Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) - White Paper (2006/2270(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji 2005-2010 (COM(2005)0629) (minn hawn 'il-quddiem "White Paper tal-Kummissjoni"),
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji (FSAP) (COM(1999)0232) adottat mill-Kummissjoni, speċjalment id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar operazzjonijiet imwettqa min-persuni fil-pussess ta' tagħrif privileġġat (insider dealing) u manipulazzjoni tas-suq (market abuse)(1), id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar swieq ta' l-istrumenti finanzjarji(2) (MiFID), id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza relatati ma' informazzjoni dwar dawk li joħorġu t-titoli (issuers) li t-titoli tagħhom qed jiġu nneġozjati f'suq irregolat(3), id-direttivi dwar ir-rekwiżiti tal-kapital (CRD) (Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 relatata mal-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (riformulazzjoni)(4) u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar kapital mhux adegwat ta' kumpaniji ta' investiment u istituzzjonijiet ta' kreditu (riformulazzjoni)(5) u l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħaddim tad-drittijiet tal-vot mill-azzjonisti rreġistrati ta' kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom qed jiġu nnegozjati f'suq irregolat (COM(2005)0685),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni - Rapport ta' Progress 2006 dwar Suq Wieħed tas-Servizzi Finanzjarji,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew dwar 'Clearing' u 'Settlement' tas-7 ta' Novembru 2006 u l-proposta tas-sistema Euro li tiżviluppa sistema ta' settlement għal tranżazzjonijiet ta' titoli f'munita tal-bank ċentrali (Titoli Target 2) (minn hawn 'il-quddiem "Kodiċi ta' Kondotta"),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE fir-rigward tar-regoli ta' proċedura u l-kriterji ta" evalwazzjoni prudenzjali ta" akkwisti u żidiet fl-ammont ta" ishma fis-settur finanzjarju (COM(2006)0507),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat dwar is-Servizzi Finanzjarji (FSC) dwar superviżjoni finanzjarja ta' Frar 2006 (Ir-Rapport Francq), ippubblikat fit-23 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra t-Tieni Rapport Interim tal-Grupp ta' Monitoraġġ Inter-Istituzzjonali li jissorvelja l-Proċess Lamfalussy (IIMG), maħruġ fis-26 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR) dwar "L-Istrumenti ta' superviżjoni għas-swieq tat-titoli ta' l-UE" (Rapport Himalaya) ippubblikat fil-25 ta' Ottubru 2004,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 ibbażata fuq ir-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Kriżi ta' l-Equitable Life Assurance Society(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar il-ġejjieni tal-hedge funds u d-derivattivi tagħhom(7) tat-28 ta' April 2005 dwar l-istat attwali ta' integrazzjoni tas-swieq finanzjarji ta' l-UE(8), u ta' l-4 ta' Lulju 2006 dwar il-konsolidazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0248/2007),
1. Jifraħ lill-Kummissjoni għall-kontribuzzjoni ta' l-FSAP lejn il-ħolqien ta' suq kapitali Ewropew li huwa fuq quddiem nett fid-dinja speċjalment minħabba l-kwalità u s-solidità tar-regolament finanzjarju tagħha; jilqa' l-prijoritajiet ekonomiċi stipulati fil-White Paper tal-Kummissjoni, primarjament biex is-suq finanzjarju Ewropew jiġi kkonsolidat, jitneħħew il-barrieri għall-moviment ħieles tal-kapital u titjieb is-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni f'waqtha u konsistenti ta' l-FSAP; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-infurzar tagħha u lill-kumitati tal-Livell 3 sabiex itejbu kontinwament il-konsistenza ta' l-applikazzjoni tagħha;
3. Huwa mħasseb li r-rata ta' traspożizzjoni tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri; li għandha sseħħ sa tmiem l-iskadenza stabbilita, għadha lura u titlob għal iżjed koperazzjoni bejn il-korpi ta' superviżjoni fl-Istati Membri;
4. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għal interpretazzjoni koerenti tat-terminoloġija madwar l-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tkun qed titfassal leġiżlazzjoni ġdida, biex tiżgura l-kompatibilità mat-terminoloġija eżistenti kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak globali;
5. Jilqa' pożittivament eżami aktar fil-fond ta' l-effetti ekonomiċi tal-miżuri FSAP, fid-dawl ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u l-bżonnijiet ta' finanzjament ta' l-ekonomija reali; isaqsi lill-Kummissjoni biex tikkummissjona dawn l-istudji flimkien mar-rapporti tal-progress annwali tagħha u tissorvelja l-implimentazzjoni u tirrakkomanda li attenzjoni partikolari tingħata lill-effetti ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri FSAP b'referenza speċjali għall-pajjiżi li relattivament jibbenefikaw mill-implimentazzjoni ta' l-FSAP u mid-daqs tal-profitti miksuba tal-pajjiżi benefiċjarji mill-konsolidazzjoni tas-suq finanzjarju;
Konċentrazzjoni tas-Suq
6. Jinnota konsolidazzjoni qawwija tas-suq fis-settur superjuri tas-servizzi finanzjarji pprovdut lil kumpaniji kbar ikkwotati fil-Borża, partikolarment il-kumpaniji ta' verifika, l-aġenziji ta' 'credit rating'; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni nazzjonali biex b'kawtela japplikaw ir-regoli ta' kompetizzjoni tal-Komunità għal dawk involuti fis-suq, ikunu attenti għal kull riskju ta' konċentrazzjoni tas-suq illegali fil-provvista ta' servizzi lil kumpaniji kkwotati fil-Borża; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm proċeduri aċċessibbli għat-tressiq ta' ilmenti u rimedji; u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-perspettiva ta' l-utenti; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li jitneħħew il-barrieri għall-parteċipanti l-ġodda kif ukoll il-ħtieġa li titneħħa l-leġiżlazzjoni favur dawk responsabbli u favur strutturi attwali tas-suq fejn il-kompetizzjoni tkun limitata;
7. Iħeġġeġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Kriżi ta' l-Equitable Life Assurance Society (A6-0203/2007);
8. Huwa kuntent bl-approvazzjoni reċenti tar-riforma ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/48/KE permezz tad-direttiva prospettiva dwar l-evalwazzjoni prudenzjali ta' l-akkwisti u ż-żieda ta' ishma fis-settur finanzjarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-azzjoni tagħha lejn it-tneħħija ta' xkiel għal merger u akkwist transkonfinali, kif identifikat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-konsolidazzjoni transkonfinali fis-settur finanzjarju ta' l-UE (SEC(2005)1398) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-4 ta' Lulju 2006;
9. Jenfasizza l-bżonn fost is-CRAs għat-trasparenza tal-miżati u s-separazzjoni ta' servizzi anċillari u ta' klassifikazzjoni kif ukoll għall-kjarifikazzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni u l-mudelli ta' kummerċ; jenfasizza li s-CRAs għandhom rwol pubbliku f'pereżempju s-CRD u li għalhekk għandu jkollhom standards għoljin ta' aċċessibilità, trasparenza, kwalità u affidabilità, meħtieġa minn intrapriżi regolati bħalma huma l-banek; iħeġġeġ lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet għat-Titoli (IOSCO) u s-CESR biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib il-konformità tas-CRAs mal-kodiċi ta' kondotta ta' l-IOSCO; jilqa' il-possibilità li fis-settur tas-CRA jitfaċċaw parteċipanti Ewropej;
10. Wara l-implimentazzjoni tal-MiFID, jantiċipa iżjed kompetizzjoni fost il-pjattaformi tal-kummerċ u intermedjarji finanzjarji, iżda wkoll iktar konsolidazzjoni tal-Boroż ta' skambju; jemmen li hemm bżonn ta' konverġenza transAtlantika qawwija tar-regoli finanzjarji tas-suq u li jinħtieġu prattiki ta' superviżjoni mingħajr ma jiddgħajjef, l-approċċ ibbażat fuq il-prinċipji u li jevita l-impożizzjoni ta' regoli extraterritorjali; jenfasizza li tmexxija tajba hija imperattiva u li l-influwenza ta' l-utenti kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema impjegati f'dan is-settur ma jridux jitnaqqru minħabba li tinbidel is-sjieda;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga liema miżuri huma l-aktar adattati biex tippromwovi l-lealtà ta' l-azzjonisti u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni azzjonarja tal-ħaddiema, bil-għan li jiġu bbilanċjati l-interessi differenti tal-partijiet kkonċernati;
12. Filwaqt li jitlob li jkun hemm progress fit-tneħħija ta' ostakli oħra identifikati fir-Rapport Giovannini f'Novembru 2001 dwar l-Arranġamenti ta' 'Clearing' u 'Settlement' transkonfinali fl-Unjoni Ewropea, itenni b'forza l-bżonn li titjieb l-infrastruttura wara l-kummerċ kemm bil-għan li jkun hemm trasparenza fil-prezz kif ukoll il-kompetizzjoni fl-interess pubbliku ta' sigurtà ta' 'clearing' u 'settlement'; jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta li se jilħaq dawn l-għanijiet u li se jkun ukoll ta' appoġġ għall-Artikolu 34 tal-MiFID, li jeħtieġ li l-Boroż ta' Skambju jipprovdu lill-utenti kollha tagħhom bl-għażla li jiddeċiedu s-sistema ta' settlement li biha jridu jissetiljaw it-tranżazzjonijiet tagħhom fl-eventwalità ta' tranżazzjonijiet ta' ishma transkonfinali; intenzjonat li janalizza mill-qrib l-iżviluppi madwar il-Kodiċi ta' Kondotta kif ukoll il-proġett Titoli ta' TARGET 2 f'dan il-kuntest, b'enfasi fuq it-treġija u s-superviżjoni meħtieġa biex ikunu kkontrollati l-kunfitti ta' interess; u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iniedu, mingħajr aktar ħela ta' żmien, l-inizjattivi meħtieġa biex jitwarrbu kompletament l-ostakli taħt il-kontroll tas-settur pubbliku f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ostakli legali u fiskali identifikati fir-rapport tal-Grupp Giovannini u fl-oqsma mhux koperti mill-Kodiċi ta' Kondotta.
13. Jindika ż-żieda fl-influwenza ta' votazzjoni bi prokura ta' intermedjarji u intermedjarji finanzjarji fil-pussess ta' assi tanġibbli tal-konsumaturi permezz ta' sistemi indiretti ta' investiment. isaqsi lill-Kummissjoni biex tevalwa r-riskji potenzjali tal-kontroll tas-suq, il-manipolazzjoni tas-suq u l-kunflitti ta' interess minn dawn l-intermedjarji u biex tissorvelja mill-qrib l-effetti tad-direttiva eventwali fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonijisti tal-kumpaniji; jinkoraġġixxi użu iktar wiesa' ta' soluzzjonijiet ta' software modern, u b'hekk ikun hemm promozzjoni tad-disintermedjazzjoni u l-aċċess dirett għas-suq mill-investituri finali;
14. Jirrikonoxxi l-proporzjon għoli ta' kumpaniji ta' servizz finanzjarju fl-Istati Membri ġodda li huma totalment jew parzjalment f'idejn barranin u huwa mħasseb li, mingħajr kooperazzjoni implimentata sewwa, dan jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet ta' sorveljanza f'dawk l-Istati Membri biex iwettqu superviżjoni u kontroll effettiv u li jqisu l-interessi leġittimi u l-bżonnijiet ta' l-ekonomiji ta' l-Istati Membri;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-fatti dwar it-tħaddim ta' l-ogħla livell tas-suq ta' merger kbira u t-tranżazzjonijiet ta' akkwist u ftehimiet ta' ekwità privata u s-sottoskrizzjoni ta' akkumpanjament u l-attivitajiet ta' self; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-viġilanza tas-sorveljanti ta' każijiet ċari ta' manipulazzjoni tas-suq, 'insider dealing' jew 'front-running'; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'koperazzjoni mar-regolaturi ta' l-Istati Uniti jivverifikaw jekk sarux is-salvagwardji meħtieġa, bħall-kodiċi ta' kondotta intern u jekk iċ-'Chinese walls' humiex adegwati għall-kisba ta' livell xieraq ta' treġija korporattiva u trasparenza tas-suq u sabiex jiġu evitati il-kunflitti ta' interess;
16. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-indipendenza ta' analisti finanzjarji u tal-fornituri tad-data dwar is-suq finanzjarju permezz ta' struttura ta' finanzjament trasparenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet li għadhom mhux solvuti mid-Direttiva 2004/72/KE(10) u l-MiFID fir-rigward tad-distinzjoni bejn "analisti finanzjarji" u "informazzjoni oħra";
Strumenti alternattivi ta' investiment
17. Huwa totalment konxju miż-żieda rapida ta' mezzi ta' investiment alternattivi (hedge funds u ekwità privata) jirrikonoxxi li dawn jipprovdu likwidità u diversifikazzjoni fis-suq u joħolqu opportunità biex titjieb l-effiċjenza ta' l-immaniġġjar korporattiv, iżda għandu l-istess tħassib bħal ċerti banek ċentrali u superviżuri li dawn jistgħu jagħtu lok għal riskju sistematiku u għal livelli għolja ta' espożizzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
18. Jistieden lill-Kummissjoni ta' l-UE biex tagħti bidu għal dibattitu dwar il-hedge funds sabiex tkun ippreparata għad-diskussjonijiet internazzjonali u Ewropej;
19. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-istudji reċenti tal-Kummissjoni dwar il-hedge funds u l-ekwità privata, iżda jiddispjaċih li s'issa dawn l-istudji ffukaw biss fuq ostakli għat-tkabbir ta' dawn il-fondi, u jistieden il-Kummissjoni biex tissorvelja kull lakuna potenzjali tal-politika; jenfasizza l-ħtieġa għal xogħol ta' settur speċifiku mir-regolaturi ta' dawn il-fondi, inklużi l-IOSCO u s-CESR u l-awtoritajiet kompetenti fi swieq fejn fondi bħal dawn huma komunement inklużi bħala parti mid-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti; jitlob għal approċċ aktar wiesgħa u aktar kritiku rigward r-riskji tal-manipulazzjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-differenzi fir-reġimi ta' l-Istati Membri għall-aċċess bl-imnut għal investimenti alternattivi, u b'mod partikulari biex tiddetermina l-kwalifiki adegwati għad-distributuri ta' prodotti bħal dawn għall-investituri bl-imnut;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-kwalità ta' supervizjoni f'lokazzjonijiet off-shore u sabiex iżżid il-koperazzjoni mas-superviżuri f'dawn il-ġurisdizzjonijiet; intenzjonat jgħaqqad il-forzi tiegħu mal-Kumitat tal-Kamra tar-Rappreżentanti tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kungress ta' l-Istati Uniti fl-investigazzjoni dwar x'għandha tkun ir-reazzjoni għall-ħarba mhux mixtieqa ta' kapital lejn pajjiżi b'rati baxxi ta' taxxa;
21. Jilqa' b'sodisfazzjoni r-rapport tal-Forum ta' Stabilità Finanzjarja tad-19 ta' Mejju 2007 dwar l-industrija tal-hedge funds; jilqa' b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport li jimmira li jindirizza r-riskji sistematiċi potenzjali u r-riskji operattivi assoċjati ma' l-attivitajiet tal-hedge funds; jitlob għal aktar koperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fost is-superviżuri ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-implimentar ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u fit-tixrid ta' prassi tajba sabiex tissaħħaħ ir-reżistenza għal skossi sistematiċi; u apparti dan iħeġġeġ lill-kredituri, l-investituri u l-awtoritajiet biex jibqgħu attenti u jevalwaw r-riskji potenzjali tal-kontroparti li l-hedge funds jippreżentaw;
1.1.1.1.Aċċess għal finanzjament għas-settur tal-kummerċjanti żgħar
22. Jinnota li l-integrazzjoni transkonfinali tas-swieq finanzjarji bl-imnut ta' l-UE hija inqas żviluppata milli fil-qasam ta' l-ingrossa; jinnota li l-konsumaturi jużaw istituzzjonijiet fiżiċi iżjed milli virtwali, u għalhekk wieħed isib struttura finanzjarja prinċiparjament b'orjentazzjoni domestika; iżda jwissi kontra t-taqlib tat-tradizzjonijiet nazzjonali tal-ħarsien tal-konsumatur u kontra sistemi legali għall-armonizzazzjoni uniformi għal kulħadd; huwa tal-fehma li t-tradizzjonijiet nazzjonali tal-ħarsien tal-konsumatur ma jridux jiġu interpretati b'tali mod li l-kompetituri l-ġodda jkunu mfixkla fis-suq domestiku; jenfasizza l-ħtieġa għal suq intern li jaħdem tajjeb għas-servizzi finanzjarji; jinnota l-importanza ta' l-intermedjarji sabiex joħolqu kompetizzjoni fis-swieq domestiċi fl-Istati Membri; jisħaq fuq il-benefiċċji ta' strutturi pluralistiċi u miftuħa fis-suq bankarju Ewropew li jissodisfaw il-bidliet differenti u li jevolvu tal-klijenti;
23. Jippreferi approċċ iktar iffukat indirizzat lejn ostakli de facto li jaffettwaw utenti transkonfinali li m'għandhomx post fiss; iħeġġeġ l-industrija finanzjarja biex tiżviluppa prodotti finanzjarji pilota fuq livell panEwropew bħall-pensjonijiet, l-ipoteki, il-prodotti ta' assikurazzjoni u l-kreditu lill-konsumatur, u jistieden lill-Kummissjoni biex timpennja ruħa fit-tħejjija ta' qafas xieraq u fattibbli ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, f'termini ta' dritt kuntrattwali, tassazzjoni, kreditu lill-konsumatur u ħarsien tal-konsumatur sabiex dawn il-prodotti jkunu trasportabbli u rikonoxxuti reċiprokament fl-Unjoni Ewropea, sabiex jitkattru il-kundizzjonijiet favorevoli għall-mobilità tax-xogħol transkonfinali f'suq waħdieni integrat;
24. Jindika l-bżonn li l-istess riskji, strateġiji tal-profili u n-negozji għall-prodotti finanzjarji u għal rekwiżiti ta' kapital jkunu kkontrollati bl-istess sigurtà fis-suq komuni Ewropew; jisħaq li għall-għanijiet tat-trasparenza u tal-ħarsien tal-konsumaturi, l-Istati Membri m'għandhomx jitħallew jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni ibbażata fuq livelli minimi ta' sorveljanza u ta' standards;
25. Jaqsam it-tħassib espress fil-punt 1.2.3 tad-Dokument ta' Sfond mehmuż mal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-qafas Ewropew għall-fondi ta' investiment (SEC(2005)0947) fir-rigward ta' l-emerġenza f'xi Stati Membri ta' fondi garantiti mingħajr ir-rekwiżiti xierqa ta' kapital adegwat, tikkunsidra li f'dan il-qasam il-protezzjoni tal-konsumatur mhijiex biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, bil-ħsieb li jitħarsu l-konsumaturi b'mod effettiv, biex timla l-lakuna regolatorja Ewropea billi tistabbilixxi rekwiżiti xierqa ta' adegwatezza kapitali għall-fondi ta' assikurazzjoni, billi jiġi rrispettat il-prinċipju li r-rekwiżiti ta' sorveljanza għandhom ikunu indaqs kemm mill-perspettiva ta' kwalità, f'dawk li huma standards tal-ġestjoni tar-riskju, u mill-perspettiva ta' kwantità, fir-rigward ta' rekwiżiti ta' kapital ("l-istess riskju, l-istess kapital');
26. Ħa nota ta' l-inkjesta settorjali fil-qasam tas-servizzi bankarji għall-pubbliku ġenerali u tas-sistemi ta' ħlas bil-ccars li turi bosta oqsma fejn jista' jsir titjib; jilqa' d-Direttiva tas-Servizzi ta' Pagament prospettiva, li hija mistennija li toħloq prekondizzjonijiet aħjar għall-kompetizzjoni f'dawn l-oqsma; iżda javża li l-ftuħ ta' sistemi imperfetti eżistenti ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni li fiha livell għoli ta' konsolidazzjoni tas-suq jista' jwassal għal imperfezzjonijiet ġodda u restrizzjonijiet tal-prezz, li jagħmlu ħsara lill-istruttura ġenerali tas-sistema Ewropea ta' l-iffinanzjar ekonomiku, lill-kwalità tas-servizzi lokali, u lill-opportunitajiet għall-SMEs biex jiksbu ffinanjzar li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom; innota l-bżonn li jinfetaħ l-aċċess għal reġistri ta' kreditu u sistemi ta' pagament u jitlob li jiġu ċċarati iżjed il-passi konkreti li jmiss li għandhom jittieħdu f'dan ir-rigward;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien, anke meta tikkunsidra is-sitwazzjoni attwali tas-SWIFT, jekk l-Unjoni Ewropea tistax twaqqaf is-sistema tagħha stess ta' cards bankarji;
28. Jenfasizza li ż-żewġ elementi taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA), primarjament it-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti, se jidħlu fis-seħħ fl-2010; jinnota li t-tielet pilastru, il-qafas tal-cars, se jiġi stabbilit mill-2008 'l quddiem; jinnota li d-Direttiva tas-Servizzi ta' Pagament mistennija ġġib fornituri ġodda tas-servizz, bħal bejjiegħa, entitajiet li jagħtu l-flus u operaturi mobbli f'din il-linja tal-kummerċ; għandu jimmoniterja jekk, bħala konsegwenza il-prezz ta' miżati interbankarji u tranżazzjonijiet ta' pagament transkonfinali għall-bejgħ bl-imnut jonqosx b'mod sinifikanti;
29. Huwa mħasseb li l-għażla tal-konsumatur spiss tkun limitata għal prodotti bl-imnut tal-gruppi finanzjarji li joperaw domestikament; jisħaq fuq l-importanza li jiddistingwu ruħhom is-servizzi differenti provduti lill-klijenti u jitlob għall-iżvelar ta' l-ispejjeż tal-katina ta' valur lill-klijenti sabiex ikun hemm iżjed trasparenza u jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex terġa' tieħu l-inizjattiva mmirata biex tipprovdi lis-soċjetajiet ta' l-għajnuna reċiproka bi statut Ewropew, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Mejju 2006 dwar ir-riżultat ta' l-iskrining tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-Leġiżlatur(11);
31. Jirrikonoxxi l-isfida tal-populazzjonijiet li qed jixjieħu; jenfasizza l-importanza tal-pensjonijiet kollettivi tax-xogħol tat-tieni pilastru apparti l-iskemi ta' pensjonijiet proprji ta' l-ewwel pilastru bbażati fuq is-solidarjetà, u japprova d-d-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' l-istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali(12) bħala l-qafas regolatorju speċifiku għall-fondi tal- pensjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità, fi ħdan il-qafas ta' regolamentazzjoni aħjar, sabiex tippromwovi l-konverġenza ta' superviżjoni madwar l-Unjoni Ewropea u biex tevita t-trattament mhux ugwali tal-partijiet ikkonċernati fis-suq u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, biex din id-Direttiva tiġi ssuplimentata b'qafas ta' solvenza armonizzata għall-fondi tal-pensjonijiet b'mod konformi ma' l-approċċ ta' Solvency II, sabiex tipprovdi għal tekniki avvanzati tal-ġestjoni tar-riskju kif ukoll għal diżinċentivi għall-arbitraġġ regolatorju billi jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' superviżjoni ugwali kemm mil-lat kwalitattiv, f'termini ta' standards tal-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll kwantitattiv, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kapital ('l-istess riskju, l-istess kapital'), meta jitqiesu l-fatturi speċifiċi tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali; u jtenni li dan il-qafas ta' leġiżlazzjoni għandu jkun appoġġjat mill-koordinazzjoni tat-tassazzjoni, b'konċentrazjoni partikolari fuq il-bażi tat-taxxa;
32. Jinnota li hemm ħafna cittadini ta' l-UE li huma esklużi mis-servizzi finanzjarji bażiċi; jikkonkludi li s-servizzi finanzjarji bażiċi li joperaw tajjeb għandhom jibqgħu disponibbli u bi prezz raġonevoli għal kull ċittadin ta' l-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar l-aċċessibilita' ta' servizzi bħall-kontijiet bankarji, il-magni tal-flus, il-cars li jsiru ħlasijiet bihom u s-self b'rati baxxi; u li tippromwovi l-aħjar prassi u esperjenzi żviluppati minn istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdu dawn is-servizzi bażiċi;
33. Jappoġġja s-sejbiet ta' l-inkjesta settorjali fis-servizzi bankarji għall-konsumaturi individwali li l-iskambju tad-data dwar il-krediti għandu t-tendenza li jkollu effetti ekonomiċi pożittivi, billi jżid il-kompetizzjoni u jgħin lil parteċipanti ġodda fis-suq, billi jnaqqas l-asimettrija ta' l-informazzjoni bejn il-bank u l-konsumatur, billi jaħdem bħala metodu ta' dixxiplina għal min jissellef, inaqqas il-problemi ta' għażliet ħżiena u jippromwovi l-mobilità tal-konsumatur; jikkunsidra li l-għoti ta' l-aċċess għad-data pożittiva u negattiva dwar il-kreditu jista' jkollu rwol ewlieni fl-għajnuna lill-konsumaturi biex dawn jiksbu aċċesss għall-kreditu u biex tiġi miġġielda l-esklużjoni finanzjarja;
34. Jinnota l-iżvilupp ta' fornituri ta' servizzi finanzjarji speċifiċi għal gruppi ta' migranti, li jagħmlu t-trasferimenti finanzjarji tagħhom u jiżviluppaw is-sistema bankarja, inklużi servizzi finanzjarji Iżlamiċi; iwissi li r-rekwiżiti għal dawn l-operaturi ta' 'niche' ġodda għandhom ikunu b'saħħithom, iżda wkoll b'tali mod li jwaqqafhom milli jisparixxu f'żona griża, fejn ma jkun possibbli l-ebda kontroll; jistieden lill-Unjoni Ewropea, speċjalment meta tinvolvi ruħa f'relazzjonijiet mal-pajjiżi li minnhom jiġu l-ħaddiema mmigranti, biex tikkopera ma' l-awtoritajiet ekonomiċi u monetarji lokali adattati;
35. Jilqa' b'sodisfazzjon l-attenzjoni li qed tiżdied għal provvista ta' mikrokrediti bħala kontribuzzjoni għal nies li jaħdmu għal rashom u għal bidu ta' negozji, eżempju, fl-attivitajiet tad-DĠ għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni u l-programm JEREMIE tal-Grupp tal-Bank Ewropew ta' Investiment; jitlob li r-regoli ta' Basel jiġu adattati għall-'portfolios' ta' mikrokreditu u li dawn jillimitaw l-ispejjeż ħafna drabi eżaġerati rigward self ta' ammont żgħir; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, li qed taħdem f'kollaborazzjoni mad-diversi Direttorati Ġenerali tagħha li huma responsabbli għal dan is-settur, biex telabora pjan ta' azzjoni għall-mikrofinanzjament, tikkordina l-miżuri ta' politika differenti u biex tagħmel l-aħjar użu mill-prattiki fl-Unjoni Ewropea u lilhinn minnha;
Litteriżmu finanzjarju u l-kontribut ta' l-utenti fit-tiswir tal-politika
36. Jemmen li minbarra iktar għażla għall-konsumaturi, hemm aktar involut fil-ħolqien ta' suq finanzjarju integrat Ewropew; jenfasizza li l-litteriżmu finanzjarju għandu jiġi promoss aktar attivament mill-qed isir u li l-aċċess għal informazzjoni adattata u parir imparzjali dwar l-investimenti huwa essenzjali; iħaddan il-perspettiva li l-prinċipji bħall-iżgurar ta' l-aħjar twettiq u li jseħħu testijiet ta' adegwatezza meta servizzi ta' investiment jiġu pprovduti għandhom jiffurmaw l-bażi għal regolament tal-fornituri ta' servizz f'dan il-qasam;
37. Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi tal-Kummissjoni sabiex tgħolli l-livell tal-kapaċità finanzjarja u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jinħolqu programmi u websajts speċifiċi, filwaqt li f'dan il-proċess jiġu involuti l-kumpaniji kkonċernati; iżda wkoll iħeġġiġhom sabiex jagħmluhom parti integrali mill-edukazzjoni bażika fl-iskejjel;
38. Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Grupp tal-Konsumaturi tas-Servizzi Finanzjarji u t-tentattivi sabiex ikunu involuti utenti rappreżentattivi fi gruppi esperti u f'konsultazzjonijiet; jinnota li, madankollu, il-vuċi tal-konsumaturi u ta' l-utenti finali bħall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għadha ferm lura minn dik ta' l-industrija finanzjarja; jirrakkomanda l-ħolqien ta' punt baġitarju Ewropew li jiffinanzja opinjoni esperta dwar is-suq finanzjarju f'organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u SMEs sabiex tinforma l-proċessi ta' konsultazzjoni ta' l-FSAP;
39. Jistieden lill-industrija biex tagħti l-kontribut tagħha fil-ħarsien tal-konsumatur billi tipproduċi prodotti li wieħed jista' jifhem u juża faċilment, kif ukoll informazzjoni preċiża li l-konsumatur jista' jużaha b'faċilità;
1.1.1.2.Regolamentazzjoni aħjar
40. Jinsab impenjat bis-sħiħ lejn l-għanijiet ta' regolamentazzjoni aħjar ibbażata fuq is-sejbiet ta' evalwazzjonijiet ta' l-impatt, magħmulin b'mod kawt, indipendenti u professjonali, u jenfasizza li dawn l-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi bbażati fuqhom m'għandhomx isiru biss fuq il-bażi ta' l-aspetti finanzjarji iżda għandhom jikkunsidraw sew ukoll aspetti ekonomiċi, soċjali, tas-soċjetà, ambjentali, kulturali u aspetti oħra ta' interess pubbliku;
41. Jinnota li wieħed mill-prijoritajiet tar-regolamentazzjoni aħjar rigward l-aspett legali huwa, primarjament biex jimplimenta, jinforza u jevalwa kontinwament il-leġiżlazzjoni eżistenti u biex japplika b'mod rigoruż l-aġenda tar-regolamentazzjoni aħjar għall-inizjattivi tal-ġejjieni;
42. Iħaddan il-perspettiva li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati għandhom ikomplu jkollhom rwol ewlieni u jenfasizza li dawn il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu kmieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex l-opinjonijiet ikunu jistgħu ġenwinament jitqiesu; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tippubblika dak li jkun għaddej fil-konsultazzjonijiet tagħha sabiex tiżgura li l-proċess ikun trasparenti;
43. Jinnota li taħt il-ftehim dwar tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni għandha twassal għal evalwazzjoni ta' l-impatt dwar il-kwistjonijiet importanti; jiddispjaċih li sa issa dak l-impenn għadu ma tteħidx b'mod sodisfaċenti u jenfasizza li l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt madankollu ma għandhomx iwaqqfu t-tfassil tal-leġiżlazzjoni; jafferma l-impenn tal-Parlament għal regolamentazzjoni aħjar u għat-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt meta jsiru bidliet sostanzjali għall-proposti leġiżlattivi;
44. Jirrimarka li l-għażla ta' strument adattat, i.e. direttiva jew regolament, mhijiex newtrali; jitlob li jiġi mniedi dibattitu fuq il-bażi tax-xogħol ta' l-IIMG, dwar kriterji li jipprovdu gwida u konsistenza;
45. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima ta' komitoloġija reċenti u jinsab impenjat lejn l-adattament ta' l-istrumenti involuti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jirrakkomanda li l-istrumenti qabel Lamfalussy ikunu mmodifikati b'mod simili; jinsisti li l-Parlament għandu jippermetti li jkun hemm osservaturi fil-kumitati tat-tieni livell ; jinnota l-bżonn li jitfasslu metodi tax-xogħol interistituzzjonali stabbiliti sew, permezz tal-prattika aktar milli permezz tar-regoli miktuba jew ftehimiet formali u li, f'dan ir-rigward, l-elaborazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni tat-tieni livell għall-MiFID jistgħu jservu bħala eżempju utli;
46. Jinsab impenjat li fejn ikun possibbli l-proċeduri leġiżlattivi jgħaddu 'fast track', jekk fil-prattika jkunu taw prova ta' kemm jiswew; iżda jwissi li l-iskop għal ftehimiet fl-ewwel qari m'għandux itellef il-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet jew jaffettwa l-proċess demokratiku; jipproponi evalwazzjoni ta' dawn il-proċessi u l-elaborazzjoni ta' regoli ta' proċedura biex jiggarantixxu r-responsabilità kollettiva, it-trasparenza u l-kontroll demokratiku;
47. Jikkunsidra li varjetà ta' rekwiżiti rrapportar li jirduppjaw id-dispożizzjonijiet eżistenti jirriżultaw fi spejjeż bla bżonn u f'piżijiet amministrattivi eċċessivi u jista' jkollhom ukoll konsegwenzi ħżiena f'termini ta' ċertezza legali, u b'kawża t'hekk, fuq l-integrità tas-suq; jisħaq li hemm każ fejn jistgħu jinkisbu iżjed benefiċċji permezz tar-razzjonalizzazzjoni, ta' l-issimplifikar, u, fejn meħtieġ, ta' l-irrevokar ta' dispożizzjonijiet attwali li huma ineffiċjenti;
48. Jemmen li l-FSAP ikkontribwixxa biex jimtlew ħafna lakuni regolatorji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; huwa konvint, madankollu, li koordinazzjoni ulterjuri ma' l-infurzar tar-regola tal-kompetizzjoni jista' jkollha efett multiplikatorju fuq it-tħaddim ġenerali u l-effiċjenza tal-qafas regolatorju; jirrimarka li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tiżgura ambjent ġust u kompetittiv b'konformità mal-politika tal-kompetizzjoni;
Riskji sistemiċi
49. Jinnota l-medda ta' żviluppi ġodda, li jippreżentaw kemm punti ta' saħħa kif ukoll possibiltà ta' tħassib inklużi tekniki innovattivi ta' tnaqqis tar-riskju, it-tkabbir sostanzjali tas-swieq tal-kreditu derivattivi, iż-żieda sistemika fl-importanza ta' gruppi kbar finanzjarji panEwropej, u r-rwol dejjem jikber ta' istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji bħal hedge funds u l-ekwità privata;
50. Jinnota li dawn il-bidliet tas-suq jolqtu wkoll in-natura, is-sors u t-trasferiment ta' riskju sistemiku, u għalhekk l-effettività ta' strumenti li jnaqqsu r-riskju eżistenti ex-ante; u għalhekk jitlob li jkun hemm identifikazzjoni u evalwazzjoni bbażata fuq l-evidenza tas-sorsi ta' riskji sistemiċi u tad-dinamiki bażiċi tal-kriżijiet finanzjarji f'dan il-kuntest;
51. Huwa mħasseb li l-qafas ta' superviżjoni attwalment bbażat nazzjonalment u settorjalment jista' potenzjalment ifalli li jżomm il-pass mad-dinamiċi tas-suq finanzjarju u jenfasizza li għandu jkollu riżorsi, ikun ikkordinat u legalment intitolat biex jieħu azzjonijiet adegwati u rapidi f'każijiet ta' kriżi sistematika kbira li tolqot aktar minn Stat Membru wieħed;
52. Japprezza d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji sabiex jibda eżerċizzju ta' kriżi li jeżamina kemm hi xierqa r-reazzjoni tas-sorveljanti prudenzjali, tal-ministri tal-finanzi u l-banek ċentrali, u jinkoraġġixxi lill-grupp ta' ħidma konġunt imwaqqaf bħala riżultat, sabiex jagħmel konklużjonijiet kuraġġużi, anke fil-każ li dawn ikunu politikament sensittivi;
53. Jilqa' b'sodisfazzjoni r-rapport reċenti mill-Kummissjoni li tevalwa d-Direttiva 2002/47/KE dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji (FCD) (COM(2006)0833); jinnota l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-proċedura ta' 'close-out netting' biex jitnaqqas ir-riskju tal-kreditu u tiżdied l-effiċjenza fis-swieq finanzjarji, kif ukoll allokazzjoni iżjed effiċjenti tal-kapital regolatorju, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tfassal proposta għat-titjib tal-konsistenza ta' l-acquis fir-rigward ta' l-istrumenti varji tal-Komunità, inkluża l-FCD, li fiha dispożizzjonijiet dwar in-'netting' u s-'set-off', possibilment billi tiżviluppa strument waħdieni li jistipula sett ta' prinċipji fundamentali komuni għal kull reġim legali nazzjonali għall-'close-out netting';
L-istruttura tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni
54. Jilqa' b'sodisfazzjoni x-xogħol li sar mill-Kumitati Ewropej tar-Regolaturi (is-CESR, il-Kumitat Ewropew għas-Sorveljanti Bankarji (CEBS), u l-Kumitat Ewropew għas-Sorveljanti ta' l-Assikurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS)) fil-konsultazzjoni mas-swieq, fil-pariri lill-kumitati tat-tieni livell tal-Kunsill u l-Kummissjoni, u fuq kollox fil-progress sabiex ikun hemm konverġenza tal-prattiki regolatorji u ta' sorveljanza, mingħajr, madankollu ma jmorru lilhinn mill-mandat tagħhom jew jippruvaw jieħu post il-leġiżlaturi; huwa konvint li dan l-isforz għandu jkun imħeġġeġ u li dawn il-kumitati jridu jkunu mħaddma u mgħammra b'mod adegwat għall-ħidma li daħlu għaliha;
55. Iħeġġeġ lill-Kumitati tat-tielet livell (L3) sabiex itejbu l-konsistenza transsettorjali tar-regolamentazzjoni prudenzjali u r-regoli ta' sorveljanza tal-gruppi għal gruppi finanzjarji kbar li jkollhom x'jaqsmu ma' l-istess prodotti jew simili, u, wara konsultazzjoni ma' min hu konċernat u wara proċedura xierqa, jagħtu pariri lil-leġiżlaturi dwar fejn ikun meħtieġ li jirrevedu r-regoli; iħeġġiġhom ukoll biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu ugwalment sorveljati fuq bażi funzjonali fl-Istati Membri kollha;
56. Jistieden lill-kumitati tat-tieni u t-tielet livell biex irażżnu d-diskrezzjoni nazzjonali u l-'gold-plating' f'konformità mal-leġiżlazzjoni bażika ta' l-ewwel livell, iżda biex jieħdu kont tal- pekuljaritajiet nazzjonali u partikolarment il-fatturi strutturali tas-swieq individwali; jissuġġerixxi li fil-kuntest tal-ħidma ta' l-IIMG, issir reviżjoni dwar jekk ikunx utli jekk il-kumitati tat-tielet livell ikunux jistgħu joperaw dejjem aktar fuq il-bażi tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'xi forma ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata meta l-prinċipji jkunu għadhom ma ġewx definiti; jissuġġerixxi li l-kumitati tat-tielet livell jingħataw mandat mill-Parlament u l-Kunsill biex joħroġu bi pjanijiet konkreti għall-koperazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri li hemm qbil dwarhom, possibilment bl-użu tar-riżorsi baġitarji ta' l-UE; jirrakkomanda li l-mandat u s-setgħat rispettivi tal-kumitati tat-tieni u t-tielet livell ta' Lamfalussy jiġu definiti b'mod aktar preċiż sabiex jirriflettu l-bżonn ta' progress lejn konverġenza akbar tal-prassi tagħhom u li jitħallew jieħdu, fi ħdan il-mandat ta' l-attivitajiet tagħhom, deċiżjonijiet li jorbtu vis à vis l-membri tagħhom, u li l-proċess ta' konsultazzjoni ma' l-industrija jkollu aktar rispons mill-intrapriżi medji u żgħar u mill-investituri;
57. Jenfasizza l-importanza ta' sistema Ewropea integrata ta' koperazzjoni nazzjonali u ta' superviżjoni settorjali, kapaċi li tiżgura superviżjoni effiċjenti kemm tal-parteċipanti finanzjarji kbar u kemm ta' l-entitajiet lokali li għandhom l-għeruq fit-tradizzjonijiet nazzjonali; jenfasizza li s-sorveljanti kollha għandhom jikkunsidrau dawn it-tradizzjonijiet fil-mod ta' kif tkun l-kondotta tagħhom ta' superviżjoni tan-negozju fuq il-post; jilqa' l-koperazzjoni dejjem tikber tal-kumitati tat-tielet livell CEBS, CESR u CEIOPS u l-fatt li issa qegħdin jippubblikaw annwalment programmi kunġunti ta' ħidma;
58. Jinnota li sabiex ikun hemm superviżjoni effettiva tar-riskji sistemiċi u prudenzjali ta' l-aqwa parteċipanti fis-suq, is-sistema attwali ta' koperazzjoni jista' jkollha bżonn li tisaħħaħ, u jinkoraġġixxi iżjed koordinazzjoni b'mod partikulari fir-rigward ta' sorveljanza tar-riskju prudenzjali ta' entitajiet multi-ġurisdizzjonali u transsettorjali u ta' konglomerati finanzjarji; jinkoraġġixxi ftehimiet u kodiċi ta' kondotta bejn Stati Membri u banek ċentrali dwar l-iffinanzjar bankarju ta' din is-sistema ta' sorveljanza prudenzjali, rigward obbligi ta' 'bail-out' u dwar istituzzjonijiet li jsellfu meta l-ebda istituzzjoni oħra ma tkun trid issellef (lender-of-the-last-resort) għal bosta każi fejn ikunu involuti bosta Stati Membri u iżjed sorveljanti; jinnota li, biex isir ġudizzju dwar jekk is-sistema preżenti tipprovdix sorveljanza vera tar-riskji sistematiċi u prudenzjali ta' l-aqwa parteċipanti fis-suq, huwa meħtieġ li l-arranġamenti L2 u L3, li huma relattivament ġodda, jingħataw iż-żmien biex isibu saqajhom u, fl-istess ħin, li jitħares lejn ix-xewqa u l-fattibilità ta' twettiq fil-livell ta' l-UE ta' sorveljanza prudenzjali fejn meħtieġ fil-ġejjieni;
59. Jifhem għalfejn l-Istati Membri jixtiequ jippermettu l-arranġamenti l-ġodda ż-żmien biex jiġu implimentati u eżaminati qabel ma jikkunsidraw xi passi ulterjuri lejn il-konverġenza; jirrimarka li, jekk ma jsirx progress f'din id-direzzjoni, tista' tikber il-pressjoni għall-kunsiderazzjoni ta' arranġament ta' superviżjoni ċentralizzata; jenfasizza, għalhekk, li f'dawn iċ-ċirkostanzi, konverġenza akbar fis-sorveljanza u l-koperazzjoni bejn is-sorveljanti li jospitaw u dawk ta' oriġini fi ħdan l-istrutturi eżistenti jsiru kwistjonijiet ta' importanza partikolari;
60. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali li jimmiraw biex jużaw aħjar ir-riżorsi ta' sorveljanza, biex jiżviluppaw il-prattika tas-sorveljanza, u biex inaqqsu l-piż li s-sorveljanza timponi fuq is-suq; huwa pożittiv dwar il-kulleġġi ta' sorveljanti li għandhom x'jaqsmu ma' konglomerati finanzjarji multi ġurisdizzjonali u dwar il-proġett ta' netwerking operattiv li s-CEBS bdiet reċentement; jistieden lil dawn il-kulleġġi ta' sorveljanza biex jiżviluppaw kultura uniformi Ewropea ta' superviżjoni u biex jiddeterminaw eżattament fejn jinsabu l-limiti ta' koperazzjoni voluntarja bħal din meta jitfaċċaw sitwazzjonijiet vera ta' kriżi; jinnota, madankollu li dawn il-kulleġġi jonqoshom il-mandati nazzjonali sabiex jittrasferixxu l-kompetenzi, jaċċettaw deċiżjonijiet tal-maġġoranza, jew sempliċiment ipoġġu riżorsi u għarfien biżżejjed fix-xogħol tal-kulleġġ; għalhekk jirrimarka l-ħtieġa li jiġi definit il-qafas u l-mandati nazzjonali għall-koperazzjoni u jistenna lill-kulleġġi ta' sorveljanza u l-proġett ta' netwerking operattiv biex jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi meħtieġa (memoranda ta' spjegazzjoni) għas-sorveljanza ta' gruppi transkonfinali fi ħdan qafas ta' żmien qasir;
61. Jenfasizza li l-koperazzjoni superviżorja bejn dawk li jospitaw u dawk ta' oriġini hija l-iżjed element sinifikanti fl-istabbiliment tas-suq finanzjarju uniku. jinnota b'mod partikulari, li fil-qasam tal-proċess ta' l-approvazzjoni superviżorja għall-mergers u l-akkwisti hemm ħafna xi jsir biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' konglomerati finanzjarji li jaħdmu b'mod effiċjenti b'ekonomiji ta' skala usa'. jinsisti li x-xenarju tas-suq bankarju tal-pajjiż fejn l-entità finanzjarja miksuba tkun ibbażata trid titqies kif jixraq;
62. Jikkunsidra li allokazzjoni aktar preċiża tar-rwoli bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-kumitati tat-tielet livell (L3) hija mixtieqa; jikkunsidra wkoll li sabiex ikun hemm sorveljanza aktar b'saħħitha (speċjalment fejn hemm rabta ċara ma' kwistjonijiet ta' kompetizzjoni), huma meħtieġa livelli għolja ta' indipendenza u newtralità, li ma jistgħux jiġu kkombinati tajjeb ma' profil politiku eċċessiv; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu l-konverġenza tas-setgħat ta' sorveljanti nazzjonali, speċjalment fejn jidħlu penali; iqqis li konverġenza akbar fost is-sorveljanti għandha tiffaċilità l-kummerċ tal-kumpaniji li issa huma suġġetti għal aktar minn regolatur wieħed; jenfasizza li l-akbar sfida f'termini ta' koperazzjoni prattika tinsab f'idejn il-kumitati tat-tielet livell; jissuġġerixxi l-ħolqien ta' programmi ta' taħriġ għas-sorveljanti tas-suq finanzjarju għal dan il-għan u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra safejn jistgħu jiġu stabbiliti l-istandards għall-UE kollha għat-taħriġ ta' sorveljanti nazzjonali fiż-żamma u l-promozzjoni ta' kultura ta' sorveljanza Ewropea komuni;
63. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex iwaqqaf sottogrupp tal-Kumitat għas-Servizzi Finanzjarji dwar kwistjonijiet ta' sorveljanza fit-tul, li wasal biex jirrapporta f'Ottubru 2007; jistenna li dak il-grupp jagħmel evalwazzjoni ġusta tas-sitwazzjoni preżenti; flimkien mar-rapport finali tal- IIMG li huwa wkoll mistenni fil-Ħarifa 2007, ir-rapport tal-Parlament u r-rapport ta' segwitu mistenni mill-Kummissjoni jista' joħloq moviment għall-evalwazzjoni ta' l-isfidi li fadal għall-integrazzjoni u l-effettività tar-regolamenti finanzjarji u l-istruttura ta' sorveljanza, u jipprovdi impenn għal rakkomandazzjonijiet possibbli għal passi ulterjuri;
64. Jemmen bis-sħiħ li l-konverġenza ta' prattiki ta' superviżjoni tista' tinkoraġġixxi l-introduzzjoni ta' suq finanzjarju Ewropew bl-imnut;
65. Jistieden lill-IIMG biex jieħu perspettiva wiesgħa dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li taffaċċja s-sistema Ewropea tas-sorveljanti u biex jikkontribwixxi għal dibattitu ulterjuri li jħares 'il quddiem fil-konklużjonijiet tiegħu;
Impatt Globali
66. Jemmen li aktar bilanċ min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea fil-konfront tat-tmexxija Amerikana jista' jsaħħaħ l-influwenza ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fuq il-livell globali fir-rigward ta' l-awtorità tal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Iskambju ta' l-Istati Uniti; huwa konvint li l-mudell ta' finanzjament u l-qafas tar-responsabilità ta' korpi li jirregolaw lilhom infushom bħall-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità, għandhom jiġu ċċarati; jittama li jkun possibbli wkoll li l-IMF jerġa' lura bħala awtorità monetarja globali u jipparteċipa biex jiġu evitati l-kriżijiet, jiggarantixxi l-istabilità finanzjarja, u jirranġa l-iżbilanċi globali;
67. Jemmen li s-sħubija Transatlantika għandha tiġi żviluppata u msaħħa billi tiżdied il-koordinazzjoni regolatorja; jenfasizza l-importanza ta' l-implimentazzjoni ta' Basel II mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti kif ukoll rikonoxximent reċiproku ta' standards ta' kontabilità ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti u jitlob għal aktar koperazzjoni demokratikament kkontrollata bejn l-UE u l-Istati Uniti fis-sorveljanza tax-xogħol tas-settur speċifiku tar-regolaturi ta' mezzi alternattivi ta' investiment bħall-hedge funds, u anki ma' l-IOSCO u l-awtoritajiet kompetenti fis-suq, fejn fondi bħal dawn huma komuni u bħala parti mid-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti. jappoġġja l-inizjattiva tas-Sħubija Ekonomika Transatlantika tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill (Transatlantic Economic Partnership, TEP), li timmira biex tippromwovi l-koordinazzjoni regolatorja transatlantika u li jiġu evitat rduppjar żejjed, u possibilment anki inkonsistenzi, fir-regoli li japplikaw għall-parteċipanti fis-suq finanzjarju;
68. Jemmen li r-reazzjonijiet regolatorji komparabbli fis-swieq finanzjarji ewlenin huma adegwati fid-dawl ta' diversi sfidi u riskji globali ġodda; huwa konxju li r-regolament tal-Komunità għandu impatt fuq ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżomm djalogu intens u kooperazzjoni teknika bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura l-effiċjenza u l-kwalità ta' l-oqsfa tas-servizzi finanzjarji globali, legali u regolatorji;
69. Jiġbed l-attenzjoni tar-rwol prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea fix-xogħol attwali fuq il-qafas Solvency II u jistenna li dan jinfluwenza l-istruttura regolatorja globali u l-attivitajiet li jwaqqfu l-istandards ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sorveljanti ta' l-Assikurazzjoni;
70. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tieħu atitudini kostruttiva u miftuħa fil-konfront tal-qawmien ekonomiku tal-Grigal ta' l-Ażja, u b'mod partikolari l-Indja, iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, u żżomm milli timponi kwalunkwe miżura ta' protezzjoni fuq il-livell tal-Komunità jew fuq dak nazzjonali; jappoġġja l-inizjattivi biex jinħolqu standards globali komuni għas-servizzi finanzjarji bħal, pereżempju, il-laqgħat annwali taċ-China Round Table dwar is-Servizzi Finanzjarji u r-Regolamentazzjoni (EU-China Round Table on Financial Services and Regulation);
o o o
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej, lill-Kumitat tas-Sorveljanti Bankarji Ewropej, u lill-Kumitat Ewropew tas-Sorveljanti ta' l-Assikurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/72/KE tad-29 ta' April 2004 li timplementa d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jirrigwarda l-prattiċi aċċettati tas-suq, id-definizzjoni ta' l-informazzjoni interna b'relazzjoni mad-derivattivi dwar il-kommoditajiet, it-tħejjija ta' listi ta' persuni nterni, in-notifika tat-transazzjonijiet ta' l-amministraturi u n-notifika ta' transazzjonijiet suspettużi (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 70).