Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/0196(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0246/2007

Testi mressqa :

A6-0246/2007

Dibattiti :

PV 10/07/2007 - 5
CRE 10/07/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 11/07/2007 - 7.10
CRE 11/07/2007 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0336

Testi adottati
PDF 626kWORD 240k
L-Erbgħa, 11 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Servizzi postali tal-Komunità ***I
P6_TA(2007)0336A6-0246/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità (COM(2006)0594 – C6-0354/2006 – 2006/0196(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2006)0594)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0354/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0246/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Lulju 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE, dwar it-twettiq komplet tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità
P6_TC1-COD(2006)0196

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni║,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 1994 dwar l-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji(4), il-Kunsill identifika bħala waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika postali Komunitarja, ir-rikonċiljazzjoni tal-ftuħ gradwali u kkontrollat tas-suq postali għal kompetizzjoni, b'garanzija sostenibbli tal-provvista tas-servizz universali.

(2)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz(5), stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f'livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali u jiġu stabbiliti limiti massimi għas-servizzi postali li Stati Membri jistgħu jirriservaw għall-fornitur(i) tas-servizz universali tagħhom bl-iskop li jinżamm is-servizz universali, li għandhom jitnaqqsu b'mod gradwali u progressiv, u skeda biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ulterjuri tas-suq għall-kompetizzjoni, għall-iskopijiet tal-ħolqien tas-suq uniku fis-servizzi postali.

(3)  L-Artikolu 16 tat-Trattat ║ jenfasizza r-rwol li għandhom is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' koeżjoni soċjali u territorjali. Dan jistipula li għandha tingħata attenzjoni biex dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.

(4)  L-irwol pożittiv tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ġie enfasizzat permezz tal-Eurobarometer Speċjali 219 ta' Ottubru 2005, li indika li s-servizzi postali huma s-servizzi l-aktar apprezzati ta' interess ekonomiku ġenerali skond l-utenti fl-UE, fejn 77% ta' dawk li ġew intervistati irrispondew b'mod pożittiv.

(5)  Minħabba li dawn jikkostitwixxu strument essenzjali għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta' tagħrif, is-servizzi postali għandhom irwol importanti li jikkontribwixxi għall-objettivi ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE.

(6)  Il-miżuri f'dan il-qasam għandhom ikunu mfassla b'tali mod li l-kompiti li l-Artikolu 2 tat-Trattat ║jassenja lill-Komunità, jiġifieri, li tippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli ta' l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta' impjieg u ta' ħarsien soċjali, it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta' kompetittività u konverġenza fl-operazzjoni ekonomika, it-titjib tal-livell ta' l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri jikkostitwixxu għanijiet li għandhom jintlaħqu.

(7)  Is-swieq postali Ewropej għaddew minn bidliet drammatiċi f'dawn l-aħħar snin, żvilupp li ngħata spinta permezz tal-progress teknoloġiku u ż-żieda fil-kompetizzjoni bħala riżultat tad--deregolamentazzjoni. Minħabba l-globalizzazzjoni, huwa essenzjali li wieħed jieħu pożizzjoni proattiva u favur l-iżvilupp sabiex iċ-ċittadini ta' l-UE ma jiġux imċaħħda mill-benefiċċji ta' bidliet bħal dawn.

(8)  Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar ir-reviżjoni intermedja ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 tenna l-importanza tat-tlestija s-suq intern bħala strument għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' iktar impjiegi ta' kwalità aħjar, u r-rwol importanti li għandhom is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali f'ekonomija dinamika u kompetittiva. Dawn il-konklużjonijiet jibqgħu applikabbli għas-servizzi postali, bħala strument essenzjali ta' komunikazzjoni, kummerċ, u koeżjoni soċjali u territorjali.

(9)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Posta(6) enfasizzat l-importanza soċjali u ekonomika ta' servizzi postali effiċjenti u r-rwol importanti tagħhom fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u indikat li miżuri ta' riforma adottati s'issa ġġeneraw żviluppi pożittivi sinifikanti fis-settur postali, flimkien ma' aktar kwalità, aktar effiċjenza u orjentament aħjar lejn il-ħtiġijiet tal-klijent. Fir-riżoluzzjoni tiegħu il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' l-iżviluppi li xi drabi huma diverġenti b'mod evidenti fl-obbligi tas-servizz universali fl-Istati Membri, biex tikkonċentra b'mod partikulari, meta tkun qed tfassal l-istudju prospettiv tagħha, fuq il-kwalità tas-servizz universali li jkun qed jiġi pprovdut u fuq il-finanzjament futur tiegħu u biex tipproponi, fil-kuntest ta' dak l-istudju, definizzjoni, kamp ta' applikazzjoni u iffinanzjar xieraq għas-servizz universali. Hu innota wkoll li n-networks postali għandhom dimensjonijiet territorjali u soċjali insostitwibbli li jagħmlu possibbli l-aċċess universali għas-servizzi lokali essenzjali.

(10)  Skond id-Direttiva 97/67/KE, twettaq studju prospettiv li jistma, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009. Il-Kummissjoni għamlet ukoll reviżjoni dettaljata tas-settur postali Komunitarju, inkluż il-kummissjonar ta' studji dwar l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi fis-settur u kkonsultat estensivament ma' partijiet interessati.

█L-istudju prospettiv jiddikjara li l-għan bażiku għas-salvagwardja tal-provvista sostenibbli ta' servizz universali li taqbel mal-kondizzjonijiet ta' kwalità definiti mill-Istati Membri skond id-Direttiva 97/67/KE jista' jkun żgurat fil-Komunità kollha sa l-2009 mingħajr il-ħtieġa ta' żoni riżervati.

(12)  Bil-ftuħ gradwali u progressiv tas-swieq postali għall-kompetizzjoni, il-fornituri tas-servizz universali kellhom żmien biżżejjed biex iwettqu miżuri ta' modernizzazzjoni u u ristrutturar meħtieġa biex jiggarantixxu l-vijabilità tagħhom għat-tul fil-kondizzjonijiet il-ġodda tas-suq, kif ukoll ippermetta lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi ta' regolamentazzjoni tagħhom għal ambjent iżjed miftuħ. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japprofittaw mill-perjodu tat-traspożizzjoni kif ukoll miż-żmien neċessarju għall-introduzzjoni ta' kompetizzjoni effettiva, biex ikomplu, jekk ikun il-każ, bil-modernizzazzjoni u r-ristrutturar tal-fornituri tas-servizz universali.

(13)  L-istudju prospettiv juri li ż-żona riżervata ma għandhiex tikkostitwixxi s-soluzzjoni ppreferuta għall-finanzjament tas-servizz universali. Din il-valutazzjoni tqis l-interess tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-tlestija tas-suq intern u l-potenzjal tagħha biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi, kif ukoll tiggarantixxi d-disponibilità ta' servizz effiċjenti ta' interess ekonomiku ġenerali għall-konsumaturi kollha. █

(14)  Hemm għadd ta' forzi għal bidla fis-settur postali, speċjalment id-domanda u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti, it-tibdil organizzattiv, l-awtomatizzazzjoni u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, sostituzzjoni b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi u l-ftuħ tas-suq. Sabiex ilaħħqu mal-kompetizzjoni u mal-ħtiġijiet ġodda tal-konsumatur u biex jiżguraw sorsi ġodda ta' finanzjament, is-servizzi postali jistgħu jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom billi jipprovdu servizzi elettroniċi ta' negozju jew servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika.

(15)  Il-fornituri tas-servizzi postali, inklużi l-fornituri nominati tas-servizz universali, qed jitħeġġu sabiex itejbu l-effiċjenza b'riżultat ta' sfidi kompetittivi ġodda li huma differenti mis-servizzi postali tradizzjonali (bħad-diġitalizzazzjoni u l-komunikazzjoni elettronika) u dan fih innifsu jikkontribwixxi għal żieda qawwija fil-kompetittività.

(16)  Il-ftuħ progressiv tas-suq jista', jekk ikun ippreparat bir-reqqa, jgħinhom jespandu d-daqs globali tagħhom; jista' jkompli jikkontribwixxi wkoll, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw in-newtralità kompetittiva, biex l-impjiegi jibqgħu sostenibbli u ta' kwalità fi ħdan il-fornituri tas-servizz universali kif ukoll se jiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'operaturi oħrajn, f'dawk li daħlu fis-suq għall-ewwel darba u fis-setturi ekonomiċi assoċjati. Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri biex jirregolaw il-kundizzjonijiet ta' l-impjiegi fis-settur tas-servizzi postali li, madankollu, m'għandiex twassal għal kompetizzjoni inġusta. Fil-preparazzjoni tal-ftuħ tas-suq postali, għandhom jitqiesu kif xieraq il-konsiderazzjonijiet soċjali, b'mod partikulari fir-rigward ta' persunal li preċedentement kien involut fil-forniment tas-servizzi postali.

(17)  Barra minn hekk, iż-żieda fil-kompetittività għandha tippermetti li s-settur postali jiġi integrat b'metodi alternattivi ta' komunikazzjoni u tippermetti titjib fil-kwalità tas-servizz provdut lil konsumaturi li kull ma jmur qed isiru aktar esiġenti. Il-ftuħ ulterjuri tas-suq ikompli jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u, b'mod partikulari, għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, kemm bħala dawk li jibagħtu u kif ukoll bħala dawk li jirċievu l-posta, permezz ta' titjib fil-kwalità, għażla usa', tnaqqis fil-prezz li jiġi ttrasferit fuq l-utenti, servizzi innovattivi u mudelli kummerċjali. Is-suq postali ta' llum jifforma parti mis-suq ikbar għall-messaġġi, inklużi l-messaġġi elettroniċi, li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tas-suq.

(18)  In-network postali rurali f'reġjuni, inter alia, ta' muntanji u gżejjer, għandu irwol importanti fl-integrazzjoni tan-negozji fl-ekonomija nazzjonali/globali u fiż-żamma ta' koeżjoni f'termini soċjali u ta' impjieg. Barra minn hekk, l-uffiċji postali rurali f'reġjuni ta' muntanji jew gżejjer jistgħu jipprovdu network ta' infrastruttura essenzjali għall-aċċess universali għat-teknoloġiji ġodda tat-telekomunikazzjoni.

(19)  L-iżviluppi fis-swieq tal-komunikazzjoni ġirien kellhom impatt varju fuq ir-reġjuni differenti tal-Komunità, u s-segmenti differenti tal-popolazzjoni u l-użu tas-servizzi postali. Il-koeżjoni territorjali u soċjali għandha tinżamm u filwaqt li jitqies li l-Istati Membri jistgħu jadattaw xi karatteristiċi speċifiċi tas-servizz għad-domanda lokali billi japplikaw il-flessibilità li toffrilhom id-Direttiva 97/67/KE, jixraq li jinżamm bis-sħiħ is-servizz universali u r-rekwiżiti ta' kwalità assoċjati miegħu stabbiliti fid-Direttiva msemmija. Jeħtieġ, biex il-ftuħ tas-swieq postali jkompli jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha, u partikolarment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jissorveljaw l-iżviluppi fis-suq. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri regolatorji xierqa, disponibbli skond id-Direttiva, biex jiggaranttixxu li l-aċċessibilità tas-servizzi postali tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, billi jiżguraw, jekk ikun il-każ, numru minimu ta' servizzi fl-istess punt ta' aċċess, u, b'mod partikulari. li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fid-densità tal-punti ta' aċċess għas-servizzi postali f'reġjuni rurali u remoti. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jintroduċu u jinfurzaw pieni xierqa għal fornituri ta' servizzi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi tagħhom.

(20)  Is-servizz universali żgurat permezz tad-Direttiva 97/67/KE, jiggarantixxi l-ġbir ta' oġġetti postali u l-kunsinna għad-dar jew is-sede ta' kull persuna fiżika jew ġuridika kull jum tax-xogħol, anki f'żoni remoti jew b'popolazzjoni mifruxa.

(21)  It-terminu 'utenti' jinkludi konsumaturi individwali u entitajiet kummerċjali li jużaw is-servizzi universali, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fid-Direttiva 97/67/KE.

(22)  Il-forniment ta' servizzi postali ta' kwalità għolja jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kisba ta' l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u territorjali. B'mod partikulari, il-kummerċ elettroniku joffri opportunitajiet ġodda għal żoni remoti jew b'popolazzjoni mifruxa biex jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika, u servizzi postali tajbin huma prerekwiżit importanti għal dan.

(23)  Id-Direttiva 97/67/KE stabbiliet preferenza biex il-provvista ta' servizz universali ssir permezz ta' nomina tal-fornituri tas-servizz universali. L-iżvilupp ta' aktar kompetizzjoni u għażla tfisser li l-Istati Membri għandhom ikollhom aktar flessibilità fil-possibilità li jagħżlu l-mekkaniżmi li jqisu l-iktar effiċjenti u xierqa biex jiggarantixxu d-disponibilità tas-servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' oġġettività, trasparenza, non-diskriminazzjoni, proporzjonalità u xkiel minimu għas-suq meħtieġa biex jiżguraw il-provvista libera tas-servizzi postali fis-suq intern. L-Istati Membri jistgħu japplikaw waħda jew bosta mill-għażliet li ġejjin: provvista tas-servizz universali mill-forzi tas-suq, nomina ta' impriża jew impriżi biex joffru elementi differenti tas-servizz universali jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju nazzjonali u permezz ta' kuntratti pubbliċi. F'każ li Stat Membru jiddeċiedi li jinnomina impriża waħda jew aktar għall-forniment tas-servizz universali jew għall-forniment tal-komponenti varji tas-servizz universali, għandu jiġi żgurat li fornituri tas-servizz universali oħra jikkonformaw ukoll mal-kondizzjonijiet ta' kwalità tas-servizz universali.

(24)  Huwa importanti li l-utenti jinżammu totalment infurmati dwar is-servizzi universali offruti u li l-impriżi li joffru servizzi postali jkunu jafu bid-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur(i) tas-servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-konsumaturi jinżammu totalment infurmati bil-karatteristiċi tas-servizzi offruti u bl-aċċessibilità tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jaraw li informazzjoni bħal din tkun disponibbli. Għaldaqstant, jixraq li, b'koerenza ma' aktar flessibilità għall-Istati Membri, biex dawn jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali b'modi oħrajn barra min-nomina tal-fornitur(i) tas-servizz universali, lill-Istati Membri titħallielhom flessibilità biex jiddeċiedu kif din l-informazzjoni tasal għand il-pubbliku.

(25)  Fid-dawl ta' l-istudji mwettqa u bil-għan li jitqanqal il-potenzjal sħiħ tas-suq intern tas-servizzi postali, jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi garantit il-finanzjament tas-servizz universali. Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri huwa xieraq li l-aħħar ta' l-2010 jiġi stabbilit bħala d-data aħħarija għat-tneħħija tad-drittijiet esklussivi fis-settur postali.

(26)  Il-finanzjament estern ta' l-ispejjeż residwi netti għad jista' jkun meħtieġ għal xi Stati Membri. Għalhekk, jixraq li jiġu speċifikati biċ-ċar, safejn hu neċessarju u ġustifikat adegwatament, l-alternattivi disponibbli għall-finanzjament tas-servizz universali, filwaqt li lill-Istati Membri titħallielhom l-għażla tal-mekkaniżmi finanzjarji li għandhom jintużaw. Dawn l-alternattivi jinkludu l-użu ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku, inklużi proċeduri nnegozjati b'mod dirett, u, kull meta l-obbligi ta' servizz universali jinvolvu spejjeż netti u jirrappreżentaw piż inġust għall-impriża nnominata, kumpens pubbliku u qsim ta' l-ispejjeż bejn il-fornituri u/jew konsumaturi, f'modi trasparenti u permezz ta' kontribuzzjonijiet lejn fond ta' kumpens. L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħra ta' finanzjament permessi mid-Dritt Komunitarju, pereżempju billi jiddeċiedu li l-profitti maqlugħa minn attivitajiet oħra tal-fornituri tas-servizz universali barra mill-ambitu tas-servizzi universali għandhom imorru, totalment jew parzjalment, għall-finanzjament ta' l-ispejjeż netti tas-servizz universali, dejjem sakemm dawn ikunu kompatibbli ║mad-Direttiva 97/67/KE. Bla ħsara għall-obbligu ta' l-Istati Membri li josservaw ir-regoli tat-Trattat applikabbli għall-għajnuna ta' l-istat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pjanijiet tagħhom rigward il-finanzjament ta' kwalunkwe spejjeż netti tas-servizz universali, li għandhom ikunu riflessi fir-rapport regolari li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.

(27)  L-impriżi li joffru servizzi li jistgħu ikunu sostitut għas-servizz universali għandhom ikunu mitluba jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali f'każijiet fejn ikun hemm dispożizzjoni għal fond ta' kumpens. Sabiex jiġu ddeterminati liema impriżi huma kkonċernati, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi offruti minn dawn l-impriżi, mill-perspettiva tal-konsumatur, jistgħux jitqiesu bħala sostitut għas-servizz universali, billi jittieħed kont tal-karatteristiċi tagħhom, inkluż aspetti li jġibu magħhom valur miżjud, u l-użu li għalih huma maħsuba. Biex dawn is-servizzi jitqiesu bħala sostitut, ma għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, pereżempju kunsinna ta' kuljum jew kopertura nazzjonali totali, kemm-il darba jkunu jkopru ta' l-inqas waħda mill-karatteristiċi tas-servizzi pprovduti taħt is-servizz universali, servizzi espress u ta' courier m'humiex meqjusa bħala servizzi li huma sostitut għas-servizz universali. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, fid-determinazzjoni tal-kontribut, mitlub lil dawn l-impriżi, għall-ispejjeż tal-provvista tas-servizz universali fi Stat Membru, l-Istati Membri għandom jużaw kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji. █

(28)  Il-prinċipji ta' trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità msemmija fid-Direttiva 97/67/KE għandhom ikomplu jiġu applikati għal kwalunkwe mekkaniżmu ta' finanzjament u kwalunkwe deċiżjoni f'dan il-qasam tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u verfikabbli. B'mod partikolari, l-ispiża netta tas-servizz universali għandha tkun ikkalkolata, taħt ir-responsabilità ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja, bħala d-differenza bejn l-ispejjeż netti ta' impriża nominata li hija suġġetta għall-obbligi tas-servizz universali u impriża oħra li mhijiex suġġetta għall-obbligi tas-servizz universali. Fil-kalkolu għandu jitqies kull element relevanti ieħor, inkluż kwalunkwe benefiċċju tas-suq li taqla' impriża nominata biex tipprovdi servizz universali, id-dritt għal profitt raġonevoli u l-inċentivi għall-effiċjenza f'termini ta' spejjeż. Sabiex tiġi evitata inċertezza legali u biex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dettaljata dwar kif għandha tiġi kkalkulata l-ispiża netta tas-servizz universali.

(29)  Huwa xieraq li dawk l-Istati Membri li ngħaqdu mal-proċess ta' riforma postali fi stadju aktar tard, jew l-Istati Membri b'topografija partikolarment diffiċli, speċjalment dawk b'numru kbir ta' gżejjer, tingħatalhom il-possibilità ta' perjodu tranżistorju ulterjuri ta' sentejn għat-tneħħija tad-drittijiet esklussivi u speċjali, suġġett għal notifika lill-Kummissjoni. Filwaqt li jitqies dan il-perjodu eċċezzjonali, huwa xieraq ukoll, għal perjodu ta' żmien limitat u għal numru limitat ta' servizzi, li dawk l-Istati Membri li jkunu fetħu kompletament is-swieq tagħhom ikunu jistgħu jirrifjutaw li monopolji li joperaw fi Stat Membru ieħor joperaw fit-territorju tagħhom stess.

(30)  L-Istati Membri għandhom jiħallew jużaw sistema ta' awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta' liċenzji individwali kull darba li jkun neċessarju u proporzjonat għall-għan mixtieq. Madankollu, kif enfasizzat fit-tielet Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE, aktar armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jistgħu jiddaħħlu tidher neċessarja biex tnaqqas l-ostakli inġustifikati għall-provvista tas-servizzi fis-suq intern. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jippermettu lill-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu ta' servizz jew servizzi universali li huma meqjusa bħala sostituti, biex jagħżlu bejn l-obbligu li jipprovdu servizz jew jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta' dan is-servizz mogħti minn impriża oħra, iżda ma għandux ikun iktar permess li jiġi impost, minn naħa, ir-rekwiżit simultanju li tikkontribwixxi f'mekkaniżmu ta' qsim ta' l-ispejjeż, u min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta' obbligi ta' servizz universali jew fil-qasam tal-kwalità li huma maħsuba li jaqdu l-istess għan. Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li wħud mid-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji ma għandhomx japplikaw għall-fornituri tas-servizz universali nominati.

(31)  F'kuntest fejn bosta impriżi postali joffru servizzi fi ħdan il-qasam tas-servizz universali, jixraq li li l-Istati Membri kollha jkunu meħtieġa li jivvalutaw jekk ċerti elementi ta' l-infrastruttura postali jew ċerti servizzi ġeneralment offruti mill-fornituri tas-servizz universali għandhomx ikunu miftuħa għal operaturi oħrajn li joffru servizzi simili, sabiex tkun promossa kompetizzjoni effettiva u/jew jitħarsu l-utenti u l-konsumaturi billi l-kwalità globali tas-servizz postali tkun garantita. Fejn jeżistu diversi fornituri ta" servizz universali b'networks postali reġjonali, l-Istati Membri għandhom jevalwaw ukoll u, fejn meħtieġ, jiżguraw l-interoperabilità tagħhom sabiex ma jħallux li jkun hemm ostakli għat-trasport malajr ta" oġġetti postali. Billi l-istatus ġuridiku u s-sitwazzjoni tas-suq ta' dawn l-elementi jew servizzi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu biss obbligati jadottaw deċiżjoni infurmata dwar il-ħtieġa, il-firxa u l-għażla ta' l-istrument regolatorju, inkluż, jekk ikun il-każ, għal dak li għandu x'jaqsam mal-qsim ta' l-ispejjeż. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri biex jiggarantixxu aċċess għan-network postali pubbliku f'kondizzjonijiet ta' trasparenza u non-diskriminazzjoni.

(32)  Fid-dawl ta' l-importanza tas-servizzi postali għal persuni għomja u b'vista mnaqqsa, jixraq li jiġi konfermat li f'suq kompetittiv u liberalizzat m'għandux ikun hemm obbligu fuq ║ l-Istati Membri ta' provvista ta' █servizzi b'xejn ║għall-persuni għomja u b'vista mnaqqsa.█

(33)  F'kuntest ta' kompetizzjoni qawwija, huwa importanti li jiġi żgurat li l-fornituri ta' servizzi universali jingħataw il-flessibilità meħtieġa fl-ipprezzar biex jiġi garantit il-forniment ta' servizz universali li jkun vijabbli b'mod finanzjarju. Għalhekk, huwa importanti li f'każijiet limitati biss jiġi żgurat li l-Istati Membri jimponu tariffi li jitbiegħdu mill-prinċipju li l-prezzijiet jirriflettu d-domanda u l-ispejjeż kummerċjali normali. Biex dan isir, jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jkunu awtorizzati li jżommu tariffi uniformi għall-tariffa postali bil-biċċa, li hu s-servizz użat l-iktar ta' spiss mill-konsumaturi u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. L-Istati Membri individwali jistgħu wkoll jkomplu japplikaw tariffi uniformi għal xi oġġetti postali oħra, għal raġunjiet marbuta mal-ħarsien ta' l-interess pubbliku ġenerali, bħall-aċċess għall-kultura jew il-koeżjoni soċjali u reġjonali. Il-prinċipju ta' l-ipprezzar skond l-ispiża m'għandux iwaqqaf lill-operaturi responsabbli għall-forniment tas-servizz universali milli japplikaw tariffi uniformi għal servizzi li jiġu pprovduti bħala parti minn dak is-servizz universali.

(34)  Huwa meħtieġ li l-forniment, minn fornituri ta' servizz universali, ta' servizzi għan-negozji, għal dawk li jibagħtu kwantitajiet kbar ta' oġġetti bil-posta u għall-konsolidaturi tal-posta minn klijenti differenti, ikun suġġett għal kundizzjonijiet ta' tariffi aktar flessibbli.

(35)  Fid-dawl tat-tranżizzjoni lejn suq totalment kompetittiv u sabiex ikun żgurat li cross-subsidies mis-servizzi universali għas-servizzi mhux universali ma jaffettwawx ħażin il-vantaġġ kompetittiv ta" dawn ta" l-aħħar, jixraq li l-Istati Membri jkomplu jkunu meħtieġa li jibqgħu jżommu l-obbligu li l-fornituri tas-servizz universali jżommu kontijiet separati u trasparenti, suġġetti għall-adattamenti meħtieġa. Dan l-obbligu għandu jipprovdi l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni u l-Kummissjoni bit-tagħrif meħtieġ għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-servizz universali u għall-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet ġusti tas-suq sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għall-applikazzjoni armonizzata ta' dawn ir-regoli billi jkomplu jiżviluppaw kriterji ta' referenza u linji gwida f'dan il-qasam.

(36)  F'konformità mar-regoli fis-seħħ f'oqsma oħra tas-settur tas-servizzi u bil-għan li l-konsumatur jitħares aktar, jixraq li titwessa' l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi dwar il-proċeduri ta' lment lil hinn mill-fornituri tas-servizz universali. Bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-proċeduri f'dan il-qasam, jeħtieġ li d-Direttiva 97/67/KE tinkoraġġixxi l-użu ta' proċeduri ta' soluzzjoni bonarja tat-tilwim, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998 rigward il-prinċipji applikabbli għall-korpi involuti fis-soluzzjoni bonarja tat-tilwim tal-konsumaturi(7) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE ta' l-4 ta' April 2001 rigward il-prinċipju għall-korpi extraġudizzjarji involuti fis-soluzzjoni konsenswali tat-tilwim tal-konsumaturi(8). Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu wkoll ikompli jissaħħaħ permezz ta' l-interoperabilità ta' l-operaturi minħabba l-aċċess għal ċerti elementi ta' infrastruttura u servizzi, kif ukoll ir-rekwiżit għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-korpi għall-ħarsien tal-konsumatur. Sabiex jitħarsu l-interessi ta' l-utenti postali f'każ ta' serq jew telf ta" oġġetti postali, jew f'kaz li dawn l-oġġetti jġarrbu xi ħsara, l-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema ta' rimborż u/jew kumpens.

(37)  Jixraq li d-dispożizzjoni dwar is-setgħat ta' implimentazzjoni tiġi emendata biex tirrifletti l-emendi li saru għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(9).

(38)  Il-kumitat li jassisti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE għandu jimmonitorja l-iżvilupp tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiġi garantit is-servizz universali, u b'mod partikulari l-effetti attwali u prevedibbli ta' tali miżuri fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali. Minħabba l-importanza partikulari li l-ftuħ tas-suq tas-servizzi postali għandu f'termini ta' koeżjoni reġjonali, dak il-kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti mhux biss ta' l-Istati Membri iżda wkoll ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' kull Stat Membru.

(39)  Ir-rwol ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji aktarx li jibqa' kruċjali, partikolarment f'dawk l-Istati Membri fejn it-tranżizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha mhux lesta. Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji b'hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta' l-indipendenza hija bla ħsara għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta' l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stipulata fl-Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu mogħnija bir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta' impjegati, għarfien espert, u mezzi finanzjarji, għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

(40)  Minħabba li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji sikwit jinvolvi korpi nazzjonali differenti, jixraq li tiddaħħal trasparenza fl-allokazzjoni tal-kompiti u li l-korpi responsabbli għar-regolamentazzjoni tas-settur, għall-applikazzjoni tal-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-kwistjonijiet dwar il-konsumatur, jiġu obbligati jikkooperaw bejniethom bil-għan li jiggarantixxu aħjar it-tlestija effikaċi ta' xogħolhom.

(41)  Kwalunkwe parti li hija s-suġġett ta' deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta' appell lil korp li jkun indipendenti minn dik l-awtorità. Dan il-korp jista' jkun qorti. Din il-proċedura ta' appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji u għad-drittijiet ta' entitajiet ġuridiċi jew persuni fiżiċi skond il-liġi nazzjonali. Sakemm jintemmu dawn il-proċeduri, jeħtieġ li tkun żgurata l-validità temporanja tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika u dik tas-suq.

(42)  L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom █jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom mal-korpi regolatorji ta' l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skond ║id-Direttiva 97/67/KE. Dan għandu jippromwovi l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali u jgħin biex tintlaħaq koerenza fl-applikazzjoni, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, partikolarment meta l-liġi nazzjonali li timplimenta d-dritt Komunitarju tagħti l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji setgħat diskrezzjonali konsiderevoli għall-applikazzjoni tar-regoli kkonċernati. Din il-kooperazzjoni tista' ssir, fost oħrajn, fil-Kumitat imwaqqaf minn din id-Direttiva ║jew f'grupp li jlaqqa' r-regolaturi Ewropej. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema korpi huma l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

(43)  L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom il-ħtieġa li jiġbru tagħrif mill-parteċipanti fis-suq sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effikaċi. Il-talbiet għal tagħrif għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi. Jista' jkun hemm il-ħtieġa wkoll li dak it-tagħrif jinġabar mill-Kummissjoni, biex tippermettilha taqdi l-obbligi kollha tagħha skond id-dritt Komunitarju.

(44)  Sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jibqgħu infurmati dwar l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali, il-Kummissjoni għandha regolarment tissottometti rapporti lil dawk l-istituzzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.

(45)  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza lill-Istati Membri dwar l-aspetti varji ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(46)  Din id-Direttiva m'għandiex taffetwa il-pattijiet u l-kundizzjonijiet ta' l-impjiegi, inklużi l-perjodi massimi ta' ħidma u l-perjodi minimi ta' mistrieħ, il-minimu ta' vaganzi annwali mħallsa, ir-rati minimi ta' ħlas u kif ukoll is-saħħa, is-sikurezza u l-indafa fuq ix-xogħol, li l-Istati Membri japplikaw f'konformità mal-liġi Komunitarja, u l-anqas ma għandha taffetwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali inkluż id-dritt li jinnegozjaw u jilħqu ftehimiet kollettivi, id-dritt ta' strike u ta' azzjoni industrijali skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali li huma konformi mal-liġi Komunitarja, u l-anqas ma tapplika għal servizzi pprovduti minn aġenziji ta' xogħol temporanju. Jekk ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-proċeduri ta' awtorizzazzjoni tagħhom.

(47)  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm punti ta' aċċess u ta' kuntatt biżżejjed u li dawn iqisu l-ħtiġijiet ta' l-utenti taz-zoni rurali u ta' dawk b'popolazzjoni mifruxa. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw in-numru minimu ta' punti ta' kuntatt u l-punti ta' aċċess li għandu jkun hemm f'dawn iz-zoni sabiex is-servizz universali jkun garantit.

(48)  Sabiex ikun ikkonfermat il-qafas regolatorju għas-settur, għandha titħassar id-data ta' skadenza tad-Direttiva 97/67/KE. Id-dispożizzjonijiet li ma ġewx emendati b'din id-Direttiva għadhom jibqgħu japplikaw. Is-servizzi li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jirriżervaw, matul perjodu tranżitorju, huma dawk speċifikati fl-Artikolu 7a tad-Direttiva 97/67/KE.

(49)  Ladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, partikolarment il-kisba ta' suq intern għas-servizzi postali, is-salvagwardja ta' livell komuni ta' servizzi universali għall-konsumaturi kollha u l-iffissar ta' prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi postali, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(50)  Id-Direttiva 97/67/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens.

(51)  Din id-Direttiva hija koerenti ma' strumenti Komunitarji attwali oħra li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi. F'każ ta' kunflitt mad-Direttiva ma' dispożizzjoni ta' strument Komunitarju ieħor, partikolarment id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(10), id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jipprevalu u japplikaw bis-sħiħ għas-settur postali.

(52)  Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jinsabu fit-Trattat. Sa fejn il-mekkaniżmi ta' finanzjament ikunu jinvolvu għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta" l-għajnuna Statali, fi kwalunkwe forma, skond it-tifsira fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, din id-Direttiva tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri biex jirrispettaw ir-regoli fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-Trattat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 97/67/KE hija emendata kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 1, it-tieni inċiż għandu jinbidel b'dan li ġej:

"
   - il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi postali,
"

(2)  L-Artikolu 2 għandu jkun emendat kif ġej:

   a) il-punt 6 jinbidel b'dan li ġej:"
   6. oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr mill-fornitur tas-servizz postali. Minbarra l-oġġetti ta' korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll, pereżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b'valur kummerċjali jew mingħajru;

(b)  Il-Punt 19, paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:
(19) rekwiżiti essenzjali: raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jwasslu lil Stat Membru biex jimponi kundizzjonijiet fuq il-forniment tas-servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-networks fir-rigward tat-trasport ta' prodotti perikolużi u l-ħarsien tal-pattijiet u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg u l-iskemi tas-sigurtà soċjali, stipulati bil-liġi, b'regolament jew b'dispożizzjoni amministrattiva u/jew bi ftehima kollettiva nnegozjata bejn imsieħba nazzjonali u, fejn ikun ġustifikat, il-ħarsien tad-data, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-ippjanar reġjonali."
   c) il-punt li ġej għandu jiżdied:"
   20. servizzi pprovduti b'tariffa bil-biċċa: servizzi postali li għalihom it-tariffa hija stabbilita skond it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-fornituri tas-servizz universali għat-trasport ta' oġġetti postali individwali.
"

(3)  Fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(3), it-test introduttorju għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li s-servizz universali huwa garantit kull jum tax-xogħol u mhux anqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief f'ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, u li din tinkludi bħala minimu:

"

(4)  L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 4

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-provvista tas-servizz universali tkun garantita u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu. Il-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 21 għandu jiġi infurmat u għandu jissorvelja l-iżvilupp tal-miżuri stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw il-provvista tas-servizz universali.

2.  L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnominaw impriża waħda jew aktar bħala fornituri tas-servizz universali għal parti jew it-totalità tat-territorju nazzjonali u għal elementi differenti tas-servizz universali. Kull meta jagħmlu hekk, għandhom jistabbilixxu skond il-liġi Komunitarja l-obbligi u d-drittijiet assenjati lilhom u jippubblikawhom. Partikolarment, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet li fihom jingħata s-servizz universali jissejsu fuq il-prinċipji ta' l-oġġettività, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u ta' xkiel minimu għas-suq, u li n-nomina bħala fornituri tas-servizz universali ta' impriża tkun limitata fiż-żmien. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-fornitur(i) tas-servizz universali li huma jinnominaw.

"

(5)  Fl-Artikolu 5(2), "Artikoli 36 u 56" għandu jinbidel għal "Artikoli 30 u 46".

(6)  L-Artikolu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi postali regolarment jingħataw tagħrif dettaljat u aġġornat biżżejjed mill-fornitur(i) tas-servizz universali dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizzi universali offruti, b'referenza speċjali għall-kondizzjonijiet ġenerali ta' aċċess għal dawk is-servizzi kif ukoll il-prezzijiet u l-livelli ta' l-istandard ta' kwalità. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppubblikat b'mod approprjat.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mod kif it-tagħrif jiġi kkomunikat li għandu jkun ippubblikat skond l-ewwel subparagrafu.

"

(7)  Fil-Kapitolu 3, it-titolu għandu jinbidel kif ġej:

"

KAPITOLU 3

Finanzjament garantit tas-servizzi universali

"

(8)  L-Artikolu 7 għandu jinbidel kif ġej:

"

Artikolu 7

1.  B'effett mill-31 ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet speċjali jew esklussivi għat-twaqqif u l-provvista tas-servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-provvista tas-servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 3,4 u 5, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat ║.

2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-finanzjament tas-servizz universali ikun dejjem iggarantit f'suq postali kompletament illiberalizzat. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-passi li bi ħsiebu jieħu sabiex jissodisfa dan l-obbligu.

3.  L-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu l-provvista tas-servizzi universali billi jipprovdu dawn is-servizzi skond ir-regoli applikabbli għall-akkwist pubbliku, u regolamenti inkluża l-possibilità li jiġu nnegozjati u konklużi direttament kuntratti ta' servizz mal-fornituri ta' servizz.

4.  Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta' servizz universali stabbiliti minn din id-Direttiva jinvolvu spejjeż netti u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) tas-servizz universali, huwa għandu jibda' jħaddem wieħed mill-mekkaniżmi dettaljati fil-pjan nazzjonali tiegħu notifikat lill-Kunsill sa l-1 ta' Jannar 2010, u li kien jifforma parti mir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-pjanijiet nazzjonali jistgħu:

   (a) Jintroduċu mekkaniżmu biex jikkompensa lill-impriża/i affettwata/i mill-fondi pubbliċi;
   (b) Jintroduċu mekkaniżmu biex jaqsmu l-ispejjeż netti ta' l-obbligi ta' servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew il-konsumaturi.

5.  Jekk l-ispejjeż netti jinqasmu skond il-paragrafu 4(b), l-Istati Membri jistgħu joħolqu fond ta' kumpens li jista' jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew permezz ta' tariffi applikati lill-konsumaturi, u amministrat għal dan l-iskop minn korp indipendenti mill-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma' l-obbligi tas-servizz universali. Dawk is-servizzi biss imniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b'dan il-mod.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati fit-twaqqif tal-fond ta' kumpens u meta jiġi ffissat il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 4 u 5. Id-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, verifikabbli u magħrufa mill-pubbliku.

"

(9)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 7 a li ġej

"

"Artikolu 7a

Sal-punt li huwa neċessarju biex tiġi żgurata ż-żamma ta' servizz universali, l-Istati Membri li jkunu daħlu fl-UE wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/39/KE* jew l-Istati Membri b'topografija partikularment diffiċli, speċjalment dawk b'numru kbir ta' gżejjer, jistgħu jkomplu, sal-31 ta' Diċembru 2012, jirriżervaw servizzi għal fornitur i ta' servizz universali fil-limiti u skond il-kundizzjonijiet li ġejjin:

   (a) Dawk is-servizzi għandhom ikunu limitati għall-ġbir, il-klassifikazzjoni, it-trasport u l-kunsinna ta' korrispondenza domestika u korrispondenza transkonfinali li tkun dieħla, kemm jekk b'kunsinna mgħaġġla u kif ukoll jekk le, fil-limiti ta' piż u kif ukoll ta' prezz li ġejjin. Il-limitu tal-piż għandu jkun 50 gramma. Il-limitu ta' piż ma għandux japplika jekk il-prezz ikun daqs, jew aktar minn, darbtejn u nofs it-tariffa pubblika għal oġġett ta' korrispondenza fl-ewwel skala ta' piż ta' l-aktar kategorija rapida.

Sal-punt neċessarju sabiex ikun żgurat il-provvediment tas-servizz universali, posta diretta tista' tkompli tkun riżervata fl-istess limiti tal-piż u tal-prezz.

Sal-punt neċessarju sabiex ikun żgurat il-provvediment tas-servizz universali, pereżempju meta ċerti setturi ta" attività postali diġà ġew liberalizzati jew minħabba l-karatteristiċi speċifiċi li huma partikulari għas-servizzi postali fi Stati Membru, posta transkonfinali ħierġa mill-pajjiż tista' tkompli tkun riżervata fl-istess limiti tal-piż u tal-prezz.

   (b) Dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jużaw din il-faċilità ta' tranżizzjoni eċċezzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu hekk sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva...[ li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tat-twettiq komplet tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità]".
   (c) L-Istati Membri li jneħħu ż-żoni riżervati tagħhom wara ...(11) u qabel il-31 ta' Diċembru 2012, jistgħu, waqt dak il-perjodu ta' tranżizzjoni, jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjoni stipulata fl-Artikolu 9(2) għal servizzi fi ħdan iż-żona riżervata kkonċernata li tkun ġiet imneħħija, lill-operaturi postali li jkunu qed jipprovdu servizz fi ħdan l-iskop ta' servizz universali kif ukoll lill-kumpaniji kkontrollati minnhom li tkun ingħatatilhom żona riżervata fi Stat Membru ieħor.".
  

____________________

  

* ĠU L 176, 5.7.2002, p.21."

"

(10)  L-Artikolu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

" Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 għandhom ikunu bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li:

   jinkorporaw dispożizzjonijiet speċjali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom applikabbli għall-fornituri ta' servizz universali, skond kriterji oġġettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji, kif meħtieġ għat-tħaddim tas-servizz universali.
   li jorganizzaw it-tqegħid tal-kaxxi ta" l-ittri fuq awtostrada pubblika, il-ħruġ ta" bolli postali u s-servizz ta" posta reġistrata użat matul proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.".

"

(11)  Fil-Kapitolu 4, it-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

KAPITOLU 4

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi postali u aċċess għan-network

"

(12)  L-Artikolu 9 għandu jinbidel kif ġej:

"

Artikolu 9

1.  Għal servizzi li huma barra l-iskop tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2.  Għal servizzi li jaqgħu fl-iskop tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, u għal servizzi meqjusa bħala sostituti possibbli, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta' awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mal-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi salvagwardat is-servizz universali.

L-għoti ta' l-awtorizzazzjonijiet jista':

   fejn xieraq, ikun suġġett għall-obbligi ta' servizz universali,
   jekk meħtieġ, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibilità u l-prestazzjoni tas-servizzi relevanti, wkoll fejn dawn ikunu jikkoinċidu sa ċertu punt ma' l-obbligi ta' servizz universali;
   fejn xieraq, ikun suġġett għal obbligu li jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-mekkaniżmi ta' qsim imsemmija fl-Artikolu 7, jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jinvolvi spiża netta għall-fornitur jew il-fornituri tas-servizz universali li jinħatru skond l-Artikolu 4.

3.  L-għoti ta" awtorizzazzjonijiet għall-fornituri ta" servizz minbarra l-fornituri nnominati tas-servizz universali, jista" jkun suġġett, fejn xieraq, għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lill-mekkaniżmu ta" qsim imsemmi fl-Artikolu 7.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil dawn l-impriżi li jagħżlu bejn l-obbligu li jikkontribwixxu għall-mekkaniżmu ta" qsim jew li jkunu konformi ma" l-obbligi ta" servizz universali.

Għajr għall-każ ta" impriżi li ġew nnominati bħala fornituri tas-servizz universali skond l-Artikolu 4, l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet ma jistax:

   ikun limitat fin-numru,
  

   jimponi kondizzjonijiet tekniċi u operattivi barra minn dawk meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' din id-Direttiva.

4.  Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, mhux diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, disponibbli għall-pubbliku minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għal rifjut totali jew parzjali ta' awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta' appell.

5.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi kollha jirrispettaw għal kollox il-liġijiet tagħhom tax-xogħol li għalihom huma suġġetti, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u r-relazzjoni bejn l-impjegati u l-ħaddiema, liema dispożizzjonijiet l-Istati Membri japplikaw skond il-liġi nazzjonali li tirrispetta l-liġi Komunitarja. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur magħżul jirrispetta għal kollox il-leġiżlazzjoni dwar sigurtà soċjali li għaliha huwa suġġett u l-ftehimiet kollettivi konklużi ma' l-imsieħba soċjali.

"

(13)  Il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

1.  '1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta' l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri li għalihom issir referenza fl-Artikolu 9 li jirregolaw il-provvista kummerċjali lill-publiku tas-servizzi postali.'

"

(14)  Fl-Artikolu 11, 'Artikoli 57(2), 66 u 100a' għandu jinbidel għal 'Artikoli 47(2), 55 u 95'.

(  15) Għandu jiddaħħlu l-Artikoli 11a u 11b li ġejjin:

"

Artikolu 11a

Kull meta jkun meħtieġ, biex jitħares l-interess tal-konsumaturi u/jew tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, u fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-kondizzjonijiet ta' aċċess għal dawn l-elementi li ġejjin ta' infrastruttura jew servizzi postali jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji: sistema ta' kodiċi postali, database ta' l-indirizzi, kaxxi postali, kaxxi ta' ġbir u ta' kunsinna, informazzjoni dwar il-bidla fl-indirizz, servizz ta' twassil mill-ġdid, servizz ta' ritorn lill-mittenti.

Artikolu 11b

Din id-Direttiva hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti dwar il-protezzjoni ta' data personali u bla ħsara għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri biex jiżguraw, fejn xieraq, l-aċċess għan-network postali tal-fornituri ta' servizz universali jew elementi oħra ta' l-infrastuttura postali f'kundizzjonijiet ta' trasparenza u non-diskriminatorji.".

"

(16)  L-Artikolu 12 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li t-tariffi għal kull servizz li jifforma parti mill-provvediment tas-servizz universali ikun konformi mal-prinċipji li ġejjin:

   il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu u għandhom ikunu tali li l-utenti kollha, indipendentement mil-pożizzjoni ġeografika tagħhom, u, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, ikollhom aċċess għas-servizzi provduti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-regoli u l-kriterji biex tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-prezz fuq livell nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw il-bidliet kollha fil-prezz u għandhom jippubblikaw rapporti regolari. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-forniment ta' servizz postali b'xejn għall-użu ta' persuni għomja jew b'vista mnaqqsa,
   █kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma' l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi tiġi applikata għat-territorju kollu tagħhom u/jew għat-territorji ta' Stat Membri oħra, dan biss għal servizzi pprovduti b'tariffa bil-biċċa █,
   l-applikazzjoni ta' tariffa uniformi ma teskludix id-dritt tal-fornitur(i) tas-servizz universali li jikkonkludi(u) ftehim individwali dwar prezzijiet mal-konsumaturi,
   it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u non-diskriminatorji,
   kull meta l-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għall-kumpaniji, dawk li jimpustaw bil-bulk jew konsolidaturi tal-posta minn klijenti differenti, dawn għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u non-diskriminazzjoni fir-rigward kemm tat-tariffi kif ukoll tal-kundizzjonijiet relatati. It-tariffi għandhom jieħdu kont ta' l-ispejjeż evitati, kif paragunat mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompluta tal-karatteristiċi offruti għal clearance, trasport, tqassim u twassil ta' oġġetti individwali tal-posta u, flimkien mal-kundizzjonijiet relatati, għandhom japplikaw kemm bejn partijiet terzi differenti kif ukoll bejn partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz universali li jipprovdu servizzi ekwivalenti. Kwalunkwe tariffa minn dawn għandha wkoll tkun disponibbli għal kwalunkwe klijent ieħor, b'mod partikulari klijenti individwali u impriżi żgħar u ta' daqs medju, li jimpustaw f'kondizzjonijiet simili.

"

(17)  L-Artikolu 14 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 14

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw li l-kontabilità tal-fornituri tas-servizz universali ssir skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.  Il-fornituri tas-servizz universali għandhom iżommu kontijiet separati fis-sistemi ta' kontabilità interna tagħhom biex jiddistingwu biċ-ċar fuq naħa bejn dawk is-servizzi u l-prodotti li huma parti mis-servizz universali u li jirċievu jew jagħtu kontribut lill-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż netti tas-servizz universali, u, fuq in-naħa l-oħra, is-servizzi u l-prodotti li m'humiex.█ Dawn is-sistemi ta' kontabilità interna għandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta' prinċipji ta' kontabilità ta' l-ispejjeż applikati koerentement u ġustifikati oġġettivament.

3.  Is-sistemi ta' kontabilità li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw spejjeż bil-mod li ġej:

   a) spejjeż li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz jew prodott partikolari għandhom jiġu assenjati b'dan il-mod;
  b) l-ispejjeż komuni, jiġifieri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu assenjati direttament lil servizz jew prodott partikolari, għandhom jiġu allokati kif ġej:
   i) kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta' analiżi diretta ta' l-oriġini ta' l-ispejjeż infushom;
   ii) meta l-analiżi diretta ma tkunx possibbli, il-kategoriji ta' l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta' rbit dirett ma' kategorija oħra ta' spejjeż jew grupp ta' kategoriji ta' spejjeż li għalihom assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta hija possibbli; l-irbit indirett għandu jkun ibbażat fuq il-bażi ta' strutturi ta' spejjeż kumparabbli;
   iii) meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta' allokazzjoni ta' l-ispejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta' l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta' allokatur ġenerali kkalkolat bl-użu tal-proporzjon ta' l-ispejjeż kollha direttament jew indirettament assenjati jew allokati, minn naħa waħda, lil kull wieħed mis-servizzi universali u, min-naħa l-oħra, lis-servizzi l-oħra;
   iv) spejjeż komuni li huma neċessarji għall-provvista kemm ta' servizzi universali kif ukoll ta' servizzi mhux universali, m'għandhomx ikunu kompletament allokati għal servizzi universali; l-istess kriterji ta" spejjeż iridu jkunu applikati kemm għal servizzi universali kif ukoll għal servizzi mhux universali.

4.  Sistemi oħra ta' kontabilità ta' l-ispejjeż jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-paragrafu 2 u jkunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minn qabel bl-applikazzjoni tagħhom.

5.  L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-konformità ma' waħda mis-sistemi ta' kontabilità ta' l-ispejjeż deskritti fil-paragrafi 3 jew 4 tiġi verifikata minn korp kompetenti li jkun indipendenti mill-fornitur tas-servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dikjarazzjoni dwar il-konformità tiġi ppubblikata perjodikament.

6.  L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha żżomm disponibbli, sa livell adegwat ta' dettall, tagħrif dwar is-sistemi ta' kontabilità ta' l-ispejjeż applikati minn fornitur tas-servizz universali, u għandha tibgħat dak it-tagħrif lill-Kummissjoni fuq talba.

7.  Fuq talba, it-tagħrif dettaljat tal-kontabilità li jirriżulta minn dawn is-sistemi għandu jsir disponibbli b'mod kunfidenzjali lill-awtorità nazzjonali regolatorja u lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 22a.

8.  Meta Stat Membru ma jkunx waqqaf mekkaniżmu ta' finanzjament għall-provvista tas-servizz universali, kif permess mill-Artikolu 7, u meta l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun sodisfatta li ebda wieħed mill-fornituri nominati tas-servizz universali f'dak l-Istat Membru ma jkun irċieva assistenza mill-Istat, moħbija jew xort'oħra, u li l-kompetizzjoni fis-suq hija totalment effettiva, l-awtorità nazzjonali regolatorja tista' tiddeċiedi li ma tapplikax ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu għandu japplika għall-fornituri attwalment responsabbli mis-servizz universali sakemm l-ebda fornitur ieħor tas-servizz universali ma jkun ġie nnominat. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni bħal dik.

"

(18)  L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin isiru disponibbli mill-impriżi kollha li jipprovdu servizzi postali biex jiġu ttrattati lmenti ta' utenti, partikolarment f'każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma' standards ta' kwalità ta' servizz (inklużi proċeduri biex jiġi determinat min hu responsabbli f'każijiet fejn ikun involut iktar minn operatur wieħed).

2.  L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jassiguraw li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod ġust u malajr bi provvediment █għal sistema ta' rimbors u/jew kumpens.

3.  L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu l-iżvilupp ta' sistemi extraġudizzjarji indipendenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-impriżi ta' servizzi postali u l-konsumaturi.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-possibilitajiet l-oħra ta' appell jew mezzi għal rikors skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi, waqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, flimkien ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-utenti u/jew konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti tal-konsumatur lill-impriża li tipprovdi servizzi fl-ambitu tas-servizz universali ma jkunux ġew solvuti b'mod sodisfaċenti.

5.  Skond l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi universali u, fejn ikun il-każ, l-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta' lmenti u l-mod li bih ikunu ġew ittrattati.

"

(19)  L-Artikolu 21 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 21

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5a(1) u (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

"

(20)  L-Artikolu 22 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"

Artikolu 22

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità nazzjonali regolatorja waħda jew aktar għas-settur postali li tkun ġuridikament separata mill-operaturi postali u topera b'mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew il-kontroll ta' impriżi li jipprovdu servizzi postali għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li jkunu nnominaw biex iwettqu x-xogħol li jirriżulta minn din id-Direttiva. Dawn għandhom jippubblikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f'forma faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fejn dawk ix-xogħlijiet huma assenjati lill-aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur, dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

2.  L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandu jkollhom bħala xogħol partikolari li jiżguraw konformità ma' l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b'mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta' sorveljanza u regolamentazzjoni biex jiżguraw il-provvista tas-servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib u għandhom joffru assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effikaċi jeżistu fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kull utent jew impriża li tipprovdi servizzi postali li tkun milquta minn deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta' l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Sakemm jinqata' dak l-appell, id-deċiżjoni ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa' valida sakemm il-bord ta' l-appell ma jiddeċidix xort'oħra.

"

(21)  Wara l-Artikolu 22, għandu jiddaħħal it-titolu tal-Kapitolu li ġej:

"

KAPITOLU 9a

Għoti ta' tagħrif

"

(22)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 22a li ġej:

"

Artikolu 22a

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi postali jagħtu t-tagħrif kollu lill-awtorità regolatorja nazzjonali, inkluż dak finanzjarju u tagħrif dwar il-provvista tas-servizz universali ║sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jew ma' deċiżjonijiet meħuda skond din.

2.  L-impriżi kollha għandhom jipprovdu dak it-tagħrif malajr fuq talba u b'mod kunfidenzjali, fejn meħtieġ, fil-limiti ta' żmien u fil-livell ta' dettall rikjest mill-awtorità nazzjonali regolatorja. It-tagħrif mitlub mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkun proporzjonat mat-twettiq ta' xogħolha u m'għandux jintuża għal skopijiet barra dawk li għalihom ikun intalab. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba għal dak it-tagħrif.".

"

(23)  L-Artikolu 23 għandu jinbidel kif ġej:

"

"Artikolu 23

Kull erba' snin, fl-ewwel okkażjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża l-informazzjoni xierqa dwar żviluppi fis-settur, partikolarment li jikkonċernaw aspetti ekonomiċi, soċjali, xejriet ta' l-impjiegi u teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità tas-servizz. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat fejn xieraq bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Għandu jiġi ppreżentat rapport separat dwar ix-xejriet ġenerali ta' l-impjiegi u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikati mill-operaturi kollha f'kull Stat Membru sa mhux aktar tard minn tliet snin mid-data tal-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni. Ir-rapport għandu jagħti rendikont ukoll tal-miżuri adottati permezz ta' leġiżlazzjoni jew ta' negozjati bejn l-imsieħba soċjali. Jekk ir-rapport juri tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, huwa għandu, jekk ikun xieraq, jagħmel ukoll proposti.

"

(24)  Għandu jiddaħħal l-Artikolu 23a li ġej:

"

Artikolu 23a

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża gwida dwar il-kalkolu ta' kwalunkwe spiża netta qabel l-1 ta' Jannar 2009. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjani ta' finanzjament tagħhom lill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(4), u jistgħu jippreżentaw studji.

"

(25)  L-Artikolu 26 għandu jitħassar.

(26)  L-Artikolu 27 għandu jitħassar.

Artikolu 2

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tkun imħarsa din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2009 mill-aktar tard. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma jadottaw fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi║,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 74.
(2) ĠU C 197, 24.8.2007, p. 37.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2007.
(4) ĠU C 48, 16.2.1994, p. 3.
(5) ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 ║(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(6) ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 77.
(7) ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.
(8) ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56.
(9) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(10) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(11)+ ĠU: JJ daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Avviż legali - Politika tal-privatezza