Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2004/2262(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0155/2005

Testi mressqa :

A6-0155/2005

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/07/2007 - 8.39
CRE 10/07/2007 - 8.39

Testi adottati :

P6_TA(2007)0327

Testi adottati
PDF 222kWORD 63k
It-Tlieta, 10 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Sajd industrijali u l-produzzjoni ta" ħut imqadded mitħun u ta" żejt tal-ħut
P6_TA(2007)0327A6-0155/2005

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 dwar sajd industrijali u l-produzzjoni ta" ħut imqadded mitħun u ta" żejt tal-ħut (2004/2262(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-projbizzjoni ta" ħut imqadded mitħun li jingħata bħala ikel lil annimali li jixtarru li ġiet imposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2001, miżura prekawzjonali introdotta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE ta" l-4 ta" Diċembru 2000 li tikkonċerna ċertu miżuri ta" protezzjoni b'kunsiderazzjoni għal enkefalopatiji sponġiformi trażmissibli (TSEs) u l-għalf ta' proteini ta' l-annimali(1) u aktar tard ikkonsolidati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1234/2003 ta" l-10 ta" Lulju 2003(2) li jemenda l-Annessi I, IV u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta" kif l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li ħut imqadded mitħun jingħata bħala ikel lil annimali li ma jixtarrux (Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 kif emendat),

–   wara li kkunsidra l-karta ta" ħidma ta" l-2004 tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "L-Industrija tal-Ħut Imqadded Mitħun u taż-Żejt tal-Ħut – L-Irwol Tiegħu fil-Politika Komuni tas-Sajd",

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibli(3), kif emendat b'mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 tat-18 ta' Diċembru 2006(4), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1292/2005 tal-5 ta' Awissu 2005 li temenda l-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' ikel ta' l-annimali(5) adottat mill-Kummissjoni wara l-iżvilupp ta" metodu vvalidat (ara d-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/126/KE tat-23 ta" Diċembru 2003 dwar il-metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-kostitwenti ta' l-oriġini mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta' l-għalf tal-bhejjem(6)) li jippermetti s-sejba ta" laħam mammiferu u għadam mitħun fl-għalf ta" l-annimali anke meta jkun hemm ħut imqadded mitħun fl-istess għalf, u jirrikonoxxi li l-bażi biex ikun projbit li ħut imqadded mitħun jingħata bħala ikel lil annimali li jixtarru, għalhekk m'għadiex aktar valida u li din l-projbizzjoni trid titneħħa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta" Ottubru 2004 dwar l-abbozz ta" Regolament fuq imsemmi(7), liema riżoluzzjoni titlob għall-irtirar ta' l-abbozz, u li tieħu l-pożizzjoni li l-għoti ta' ħut imqadded mitħun bħala ikel lil annimali li jixtarru m'huwiex konsistenti mad-dazju impost fuq il-Komunità biex tħares is-saħħa taċ-ċittadini tagħha,

–   wara li kkunsidra l-ogħla livelli permessibbli ta" sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta" l-annimali, stipulati fid-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta" Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta' l-annimali(8), emendata fl-2003 mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/57/KE tas-17 ta" Ġunju 2003(9) biex tinkludi dijossini u emendata għal darb'oħra mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/100/KE tal-31 ta" Ottubru 2003(10),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-monitoraġġ ta" sajd industrijali fl-UE (COM(2004)0167) li timmira li jiġi stabbilit monitoraġġ trasparenti u effettiv ta" ħatt industrijali fil-Komunità kollha,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-17 ta" Mejju 2006 dwar ir-regoli ta" prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibli(11),

–   wara li kkunsidra t-tweġibiet provduti mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel għal mistoqsijiet preżentati mill-Parlament Ewropew fis-26 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0155/2005),

A.   billi hu neċessarju għall-istabilità ta" l-industrija tal-ħut imqadded mitħun u taż-żejt tal-ħut, li kwistjonijiet ta" etika, sostennibilità, tossini, metalli tqal u sustanzi li jniġgzu, li kultant jitqajmu, jiġu ttrattati b'mod koerenti,

B.   billi m'hemm l-ebda evidenza xjentifika li l-użu ta" prodotti tal-ħut fl-għalf ta" l-annimali jista" jittrażmetti BSE jew TSEs; billi kontrolli stretti regolatorji, flimkien ma" investiment estensiv mill-industrija, żguraw is-sikurezza tal-katina ta" l-ikel minn kontaminazzjoni ta" dijossini u ta" PCBs simili għal dijossini,

C.   billi minħabba metodi uffiċjali mtejba m'hemm l-ebda riskju ta" konfużjoni tal-preżenza ta" laħam mammiferu u ta" għadam mitħun ma' ħut imqadded mitħun,

D.   billi l-ħut imqadded mitħun fih ħafna aċidi amino essenzjali, u ż-żejt tal-ħut u l-ħut imqadded mitħun fihom ħafna aċidi tax-xaħam li jipprovdu benefiċċji ta" saħħa u ta" ġid kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali,

E.   billi, għalkemm hemm diversi opinjonijiet dwar l-effetti ta" sajd industrijali u mhux ta" min joqgħod ħafna fuq sorsi waħdiena ta" informazzjoni, ir-riżultati ta" l-istudju ta" l-2004 ta" l-ICES indikaw li l-impatt tas-sajd industrijali fuq l-ekosistemi marini hu relattivament żgħir meta mqabbel ma" l-effetti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem,

F.   billi, minkejja dan, għandha titkompla r-riċerka dwar l-impatt tas-sajd industrijali fuq l-ekosistemi marini u fuq l-ambjent aktar wiesa',

G.   billi l-pajjiżi u r-reġjuni kollha li jfornu lill-UE bil-ħut imqadded mitħun jappoġġjaw u jimplimentaw il-Linji Gwida Tekniċi għal Sajd Responsabbli tal-FAO,

H.   billi l-karta ta" ħidma ta" l-2004 tad-DĠ għar-Riċerka tgħid li fl-ilmijiet ta" l-UE, il-biċċa l-kbira ta" l-ispeċi fil-mira, li għalihom hemm dejta disponibbli, huma meqjusa fil-limiti bijoloġiċi ta" sikurezza,

I.   billi l-industrija tal-ħut imqadded mitħun u taż-żejt tal-ħut għandha importanza globali, timpjega madwar 2 222 persuna b'mod dirett u madwar 30 000 oħra b'mod indirett fl-Ewropa u aktar minn 100 000 persuna fil-Peru, l-akbar produttur u esportatur tal-ħut imqadded mitħun,

J.   billi l-ħut imqadded mitħun u ż-żejt tal-ħut huma ta" importanza kruċjali bħala għalf għall-ħut imrobbi fl-irziezet fis-settur ta" l-akwakoltura li dejjem qed jikber ta" l-UE,

1.  Jirrikonoxxi li bħalissa l-Kummissjoni qed tapplika l-prinċipju li twaqqaf TACs u kwoti skond ċertu kriterji xjentifiċi u tikkonsidra l-użu ta" ħut la darba jkun tniżżel l-art bħala kwistjoni ekonomika u mhux kwistjoni ta" konservazzjoni;

2.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni dwar it-titjib fil-monitoraġġ tas-sajd industrijali fl-UE;

3.  Jenfasizza l-importanza li titkompla r-riċerka dwar l-impatt tas-sajd industrijali u l-effetti tiegħu fuq sajd ieħor kif ukoll fuq l-ambjent tal-baħar, bl-għan li l-attivitajiet kollha tas-sajd jinżammu fuq livell sostenibbli u li jkunu ta' profit għas-sajjieda li jagħmlu użu minn tekniki li jħallu l-anqas impatt fuq l-ambjent;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid ir-riċerka xjentifika dwar l-imsell kaħlani sabiex ikollha parir u mmaniġġjar aħjar fil-futur qarib ;

5.  Jenfasizza l-problema ta" rimi mis-sajd tal-baħar, billi huwa stmat li hemm miljun tunellata ta' rimi fis-sena fis-sajd Ewropew;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studji u/jew proġetti pilota biex jinvestigaw is-sitwazzjoni ta" bħalissa rigward ir-rimi u l-possibiltà ta' l-użu tiegħu mis-settur industrijali tas-sajd sabiex, taħt l-ebda ċirkustanza, ma jwassal għal sfruttament esaġerat tar-riżorsi;

7.  Jissuġġerixxi li l-użu ta' rimi mill-industrija tal-ħut imqadded mitħun u taż-żejt tal-ħut għandhu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni f'relazzjoni mill-qrib mal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament minħabba l-espansjoni mgħaġġla tas-settur ta" akwakoltura ta" l-UE;

8.  Jenfasizza fuq l-kontrolli li jeżistu fl-UE biex jillimitaw il-preżenza ta' sustanzi mhux mixtieqa u kontaminanti fl-għalf ta' l-annimali, li jiżġuraw li l-livelli ta' ħut imqadded mitħun u ta' żejt tal-ħut jibqgħu fil-limiti, u jilqa" b'sodisfazzjon l–investiment ta" EUR 25 miljun mill-industrija tal-ħut imqadded mitħun u taż-żejt tal-ħut fid-Danimarka u fir-Renju Unit, bl-għan li jiġu eliminati dijossini u PCBs simili għad-dijossini u jiġi żġurati prodotti sikuri u tajbin għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmoniterjaw mill-qrib l-applikazzjoni tal-kontrolli eżistenti;

9.  Jinnota b'approvazzjoni li dan l-investiment mill-industrija sar bil-qalb minkejja n-nuqqas ta' adozzjoni mill-UE tal-prinċipju "min iniġġes iħallas";

10.  Jenfasizza l-bżonn għall-industrija li tapplika l-prinċipju ALARA (As Low As Reasonably Achievable - baxxi daqs kemm jistgħu jinkisbu b'mod raġjonevili) il-ħin kollu fejn ikollhom x'jaqsmu d-dijossini u l-PCBs simili għad-dijossini.

11.  Jitlob li jkun hemm analiżi xjentifika biex jiġu determinati valuri ta" limitu aċċettabbli għad-dijossini fil-ħut imqadded mitħun użat għall-għalf tal-ħnieżer u tat-tiġieġ;

12.  Jenfasizza li m'hemm l-ebda evidenza xjentifika li tappoġġja l-projbizzjoni totali ta' l-użu tal-ħut imqadded mitħun bħala għalf fuq il-bażi li jista" jittrażmetti BSE jew TSEs oħra;

13.  Jinnota li r-Regolament (KE) Nru 1923/2006 jipprojbixxi l-għalf tal-proteina ta' l-annimali lill-annimali li jixtarru, iżda jippermetti lill-Kummissjoni biex tagħti derogi għal għalf ta' ħut imqadded mitħun lill-annimali li jixtarru ta' età żgħira, dejjem jekk derogi bħal dawn ikunu bbażati fuq analiżi xjentifika tal-ħtiġijiet dijetetiċi ta' annimali li jixtarru ta' età żgħira u jsegwu analiżi ta' l-aspetti ta' kontroll;

14.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija adottata fis-17 ta' Mejju 2006, li stipulat, fir-rigward ta' l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, għal deroga li tippermetti, f'ċerti ċirkostanzi, l-għalf ta' annimali żgħar ta' speċi li jixtarru bi proteini derivati mill-ħut;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ineħħu l-projbizzjoni tal-ħut imqadded mitħun u taż-żejt tal-ħut li jingħata bħala ikel lil annimali li jixtarru;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 306, 7.12.2000, p. 32.
(2) ĠU L 173, 11.7.2003, p. 6.
(3) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 722/2007 (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 7).
(4) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 1.
(5) ĠU L 205, 6.8.2005, p. 3.
(6) ĠU L 339, 24.12.2003, p. 78.
(7) ĠU C 174 E, 14.7.2005, p. 178.
(8) ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/77/KE (ĠU L 271, 30.9.2006, p.53).
(9) ĠU L 151, 19.6.2003, p. 38.
(10) ĠU L 285, 1.11.2003, p. 33.
(11) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 219.

Avviż legali - Politika tal-privatezza