Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2299(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0235/2007

Testi mressqa :

A6-0235/2007

Dibattiti :

PV 10/07/2007 - 15
CRE 10/07/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.3
CRE 12/07/2007 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0343

Testi adottati
PDF 550kWORD 251k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni
P6_TA(2007)0343A6-0235/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-12 ta' Lulju 2007 dwar Politika Marittima ta' l-Unjoni Ewropea għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra (2006/2299(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra" (COM(2006)0275),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 ntitolata "Il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali" (1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta" l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0235/2007),

A.   billi l-ibħra u l-oċeani jagħtu kontribut deċiżiv lill-kobor u r-rikkezza ġeografika ta' l-Unjoni Ewropea, permezz tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, filwaqt li 'joffru' lill-UE 320 000 km ta' kosta u huma l-abitazzjoni ta' terz tal-popolazzjoni Ewropea, inklużi 14-il miljun li jgħixu fuq gżejjer,

B.   billi l-industriji u s-servizzi bbażati fuq il-baħar, mhix inkluża l-materja prima, jikkontribwixxu bejn 3 u 6% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta" l-Ewropa, u r-reġjuni kostali jgħoddu total ta" 40% tal-PGD, u billi 90% tal-kummerċ estern ta" l-UE u 40% tal-kummerċ intern tiegħu huwa ttrasportat bil-baħar u billi l-Ewropa għandha 40% tal-flotta tad-dinja,

C.   billi l-applikazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għall-politiki marittimi mhux biss tikkonċernax l-objettivi marbuta mat-titjib tal-kompetittività iżda għandu jkollha wkoll impatt fuq pilastri oħra ta' l-istrateġija, bħall-ħolqien ta' impjiegi marittimi aktar sostenibbli u ta' kwalità aħjar fl-UE,

D.   billi l-oċeani u l-ibħra fl-Ewropa fihom kurituri maġġuri tat-trasport li jakkomodaw proporzjon konsiderevoli mill-volum ta" trasport; billi l-oċeani u l-ibħra għad għandhom potenzjal sustanzjali f'dik li hi kapaċità dinjija u billi l-oċeani u l-ibħra għalhekk m' għandhomx biss valur ekoloġiku importanti iżda valur soċjali u ekonomiku wkoll,

E.   billi t-tbaħħir huwa responsabbli għal madwar 4% ta' l-emissjonijiet tas-CO2 madwar id-dinja kollha, li jikkorrispondi għal madwar 1000 miljun tunnellata, u billi l-emissjonijiet marittimi m'humiex koperti mill-Protokoll ta" Kjoto; billi, skond studju li sar mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-emissjonijiet tal-gass tal-klima marittima se jogħlew b'iktar minn 70% sa l-2020 u billi, minbarra s-CO2, kull sena kwantitajiet kbar ta" gassijiet bl-effett ta" serra qed joħorġu minn sistemi ta" tkessiħ li jkunu abbord,

F.   billi, f'ħafna oqsma ta" attività marittimi, il-prestazzjonijiet imtejba huma misjuqa minn ideat innovattivi f'dak li jirrigwarda t-tbaħħir u billi l-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri u tat-tiswija tal-vapuri flimkien man-netwerk wiesa" tagħha ta" fornituri ta" tagħmir u servizzi hija forza dinjija li tixpruna t-tagħmir u l-inġenji marittimi innovattivi,

G.   billi t-tbaħħir jipproduċi inqas gassijiet bl-effett ta" serra kull mil tunnellata minn kwalunkwe forma oħra ta" trasport u l-avvanzi teknoloġiċi jtejbu b'mod kostanti l-effiċjenza ta" dan is-settur; billi hemm rieda politika qawwija biex ikun promoss it-tbaħħir bħala mezz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet bl-effett ta" serra li joħorġu mit-trasport tal-merkanzija,

H.   billi l-Programm ta" l-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti jistma li xi 80% tat-tniġġis tal-baħar huwa kkaġunat minn skular ta" skart likwidu minn fuq l-art,

I.   billi t-tbaħħir huwa responsabbli wkoll għall-iskular ta" kwantitajiet kbar ta" tipi differenti ta" skart likwidu għal ġo l-ibħra, inkluż l-iskart likwidu li ġej mit-tindif tat-tankijiet, mill-kċejjen tal-vapuri, mill-faċilitajiet tal-ħasil tal-ħwejjeġ u installazzjonijiet sanitarji, ilma tas-saborra u skular aċċidentali ta" żejt waqt operazzjonijiet; billi diversi tipi ta' skart solidu wkoll jiġu prodotti waqt li jkun għaddej ix-xogħol abbord il-vapuri u hija biss proporzjon żgħira minnu li tiġi mormija fil-faċilitajiet ta" ġbir fil-portijiet, bil-biċċa l-kbira minnu jiġi maħruq fuq il-baħar jew sempliċement mormi l-baħar minn fuq il-vapur,

J.   billi vapuri kbar illum iġorru kwantitajiet kbar ta' żejt tal-banker abbord għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet tagħhom u, fil-każ ta' aċċident jew inċident dan iż-żejt jista' jikkawża ħsara ekoloġika kunsiderevoli u diġà kkawża ħsara kunsiderevoli, bi ftit possibilitajiet ta' rimedju legali,

K.   billi, skond estimi uffiċjali, xi 80% ta" aċċidenti li jseħħu fuq il-baħar huma attribwibbli direttament lill-iżball tal-bniedem,

L.   billi, fil-preżent, meta l-maġġoranza l-kbira tal-vapuri kbar jaslu fi tmiem il-ħajja tagħhom u jiġu żarmati f'tarzni fejn jiġu żmuntati l-vapuri fid-dinja li qiegħda tiżviluppa taħt kundizzjonijiet soċjalment u ekoloġikament inaċċettabbli, u billi fil-parti l-kbira tal-każijiet il-bejgħ ta" dawn il-vapuri lil xerrejja barra mhux Ewropej huwa mod kif wieħed jevita l-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-Kontroll ta" Ċaqliq Transkonfinali ta" Skart Perikoluż u r-Rimi tagħhom, li taħtha dawn il-vapuri jkunu suġġetti għal projbizzjoni ta' esportazzjoni bħala skart perikoluż,

M.   billi l-livelli ta' l-ilma baħar kienu u għadhom qiegħdin jogħlew, u b'hekk qed jipperikolaw ir-reġjuni, il-popolazzjonijiet u l-industriji kostali, bħal m'hu t-turiżmu kostali,

N.   billi d-diversità f' attivitajiet tal-baħar u dawk kostali tirrkjiedi ppjanar flessibbli ta' l-ispazji mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet tagħhom,

O.   billi l-UE hija fuq quddiem fid-dinja f'dik li hija limitazzjoni ta" l-emissjonijietli joħorġu minn mezzi oħra ta" trasport li bħala riżultat tiegħu l-industrija Ewropea saret waħda minn ta" quddiem nett fid-dinja fl-innovazzjoni, u billi l-ġejjieni sostenibbli ta' l-industrija Ewropea fuq il-medda twila ta" żmien jista' jiġi assigurat biss permezz ta' l-innovazzjoni,

P.   billi l-UE għandha diversi aġenziji, li jinkludu l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operazzjonali fuq il-Fruntieri Esterni (FRONTEX), l-Aġenzija ta" l-Industrija tal-Ħut u l-Aġenzija ta" l-Ambjent li lkoll jintrigaw ruħhom minn diversi kompiti u billi jidher ċar li ma jsir l-ebda skambju formali bejniethom,

Q.   billi, mill-2004 "hawn, ir-rotot ta" ħeffa kbira tal-baħar kienu fost it-tletin proġett ta' prijorità tan-netwerk ta' trasport TEN iżda sar ftit wisq progress,

R.   billi l-oċeani u l-ibħra huma l-bażi tal-ħajja kollha fid-dinja u jilagħbu rwol sinjifikanti fil-bidla tal-klima; billi għan importanti ta" politika marittima integrata għandu jkun li jiġu mħarsa u ppriservati b'mod sostenibbli r-riżorsi tagħhom, billi kwart mill-istokkijiet tal-ħut tal-baħar jinsabu fil-periklu li jiġu estinti u minn dan il-kwart 17% kienu l-oġġett ta" sajd eċċessiv u 7% sar tnaqqis kbir fin-numri tagħhom, billi huma 1% biss ta' l-istokkijiet li qed jirkupraw bil-mod il-mod, u billi 52% ta" l-istokkijiet tal-ħut diġà sar tant sajd eċċessiv tagħhom li l-ammonti tagħhom ma jistgħux jerġgħu jiġu għal dawk li kienu u x-xjentisti qed javżaw li s-sajd kummerċjali jista" jikkrolla sa nofs is-seklu (l-2048),

S.   billi l-industrija tas-sajd hi settur ekonomiku rregolat ħafna u għalhekk iridu jiġu stabbiliti miżuri sabiex jiġi assigurat li dawn ir-regolamenti jittraduċu ruħhom fi prattika tajba u riżultati tajbin, billi, sabiex ikun hemm stokks ta' ħut sostennibbli, huwa meħtieġ li jiġu meqjusa l-ħafna fatturi varji li jinfluwenzaw l-istat ta" l-istokkijiet tal-ħut, bħal m'huma l-bidla fil-klima, il-predaturi, it-tniġġis, l-esplorazzjoni u t-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, impjanti marittimi għall-enerġija mir-riħ u l-estrazzjoni ta" ramel u ta" żrar irqiq,

T.   billi fi żmien għoxrin sena s-settur ta" l-industrija tas-sajd ta' l-UE se jkun ġie ttrasformat minħabba l-fatturi barranin, bħall-bidla fil-klima u l-azzjoni tal-bniedem u billi, bl-evidenza diġà tidher ta' trasformazzjoni bħal din fil-każ tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, huwa kruċjali li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-kawżi tal-bidla fil-klima,

U.   billi l-baħar u l-oċeani jilagħbu parti importanti fil-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi alternattivi u jżidu s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,

V.   billi l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni l-aktar imbegħda u tal-gżejjer Ewropej, jiġifieri l-immigrazzjoni illegali, id-diżastri naturali, it-trasport kif ukoll l-impatt tagħhom għall-bijodiversita, għandhom jiġu rrikonoxxuti,

W.   billi parti kbira mill-fruntiera esterna ta' l-UE hija waħda marittima u s-sorveljanza u l-ħarsien tagħha jimplikaw spejjeż akbar għall-Istati Membri kostali,

X.   billi l-Mediterran u l-Baħar l-Iswed huma mqassma bejn Stati Membri ta' l-UE u pajjiżi terzi, li dawn ta' l-aħħar għandhom inqas riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jimplimentaw regoli ambjentali u miżuri ta' sigurtà u ta' sikurezza,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper fuq imsemmija u jappoġġja l-approċċ integrat għall-politika marittima, fejn, għall-ewwel darba, oqsma tal-politika marittima bħal m'huma t-tarznari, it-tbaħħir, is-sikurezza tal-vapuri, it-turiżmu, l-industrija tas-sajd, il-portijiet, l-ambjent marittimu, ir-riċerka, l-industrija, l-ippjanar ta' l-ispazju u oħrajn huma deskritti u fejn l-interdipendenza reċiproka tagħhom hija enfasizzazzata; iqis din bħala opportunità għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw politika marittima li tħares 'il quddiem, li tgħaqqad flimkien b'mod intelliġenti l-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u l-użu innovattiv u intelliġenti ta' l-ibħra filwaqt li jiġi assigurat li s-sostenibbiltà tibqa" l-qofol tal-politika marittima; jemmen li l-UE għandha l-opportunità li tkun il-pijuniera ta' politika marittima innovattiva u sostenibbli u li dan jitlob li l-Istati Membri jaġixxu b'sens ta" għan komuni; jinnota li l-Parlament, fil-ġejjieni, se jevalwa kull Presidenza tal-Kunsill skond il-progress li jkun sar fil-qasam tal-politika marittima Ewropea;

2.  Jilqa' politika marittima li titlob li jkun hemm l-integrazzjoni tal-politiki, ta' l-azzjonijiet u tad-deċiżjonijiet rigward l-affarjiet marittimi u li tippromwovi koordinament aħjar, aktar ftuħ u koperazzjoni akbar bejn l-atturi kollha li l-azzjonijiet tagħhom għandhom impatt fuq l-oċeani u fuq l-ibħra Ewropej;

3.  Jinnota li, b'responsabilità għal politiki u għal azzjonijiet relatati ma" l-ibħra li għandhom sehem minnhom l-awtoritajiet ta' l-UE, il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-livelli kollha governattivi għandhom jimxu lejn approċċ aktar koordinat, filwaqt li jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom fl-arena marittima jqisu bis-sħiħ l-interazzjonijiet multipli ta' bejniethom;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet varji tar-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tal-15 ta' Marzu 2007 dwar "Il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali", u b'mod partikulari biex it-twaqqif ta' unita amministrattiva għall-gżejjer mal-Kummissjoni issir prijorita?, sabiex jiġi żviluppat l-approċċ trans-settorjali tant mistenni lejn il-problemi ta' dawn it-territorji, kif ukoll sabiex jingħata r-rikonoxximent xieraq għall-gżejjer fil-programm ta' statistika ta' l-UE fir-rigward tal-politika marittima futura;

5.  Jappoġġja l-prinċipju li l-politika marittima Ewropea tkun ankrata fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona sabiex jiġu ffaċilitati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi b'mod sostenibbli, fuq il-bażi ta" l-għerf xjentifiku; jenfasizza s-sinjifikat tat-trasport marittimu f'termini ta' volum ta' trasport u ta' impatt ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti fl-ispirtu u fil-kuntest ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jisħaq li għandha tingħata prijorità mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri lill-implimentazzjoni aħjar u lit-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza l-valur miżjud ta' l-Ewropa f'inizjattivi prattiċi, pereżempju rigward koordinament u koperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-kontradizzjoni li jistgħu jinħolqu;

Il-bidla fil-klima bħala l-akbar sfida għall-politika marittima

6.  Jenfasizza li, meta wieħed iqis id-diskussjoni kurrenti dwar il-bidla fil-klima u l-ewwel pubblikazzjonijiet tar-rapport tar-Raba" Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima, dawk kollha involuti iridu jsiru konxji l-azzjoni ilha li messha ttieħdet u li l-Komunità fadlilha biss 13-il sena biex tuża teknoloġiji ġodda sabiex tevita katastrofi tal-klima; jinnota li, skond ir-rapport, xenarji speċifiċi rigward livelli tal-baħar li qed dejjem jogħlew li se jkunu partikolarment ta" ħsara għal pajjiżi kostali, il-mewġiet ta" sħana, it-tgħargħir, il-maltempati, in-nirien tal-foresti u n-nixfiet madwar id-dinja kollha; jisħaq li hemm ukoll problema potenzjali relatata direttament mar-refuġjati tal-klima u problemi oħra relatati mas-sigurtà internazzjonali li jirriżultaw minn tilwim possibbli fuq riżorsi komuni;

7.  Jisħaq li l-UE għandha tilgħab irwol prinċipali u ta" pijuniera fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jenfasizza li l-Komunità għandha tuża il-kapaċitajiet tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni, tieħu t-tmexxija f'idejha u taġixxi b'mod deċiżiv fuq il-livell internazzjonali;

8.  Jenfasizza li l-enerġija mill-qawwa tar-riħ fuq l-art u fuq il-baħar għandha potenzjal sostanzjali ħafna għall-iżvilupp u tista' tagħti kontribut kbir għall-ħarsien tal-klima, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni billi twaqqaf taqsima jew unità ta' koordinazzjoni għall-enerġija mir-riħ u billi tillanċja pjan ta' azzjoni għall-enerġija mir-riħ;

9.  Jenfasizza li l-politika marittima Ewropea għandha tilgħab parti sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima permezz ta" mill-inqas tliet politiki: l-ewwel, l-emissjonijiet mill-vapuri ta" sustanzi bħal m'huma s-CO2, l-SO2 u l-ossidu tan-nitroġenu għandhom jitnaqqsu drastikament; it-tieni, il-fattibilità ta" l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet għat-tbaħħir għandha tiġi introdotta ; it-tielet, wieħed għandu jintroduċi u jipprowovi enerġiji li jiġġeddu bħal m'huma l-enerġija mir-riħ u mix-xemx għandhom jiddaħħlu u jiġu promossi għat-tbaħħir; jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti dispożizzjonijiet legali biex jitnaqqsu b'mod kunsiderevoli l-emissjonijiet b'effett ta' serra f'zoni marittimi, u jistieden lill-Unjoni Ewropea wkoll biex tintroduċi miżuri deċiżivi biex l-ibħra jiġu inklużi fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-klima;

10.  Jinsab imħasseb minħabba r-rapporti li jissuġġerixxu li l-emissjonijiet marittimi tad-dijossidu tal-karbonju huma ogħla milli kien maħsub qabel, li jirrappreżentaw sa 5% ta' l-emissjonijiet globali, u huwa pproġettat li se jiżdiedu b'sa 75% bejn il-15 u l-20 sena li ġejjin sakemm ma tittiħidx azzjoni biex tegħleb din it-tendenza; jinnota li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta" serra minn bastimenti tas-sajd huma sinjifikanti; jinnota nuqqas ta' progress fi ħdan l-IMO dwar din il-kwistjoni minkejja l-mandat mogħti fil-Protokoll ta' Kjoto għaxar snin ilu;

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li, biex l-Istrateġija tal-Baħar issir il-'pilastru ambjentali' tal-Politika Marittima, hemm bżonn li l-politiki jkunu komplementari għal kollox sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-approċċ ta' l-UE; jirrikonoxxi l-fatt li l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju fi strutturi ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar jista' jipprovdi parti minn pakket ta' miżuri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta" serra fl-atmosfera u jitlob li jinħoloq qafas leġiżlattiv u regolatorju ċar għall-użu ta' din it-teknoloġija;

12.  Jinsisti li l-ippjanar ta' l-iżvilupp tul il-kosta twila tal-Komunità, jiġifieri għal żvilupp urban, għal siti industrijali, għal portijiet u marini, siti rikreattivi eċċ., irid iqis b'mod espliċitu l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u ż-żjieda assoċjata fil-livelli tal-baħar, inklużi l-frekwenza u s-saħħa dejjem jiżdiedu tal-maltempati u l-mewġ li qed jikber fil-għoli tiegħu;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ integrat, bħalma hu l-ICZM, sabiex il-miżuri jkunu effettivi.

Tbaħħir Ewropew aħjar b'bastimenti Ewropej aħjar

14.  Jenfasizza li t-trasport marittimu huwa parti essenzjali tas-sistema ekonomika tad-dinja, u li l-ġarr ta" merkanzija bil-baħar bħalissa huwa wieħed mill-metodi ta' trasport li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent; jidhirlu, madanakollu, li t-tbaħħir għandu prezz ambjentali konsiderevoli, u għalhekk bilanċ sostenibbli bejn il-ħarsien ambjentali u l-użu kummerċjali ta' l-oċeani Ewropej huwa essenzjali, li bih il-garanzija tas-sostenibilità għandha tkun prijorità assoluta; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja dan il-bilanċ meta tkun qiegħda tfassal il-proposti futuri tagħha dwar il-politika marittima u tal-portijiet;

15.  Jenfasizza li l-promozzjoni tat-trasport marittimu bħala forma sostenibbli ta" trasport tirrikjedi l-iżvilupp u l-espansjoni tal-portijiet u taż-żoni tal-portijiet; jinnota li l-portijiet spiss jikkonċidu jew ikunu maġenb siti ta' Natura 2000 li huma protetti mid-Direttivi dwar l-Ambjent Naturali(2) u t-Tajr Selvaġġ(3) u jenfasizza l-bżonn ta' approċċi u inizjattivi kostruttivi bejn l-operaturi tal-portijiet u l-entitajiet għall-konservazzjoni tan-natura sabiex jinkisbu soluzzjonijiet aċċettabbli għall-awtoritajiet tal-portijiet, għar-regolaturi u għas-soċjetà ġenerali, li jirrispettaw l-ispirtu u l-għanijiet tad-direttivi filwaqt li jippermettu lill-portijiet li jżommu l-irwol ċentrali tagħhom bħala portali globali;

16.  Jemmen li l-politika marittima Ewropea għandha tfittex li tippreserva u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-industriji marittimi Ewropej u l-attivitajiet speċjalizzati u tevita politiki li jippromwovu ċ-ċaqlieq lejn bnadar ta' pajjiżi terzi, li jipperikolaw is-sigurtà u l-ħarsien ta' l-ibħra u jfaqqru l-ekonomija Ewropea; jenfasizza li l-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar jista' jinkiseb aħjar permezz ta' regolamenti internazzjonali li japplikaw għall-vapuri kollha huma x'inhuma l-bandiera u l-ewwel port fejn jieqaf vapur;

17.  Jidhirlu li industrija tal-manifattura marittima innovattiva u kompetittiva Ewropea hija kruċjali għat-tkabbir sostenibbli skond l-Istarteġija ta' Liżbona; jissottolinja li, meta wieħed iqis li l-kapaċitajiet ta' produzzjoni qed jiżdiedu fi bnadi oħra, l-iżviluppi pożittivi li saru fir-rigward tat-tarznari Ewropej f'dawn l-aħħar snin m'għandhomx iwasslu għal stat ta" kompjaċenza u għalhekk jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi msaħħa l-kompetittività u biex tiġi żgurata sitwazzjoni kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ fuq il-livell tad-WTO għat-tarznari Ewropej, li huma kontinwament esposti għal kompetizzjoni inġusta mill-bennejja tal-vapuri Ażjatiċi;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "LeaderSHIP 2015: Rapport ta' Progress" (COM(2007)0220) u jenfasizza, b'mod partikulari, s-suċċess ta' l-approċċ komprensiv il-ġdid għall-politika industrijali li nħolqot għall-ewwel darba minn LeaderSHIP2015 bħala waħda mill-ewwel inizjattivi settorjali;

20.  Jenfasizza li koordinazzjoni u koperazzjoni (transkonfinali) aħjar bejn il-portijiet tal-baħar, u tqassim aktar ibbilanċjat tar-responsabilità madwar l-Ewropa kollha bejn il-portijiet, jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli biex jiġi evitat it-trasport mhux sostenibbli bl-art;

21.  Iqis l-irwol ta" l-UE bħala ta" quddiem nett fir-rigward ta' l-impożizzjoni ta' limiti aktar stretti mhux bħala restrizzjoni iżda bħala opportunità għall-industrija Ewropea; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri u lill-Komunità biex iqawwu l-isforzi taggħom biex jippromwovu r-riċerka dwar teknoloġiji aktar effiċjenti u aktar nodfa għall-bastimenti u l-portijiet u l-iżvilupp tagħhom;

22.  Jagħraf il-fatt li fil-ġejjieni prevedibbli l-emissjonijiet ta" kontaminanti ta" l-arja kkawżati minn bastimenti se jeċċedu lil dawk ġejjin minn sorsi bbażati fuq l-art; ifakkar fit-talba tiegħu fil-kuntest ta" l-Istrateġija Tematika dwar il-Kwalità ta" l-Arja biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu passi urġenti biex inaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-tbaħħir u biex il-Kummissjoni tersaq bi proposti:

   biex ikunu stabbiliti standards għall-emissjonijiet ta' l-NOx għall-vapuri li jużaw il-portijiet ta' l-UE;
   biex il-Baħar Mediterranju u l-Baħar ta' l-Atlantiku tal-Grigal jiġu ddikjarati bħala Zoni ta' Kontroll ta' l-Emmissjonijiet tal-Kubrit (SECAs) skond il-Konvenzjoni MARPOL;
   biex jitnaqqas, minn 1.5% għal 0.5%, il-kontenut massimu permess ta' kubrit fil-fjuwils marittimi użati fis-SECAs minn bastimenti tal-passiġġieri;
   biex jiġu introdotti miżuri fiskali, bħal m'huma taxxi jew ħlasijiet fuq l-emissjonijiet ta' SO2 u NOx minn bastimenti;
   biex tiġi mħeġġa l-introduzzjoni ta' ħlasijiet iddivrenzjati għall-użu tal-portijiet u tal-kanali navigabbli li jiffavorixxu l-bastimenti b'emissjonijiet baxxi ta' SO2 u NOx;
   biex il-basitmenti jiġu mħeġġa jużuw l-elettriku ġej mix-xatt meta jkunu sorġuti f'port;
   biex titħejja direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità tal-fjuwils marittimi;

23.  Jara potenzjal enormi għat-tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili u fl-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport marittimu, b'mod partikulari permezz ta" inċentivi fiskali għall-użu ta" dan it-tip ta" fjuwil u inċentivi akbar għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u, inter alia, billi jiġi promoss l-użu tal-bijofjuwils u riċerka aktar fil-fond dwarhom u billi jitħaffef l-użu ta" l-enerġija mir-riħ għas-sewqan tal-basitmenti; jisħaq, madanakollu, fuq il-ħtieġa li jkun hemm ċertifikazzjoni ambjentali u soċjali obbligatorja tal-bijofjuwils u li ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tagħhom, l-effiċjenza klimatika tagħhom u l-bilanc tas-CO2 ma jkun hemm l-ebda dubju dwarhom;

24.  Jemmen li l-isforzi għall-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri m'għandux ikun ristrett biss għat-tniġġis biż-żejt iżda għandhom jgħoddu wkoll għal kull tip ta' tniġġis, b'mod speċjali dawk it-tipi ikkawżati minn sustanzi perikolużi u tossiċi; f'dan ir-rigward, jinnota li l-irwol li tilgħab l-EMSA huwa wieħed essenzjali u li bil-mod il-mod għandha tintriga ruħha minn aktar kompiti, għalkemm dawn għandhom dejjem ikunu addizzjonali għall-kompiti mwettqa mill-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis u r-rispons għalih. għalhekk jidhirlu li huwa meħtieġ li tiġi ggarantita sigurtà finanzjarja xierqa għall-iffinanzjar tal-kompiti afdati f'idejn l-EMSA;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sistema operattiva CleanSeaNet għas-sorveljanza u s-sejba ta' tniġġis li jkun ħiereġ minn bastimenti li għandha tgħin lill-istati kostali jillokalizzaw u jidentifikaw lil min iniġġes fiż-żoni ġeografiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu immedjatament id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għall-infrazzjonijiet(4);

26.  Jirrikonoxxi l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sikurezza marittima u tal-vapuri wara d-diżastri ta' l-"Erika" u l-"Prestige", li r-riżultat prinċipali tagħhom kien il-pakketti ta' miżuri dwar is-sikurezza fuq il-baħar;

27.  Iħeġġeġ lill-Kunsill għat-Trasport biex jiddiskuti t-tielet pakkett ta' sikurezza marittima mill-aktar fis u biex jieħu deċiżjoni, flimkien mal-Parlament, sabiex ma jingħatax lok għal nuqqas fil-kredibilità;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-miżuri kollha li jikkonċernaw ir-responsabilità ċivili u kriminali f'każ ta' xi aċċident jew inċident, f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u t-tqassim tas-setgħat u f'konformità mal-qafas legali internazzjonali;

29.  Iffakar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 dwar it-titjib tas-sikurezza fuq il-baħar(5) u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont aktar tal-fattur uman meta tieħu passi oħrajn;

30.  Jinnota bi tħassib li l-Baħar Baltiku bħalissa huwa wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja u jfakkar lill-Kummissjoni fit-talba preċedenti tiegħu biex tiġi abbozzata rakkomandazzjoni dwar strateġija ta' l-UE għall-Baltiku, fejn jiġu proposti miżuri għat-titjib tal-kundizzjoni ambjentali tal-Baħar Baltiku, sabiex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku b'mod partikolari u biex jiġi evitat li żejt u sustanzi oħra tossiċi u li jagħmlu l-ħsara jiġu skulati għal ġol-baħar; ifakkar li l-istrumenti eżistenti għall-koperazzjoni, bħal m'huma l-programmi INTERREG, għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ meta jkunu qed jiġu implimentati proġetti interreġjonali sabiex jiġi ammeljorat l-istat ta' l-ambjent Baltiku;

31.  Jitlob li jiġu stabbiliti zoni speċjali ġewwa zoni tal-Baħar Baltiku li huma ambjentalment sensittivi u diffiċli għan-navigazzjoni, b'mod partikolari it-Trunċiera ta" Kadet (Kadet Trench), Skagerrak/Kattegat, l-Istrett il-Kbir (Great Belt) u s-Sound, li bastimenti li jbaħħru l-ilmijiet kbar, partikolarment it-tankers taż-żejt, ma jkunux jistgħux jinnavigawhom aktar mingħajr pilota, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għat-tfassil ta'miżuri meħtieġa fil-korpi kompetenti internazzjonali, b'mod partikolari l-IMO;

32.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex mill-aktar fis possibbli tressaq proposta lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiġi żgurat li ż-żejt tal-banker għall-fjuwil tal-magna f'vapuri ġodda jiġi maħżun f'tankijiet aktar sikuri bi bwieq doppji peress li l-vapuri tal-merkanzija jew bil-kontejners spiss ikun fihom fjuwil tqil bħala fjuwil tal-magna fil-bankers tagħhom, li l-kwantità tiegħu tista' taqbeż sewwa lil dik tat-tagħbijiet ta' tankers taż-żejt iżgħar; jidhirlu li, qabel ma tressaq proposta bħal din, il-Kummissjoni għandha taċċerta ruħha jekk ir-regoli eżistenti ta' l-IMO stipulati fir-Riżoluzzjoni MEPC.141(54) humiex biżżejjed jew le sabiex jiggarantixxu t-trasport sikur ta' żejt tal-banker użat bħala fjuwil;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-viġilanza fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-użu obbligatorju ta' bwieq doppji;

34.  Jitlob li l-basitmenti kollha li jidħlu f'portijiet Ewropej ikollhom l-ogħla standards ta" sikurezza; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Ewropa tilgħab parti prinċipali; huwa konxju li dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu estiżi għall-bastimenti kollha fiz-zona ta" 200 mil;

35.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li inqas u inqas żgħażagħ Ewropej imħarrġin tajjeb qed jaħdmu bħala uffiċjali u membri ta' l-ekwipaġġ fuq vapuri Ewropej, li bħala riżultat qed joħloq il-biża' ta' telf ta' mħuħ fuq skala enormi; huwa tal-fehma li kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, skond id-dispożizzjonijiet stipulati mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO), jistgħu jgħinu biex aktar Ewropej jiġu inkuraġġiti jagħżlu karriera fuq il-bastimenti;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lil dawk li għandhom interess fis-settur marittimu sabiex jirrevedu l-pjanijiet ta' karriera u l-opportunitajiet ta' tagħlim ta' tul il-ħajja fis-settur marittimu, l-ewwelnett sabiex jippermettu li l-ħiliet u l-esperjenza miksuba jkunu jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv u, t-tieni, bil-ħsieb li jkunu introdotti sistemi ta' qlib bejn xogħol fuq il-baħar u xogħol fuq l-art sabiex tiġi ppriservata l-kompetenza u sabiex il-prospetti ta' karriera jsiru aktar attraenti;

37.  Jappoġġja n-negozjati li qegħdin isiru għal ftehim bejn l-imsieħba soċjali fl-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ILO dwar standards tax-xogħol fil-qasam marittimu ta' l-2006, fir-rispett tal-klawżola tan-non-rigressjoni stabbilita fiha; huwa favur li l-Istati Membri jkunu fid-dmir li jirratifikaw u jimplimentaw din il-konvenzjoni fil-qafas tal-politika marittima futura ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mir-relazzjonijiet kollha possibbli biex tagħmel suċċess l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ILO dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd, wara li kienet falliet fl-2005.

38.  Jemmen li, kif kien issuġġerit fil-Green Paper imsemmija hawn fuq, l-esklużjoni tal-baħħara regolari mid-direttivi soċjali għandha tiġi rriveduta mill-imsieħba soċjali;

39.  Jinnota li s-sajjieda u l-baħħara huma esklużi mil-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE f'ħafna oqsma (p.e. d-Direttiva 98/59/KE(6) dwar redundancies kollettivi, id-Direttiva 2001/23/KE(7) dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta" l-impjegati fil-każ ta" trasferiment ta" impriżi, negozji jew partijiet ta" impriżi jew negozji, id-Direttiva 2002/14/KE(8) dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta" l-impjegati, u d-Direttiva 96/71/KE dwar l-issekondar ta" ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta" forniment ta" servizzi(9)); jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tikkunsidra dawn l-eżenzjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-sidien tal-vapuri biex jidħlu fi sħubija sabiex iħarrġu baħħara u uffiċjali ta' kwalità, kif qed isir b'suċċess fid-Danimarka, u sabiex, permezz tal-politiki tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ, iżidu l-għerf u l-ħeġġa tagħhom għall-wirt marittimu u jipprovdu inċentivi addizzjonali għal attivitajiet u għal professjonijiet marbuta mal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijiet li jappoġġjaw sħubijiet bħal dawn permezz ta' finanzi u pariri;

41.  Jitlob li tiddaħħal marka ta" kwalità Ewropea għall-vapuri, f'konformità ma" l-iskema ta" kklassifikar tal-lista l-bajda ta' l-IMO, li jkunu jilħqu l-aktar standards reċenti u l-iktar kundizzjonijiet soċjali reċenti, liema marka tagħti lil dawk il-vapuri trattament preferenzjali fir-rigward tal-kontrolli mill-istat tal-port;

42.  Jinnota l-iskarsezza ta' professjonisti esperti u mħarrġa sew li qed taffaċċja lil din l-industrija; jissuġġerixxi li jiġu żviluppati korsijiet speċjali ta' taħriġ għall-kaptani u l-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd biex ikun ipprovdut fehim bażiku tax-xjenza li taffettwa l-industrija tagħhom, inkluż it-twassil tal-fehim ta' l-importanza ta" l-amministrazzjoni u s-sostenibilità ambjentali bħala għajnuna għall-iżvilupp progressiv ta' approċċ, ibbażat fuq l-ekosistemi, lejn l-immaniġġjar tas-sajd b'suċċess;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq pjanijiet biex jingħata taħriġ vokazzjonali mill-ġdid lis-sajjieda, li jkun jinkuraġġihom jiffokaw fuq prattiki ġodda li jippromwovu l-użu ta' għarfien relatat max-xogħol fuq il-baħar; jindika l-akkwakultura lilhin mill-kosta u l-ekoturiżmu bħala setturi li huma fost il-miri possibbli;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi mtejba l-impressoni dwar is-settur ta" l-industrija tas-sajd, li bħalissa qed ibati minn nuqqas ta" rispett; hu tal-fehma li t-titjib fil-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-bastimenti, u pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ekkwipaġġ, jistgħu jintlaħqu biss f'industrija sostenibbli u li tħalli qligħ u hu tal-fehma li jridu jiġu ddedikati aktar riżorsi għar-riċerka u l edukazzjoni mmirati lejn it-titjib ta" l-għarfien u tal-ħiliet;

45.  Jinnota li l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jiżguraw l-iġjene, is-sikurezza u l-kumdità għall-ħaddiema fl-industrija tas-sajd, kemm għas-sajjieda nfushom kif ukoll għan-nies li jaħdmu f'setturi "upstream" u "downstream", huwa objettiv essenzjali ta' politika għall-ibħra u l-oċeani;

46.  Jidhirlu li, meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni, il-kunċett tar-responsabilità soċjali korporattiva huwa ta' valur limitat fil-kuntest tal-konservazzjoni ta' l-ambjent marittimu, u li għalhekk bażi ta' leġiżlazzjoni xierqa trid tkompli tirrinforza l-programm Komunitarju għall-konservazzjoni ambjentali, li għandu jkun imsaħħaħ permezz ta" azzjonijiet volontarji li jimpenjaw ruħhom fihom kumpaniji li jkunu jixtiequ juru l-imġiba responsabbli tagħhom;

47.  Jikkundanna l-kundizzjonijiet li taħthom qed jiġu żarmati bħalissa l-vapuri fid-dinja li qed tiżviluppa u jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-baċiri fejn il-vapuri kkonċernati jiġu żarmati u li tesplora l-possibilitajiet kollha fil-qasam tal-liġi kriminali li hi disponibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li prinċipju ta" "min iniġġes iħallas" jiġi japplika fis-settur marittimu l-istess bħal m'hu l-każ f'setturi oħra; jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Green paper dwar titjib fiż-żarmar tal-vapuri (COM(2007)0269); jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżviluppa proposta għal 'passaport aħdar' li għandu jinżamm mad-dokumenti tal-vapur, li jkun jelenka s-sustanzi tossiċi kollha li ntużaw fil-Kostituzzjoni tal-vapur; jemmen li l-Komunità għandha tindirizza l-kwistjoni tar-riċiklaġġ tal-vapuri billi tikkonkludi Konvenzjoni internazzjonali obbligatorja - maħsuba għall-2008 jew l-2009 - u li sadanittant għandha ssegwi l-linji gwida ta' l-IMO;

48.  Jidhirlu li t-tarznari u l-industriji tat-tagħmir marittimu fl-Unjoni rnexxielhom jibqgħu kompetittivi billi investew fi prodotti u proċessi innovattivi u billi ħolqu swieq ta" niċċa bbażati fuq l-għerf; jemmen li strateġija marittima Ewropea jmissha toħloq il-kundizzjonijiet li jwasslu biex tinżamm kif inhi l-pożizzjoni ta" l-Unjoni fuq quddiem nett f'dawn is-swieq, billi pereżempju, jkun promoss l-iżvilupp ta" mekkaniżmi ta" trasferiment tat-teknoloġija marittima,

49.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mil-Linji Gwida għall-Għajnuna Statali tal-Komunità li jikkonċernaw l-ispejjeż ta' l-impjiegi u t-tassazzjoni, b'enfasi partikolar aktar fuq is-sistema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ; jidhirlu li r-Rapport ta' Progress ta' LeaderSHIP 2015 kellu impatt pożittiv, u li s-settur marittimu għandu jibqa" jinżamm eliġibbli għall-għajnuna statali sabiex tkun promossa l-innovazzjoni;

50.  Jitlob li, fil-ġejjieni, it-trasbord taż-żejt jew ta" tagħbijiet tossiċi oħra fuq il-baħar ikun illimitat għal zoni indikati b'attenzjoni kbira taħt sorveljanza sabiex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni ta" min ikun responsabbli f'każ li jsir xi skarikar ta" kontaminanti għal ġol-baħar; jinnota li l-ġarr bil-baħar jikkontribwixxi għat-tniġġis marittimu, u potenzjalment għat-tħarbit ta" l-ekosistemi, permezz ta" l-introduzzjoni, fl-ibħra u fl-oċeani, ta" speċijiet aljeni li jinsabu fl-ilma tas-saborra li jintrema għal ġol-baħar u permezz ta" l-użu ta" kimiċi f'żebgħat ta" kontra l-infestazzjonijiet ("anti-fouling") li jaffettwaw l-ormoni tal-ħut; jenfasizza li l-irqajja' ta' żejt ukoll huma wieħed mill-perikli marittimi ewlenin;

51.  Jitlob li jiġu pprovduti taħriġ u informazzjoni billi jinġabru, jiġu analizzati, u mxerrda l-aħjar prattiki, tekniki, strumenti għall-immoniterjar tat-tbattil tat-tankijiet u l-innovazzjoni biex jiġi miġġieled it-tniġġis miż-żejt u minn sustanzi tossiċi u perikolużi, u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi, bl-użu ta' sorveljanza bbażata fuq spezzjonijiet u l-użu tas-satelliti, bil-għan li jkun immoniterjat it-tixrid aċċidentali jew li jsir apposta;

Politika Ewropea tal-kosta li tkun aħjar u li tkun tinkludi portijiet Ewropej aħjar

52.  Jenfasizza l-importanza tal-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu l-kooperazzjoni territorjali u n-netwerk tar-reġjuni tal-kosta lill-politika marittima ħolistika permezz tal-promozzjoni ta' strateġiji konġunti favur il-kompetittività taz-zoni kostali; Jidhirlu li għalhekk, il-parteċipazzjoni ta' dawk interessati kemm reġjonali u kemm lokali hija essenzjali għas-suċċess ta" politika marittima Ewropea; u għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-reġjuni tal-kosta Ewropej qed jiżviluppaw koperazzjoni u netwerks reċiproċi dejjem aktar mill-qirb;

53.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jagħmlu sforzi partikulari sabiex iżidu l-kuxjenza dwar temi marittimi; jemmen li dan jista" jinkludi, pereżempju, ir-rikonoxximent ta' xempji tajba ta" proġetti turistiċi, tbaħħir li jirrispetta l-ambjent jew kontribuzzjonijiet partikolari lejn l-edukazzjoni dwar il-baħar; f'dan ir-rigward, li jingħataw premjijiet jingħataw lil reġjuni marittimi eżemplari bħala mod kif tiġi promossa l-aħjar prattika; jenfasizza s-sinjifikat ta" l-inizjattiva tiegħu, li għandha tiġi promossa mill-Kummissjoni, rigward it-twaqqif ta" Jum Marittimu Ewropew bħala ċelebrazzjoni ta' l-affarijiet marittimi; jisħaq li korsijiet pilota dwar l-"edukazzjoni marittima" għandhom jiġu introdotti fl-iskejjel sekondarji bl-appoġġ tal-Kummissjoni;

54.  Jenfasizza li huwa ta" l-akbar importanza għall-iżvilupp tal-gżejjer u taż-żoni kostali li jitqiegħdu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-iskular tal-fosfru u tan-nitroġenu għal ġol-Baħar Baltiku, minħabba l-fatt li l-kundizzjoni tal-baħar hija fundamentali għat-turiżmu u għall-kummerċ marbut miegħu; jenfasizza li hemm il-ħtieġa ta'ġabra ta' regoli ċari u li jinftiehmu faċilment u manwal li jispjega b'mod ċar l-inċentivi u l-konsegwenzi tagħhom;

55.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri sabiex jużaw l-istrumenti tal-politika tal-koeżjoni sabiex tinkiseb integrazzjoni aktar fil-politika marittima u kostali, jippromwovu l-intraprenditorija u jistabbilixxu SMEs, u b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-problema ta' l-impjiegi staġjonali; jitlob, b'mod partikolari, li jinħoloq netwerk ta' reġjuni ta' eċċellenza marittima fil-qafas ta' l-Objettiv ta' Koperazzjoni Territorjali Ewropea;

56.  Jidhirlu li huwa ta" importanza mill-akbar li jiġu żviluppati sistemi ta" twissija bikrija matul il-kosti Atlantiċi li huma potenzjalment esposti għaz-zunamijiet;

57.  Jenfasizza l-importanza fundamentali u l-irwol li għandhom il-portijiet bħala lenbut għall-kummerċ internazzjonali, bħala sewwieqa ekonomiċi u bħala ħallieqa tax-xogħol għar-reġjuni kostali u bħala ċentri ta" tranżitu għall-intrapriżi tas-sajd, kif ukoll bħala punti essenzjali għall-kontroll tas-sigurtà;

58.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, minħabba t-tniġġis ta' l-arja f'ħafna bliet port u reġjuni fejn jinsabu l-portijiet, biex iżidu b'mod sinjifikanti l-inċentivi għall-użu ta' enerġija bbażata fuq l-art għall-vapuri li jkunu fil-port meta dan ikun ta" nfiq effettiv u jirriżulta f'benefiċċji ambjentali; jitlob, għalhekk, li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta" Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta" l-enerġija u l-elettriku(10) tiġi rriveduta sabiex dawk l-Istati Membri li jkunu qed japprofittaw ruħhom miż-żejt tal-banker bla taxxa, kif ipprovdut fl-Artikolu 14 ta" dik id-Direttiva, ikunu obbligati li jeżentaw mit-taxxa sa l-istess punt l-elettriku li hu bbażat fuq l-art;

59.  Jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-portijiet fejn jintlaqa' skart iġġenerat mill-vapuri u residwi tat-tagħbijiet(11), sabiex il-vapuri kollha li jidħlu fil-portijiet ta' Stat Membru jkunu obbligati jiskarikaw 100% ta' l-iskart solidu u likwidu tagħhom;

60.  Jidhirlu li, fil-futur, huwa aktar probabbli li se jkun hemm problemi li joħolqu dewmien fit-trasport tal-merkanzija fil-konnessjonijiet bejn il-portijiet u n-netwerks Ewropej tat-trasport bl-art, milli se jkun hemm problemi fil-kapaċità tal-portijiet biex jintlaqa" l-iskart tal-vapuri; jikkunsidra li, jekk għandu jsir l-aħjar użu tal-possibilitajiet tat-trasport marittimu, il-portijiet Ewropej għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aħjar konnessjonijiet possibbli għall-postijiet l-aktar imbiegħda fuq l-art, u għalhekk jitlob li jiġu żviluppati fejn ikun meħtieġ, filwaqt li tingħata prijorità lill-modi ta" trasport li l-aktar jirrispettaw l-ambjent, bħal m'huma l-ferrovija u l-ilmijiet navigabbli interni;

61.  Jemmen li, minħabba l-importanza enormi tat-trasport bil-baħar, kemm fi ħdan is-suq intern u kemm bejn l-Unjoni u l-imsieħba kummerċjali tagħha, strateġija marittima ġdida ta" l-UE għandha tinkludi strateġija għall-portijiet li tkun tippermetti lill-portijiet li jiżviluppaw f'rispons għall-iżviluppi u d-domanda tas-suq filwaqt li tkun tirrispetta l-leġiżlazzjoni relevanti bil-għan li tiġi stabbilita klima favorevoli għall-investiment sabiex tiġi ffaċilitata kapaċità tal-portijiet biżżejjed biex ikunu akkomodati l-flussi tat-traffiku tal-merkanzija marittimu li qed jiżdied; jinsisti li strateġija bħal din għandha tiġi żviluppata f'koordinament mad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar Politika Ewropea tal-Portijiet, sabiex ikun evitat ix-xogħol doppju;

62.  Jinnota li l-Ewropa hija reġjun popolari għat-turiżmu tal-jottijiet, tal-kruċieri u tal-bugħaddasa; jinkoraġġixxi lir-reġjuni marittimi sabiex jinvestu fl-infrastruttura tal-marini tagħhom u f'infrastrutturi relatati oħra sabiex jibbenefikaw minn dan is-suq li qed jespandi filwaqt li jiżguraw il-ħarsien ta' l-ambjenti naturali, l-ispeċijiet u lekosistemi tal-baħar b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiġu stabbiliti standards armonizzati għall-faċilitajiet u t-tagħmir tekniku biex ikun żgurat livell għoli ta' kwalita' ta' servizz fl-Unjoni kollha;

63.  Jiffavorixxi l-ħolqien ta" aktar gruppi żgħar marittimi li jieħdu vantaġġ mill-esperjenza pożittiva li nkisbet u mill-prattiki tajba li diġà qed jitwettqu f'dan il-qasam u jemmen li dawn l-eżempji għandhom ikunu segwiti u promossi; jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex itejbu l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni kostali billi jinkoraġġixxu r-riċerka, il-ħolqien ta" ċentri ta" eċċellenza marittima u l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll il-koperazzjoni bejn in-negozji (netwerks, gruppi, imsieħba pubbliċi) u l-forniment ta" servizzi ta" appoġġ imtejba mmirati biex titnaqqas id-dipendenza ta' dawk ir-reġjuni fuq numru limitat ħafna ta' attivitajiet ekonomiċi (tradizzjonali);

64.  Jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima(12) u b'mod partikulari fir-rigward tal-projbizzjonijiet u/jew il-kriterji għar-rimi sistematiku/intenzjonat ta' kwalunkwe materjal solidu, likwidu jew gass fil-kolonna ta' l-ilma, jew f'qiegħ il-baħar/fis-saff ta' ħamrija taħt wiċċ il-ħamrija; barra minn hekk iqis li kwalunkwe ħażna ta" dijossidu tal-karbonju f'qiegħ il-baħar u fis-saff tal-ħamrija taħt wiċċ il-ħamrija għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni f'konformità mal-liġi internazzjonali, għal evalwazzjoni ta" impatt ambjentali minn qabel skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta" Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni ta" l-effetti ta" ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent(13) u konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, kif ukoll għal monitoraġġ u kontrolli regolari;

65.  Għalhekk huwa konvint li riżorsi li jiġġeddu ta' l-ambjent tal-baħar jistgħu u għandhom jintużaw b'mod sostenibbli biex l-isfruttament tagħhom, u l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw, ikunu jistgħu jkomplu fuq perjodu ta' żmien fit-tul; għalhekk, jenfasizza l-bżonn li l-politiki varji kkonċernati jkunu adattati għar-rekwiżiti ta' ambjent tal-baħar tajjeb; f'dan ir-rigward, jitlob ukoll li jkun hemm użu akbar ta' l-enerġija mir-riħ fuq l-art u fuq il-baħar biex ikun sfruttat b'mod sostenibbli l-potenzjal tagħha mill-perspettiva tal-politika dwar l-impjiegi u ekonomika;

66.  Iżda jinsisti li l-immaniġġjar taz-zona kostali jrid ikollu, bħala wieħed mill-objettivi prinċipali tiegħu, il-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar, iktar milli jiddedika ftit zoni ta' kampjun bħala ġest li jservi ta" simbolu għall-isforzi ta" konservazzjoni, b'mod partikulari fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta" Mejju 2002 rigward l-implimentazzjoni ta' l-Immaniġġjar Integrat taz-Zoni Kostali fl-Ewropa(14);

67.  F'dan il-kuntest, jaqbel mal-Kummissjoni li hemm limitu naturali għall-ammont ta' attività tal-bniedem, f'termini ta' densità ta' popolazzjoni u ta' attività industrijali, li zoni kostali jistgħu jappoġġjaw mingħajr ma jsofru deterjorament ambjentali serju u possibilment irreversibbli; għalhekk, jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta" studju komprensiv biex dawn il-limiti jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod aħjar u biex ikun hemm pjanar u previżjoni xierqa;

68.  Jirrimarka li t-tfassil ta" mapep tridimensjonali ta" qiegħ il-baħar ser ikun ta" valur enormi mhux biss għall-industrija tas-sajd imma wkoll għas-settur ta" l-enerġija, għall-konservazzjonisti u anke għall-interessi tad-difiża; iqis li l-valur kummerċjali sinifikanti ta" dawn il-mapep huwa evidenti u b'hekk huma jistgħu jgħinu biex tissolva l-kwistjoni ta' ffinanzjar għal din l-attività; jemmen li dejta mtejba fis-settur marittimu tista" tinkludi previżjoni aħjar tat-temp, informazzjoni dwar l-għoli tal-mewġ mistenni u firxa ta' fatturi li jistgħu jtejbu s-sikurezza u l-iżvilupp;

69.  Jitlob li jkunu żviluppati l-miżuri neċessarji kollha biex ir-riskji ta" ħsara liz-zoni kostali minn diżastri naturali bħal għargħar, erożjoni, maltempati u tsunamis ikunu evitati u mmaniġġjati; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li jkunu adottati miżuri Komunitarji sabiex ikunu ttrattati l-perikli għall-ekosistemi kostali Ewropej, li huma kkawżati minn diversi attivitajiet tal-bniedem;

70.  Iqis li l-bini ta" lqugħ fil-baħar biex ikun hemm protezzjoni kontra livelli jogħlew tal-baħar jista" jwassal għal telf ta" l-ambjent naturali, filwaqt li ż-żieda fil-livell hija nfisha twassal għal "tagħsir kostali" ta" bassasiet tal-melħ u pjanuri tat-tajn u l-erożjoni ta" duni tar-ramel, li kollha kemm huma huma ambjenti naturali prezzjużi għall-pjanti u l-annimali; jitlob li jkun hemm strateġija fit-tul għaż-żamma ta" difiżi kostali, għall-protezzjoni kontra livelli tal-baħar li jogħlew u għat-tnaqqis kemm jista" jkun tat-telf ta" ambjenti naturali;

71.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerks ġodda għall-implimentazzjoni ta' proġetti u attivitajiet fil-forma ta' sħubijiet bejn is-settur privat, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni, bil-għan li jinħolqu dinamiżmu, innovazzjoni u effiċjenza akbar u sabiex jitjieb il-livell ta" l-għajxien fiz-zoni kostali;

72.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-reġjuni kostali jsiru aktar attraenti mhux sempliċement bħala postijiet għall-mogħdija taż-żmien imma bħala postijiet fejn wieħed jgħix, jaħdem u jinvesti fihom, billi jittejbu l-aċċessibilità u l-infrastrutturi tat-trasport intern; barra minn hekk jitlob li jiġu adottati miżuri għat-titjib tas-servizzi ta" interess ġenerali (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-enerġija, l-informazzjoni, it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, is-servizzi postali, l-ilma tad-dranaġġ u t-trattament ta' l-iskart), filwaqt li jitqiesu l-bidliet demografiċi staġjonali;

73.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, meta wieħed iqis il-fatt li proporzjon sinifikanti tat-tniġġis totali ta' l-ibħra Ewropej joriġina mill-art, biex jimplimentaw malajr il-leġiżlazzjoni Ewropea attwali u futura kollha f'dan il-qasam; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jitnaqqas dan it-tniġġis; huwa tal-fehma li l-appoġġ finanzjarju għal proġetti biex jitnaqqas it-tniġġis f'pajjiżi terzi huwa importanti ukoll, peress li f'dawn il-pajjiżi l-livell tas-sistemi ta' ffiltrar u purifikazzjoni spiss huwa wisq aktar baxx mill-istandards Ewropej u għalhekk l-investiment finanzjarju jista' jkollu effett akbar;

74.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tat-tniġġis fl-ambjent tal-baħar joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art, inkluż iżda mhux limitat għal skular agrikolu u emissjonijiet industrijali, li għandhom impatt partikolarment ta' ħsara fuq ibħra magħluqin jew kważi magħluqin; jisħaq li l-UE trid tagħti attenzjoni partikolari lil dawn iz-zoni u tieħu miżuri biex tillimita u tevita aktar tniġġis; iqis ukoll li t-teknoloġija GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) il-ġdida tista' tintuża b'suċċess għal dak il-għan;

75.  Iqis li s-settur marittimu huwa wieħed mill-ftit oqsma li fihom il-prinċipju ta" "min iniġġes iħallas" mhux osservat; jemmen li l-industriji li jarmu ħmieġ tad-dranaġġ, l-industriji involuti fl-estrazzjoni tar-ramel u ż-żrar, l-intrapriżi involuti fl-enerġija marittima u kull negozju ieħor li, għalkemm ibbażat fuq l-art, jista" jitqies bħala sors ta" tniġġis ta" l-ambjent tal-baħar, għandhom jikkontribwixxu għal fond ta' l-UE indirizzat lejn il-konservazzjoni tal-flora u l-fawna tal-baħar, inklużi t-tkabbir mill-ġdid ta' l-istokkijiet tal-ħut, u li l-Kummissjoni għandha tagħmel sforz biex tiżgura applikazzjoni iktar uniformi u effettiva tal-prinċipju ta" "min iniġġes iħallas";

76.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex ikunu kkontrollati s-sustanzi li jniġġsu (tniġġis ambjentali ta" l-ibħra) mill-iskular agrikolu, mid-dranaġġ jew mill-ħmieġ tad-dranaġġ industrijali u miż-żibel li ħafna drabi jkun plastik u li jistgħu jifgaw lill-mammiferi tal-baħar, lill-fkieren u lill-għasafar tal-baħar; sustanzi li jniġġsu bħal dawn qed isiru periklu dejjem ikbar u għandhom impatt qawwi fuq is-settur tas-sajd u fuq it-turiżmu kif ukoll inaqqsu l-kwalità u s-saħħa tal-prodotti tas-sajd destinati għall-konsum mill-bniedem; isejjaħ lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' bastimenti li jbaħħru fl-oċeani, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL, li jipprojbixxi r-rimi fil-baħar ta' skart tal-plastik u ta' l-irmied li jirriżulta mill-inċinerazzjoni tal-plastik; jistieden lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet ta' ġbir fil-portijiet biex jitjiebu l-adegwatezza u d-disponibilità ta' faċilitajiet bħal dawn fl-UE u biex finalment jitnaqqas ir-rimi ta' skart fil-baħar;

77.  Iħeġġeġ lill-UE, fil-kuntest tal-politika marittima internazzjonali, u l-Konvenzjoni tan-NU ta" l-10 ta" Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehima tat-28 ta" Lulju 1994 relatata ma" l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha(15), biex ittejjeb ir-regoli internazzjonali dwar is-sikurezza tat-trasport marittimu, il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, u l-ħarsien u l-preservazzjoni ta" l-ambjent tal-baħar; barra minn hekk jistieden lill-awtoritajiet ta" l-UE biex jagħmlu sforz partikulari biex jiżguraw li l-Istati Membri jagħmlu użu effettiv mill-proċedura biex jintlaħaq ftehim f'każ ta" tilwim, li torbot legalment u li hija inkorporata fit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar f'Hamburg, li kien twaqqaf fl-1996, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, peress li b'dispjaċir jinnota li s'issa l-Istati Membri kellhom it-tendenza li ma jilħqux ftehim dwar tilwim permezz tat-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar;

78.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex twettaq studji speċifiċi ta" statistika u oħrajn fuq bażi xjentifika dwar l-aspetti ambjentali u soċjoekonomiċi dwar ir-reġjuni marittimi sabiex tissorvelja u tikkontrolla l-effetti ta" l-iżvilupp ta" attivitajiet ekonomiċi, sportivi u rikreattivi fuq dawk ir-reġjuni;

79.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta" persuni mħarrġa sew f'setturi importanti bbażati fuq l-art ta" l-ekonomija marittima; iqis li kampanji dwar l-impjiegi li jsiru b'mod konġunt mill-Istati Membri u mill-intrapriżi kkonċernati jistgħu jgħinu biex tittaffa l-problema;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-parteċipanti kollha kkonċernati fl-istadji kollha tal-proċess tat-titjib tal-politika marittima ta" l-UE, kemm fl-implimentazzjoni kif ukoll fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u fit-tfassil ta" inizjattivi ġodda;

Turiżmu kostali sostenibbli

81.  Jenfasizza l-fatt li, jekk jiġi żviluppat b'mod għaqli, it-turiżmu jkun sors sostenibbli ta' dħul għall-ekonomiji lokali, filwaqt li jiżgura l-ħarsien u t-titjib ta' l-ambjent kif ukoll il-promozzjoni u l-preservazzjoni ta' karatteristiċi kulturali, storiċi u ambjentali, is-snajja u t-turiżmu marittimu sostenibbli; għalhekk iħeġġeġ b'mod partikulari l-investiment fl-infrastruttura tat-turiżmu marbut mat-tbaħħir, l-għadis u l-kruċieri, u l-ħarsien u l-promozzjoni tat-teżori arkeoloġiċi tal-baħar;

82.  Jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għat-turiżmu; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu rrispettati l-pjanijiet nazzjonali bbażati fuq l-esperjenza u l-aħjar prattiki;

83.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta" dejta xierqa u komparabbli huwa wieħed mill-problemi ewlenin biex tinkiseb dejta affidabbli dwar is-sitwazzjoni ta" l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu kostali;

84.  Iqis ukoll li ambjent nadif u kwalità tajba ta" l-arja u l-ilma huma vitali għas-sopravivenza tas-settur u li, għalhekk, il-proġetti Ewropej futuri kollha dwar it-turiżmu għandhom jitqiesu mill-aspett ta" l-aċċettabilità u s-sostenibilità ekoloġika;

85.  Jinnota li l-Ewropa hija destinazzjoni favorita għal kruċieri; jenfasizza li l-provediment ta" servizzi għandu jkun organizzat b'tali mod li jiggarantixxi kompetizzjoni miftuħa u li jkun issodisfat il-bżonn ta" infrastruttura aħjar rigward din l-attività;

86.  Huwa tal-fehma li n-negozju staġjonali tradizzjonali għandu jkun żviluppat f'attività ta" matul is-sena kollha; jenfasizza li s-settur għandu jagħmel użu mill-opportunità li jinvesti f'attivitajiet tat-turiżmu sostenibbli u ta" matul is-sena kollha; iqis li l-estensjoni ta" l-istaġun tista" toħloq impjiegi u ġġib suċċess ekonomiku; jenfasizza li, f'termini ta" sostenibilità u "edukazzjoni ambjentali", eżempji ta" l-aħjar prattiki jista" jkollhom influwenza sinifikanti fuq il-kunċett tat-turiżmu; jenfasizza li l-għan ewlieni huwa li s-settur u l-ambjent kostali jibbenefikaw mill-estensjoni tal-perjodu tan-negozju staġjonali;

87.  Jemmen li l-Aġenda 21 Ewropea għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew trid tqis l-ispeċifiċità tat-turiżmu kostali – u t-turiżmu tal-gżejjer – u tippreżenta inizjattivi utli u taqsam prattiki tajbin li huma effiċjenti biex tiġi miġġielda l-istaġjonalità, bħal, pereżempju, l-iżvilupp tat-turiżmu immirat lejn persuni anzjani;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija tat-turiżmu marittimu Ewropea li tadotta approċċ integrat għall-politika;

Ambjent marittimu sostenibbli

89.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija Tematika għall-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent Marittimu(16) u jtenni, b'mod partikulari, il-ħtieġa għal:

   l-UE biex ikollha bħala l-objettiv ġenerali tagħha l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u l-konservazzjoni ta' l-ekosistemi ta' l-ibħra, inkluża politika ta' l-UE b'saħħitha dwar il-protezzjoni ta' l-ibħra, biex ikun evitat aktar telf ta' bijodiversità u deterjorament ta' l-ambjent tal-baħar,
   l-inklużjoni ta' definizzjoni komuni għall-UE kollha ta' status ambjentali tajjeb,
   l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tipprovdi evalwazzjonijiet regolari ta' l-ambjent tal-baħar, li jirrikjedu li jkun hemm titjib fil-ġbir, fir-rapporti u fl-iskambju ta" dejta nazzjonali,
   rikonoxximent ta' l-importanza ta' konsultazzjoni, koordinazzjoni u koperazzjoni minn qabel ma' pajjiżi ġirien fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima li jmiss;

90.  Jirrikonoxxi li ambjent tal-baħar tajjeb jikkostitwixxi l-bażi għal żvilupp sostenibbli tas-settur tat-tbaħħir fl-UE u jfakkar fl-impenn ta' l-UE biex tinkorpora d-dimensjoni ambjentali fl-aspetti kollha tal-politika Komunitarja;

91.  Jinsisti li ambjent nadif tal-baħar, b'bijodiversità suffiċjenti biex tiżgura l-iffunzjonar xieraq ta' l-ekosistemi komponenti tiegħu, huwa essenzjali għall-Ewropa; jinsisti wkoll li minħabba l-valur intrinsiku ta' zoni marittimi, il-benefiċċji ta' status ambjentali xieraq tal-baħar fl-UE jestendi lilhinn sew mill-kisbiet ekonomiċi potenzjali li jirriżultaw mill-isfruttament tal-komponenti varji ta' l-ibħra, ta' l-ilmijiet kostali u tal-baċiri ta' xmajjar u li, għalhekk, il-konservazzjoni u, f'ħafna każijiet, ir-rijabilitazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar ta' l-UE hija importanti ħafna;

92.  Ifakkar fil-prinċipju li jsostni l-approċċ imsejjes fuq l-ekosistema għall-immaniġġjar ta' l-attivitajiet tal-bniedem, li huwa wieħed mill-elementi ewlenin ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent tal-Baħar; jinsisti li dan il-prinċipju jkun applikat ukoll fir-rigward tal-politika marittima;

93.  Jenfasizza bl-iktar mod qawwi li l-kriterji użati sabiex jiddefinixxu status ambjentali tajjeb għandu jkollhom applikazzjoni wiesgħa biżżejjed peress li dawn l-objettivi relatati mal-kwalità probabilment se jikkostitwixxu l-kriterji ta' referenza għal programmi ta' azzjoni għal żmien twil fil-ġejjieni;

94.  Iqis ukoll li jridu jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-titjib tal-kwalità ta' l-ilma u, għaldaqstant, huwa mħasseb dwar l-iskeda estiża li ġiet proposta fil-proposta għal direttiva dwar strateġija tal-baħar;

95.  Jinsisti li l-implimentazzjoni ta' netwerk ta' zoni protetti tal-baħar tiġi mħaffa;

96.  Huwa konvint li ambjent nadif tal-baħar huwa kruċjali għall-ispeċijiet tal-baħar, inklużi kemm il-ħut kummerċjali u kemm ħut ieħor li mhux sfruttat kummerċjalment, u li r-riforniment ta" stokkijiet tal-ħut li naqsu jiddependi fuq tnaqqis fit-tniġġis tal-baħar kif ukoll fuq il-livelli tas-sajd; iqis li, sabiex ikun żgurat li l-għalf tal-ħut użat fl-UE ma jkunx kontaminat, huwa essenzjali li jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu li ġejjin mill-baħar;

97.  Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt kultant diżastruż ta' organiżmi eżotiċi fl-ekosistema tal-baħar u jirrikonoxxi li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma theddida sinifikanti għall-bijodiversità tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri urġenti għall-prevenzjoni tat-trasferiment ta' organiżmi fl-ilma tas-saborra u biex tintroduċi kontrolli effettivi rigward it-tbattil ta' ilma tas-saborra fl-ilmijiet ta' l-UE;

98.  Iqis li l-kunċett ta' raggruppamenti jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-ambjent tal-baħar jekk il-konservazzjoni ta' l-ambjent naturali, il-kontroll tat-tniġġis, u teknoloġiji ambjentali oħrajn ikunu inkorporati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' gruppi mill-istadji ta' ppjanar 'il quddiem;

99.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni li sistema komprensiva ta' ppjanar ta' spazju hija meħtieġa biex tiżgura ambjent regolatorju stabbli u bażi legali li torbot għat-teħid ta" deċiżjonijiet; iqis li kriterju essenzjali għal ippjanar effettiv ta' spazju bbażat fuq l-ekosistema jrid ikun l-organizzazzjoni ta' attivitajiet b'tali mod li jitnaqqas l-impatt ta' attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent fuq zoni sensittivi f'sens ekoloġiku filwaqt li fl-istess ħin isir użu ta' riżorsi fiz-zoni l-oħra kollha b'mod sostenibbli ekoloġikament; f'dan il-kuntest jinsisti dwar l-użu ta" l-istrument ta" l-Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika skond id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Ġunju 2001 dwar l-evalwazzjoni ta" l-effetti ta" ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent(17); jenfasizza li kwalunkwe sistema ta' l-ippjanar ta' l-ispazju marittimu fuq il-livell ta' l-UE trid iżżid il-valur għas-sistemi u l-pjanijiet nazzjonali eżistenti, u għandha tkun ibbażata fuq il-livell tar-reġjuni u s-sottoreġjuni marittimi kif propost mid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, u tkun għodda li tkabbar l-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema lejn l-immaniġġjar marittimu u l-objettivi ta' l-istatus ambjentali tajjeb skond id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima;

100.  Jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb tirrikjedi wkoll li l-attivitajiet tal-bniedem li jitwettqu barra minn zoni sensittivi ekoloġikament jiġu regolati b'mod strett sabiex titnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe possibilità ta' impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar;

Politika integrata tas-sajd

101.  Huwa tal-fehma li l-attività tas-sajd trid tikkontribwixxi għaż-żamma ta" komunitajiet kostali vijabbli; jenfasizza li, biex din tintlaħaq, interessi ta" sajd qrib il-kosta u fuq skala żgħira u sajjieda bil-qasba bħala passatemp iridu jingħataw aċċess għall-industrija tas-sajd, u li tali attivitajiet tas-sajd jinkoraġġixxu t-turiżmu, jipproteġu l-wirt kostali prezzjuż tagħna u jgħinu biex iżommu l-komunitajiet tagħna ta" mal-baħar flimkien;

102.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li s-settur hu lest li jaċċetta l-iżvilupp ta" approċċ għall-immaniġġjar ta" l-industrija tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistemi, bħala riżultat tar-restrizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jirriżultaw min-netwerk Natura 2000 u minn zoni protetti tal-baħar (MPAs) oħra possibbli, l-aċċess mhux ristrett u l-attivitajiet tas-sajd f'dawn iz-zoni jistgħu jiġu kompromessi; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta" attivitajiet ta" l-industrija tas-sajd li ma jagħmlux ħsara lill-objettivi ta" protezzjoni għandhom jitħallew fl-MPAs; hu tal-fehma wkoll li, fil-każ ta' attivitajiet ta" l-industrija tas-sajd li jagħmlu ħsara, jew potenzjalment jagħmlu ħsara, lill-objettivi ta' ħarsien ta' l-MPAs, għandhom isiru sforzi akbar, inkluż permezz ta' riċerka u żvilupp, sabiex il-metodi ta' sajd isiru aktar favur l-ambjent sabiex jiġi faċilitat aċċess akbar għal zoni bħal dawn kull fejn dan ikun ġustifikabbli;

103.  Jinnota, iżda, li s-sajd se jkollu jiġi ristrett fil-futur permezz ta" approċċ ta" prekawzjoni biex jiżgura li jinżammu ekosistemi b'saħħithom u jiġu protetti speċijiet u ambjenti naturali rari, vulnerabbli jew ta' valur u li dan żgur se jinkludi livell ogħla ta" protezzjoni ambjentali minn qabel, bl-involviment ta" netwerk ta" MPAs maħluq skond id-dispożizzjonijiet stipulati fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP) u sistema ta" ICZM, sabiex jiġi żgurat li d-degradazzjoni bla bżonn ta' l-ambjenti naturali u t-tnaqqis drastiku tal-bijodiversità jitwaqqfu;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kif xieraq l-esperjenzi ta' suċċess fl-immaniġġjar ta" l-industrija tas-sajd minn awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu applikati bħala mudelli f'reġjuni oħra, b'mod partikulari dawk l-esperjenzi li jinvolvu mmaniġġjar integrat u sostenibbli tal-baħar permezz ta" projbizzjoni fuq tagħmir tas-sajd mhux selettiv, qbil bejn id-daqs tal-flotot tas-sajd u r-riżorsi disponibbli, ippjanar kostali, regolazzjoni ta' l-attivitajiet tat-turiżmu, bħall-osservazzjoni taċ-ċetaċji, tfassil ta' pjanijiet ta' mmaniġġjar għal siti fin-netwerk Natura 2000 u ħolqien ta' zoni protetti;

105.   jenfasizza li l-irwol ta' konsultazzjoni siewi tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs) għandu jiġi rikonoxxut ukoll u li l-RACs għandhom jiġu kkonsultati dwar l-immaniġġjar tal-baħar;

106.  Japprova l-impenn li ħadet l-UE fis-Samit Dinji f'Johannesburg fl-2002, u mtenni fil-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni bit-titolu "L-implimentazzjoni tas-sostenibilità fl-industrija tas-sajd ta' l-UE permezz ta' l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli" (COM(2006)0360), biex il-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jiġu għal-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli (MSY) sa l-2015, fejn ikun possibbli; hu tal-fehma li dan l-aħjar li jsir hu billi jiġi evitat l-użu ta' punti ta' referenza arbitrarji bbażati fuq mudell matematiku sempliċi; iqis li interpretazzjoni alternattiva ta' l-MSY, fejn jintuża kunċett bħall-aħjar użu possibbli mill-qabdiet kumulattivi fuq perjodu ta' żmien fiss (possibilment ta' għaxar snin), tista' tipprovdi mod realistiku u possibbli biex jitjieb l-istatus ta' l-industrija tas-sajd fl-UE;

107.  Iqis li mod importanti biex jitnaqqas ir-rimi huwa billi titjieb is-selettività tas-sajd, permezz ta' modifiki fit-tagħmir u fit-tekniki tas-sajd; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni u l-għerf tas-sajjieda f'din il-kwistjoni huma essenzjali u li s-sajjieda li huma innovattivi f'dan is-sens għandhom jiġu ppremjati;

108.  Jitlob li jkun hemm aktar sforzi sabiex tieqaf il-problema ta" għajb tal-qbid sekondarju u tar-rimi li hija konsegwenza serja tal-Qbid Totali Permess (TACs) u tas-sistema ta" kwoti tas-CFP; hu tal-fehma li s-serq permezz ta" qbid sekondarju ta" mammiferi tal-baħar, ta" għasafar tal-baħar u ta" fkieren huwa stmellija li trid titwaqqaf u li, barra minn hekk, il-ħsara kkawżata minn tagħmir tas-sajd fuq qigħan tal-baħar sensittivi u fuq ambjenti naturali vulnerabbli tal-baħar fond, bħas-sikek tal-qroll ta' l-ilma kiesaħ, tirrikjedi li dawn jingħataw protezzjoni speċjali mit-tagħmir tas-sajd; jirrimarka li xbieki mitlufa jwasslu wkoll għal "ghost-fishing" li jista" jikkawża tnaqqis konsiderevoli fl-istokkijiet tal-ħut u ħsara fl-ambjent naturali;

109.  Jemmen ħafna li hemm bżonn urġenti li jkun promoss u applikat programm ta" tfassil ta" mapep/ippjanar ta" spazju għall-ilmijiet tal-Komunità sabiex tiġi ssodisfati l-ħtieġa li jinżamm settur ta" l-industrija tas-sajd sostenibbli u ġeografikament rappreżentattiv; jemmen li t-tfassil ta" mapep taz-zoni huwa eżerċizzju adattat fir-rigward ta" l-impjanti fuq il-baħar għall-enerġija mir-riħ jew għall-produzzjoni ta" l-enerġija, is-sekwestru tal-karbonju u l-estrazzjoni ta" ramel u żrar jew fir-rigward ta" l-akkwakultura u li t-tfassil ta" mapep tal-pożizzjoni taz-zoni protetti tal-baħar, inklużi s-siti ta" Natura 2000 ta" ambjenti naturali u speċijiet sensittivi oħra, iwasslu għal użu aktar effiċjenti u sostenibbli ta" l-ambjent marittimu; jenfasizza li biex ikun possibbli ppjanar ta" spazju effettiv, iz-zoni ta" attività tas-sajd iridu jitfasslu fuq il-mapep, u dan għandu jkun faċilitat billi l-aċċess għas-sistemi ta" monitoraġġ tal-bastimenti u għad-dejta fil-ġurnal ta" abbord jitjieb u jiġi standardizzat; iqis li d-deċiżjonijiet ta' ppjanar rigward l-ilmijiet tal-Komunità għandhom jittieħdu f'konsultazzjoni sħiħa mas-settur tas-sajd u mal-komunitajiet affettwati direttament;

110.  Jenfasizza s-sinifikat soċjoekonomiku li qed jiżdied fit-trobbija tal-ħut hekk kif l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar madwar id-dinja qed jonqsu; jemmen li l-bejgħ annwali tal-prodotti ta" l-akkwakultura dalwaqt jaqbeż il-bejgħ tal-qabda fil-miftuħ; jenfasizza li l-UE kienet minn ta" quddiem f'dan l-iżvilupp eċċitanti u għandha tinsisti biex iżżomm il-pożizzjoni ta" quddiem tagħha u tinkoraġġixxi aktar żvilupp b'mod li jkun kompatibbli ma" użi kostali u marittimi oħra; jenfasizza l-importanza tat-trobbija tal-ħut għal komunitajiet rurali bosta drabi remoti fejn ftit opportunitajiet oħra ta" xogħol jeżistu; jenfasizza li, fil-kuntest ta' approċċ ta' ICZM, zoni definiti b'mod ċar fejn il-farms għat-trobbija tal-ħut jistgħu jinġabru f'daqqa għandhom jiġu promossi u li dan għandu jkun marbut ma' sistema regolatorja simplifikata li tinkoraġġixxi l-intraprenditorija u s-sostenibilità; jemmen li għandhom jiġu żviluppati tekniki ġodda fis-settur ta' l-akkwakultura biex jippermettu mmaniġġjar aħjar tal-kwalità, l-assigurazzjoni tat-traċċabilità matul il-katina ta" produzzjoni u dik ta" valur miżjud u r-rikonoxximent ġenerali tat-trobbija tal-ħut bħala attivita ewlenija fis-settur marittimu;

111.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti prattiki ta' l-akkwakultura qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' xi stokkijiet; jirrimarka li l-qbid ta' ċerti speċijiet fil-baħar, li jkunu għadhom żgħar, għat-tismin ma jħallihomx jirriproduċu u b'hekk ma jkunx qed jiġi żgurat il-bilanċ bijoloġiku bejn l-ispeċijiet; hu tal-fehma li l-prezzijiet għoljin li wħud minn dawn l-ispeċijiet jilħqu f'xi swieq globali huma l-kawża prinċipali għal din l-indifferenza sħiħa għall-bżonn li jiġu ppreservati ċerti ekosistemi tal-baħar;

112.  Jirrimarka li operazzjonijiet militari wkoll iħallu impatt fuq is-settur tas-sajd; jinnota li zoni ta" sparar fuq il-baħar huma zoni fejn ħadd ma jista' jmur jistad jew iwettaq forom oħra ta" tbaħħir fihom, iżda dawn jistgħu joffru oasi għall-bijodiversità; jisħaq, madankollu, li l-użu ta" sonar bi frekwenza estremament baxxa, partikolarment minn sottomarini, għandu effett serju fuq il-mammiferi tal-baħar u stokkijiet tal-ħut oħra u għandu jkun regolat b'mod strett u limitat għal zoni partikolari;

113.  Jenfasizza l-bżonn ta" monitoraġġ tas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali, minħabba li dan ukoll jaffettwa r-riżorsi ta" l-industrija tas-sajd fiż-Zona Ekonomika Esklussiva (EEZs) fi ħdan l-UE.

Riċerka marittima, enerġija, teknoloġija u innovazzjoni

114.  Iqis li l-biċċa l-kbira mill-isfidi ambjentali u ta" sostenibilità jeħtieġu rispons li jagħmel użu xieraq ta" l-għerf xjentifiku u teknoloġiku li, għal dak il-għan, irid ikun appoġġjat b'mod xieraq permezz ta" finanzjament suffiċjenti mill-Komunità u mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija għal Riċerka Marittima Ewropea u għal koordinazzjoni u netwerks aħjar ta" istituti Ewropej tar-riċerka marittima; għal dan il-għan japprova bil-qawwa l-istabbiliment ta' 'netwerk' Ewropew għax-xjenza marittima", bil-parteċipazzjoni ta" l-istituti Ewropej kollha tar-riċerka marittima u l-appoġġ mill-UE; jitlob li l-għerf miksub jiddaħħal u jinżamm f'ċentru Ewropew ta" dejta marittima li l-istituti kollha tar-riċerka marittima jkollhom aċċess għalih; jiffavorixxi f'dan il-kuntest il-promozzjoni ta" konferenza marittima Ewropea fuq bażi regolari biex tipprovdi forum għar-riċerkaturi u l-industrija;

115.  Jirrikonoxxi li l-governanza tajba tar-riżorsi ta' l-ambjent tal-baħar tirrikjedi bażi soda ta' informazzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' għerf xjentifiku sod ta' l-ambjent tal-baħar sabiex iservi ta" għajnuna fit-teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti f'sens ta' nfiq u biex jiġu evitati miżuri li ma jżidux valur; jinsisti, għalhekk, li r-riċerka marittima tingħata trattament speċjali f'termini ta' allokazzjoni ta' riżorsi biex ikun jista' jsir titjib ambjentali sostenibbli u effettiv;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw programm ta" sondaġġ għall-qiegħ il-baħar Ewropew u l-ilmijiet kostali Ewropej, bil-ħsieb li jkun żviluppat atlas tal-baħar Ewropew fuq din il-bażi;

117.  Japprova l-opinjoni fil-Green Paper li jeżistu problemi sinifikanti u serji bid-dejta disponibbli dwar il-kundizzjoni ta' l-ambjent tal-baħar u dwar l-attivitajiet li jew qed jitwettqu jew għandhom impatt fuqu; jappoġġja, għalhekk, is-sejħa għal programmi mtejba ħafna għal ġbir ta' dejta, tfassil ta' mapep u servejs, lokalizzazzjoni ta' bastimenti, etc. f'dawk iz-zoni li jinvolvu l-Istati Membri, il-Konvenzjonijiet tal-Baħar, il-Kummissjoni u entitajiet Komunitarji oħra, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-EMSA; jenfasizza l-importanza ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiki f'livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

118.  Jitlob li r-riċerka marittima issir parti mis-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka ta' l-UE bħala tema ċentrali u bħala suġġett prinċipali għal programmi ta' qafas ta' riċerka fil-ġejjieni; jinsisti biex l-kontribuzzjoni potenzjali ta' l-oċeani biex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta' l-enerġija fl-Ewropa tkun inkluża bħala għan ewlieni fir-riċerka, li trid tiġi inkoraġġuta;

119.  Jenfasizza l-potenzjal enormi ta" żvilupp ta" l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar u l-kontribuzzjoni ewlenija li tista" tagħmel għall-indipendenza ta" l-Ewropa mill-importazzjonijiet ta" l-enerġija u għall-ħarsien tal-klima, filwaqt li jirrimarka li sforzi enormi għadhom meħtieġa bis-sħiħ biex ikun żviluppat dan il-potenzjal; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta" azzjoni għall-enerġija mir-riħ fuq il-baħar li jinkorpora approċċ Ewropew effiċjenti għat-teknoloġija ta" fuq il-baħar, li jippromwovi netwerks iktar estensivi u li jindika l-prospetti tal-kisba ta" kapaċità ta" ġenerazzjoni ta" l-enerġija ta" mill-inqas 50 GW sa l-2020: għalhekk jistenna fuq kollox l-adozzjoni ta" approċċ 'one-stop shop' u l-promozzjoni ta" infrastruttura ta" netwerk intelliġenti fuq il-baħar; jilqa" b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku Ewropew dwar it-teknoloġija ta" l-enerġija u jħeġġeġ li jkunu hemm sforzi bil-għan li tkun żviluppata l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar fuq skala kbira;

120.  Jirrikonoxxi l-importanza taz-zona kostali għall-iżvilupp ta' enerġija li tiġġedded li tifforma parti kruċjali u integrali mill-isforzi ta' l-UE biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima globali; jirrimarka li t-tqassim xieraq f'zoni għall-għanijiet ta' ppjanar ta' spazju marittimu biex jippermetti l-iżvilupp ta' siti għall-isfruttament ta' l-enerġija mir-riħ, mill-marea u minn forom oħra ta' enerġija għalhekk se jkun meħtieġ sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-konflitt ma' utenti oħrajn ta' l-ambjent tal-baħar u tkun evitata d-degradazzjoni ta' l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali (EIA); jilqa' b'sodisfazzjon l-opportunitajiet sinifikanti offruti mill-industrija li qed tikber ta' l-enerġija li tiġġedded għall-ħolqien tax-xogħol u tal-kompetenza teknika fl-UE;

121.  Jenfasizza, filwaqt li prattika ħażina trid tispiċċa, l-importanza ta" żviluppi mhux relatati ma" l-industrija tas-sajd li jistgħu jkunu kompatibbli mas-settur tas-sajd, bħat-tfassil ta" pjattaformi għall-produzzjoni ta' l-enerġija jew pjattaformi ta" turbini tar-riħ li jgħinu biex tkun inkoraġġuta u sostnuta ekosistema li tkun qed tikber, biex b'hekk jgħinu biex jinħolqu postijiet għat-trobbija u għar-riproduzzjoni ta" speċijiet tal-baħar f'zona fejn ma jistax isir sajd;

122.  Jappoġġja l-bidla għall-ġenerazzjoni ta" l-enerġija mingħajr karbonju, filwaqt li jiġi żgurat li t-tfassil u l-post ta' ġeneraturi ta" l-enerġija li tiġġedded jipprovdu salvagwardji adegwati għall-fawna u l-flora marittimi; għalhekk, jitlob li jkun hemm ippjanar bir-reqqa ta" installazzjonijiet marittimi għall-produzzjoni ta" enerġija li tiġġedded; jinnota li hemm ħafna perikli potenzjali assoċjati mal-produzzjoni ta" l-enerġija li jridu jiġu evitati; jenfasizza li strutturi maħsuba biex jużaw l-enerġija mir-riħ jew mill-mewġ jistgħu jaffettwaw iċ-ċikli naturali tas-saff il-baxx tal-baħar; jenfasizza li estwarji jistgħu jitilfu zoni affettwati mill-frugħ tal-baħar li huma sors ta' ikel għall-għasafar minħabba l-introduzzjoni ta" digi li jaħdmu bil-frugħ tal-baħar (barrages) li jnaqqsu z-zoni affettwati mill-frugh tal-baħar; jenfasizza, bl-istess mod, li bidliet fis-saħħa tal-frugħ tal-baħar jistgħu jaffettwaw sikek ta" "horse mussel" u "flame-shell", roqoq ta" "maerl", anemoni u qroll artab;

123.  Iqis li hemm fejn isir titjib konsiderevoli fir-rigward tat-teknoloġija tad-desalinizzazzjoni biex jiġi evitat it-tniġġis ta' ilmijiet kostali, speċjalment jekk dawn iz-zoni huma parti min-netwerk Natura 2000; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jevalwaw l-impatt ambjentali ta" l-impjanti ta' desalinizzazzjoni, b'mod partikulari f'dawk iz-zoni fejn l-ilma jista' jinkiseb permezz ta' mezzi iktar sostenibbli;

124.  Iqis li, minħabba l-iżvilupp partikolarment mgħaġġel ta" l-impjanti ta" desalinizzazzjoni li jarmu tunnellati ta" ilma mielaħ u prodotti oħra fil-baħar, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effett ta" tali impjanti fuq il-plankton u fuq qiegħ il-baħar u fuq il-bidliet u l-mutazzjonijiet li jseħħu fl-ekosistema;

125.  Jemmen li s-sistema ta" navigazzjoni bis-satellita Galileo u s-sistema GMES joffru potenzjal qawwi għas-settur marittimu; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta' dawn is-sistemi fil-qafas ta' l-istrateġija marittima;

126.  Jenfasizza l-importanza ta' l-ICT fil-loġistika tal-port; hu konvint li l-proposti leġiżlattivi l-ġodda, bħal dawk dwar l-Identifikazzjoni tal-Frekwenza tar-Radju (RFID), għandhom l-iskop li jħeġġu l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq standards ta' l-ICT madwar l-UE kollha għall-portijiet kollha fl-Unjoni u biex ikollha rwol ewlieni fin-negozjati għall-ħolqien ta' standards internazzjonali tat-teknoloġija;

127.  Jirrimarka li, billi r-reġjuni l-iktar periferiċi jinsabu fl-inħawi ta' l-Oċean Atlantiku u ta' l-Oċean Indjan u huma f'pożizzjoni ideali sabiex ikunu osservati fenomeni bħal dawk relatati ma' ċikli tat-temp u mal-vulkanoloġija u, barra minn hekk, li l-oċeanografija, il-bijodiversità, il-kwalità ambjentali, l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, l-enerġija u l-ilma, il-ġenetika, is-saħħa pubblika, ix-xjenzi tas-saħħa, sistemi u servizzi ġodda ta' telekomunikazzjoni f'dawn it-territorji huma oqsma għar-riċerka Ewropea per eċċellenza, dawn ir-reġjuni għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ppjanati programmi ta' riċerka u żvilupp fil-ġejjieni;

128.  Iqis it-teknoloġija blu bħala waħda mill-iktar teknoloġiji promettenti ta' l-għexieren ta′ snin li ġejjin, b′ħafna użi possibbli fil-farmaċewtika, fil-kożmetiċi, fl-industrija ta' l-ikel u fir-rimedju tal-ħsarat ambjentali; jemmen li l-isforzi fir-riċerka f'dan il-qasam għandhom jissaħħu u li l-Istati Membri jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ħolqien ta′ Fondi ta′ Investiment Blu, kif propost fil-Green Paper u li tista' tintlaħaq sinerġija aħjar b′koordinazzjoni aħjar ta′ l-isforzi ta' l-Istati Membri fir-riċerka f'dan il-qasam; jenfasizza li kwalunkwe żvilupp fit-teknoloġija blu għandu jiġi rregolat bil-qawwa u evalwat sew sabiex jiġi evitat l-isfruttament żejjed u dannu ulterjuri lil ekosistemi tal-baħar diġà fraġli u mhedda;

129.  Jirrimarka li s-sedimenti ta' qiegħ l-oċeani jinkludu kwantitajiet kbar ta' idrati ta' gass li jistgħu jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-idrokarboni tradizzjonali; jenfasizza li aċċess żgurat għal dawn ir-riżorsi u l-evalwazzjoni tagħhom u l-iżvilupp ta' mezzi kif wieħed jisfruttahom jikkostitwixxu sfida kbira li l-Ewropa għandha teżamina mill-qrib; jemmen li l-estensjoni tal-pjattaforma kontinentali ta' l-Istati Membri ta' l-UE lilhinn minn 200 mil nawtiku, skond l-Artikolu 76 tal-Konvenzjoni ta' Montego Bay, hija opportunità biex jiġi ppreservat l-aċċess għal riżorsi supplimentari potenzjali;

Politika marittima komuni

130.  Jenfasizza l-kisbiet sinifikanti ta' l-UE f'dawn l-aħħar snin rigward is-sikurezza marittima u l-ħarsien ta' l-ambjent (il-pakketti ERIKA I u II u miżuri leġiżlattivi oħra); jistieden lill-Kunsill biex jadotta, mill-aktar fis, pożizzjonijiet komuni dwar il-proposti leġiżlattivi tat-"Tielet Pakkett dwar is-Sikurezza Marittima'u li dwaru għadha kemm intlaħqet ftehima politika;

131.  Isostni li r-reġjun tal-baħar trans-nazzjonali huwa qasam importanti għal sħubija u konsultazzjoni potenzjali bejn il-parteċipanti konċernati minn politiki settorjali (trasport, ambjent, sigurta? marittima, maniġġjar ta' stokkijiet tal-ħut, eċċ.) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi dan in-netwerking bl-appoġġ tal-programm ta' koperazzjoni territorjali 2007-2013 u l-programm tal-politika l-ġdida tal-viċinat dwar "ir-reġjuni tal-baħar"; jikkunsidra li n-natura speċifika tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom ma teskludi bl-ebda mod lir-reġjuni l-aktar imbiegħda milli jkunu parti minn dawn ir-reġjuni tal-baħar, u li għalhekk għandhom sehem leġittimu fid-dinamika tal-baċiri tal-baħar.

132.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-ħolqien ta' spazju marittimu komuni Ewropew jista′ jżid b'mod konsiderevoli l-effiċjenza ta′ l-immaniġġjar ta' l-ilmijiet territorjali u jemmen li spazju marittimu bħal dan se jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq intern għat-trasporti u s-servizzi marittimi intra-UE, speċjalment fir-rigward tas-simplifikazzjoni ta' proċeduri amministrattivi u tad-dwana u f'konformità mal-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-Konvenzjonijiet ta' l-IMO inklużi l-''libertà ta' navigazzjoni'' u d-''dritt għall-passaġġ mhux offensiv'' fl-EEZ f'ilmijiet internazzjonali (Baħar Miftuħ); jinnota li l-liġi Komunitarja diġà ħadet passi konsiderevoli f'din id-direzzjoni iżda li f'xi każijiet l-implimentazzjoni fl-Istati Membri għadha lura; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-liġijiet Ewropej minnufih;

133.  Jenfasizza l-vantaġġi u l-potenzjal ta' trasport bil-baħar fuq distanzi qosra bħala mod ta' trasport sostenibbli u effiċjenti li faċilment jevita l-konġestjoni fuq l-art u għandu kapaċità biżżejjed għat-tkabbir; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra billi timplimenta bis-sħiħ l-atti dwar it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra; iqis li l-fatt li t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra għadu jitqies fil-liġi bħala trasport internazzjonali jikkostitwixxi ostaklu għat-tkabbir tiegħu; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta biex tintegra t-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra fis-suq intern Ewropew; jenfasizza li din m'għandhiex tkun ta" tfixkil għall-Konvenzjonijiet ta′ l-UNCLOS u l-IMO inklużi l-''libertà ta' navigazzjoni'' u d-''dritt għall-passaġġ mhux offensiv'' fi ħdan l-EEZ f'ilmijiet internazzjonali (Baħar Miftuħ);

134.  Juri dispjaċir dwar il-progress li sar s'issa fir-rigward ta′ l-implimentazzjoni tal-proġett TEN Nru 21, "toroq tal-baħar", u jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħtar koordinatur li jħaffef l-implimentazzjoni tat-toroq tal-baħar;

135.  Iqis li l-politika marittima l-ġdida adottata mill-UE għandha tiffoka wkoll fuq il-ħarsien u l-promozzjoni ta' riżorsi arkeoloġiċi marittimi; l-inklużjoni, fl-"Atlas Ewropew ta" l-Ibħra", ta" inventarju kartografiku ta" teżori u siti arkeoloġiċi taħt l-ilma, li jiffaċilitaw l-għarfien u l-istudju tagħhom, u li jservi sabiex l-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru jikkonservaw b'mod aħjar il-patrimonju storiku u kulturali tiegħu;

136.  Iqis li l-implimentazzjoni b'mod sħiħ u fil-ħin tal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha ta' l-UE (fost l-oħrajn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(18), id-Direttivi dwar l-Ambjent Naturali u l-Għasafar, id-Direttiva dwar in-Nitrati(19), id-Direttiva dwar il-Kubrit fil-Karburanti Likwidi(20), id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet għat-Tniġġis Ikkawżat minn Vapuri) hija importanti ħafna għall-konservazzjoni tal-kwalità ta' l-ambjent tal-baħar, u li l-Kummissjoni għandha tagħmel il-pressjoni neċessarja biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentawha, u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu azzjoni legali;

137.  Huwa konvint li l-prinċipju ta" prekawzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE, irid jifforma l-bażi tat-tipi kollha ta' sfruttament taz-zoni marittimi ta′ l-UE; jenfasizza li n-nuqqas ta' ċertezza xjentifika m'għandhiex għalhekk tintuża bħala skuża għal posponiment ta' azzjoni preventiva; jemmen, min-naħa l-oħra, li l-ġħaġla għal azzjoni preventiva m'għandhiex timpedixxi l-użu tat-tagħrif xjentifiku;

138.  Jinnota li l-Green Paper issemmi bosta kontribuzzjonijiet utli li jistgħu jitwettqu mill-militar, inklużi t-tiftix u s-salvataġġ, għajnuna għad-diżastri u sorveljanza fuq il-baħar; juri dispjaċir, iżda, li m'hemm xejn imsemmi dwar id-degradazzjoni ambjentali li tista' tkun ikkawżata mill-militar, bħal ittestjar ta' armi, kostruzzjoni ta' bażijiet navali u l-użu ta' sistemi ta' sonar ta' taħt l-ilma li jkollhom intensità għolja li jista' jkollhom effett ta" ħsara fuq iċ-ċetaċji li jwassal għan-nuqqas ta' smigħ, għal ħsara fl-organi interni u għall-inkaljar tal-massa b'konsegwenza fatali; jinsisti, f'dan ir-rigward, li attivitajiet militari jkunu inkorporati b'mod sħiħ fil-politika marittima u jkunu suġġetti għal evalwazzjonijiet sħaħ ta' l-impatt ambjentali u għal responsabilità sħiħa.

139.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu fil-politika marittima tagħhom investigazzjonijiet komprensivi dwar l-istokkijiet ta' munizzjoni antiki minn gwerer preċedenti li ntefgħu f'ibħra Ewropej, u l-perikli li dawn jippreżentaw għall-persuni u għall-ambjent, u biex jeżaminaw il-possibilitajiet li jagħmluhom sikuri u/jew li jirkuprawhom, u biex jieħdu azzjoni adegwata;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ikollha rwol iktar prominenti f'organizzazzjonijiet internazzjonali; jenfasizza madankollu li l-Komunità ma tistax u m'għandhiex tirrappreżenta, u iktar u iktar tissostitwixxi, lill-Istati Membri ta' l-UE; itenni madankollu, li l-UE għandu jingħatalha l-istatus ta' osservatur fi ħdan l-IMO;

141.  Jenfasizza li l-UE trid tkun involuta b'mod attiv fil-governanza marittima fil-livell internazzjonali biex tippromwovi kundizzjonijiet ugwali fl-ekonomija marittima mingħajr ma tikkomprometti l-ambizzjoni dwar is-sostenibilità ambjentali ta' l-attivitajiet marittimi;

142.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-IMO, ta' l-ILO u ta' l-UE wasslu għal settur marittimu aktar sikur, aktar nadif u ekonomikament aktar vijabbli; jilqa' b′sodisfazzjon il-fatt li l-Annessi I u II tal-Konvenzjoni MARPOL li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007 ġew riveduti; jistieden lill-Istati Membri ta′ l-UE biex jirratifikaw minnufih il-Konvenzjonijiet rilevanti kollha ta′ l-IMO u ta′ l-ILO, partikolarment l-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Libertà Ċivili għal Ħsara minn Tniġġis minn Żejt tal-Bunker, il-Konvenzjoni Internazzjonli dwar il-Kontroll ta" Sistemi "Anti-fouling" li jagħmlu l-ħsara fuq il-Vapuri, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Ħsara marbuta mal-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u li Jagħmlu l-Ħsara; jitlob li r-ratifikazzjoni jew in-nuqqas ta' ratifikazzjoni jintużaw bħala kriterju fit-tiftix ta' vapuri waqt operazzjonijiet ta' kontroll mill-Istat fil-portijiet;

143.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw b'mod attiv f'diskussjonijiet, taħt l-awspiċji tal-Fondi Internazzjonali għal Kumpens għal Tniġġis miż-Żejt (IOPCF), biex jiġi miġġieled it-tbaħħir inferjuri u għalhekk, jippromwovu tbaħħir ta' kwalità; jenfasizza li, fuq perjodu medju ta" żmien, għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabilità Ċivili għal Ħsara minn Tniġġiż miż-Żejt u l-IOPCF;

144.  Iqis li l-EMSA, il-FRONTEX, l-Aġenzija għas-Sajd u l-Aġenzija għall-Ambjent għandhom diversi strumenti disponibbli li jistgħu jiġu magħquda b'mod utli sabiex jipprovdu appoġġ effettiv għal politika marittima Ewropea; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni mhux biss biex twarrab l-ostakli għall-koperazzjoni bejn dawn l-aġenziji, iżda biex tifformalizza wkoll din il-koperazzjoni sabiex jinkiseb dan li ġej:

   i) sikurezza fil-baħar u protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar (inklużi spezzjonijiet tas-sajd), protezzjoni mit-terroriżmu, piraterija u atti kriminali fil-baħar u sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrapportat (IUU);
   ii) spezzjonijiet koordinati tas-sajd u nfurzar ugwali madwar l-UE kollha b'pieni u sanzjonijiet ugwali jkunu applikati fil-qrati ta' l-Istati Membri;
   iii) monitoraġġ strett tal-konformità ma' rotot magħżula ta' tbaħħir u prosekuzzjoni għal rimi illegali minn bastimenti; tweġiba rapida u koordinata f'każ ta' inċident, filwaqt li jittieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih, inkluża l-għażla ta' postijiet ta' kenn u portijiet għal użu f'emerġenza u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali; itenni s-sejħa tiegħu, inkluża fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004, biex jitwaqqaf servizz ta' gwardja kostali Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju dwar il-fattibilità tiegħu kemm jista' jkun malajr;

145.  Jistenna li l-Politika Ewropea ta' Viċinanza tqis b'mod xieraq il-politika marittima għall-Unjoni u l-bżonn li jkun hemm koperazzjoni ma' l-Istati ġirien ta' l-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ambjent, mas-sikurezza u mas-sigurtà ta' l-ibħra u fil-baħar;

146.  Iqis li s-sajd IUU hu problema serja u li qed tiżdied, li qed tikkawża kemm il-qerda ta' stokkijiet tal-ħut importanti kif ukoll kompetizzjoni inġusta bejn is-sajjieda li jirrispettaw ir-regoli u s-sajjieda li ma jirrispettawhomx; jinnota li, fir-rigward ta' ċerti industriji tas-sajd fl-UE, il-qabdiet IUU huma parti sinifikanti tal-qabda totali; jistenna bil-ħerqa l-komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni u l-proposti leġiżlattivi biex jiġi miġġieled is-sajd IUU u biex jiġi aġġornat il-Pjan ta' Azzjoni 2002 ta' l-UE;

147.  Jitlob li jitkompla l-approċċ integrat għall-politika marittima Ewropea fil-ġejjieni; jenfasizza li dan għandu jinkludi mill-inqas laqgħat ta' koordniazzjoni regolari tal-Kummissarji rilevanti u skambji pubbliċi regolari ta' opinjonijiet mal-parteċipanti l-oħra, pereżempju waqt konferenzi bijennali; jistieden lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill sabiex jinkludu l-politika marittima fil-programmi ta' ħidma tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tindika kull sena l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE b'rilevanza marittima.

148.  Jinnota li l-kunċett ta' l-integrazzjoni tal-politika marittima issa għandu jitpoġġa fil-prattika u jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-qafas tal-politiki tagħha, bil-ħsieb li tagħmel analiżi ħolistika ta' l-affarijiet marittimi u l-politiki li jħallu effett fuqhom, filwaqt li tiżgura li jitqiesu l-interazzjonijiet f'kull politika settorjali u li jkun hemm koordinazzjoni bejniethom fejn ikun xieraq; jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li ttieħdu mill-istituzzjonijiet Komunitarji kollha u mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri rigward ir-rispons tagħhom, b'ħidma bejn is-setturi, għall-Green Paper dwar il-Politika Marittima u jistedinhom biex ikomplu mexjin f'din id-direzzjoni;

149.  Jitlob għall-ħolqien ta' linja tal-baġit "Proġetti pilota għall-politika marittima" għall-promozzjoni ta' proġetti pilota dwar l-integrazzjoni ta' sistemi differenti tal-kontroll ta' l-ibħra, għall-ġbir ta' dejta xjentifika varja dwar il-baħar u għat-tixrid ta' netwerks u "Best Practices" fil-qasam tal-politika marittima u l-ekonomija kostali; huwa favur li l-politika marittima tiġi kkunsidrata b'mod xieraq fil-formulazzjoni tal-baġit tal-politiki u l-istrumenti ta' l-UE wara l-2013;

o
o   o

150.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Economiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)1 P6_TA(2007)0082.
(2) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta" l-habitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(3) Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tat-tajr selvaġġ (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1).
(4) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.
(5) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p.730.
(6) ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
(7) ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.
(8) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.
(9) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(10) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(11) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.
(12) Testi Adottati, P6_TA(2006)0482.
(13) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
(14) ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24.
(15) ĠU L 179, 23.6.1998, p.3.
(16) Testi Adottati, P6_TA(2006)0486.
(17) ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
(18). Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(19) Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).
(20). Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis fil-kontenut tal-kubrit f′ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).

Avviż legali - Politika tal-privatezza