Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0311/2007

Testi mressqa :

B6-0311/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.2
CRE 12/07/2007 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0342

Testi adottati
PDF 237kWORD 82k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fid-Darfur
P6_TA(2007)0342B6-0311/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004(1), tat-23 ta' Ġunju 2005(2), tas-6 ta' April 2006(3), tat-28 ta' Settembru 2006(4) u ta' l-15 ta' Frar 2007(5),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Paċi għad-Darfur (DPA) iffirmata f'Abuja, in-Niġerja, fil-5 ta" Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-kunsens ta' Tripoli dwar il-Proċess Politiku għad-Darfur, adottat fi Tripli fit-28 u fid-29 ta' April 2007,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta" l-Unjoni Afrikana (AU) ta" April ta' l-2004 biex titwaqqaf il-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1706 (2006) tan-NU li tipproponi forza ta' 22 000 ruħ għaż-żamma tal-paċi fid-Darfur,

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Marzu 2007 mħejji mill-Missjoni TA' Livell Għoli tal-Kunsill tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-Darfur,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-11 ta' Ottubru 2006 mħejji mill-Bord ta' Esperti fis-Sudan, appuntati skond ir-Riżoluzzjoni 1591 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, li hija obbligatorja u tiġi applikata mingħajr eċċezzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tad-Delegazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp fid-Darfur li għamel żjara fis-Sudan u fiċ-Ċad mit-30 ta' Ġunju sal-5 ta' Lulju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi jinsab imħasseb ħafna bis-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-Darfur, bl-episodji bla għadd ta' abbużi tad-Drittijiet tal-Bniedem fosthom stupru tal-massa, ħtif u trasferimenti sfurżati u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, kif juri r-rapport tal-Missjoni ta' Livell Għoli tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fid-Darfur,

B.   billi huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-konflitt f'dan ir-reġjun, li jinvolvi truppi regolari, milizzji favur il-gvern u ribelli, irriżulta fil-mewt ta' mill-inqas 400,000 ruħ u ħoloq aktar minn żewġ miljuni u nofs rifuġjati u persuni spustjati tul l-aħħar tliet snin, minkejja l-iffirmar tal-Ftehim ta' Paċi għad-Darfur fuq imsemmi,

C.   billi n-numru ta' persuni affetwati mill-konflitt fid-Darfur issa huwa aktar minn 4 miljuni, l-ogħla li qatt kien, li jinkludi 2.2 miljuni ta' Persuni Spustjati Internament (IDPs); billi aktar minn 500 000 minnhom ma jistgħux jintlaħqu minn ħaddiema umanitarja; billi b'aktar minn ħames miljun refuġjat spustjati internament jew refuġjati internazzjonali, is-Sudan bħalissa għandu l-akbar popolazzjoni ta' refuġjati fid-dinja,

D.   billi m'hemmx rispett għall-ftehima ta' N'djamena tat-8 ta' April 2004 għal waqfien ta' l-isparar u minn meta falla d-DPA, żdiedet is-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' liġi li żiedet l-insiġurtà; billi l-frammentazzjoni kontinwa ta' gruppi ribelli, sal-punt li bħalissa hemm għoxrin minnhom, qed ixxekkel id-distribuzzjoni ta' l-għajuna umanitarja u b'hekk kwalunkwe negozjati għall-paċi huma aktar diffiċli,

E.   billi l-kriżi fid-Darfur bħalissa hija kkunsidrata min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja,

F.   billi l-ambejnt li fih qed joperaw l-aġenziji umanitarji qatt ma kien agħar u għadhom isiru attakki bla distinzjoni fuq il-persuni ċivili u fuq il-ħaddiema ta' l-għajnuna umanitarja; billi fl-2006 nqatlu 19-il ħaddiem, u 18-il suldat AMIS mietu wkoll, inklużi disgħa matul ix-xahar li għadda; billi din is-sena, diġà ġew imbuskati 74 vettura umanitarja u 82 ħaddiem umanitarju inħatfu temporanjament,

G.   billi l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal hija rikonoxxuta bħala reat kontra l-umanità, imma l-istupru għadu jintuża, b' impunità, bħala arma ta' gwerra mill-partijiet fil-konflitt tad-Darfur; billi l-vittmi li jirrappurtaw is-sitwazzjoni jirriskjaw li jkunu mħarrka skond il-Liġi Sudaniża, peress li l-prova tirrikjedi l-korroborazzjoni minn erbgha xhieda rgiel,

H.   billi t-tortura u l-lieva sfurzata ta' adulti u tfal saru fattur ta' l-abbużi tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali fid-Darfur, b'vittmi wisq imbeżżgħa biex jirrappurtaw l-abbużi,

I.   billi d-duttrina tar-'Responsabilità għal Protezzjoni' tan-NU tistipula li, fejn 'awtoritajiet nazzjonali b'mod ċar jonqsu li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn ġenoċidju, reati tal-gwerra, tindif etniku u reati kontra l-umanità', ħaddieħor għandu r-responsabilità li jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa,

J.   billi l-mandat ta' l-AMIS ġie estiż sa l-aħħar tas-sena 2007 u l-forza mħallta mhux se titqassam qabel l-2008, mill-aktar kmieni; billi sakemm titqassam il-forza mħallta, l-AMIS hija l-unika forza fil-post b'mandat li tipproteġi liċ-ċivili,

K.   billi jinsab estremament imħasseb dwar il-provvista kontinwa ta' armi u tagħmir militari ta' kull tip lejn is-Sudan u l-użu ta' tali armi fil-kuntest tad-diżastru attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Provinċja Sudaniża ta' Darfur, kif ġie dokumentat f'rapport riċenti mill-Bord ta' Esperti fuq imsemmi u l-Amnesty International,

L.   billi l-konflitt tad-Darfur – flimkien ma" impunità mill-prosekuzzjoni – qed jaffettwa dejjem iktar l-istabilità tar-reġjun u għalhekk jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali,

M.   billi l-kriżi fiċ-Ċad hija parti minn konflitt regjonali akbar, il-krizi għandha wkoll id-dinamika tagħha u għandha tkun trattata bħala krizi fiha nnifisha; billi l-gvern taċ-Ċad qed ifalli fir-responsabbilità tiegħu li jipproteġi ċ-ċivili u bħalissa hemm 230 000 refuġjat Sudaniż f'kampijiet fiċ-Ċad u 190 000 Ċadjan ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom,

N.   billi fl-2006 n-NU bagħatet forza multidimensjonali fiċ-Ċad; minn dakinhar ma sar l-ebda progress fit-tqassim ta' din il-forza, minkejja l-ħtiġijiet ta' protezzjoni taċ-ċivili li dejjem qed jiżdiedu u jsiru aktar serji,

O.   billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fetħet investigazzjoni tar-reati fid-Darfur fl-2005 u ħarġet mandati ta' arrest fit-2 ta' Mejju 2007 kontra Ahmad Muhammad Harun u Ali Kushayb, u tissusspetta total ta' 51 kap ta' reati ta' gwerra u reati kontra l-umanità, inklużi l-omiċidju volontarju, l-istupru, it-tortura u l-persekuzzjoni taċ-ċivili fid-Darfur,

P.   billi fl-10 ta' Mejju 2007 iċ-Ċina appuntat lil Liu Giujin bħala Mibgħut Speċjali għad-Darfur; billi l-Ċina ħabbret ir-rieda tagħha li tibagħat inġiniera fil-post biex tappoġġa lill-gwardjani tal-paċi tan-NU, wara l-appoġġ taċ-Ċina għal forza AU/UN fl-aħħar tas-sena 2006; billi ċ-Ċina se tilqa' l-Logħob Olimpiku fl-2008, hija msieħba privileġġata tas-Sudan u bħala Membru permanenti ta' l-UNSC għandha responsabbilità speċjali għat-tfittxija tal-paċi fid-Darfur,

Q.   billi l-aħħar rapport ta' l-UN dwar il-Programm Ambjentali juri l-firxa tad-deserti minn medja ta' 100km fl-aħħar erbgħin sena, telf ta' kważi 12% tal-foresti fi ħmistax-il sena u ffertilizzar żejjed tal-ħamrija fis-Sudan,

R.   billi d-dħul miż-żejt ippermetta lill-baġit nazzjonali li jitla' minn $900 million fl-1999 sa aktar minn $2.5 biljuni fl-2003 u sa $11.7 biljun fl-2007, kif proġettat,

S.   billi l-Ftehima Komprensiva ta' Paċi (CPA) taħseb għal elezzjonijiet fl-2009,

1.  Jiddeplora s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur, fejn il-konflitt affettwa direttament aktar minn erba' miljun u ħames mitt elf persuna u aktar minn tliet miljun ruħ jiddependu fuq l-għajnuna biex ikollhom l-ikel;

2.  Jistieden lin-NU biex iġġib ruħha bi qbil mar-"Responsabilità għall-Protezzjoni" tagħha billi tibbaża l-azzjoni tagħha fuq in-nuqqas tal-Gvern tas-Sudan (GoS) li jħares lill-popolazzjoni tiegħu fid-Darfur mir-reati tal-gwerra u mir-reati kontra l-umanità, kif ukoll fuq in-nuqqas tiegħu li jipprovdi għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni tiegħu;

3.  Jitlob lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jagħmlu kull sforz possibbli biex jipprovdu protezzjoni effettiva għall-poplu tad-Darfur minn diżastru umanitarju;

4.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan u lill-movimenti ribelli sabiex jiżguraw aċċess umanitarju bla xkiel lil dawk affettwati mill-konflitt u sabiex jirrispetta l-liġi umanitarja internazzjonali; jilqa' l-firma fit-28 ta' Marzu 2007 tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Faċilità ta' l-Attivitajiet Umanitarji fid-Darfur bejn il-Gvern tas-Sudan u n-NU u jistieden sabiex tkun implimentata kompletament;

5.  Jistieden lill-partijiet sabiex jirrispettaw b'mod immedjat il-waqfien l-isparar, jikkundanna kwalunkwe ksur tal-waqfien l-isparar u partikolarment kwalunkwe vjolenza diretta lejn il-popolazzjoni ċivili u l-immirar lejn ħaddiema umanitarji; jinsisti li l-Gvern tas-Sudan jieqaf jixħet bombi fuq ir-reġjun tad-Darfur u jżarma mill-armi lill-milizzji tal-Ġanġawid; jinnota li mingħajr siġurtà, mhux possibbli li jkun hemm politika vera ta' żvilupp għal u fis-Sudan;

6.  Jilqa' l-aċċettazzjoni mill-Gvern tas-Sudan fit-12 ta' Ġunju 2007 tal-forza mħallta AU/UN, madankollu jfakkar li l-Gvern tas-Sudan qabel ħa impenji li jippermetti forza mħallta fis-Sudan, iżda li pero ma żammx; jenfasizza l-importanza li ssir preparazzjoni xierqa għal forza mħallta u għall-aktar tqassim veloċi possibbli u koperazzjoni kontinwa ta' l-awtoritajiet Sudaniżi; għalhekk jistieden sabiex ikun hemm tqassim veloċi ta' forza AU/NU b'mandat li jippermettilha li tipproteġi kif xieraq lill-popolazzjoni ċivili; juri li kwalunkwe soluzzjoni għall-konflitt se tkun waħda politika u mhux militari;

7.  Ifakkar lill-Gvern tas-Sudan li għandu r-responsabilità ewlenija għas-sigurtà interna, u m'għandux iqis bħala skuża azzjoni li tittieħed mill-komunità internazzjonali sabiex jabdika mir-responsabilità tiegħu;

8.  Jirrealizza li mhemmx probabiltà kbira li skjerament rapidu jgħin biex ikun hemm żieda sinifikanti ta' truppi li jkunu fil-pożizzjoni qabel ir-rebbiegħa ta' l-2008, waqt li sadattant il-qtil u abbużi oħra jibqgħu għaddejjin;

9.  Jistieden, għalhekk, lill-UE u lil donaturi oħra internazzjonali sabiex jipprovdu b'mod urġenti aktar appoġġ lill-AMIS taħt l-istruttura attwali, inkluż għajnuna finanzjarja fit-tul kif ukoll appoġġ tekniku li hu tant meħtieġ għal perjodu tranżizzjonali sakemm il-forza mħallta tkun kompletament f'postha; jitlob għal investigazzjoni fil-fond dwar il-fatt li xi suldati ta' l-AMIS ma reċevewx ħlas għal ħafna xhur;

10.  Iqis li, sabiex tiġi mħarsa l-popolazzjoni ċivili u l-ħaddiema umanitarji, ikun possibbli li tkompli tingħata l-għajnuna, kif ukoll li jkun żgurat li l-Gvern tas-Sudan jikkonforma mal-wegħdiet li jaċċetta mingħajr kundizzjoni forza mħallta, teħtieġ immedjatament zona li fiha ma jistgħux isiru titjiriet militari fuq id-Darfur;

11.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali sabiex jerġgħu jiltaqgħu għal taħdidiet ta' paċi ħalli jitjiebu t-termini tal-Ftehima ta' Paċi u sabiex din tkun aċċettabbli mill-partijiet kollha; jistieden lill-atturi internazzjonali biex iżommu lill-partijiet kollha responsabbli taħt il-ftehima li tirriżulta; jħeġġeġ lill-partijiet kollha marbuta mal-konflitt fid-Darfur biex juru l-impenn tagħhom għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi billi jimplimentaw il-ftehima mingħajr dewmien;

12.  Jistieden lill-UE, lin-NU u lill-UA biex juru front magħqud fl-isforzi sabiex isolvu l-konflitt fid-Darfur u biex jagħtu prijorità lill-proċess ta' paċi, li għandu jinkludi konsultazzjoni ma' u rappreżentazzjoni tat-tribujiet tad-Darfur, il-komunitajiet IDP, gruppi tan-nisa u tas-soċjetà ċivili, il-partiti politiċi kollha inkluż il-partiti ta' l-oppożizzjoni kif ukoll atturi reġjonali relevanti, sabiex jiffaċilitaw paċi dejjiema;

13.  Jistieden lill-Moviment ta' Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLM) sabiex jgħin ħalli jingħaqdu l-fazzjonijiet ribelli kollha bil-għan li jieħdu sehem fin-negozjati internazzjonali, u jistieden lill-komunità internazzjonali sabiex tagħmel pressjoni fuq il-gruppi ribelli biex jingħaqdu; jistieden ukoll lill-Gvern tas-Sudan biex jippermetti lir-ribelli jerġgħu jinġabru flimkien;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan sabiex jistabilixxi pjan direzzjonali ħalli jissettilja mill-ġdid lill-IDPs u lir-refuġjati, jagħtihom lura l-proprjetà u kumpens, jagħmel fond speċjali għall-vittmi ta' stupru, għal nisa li ġew miċħuda mill-familji tagħhom jew għal tfal li twieldu frott ta' stupru u għar-rijabilitazzjoni tagħhom;

15.  Jistieden lill-Gvernijiet taċ-Chad u tas-Sudan sabiex jonoraw l-impenji li kkonfermaw dan l-aħħar biex iwaqqfu l-għajnuna lill-movimenti armati u sabiex jaħdmu ħalli jtejbu r-relazzjoni ta' bejniethom;

16.  Jistieden għal skjerar urġenti ta' forza internazjonali fiċ-Chad, li tkun kapaċi, b'mod proattiv, tħares kemm lir-refuġjati u lill-IDPs, kif ukoll lill-komunitajiet oħra vulverabbli għall-vjolenza u sabiex tistabbilizza s-sitwazzjoni ta' sigurtà ħalli tippermetti aċċess umanitarju aħjar; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali sabiex tikkoordina l-isforzi diplomatiċi tagħha ħalli tinkoraġġixxi lill-President Deby jaċċetta l-iskjerament ta' forza tan-NU fiċ-Chad,

17.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan u lill-komunità internazzjonali biex jikkoperaw b'mod sħiħ ma' l-ICC sabiex tintemm l-impunità; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Gvern tas-Sudan biex tarresta lill-Ministru għall-Affarijiet Umanitarji Ahmad Muhammad Harun u lill-mexxej ta' l-Janjaweed Ali Kushayb u biex jgħaddihom lill-ICC; jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-Lega Għarbija biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan biex iwettaq dan;

18.  Iqis li hu vitali li s-CPA man-Nofsinhar tkun implimentata kif xieraq, u jinnota li s'issa għad mhemmx ftehim dwar il-qsim tal-ġid u d-demarkazzjoni tal-fruntieri; jirrimarka li l-implimentazzjoni b'suċċess tas-CPA u l-ftehima milħuqa reċentement mal-Lvant se tgħin biex tistabbilixxi l-fiduċja li se tkun meħtieġa biex iseħħ ftehim politiku dejjiemi fid-Darfur;

19.  Jikkundanna l-vjolazzjoni sfaċċata ta' l-embargo ta' l-armi tan-NU mill-Gvern tas-Sudan;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu minnufih monitoraġġ aktar strett u proċeduri ta' verifika biex jiżguraw konformità mar-Riżoluzzjoni 1591(2005) fuq imsemmija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Pożizzjoni Komuni 2005/411/CFSP tal-Kunsill ta' l-UE tat-30 ta' Mejju 2005 rigward miżuri ristrettivi kontra s-Sudan ħalli l-proċeduri japplikaw għal ċittadini ta' l-UE, kumpaniji reġistrati ta' l-UE, fondi ta' l-UE, bastimenti reġistrati fl-UE u ajruplani u kumpaniji li joperaw fil-ġurisdizzjoni territorjali ta' l-UE rigward:

   a) projbizzjoni tal-provvista ta' teknoloġija ta' użu doppju lis-Sudan li tkun kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1334/2000 tat-22 ta' Ġunju 2000 li jwaqqaf sistema Komunitarja għall-kontroll ta' esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju u ta' teknoloġija(6) u l-Arranġament ta' Wassenaar dwar il-Kontroll ta' l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali u ta' Oġġetti ta' Użu Doppju u ta' teknoloġiji;
   b) il-ħtieġa, fil-qafas ta' koperazzjoni ċivili-militari fil-leġiżlazzjoni ta' l-ajru uniku, li l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ta' l-UE jimmonitorjaw b'mod strett merkanzija fuq titjiriet li jista' jkollhom oġġetti militari jew ta' użu doppju u ta' teknologġija li tista' tkun destinata lejn is-Sudan, partikolarment meta din il-merkanzija tgħaddi minn territorju ta' l-UE; merkanzija li titwassal permezz ta' bastimenti għandha wkoll tiġi mmonitorjata;
   c) l-użu ta' kull mezz leġittimu sabiex tippromwovi ħarsien sħiħ u strett u konformità mill-istati kollha ma' l-embargo ta' l-armi tan-NU u mas-sanzjonijiet fuq is-Sudan kif stipulati fir-Riżoluzzjonijiet UNSC 1556(2004) u 1591(2005), inklużi projbizzjonijiet stretti ta' armi u oġġetti militari li jistgħu jintużaw mill-Gvern tas-Sudan fid-Darfur;
   d) it-tfassil ta' amministrazzjoni ta' armi aktar stretta u komprensiva u ta' projbizzjonijiet ta' kummerċ fuq is-Sudan li japplikaw għall-provvista ta' tagħmir militari lis-Sudan minn sussidjarji u assoċjati ta' kumpaniji ta' l-UE;
   e) miżuri li jevitaw li mezzi għat-trasport ta' għajnuna umanitarja fir-reġjun ikunu użati flimkien mat-trasport ta' oġġetti militari li fuqhom hemm l-embargo;

21.  Jistieden lill-UE u atturi internazzjonali oħra biex japplikaw sanzjonijiet immirati, inkluż miżuri biex jiġu affrontati attivitajiet ta' kummerċ li jkabbru l-konflitt, fuq kwalunkwe parti, inkluż il-Gvern tas-Sudan, li tikser it-tregwa jew li tattakka lil persuni ċivili, gwardjani tal-paċi jew operazzjonijiet umanitarji u sabiex jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex tintemm l-impunità permezz ta' l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi mmirati inklużi projbizzjonijiet ta' safar u ffriżar ta' assi;

22.  Jappoġġja l-istqarrija ta' l-Arċisqof Emeritu Desmond Tutu li l-Gvern tas-Sudan "għandu issa jkun suġġett għal sanzjonijiet iebsa u effettivi sakemm tintemm it-tbatija"; jistieden lill-UA biex tappoġġja din l-azzjoni kontra dawk responsabbli li jwettqu l-vjolenza fis-Sudan;

23.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, sabiex jeżerċita aktar pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan biex jikkonforma mal-pożizzjonijiet meħuda mill-UNSC u jenfasizza li nuqqas ta' konformità mat-talbiet tan-NU iwassal għal miżuri punittivi;

24.  Jilqa' l-indikazzjonijiet li ċ-Ċina issa hi aktar lesta li tippromwovi l-paċi fid-Darfur, u jistieden liċ-Ċina, bħala x-xerrej ta' 80% ta' l-esportazzjoni taż-żejt tas-Sudan, sabiex tuża l-influwenza sinifikanti tagħha fir-reġjun ħalli ġġiegħel lill-Gvern Sudaniż iżomm ma' l-impenji tiegħu skond is-CPA u d-DPA; barra minn hekk jappella liċ-Ċina sabiex tieqaf tesporta armi lejn is-Sudan u sabiex tieqaf timblokka d-deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet kontra l-Gvern tas-Sudan fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

25.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan sabiex jindirizza kwistjonijiet ambjentali u fosthom li jnaqqas l-impatt ambjentali ta' l-industrija taż-żejt tiegħu u ta' prattiċi agrikoli u sabiex jevita konflitti lokali dwar riżorsi naturali;

26.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan sabiex jippubblika l-ammont ta' dħul miż-żejt b'mod trasparenti u jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-tneħħija ta' investimenti ta' kumpaniji Ewropej u ta' fondi mis-Sudan;

27.  Jirrimarka li l-poter u l-ġid, li issa kiber riżultat tad-dħul tiegħu miż-żejt, hu ikkonċentrat sew fiċ-ċentru, bi żvantaġġ għal dawk li joqogħdu fil-periferija;

28.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta' l-Istat u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sudan, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern tal-Lega Għarbija u lill-Gvernijiet tal-Gruppi ta' Stati ta' l-Afrika, l-Karibbew u l-Pa1ifiku (ACP), lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-EU u lill-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni ta' l-Afrika.

(1) ĠU C 140 E, 9.6.2005, p. 153.
(2) ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 96.
(3) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 320.
(4) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 397.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0052.
(6) ĠU L 159, 30.06.2000, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza