monitoraġġ ta' l-'anti-trust';

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-impatt ta' konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll ta' l-UE, filwaqt li tqis ukoll il-proċess preżenti ta' konsolidazzjoni li qed jagħti lok għal impriżi ta' l-enerġija ġodda, kbar u multinazzjonali attivi f'numru sinifikanti ta' Stati Membri u bi grad għoli ta' integrazzjoni vertikali u tal-gass-elettriku;

54.  Jemmen li s-sjieda pubblika fis-swieq ta" l-elettriku u tal-gass hija waħda mill-elementi ewlenin li jwasslu għal distorsjonijiet fuq livell Ewropew u li l-istimulu għal kompetizzjoni f'dawk is-swieq jitnaqqas iktar jekk ikun hemm intrapriżi pubbliċi, għaliex f'ħafna mill-każijiet, minħabba l-istatut tal-kumpanija tagħhom, hemm livell aktar baxx ta' trasparenza u ta' informazzjoni għal investituri potenzjali u minħabba li dawn il-kumpaniji huma dipendenti fuq deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri involuti;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-azzjonijiet u l-proposti kollha tagħha, tqis l-importanza ta" l-irwol ta' kumpaniji ta' l-enerġija żgħar u ta' daqs medju għat-tħaddim ta' swieq ta' l-enerġija kompetittivi;

56.  Jistieden lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex iwaqqfu l-promozzjoni ta" l-hekk imsejħa 'champions' nazzjonali u biex ma jibqgħux jgħaddu leġiżlazzjoni protezzjonista li ma tippermettix l-iżvilupp ta' suq ta' l-UE ta' l-enerġija integrat tassew; jitlob li jiġu stabbiliti programmi attivi ta" rilaxx tal-gass u ta" l-elettriku u swieq ibbilanċjati iktar likwidi sabiex jiffavorixxu kompetituri ġodda fis-suq;

57.  Iqis li huwa essenzjali li Skema modifikata ta" Skambju ta" Emissjonijiet fil-ġejjieni tkun integrata, bis-sħiħ, b'mod trasparenti u taħt is-superviżjoni tar-regolaturi nazzjonali, fis-suq liberalizzat ta" l-enerġija sabiex ikun evitat li toħloq tagħwiġ fil-mekkaniżmi tas-suq;

58.  Itenni l-importanza li jinkiseb suq ta' l-UE ta' l-enerġija liberalizzat bis-sħiħ kemm jista' jkun malajr u jinsisti li l-Kummissjoni tippreżenta l-pakkett tagħha ta' miżuri addizzjonali għas-suq intern lejn l-aħħar ta' Settembru 2007, kif imħabbar;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2006)0603.
(2) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 112.
(3) ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P6_TA(2007)0198.
(5) ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22.
(6) ĠU L 289, 3.11.2005, p.1.
(7) ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92.
(8) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.
(9) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.
(10) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.
(11) 7 ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34.
(12) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

Avviż legali - Politika tal-privatezza