Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2213(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0219/2007

Testi mressqa :

A6-0219/2007

Dibattiti :

PV 10/07/2007 - 18
CRE 10/07/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0344

Testi adottati
PDF 382kWORD 79k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
L- ewwel pakkett ferrovjarju
P6_TA(2007)0344A6-0219/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-12 ta' Lulju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju (2006/2213(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju (COM(2006)0189) kif ukoll id-dokument ta' ħidma mehmuż tas-servizzi tal-Kummissjoni (SEC(2006)0530),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-emenda tad-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ferrovjarji tal-Komunità(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/13/KE tas-26 ta' Frar 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emenda tad-Direttiva 95/18/KE tal-Kunsill dwar l-illiċenzjar ta' l-intrapriżi ferrovjarji(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali ferrovjarja, it-tariffi għall-użu ta' l-infrastruttura ferrovjarja u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà(3),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar l-introduzzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Sigurtà, Kontroll u Senjalazzjoni tal-Ferroviji ERTMS/ETCS(4),

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0219/2007),

A.   billi l-ewwel pakkett ferrovjarju kellu l-iskop li jagħti ħajja mill-ġdid lis-settur billi jservi ta' l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' zona ferrovjarja Ewropea integrata, u li jħaffef il-progress fil-"modal shift", jiġifieri t-trasferiment tat-trasport tal-merkanzija minn fuq it-toroq għal fuq il-linji ferrovjarji,

B.   billi l-Parlament fl-ewwel qari dwar it-tielet pakkett ferrovjarju talab lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapporti dwar l-effetti ta' l-ewwel u t-tieni pakkett ferrovjarju,

C.   billi s-settur tat-traffiku huwa responsabbli għal bejn il-15 u t-30% ta' l-emissjonijiet kollha tal-CO2 fl-UE, u billi għalhekk huwa essenzjali li t-traffiku fit-toroq jiġi trasferit b'mod aktar intensiv għal fuq il-linji ferrovjarji, il-kanali u x-xmajjar, fejn ikollu effett inqas negattiv fuq il-klima,

D.   billi l-iżvilupp lejn trasferiment modali u lejn l-ottimizzazzjoni tal-ktajjen intermodali sa issa għadu ma kienx sodisfaċenti u billi l-ewwel pakkett ferrovjarju għadu ma tax ir-riżultati mixtieqa,

E.   billi l-kundizzjonijiet ta' bażi għall-kompetizzjoni u l-koperazzjoni bejn it-traffiku fuq il-linji ferrovjarji, fit-toroq, fl-ajru u fuq il-baħar għandhom effetti inevitabbli fuq il-prestazzjoni ta' kull wieħed minn dawn il-mezzi tat-trasport, u billi għalhekk il-kwistjoni tal-kompetizzjoni ġusta bejn dawn il-forom ta' trasport trid tkun il-qofol ta' kull diskussjoni dwar l-effiċjenza u l-kompetittività fi ħdan kull forma ta' trasport,

F.   billi t-traffiku ta' fuq it-toroq, li huwa ta' ħsara għall-ambjent, huwa preferut minħabba li sistemi ta' pedaġġ fl-UE, b'limitu massimu fiss, jitħallsu biss fuq bażi volontarja, l-aktar fuq il-highways biss u mit-trakkijiet biss, mingħajr aġġustament ta' l-ispejjeż esterni,

G.   billi l-pedaġġi kellhom suċċess sinifikanti biex ittrasferew it-traffiku minn fuq it-triq għal fuq il-linji ferrovjarji – pereżempju fl-Iżvizzera – u huwa eżempju ta' interess kbir għall-politika ta' l-UE dwar it-trasport, b'mod partikulari wkoll minħabba l-fatt li l-effiċjenza mtejba tat-trasport tal-merkanzija fuq it-toroq wasslet biex l-ispejjeż għall-konsumatur żdiedu biss b'0.5%,

H.   billi l-UE, fil-ftehima ma' l-Iżvizzera kif ukoll fil-Konvenzjoni ta' l-Alpi, iffirmat protokolli dwar it-trasport u b'hekk żgurat li t-trasferiment tat-traffiku tal-merkanzija li jaqsam l-Alpi għal fuq il-linji ferrovjarji jkun parti mill-politika tal-ġejjieni ta' l-UE dwar it-trasport,

I.   billi l-esperjenza wriet li l-grad tal-ftuħ tas-suq u n-numru ta' intrapriżi li daħlu fis-suq kien differenti ferm, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, fl-Istati Membri ż-żgħar u l-kbar, fil-qodma u fil-ġodda; billi ntwera li l-kompetizzjoni, f'dawk l-oqsma fejn iddaħħlet, kienet valida u kumpaniji ferrovjarji żgħar spiss jimlew b'suċċess il-post li jkun tbattal billi xi servizz ma jkunx vijabbli għall-intrapriżi l-kbar,

J.   billi t-tkabbir minn 15 għal 25 u issa għal 27 Stat Membru daħħal fl-UE pajjiżi fejn l-istrutturi fil-qasam ferrovjarju f'xi każi huma differenti sew minn dawk fl-Istati Membri l-"qodma", li jġib miegħu opportunitajiet u riskji differenti għall-qasam ferrovjarju; billi t-tkabbir ta' l-UE u l-Politika tal-Viċinat ta' l-UE qegħdin joffru sfidi ġodda biex l-UE tifforma politika ferrovjarja differenzjata b'mod xieraq,

K.   billi f'xi Stati Membri ġodda, speċjalment fl-Istati Baltiċi, it-traffiku ta' merkanzija lejn u minn pajjiżi terzi jikkostitwixxi kważi nofs id-dawran totali tan-negozju; billi l-liberalizzazzjoni għas-settur ferrovjarju hija mxekkla mill-oqfsa legali differenti tal-pajjiżi ġirien ta' l-UE u n-nuqqas ta' djalogu attiv bejn l-UE u dawn l-istati; billi b'riżultat ta' dan, il-kumpaniji ferrovjarji tradizzjonali għandhom pożizzjoni dominanti fis-suq fir-rigward tal-koperazzjoni ma' operaturi ferrovjarji li mhumiex ta' l-UE,

L.  Il-ftuħ tan-netwerks hu wieħed mill-fatturi li wassal għal żieda fit-trasport tal-merkanzija fuq il-linji ferrovjarji b'60% fir-Renju Unit, bi 42.5% fl-Olanda, b'aktar minn 30% fil-Polonja u b'25% fil-Ġermanja, filwaqt li, pereżempju fi Franza, fejn il-ferroviji ta' l-Istat s'issa prattikament għad ma kellhomx kompetizzjoni, naqas bi 28%; billi dan għandu wkoll konsegwenzi fuq l-impjiegi u l-kwalità tas-servizz mogħti, kif ukoll fuq il-klima, peress li l-merkanzija li m'għadhiex tinġarr bil-ferroviji issa qed tinġarr fuq it-toroq,

M.   billi dan huwa konness b'mod partikolari mal-fatt li fuq in-netwerk ferrovjarju Ġermaniż hemm 274 kumpanija tat-trasport tal-merkanzija reġistrati li antiċipaw sew id-data skedata għall-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni, u billi hemm 60 operatur fil-Polonja, filwaqt li fi Franza, fejn id-dati għall-ftuħ tas-suq kienu applikati strettament, huma biss ħamsa, biex ma nsemmux pajjiżi bħall-Finlandja u s-Slovenja, fejn il-monopolju statali għad m'għandux kompetituri,

N.   billi sistema ta' ħlas trasparenti fuq l-infrastruttura ferrovjarja hija rekwiżit essenzjali għal kull kompetizzjoni f'dan il-qasam; billi d-Direttiva 2001/14/KE, għalkemm tibbaża l-ġbir ta' tariffi fuq il-prinċipju ta' l-ispiża marġinali, tħalli wisa' fejn jidħol l-irkupru ta' ħlasijiet għall-użu ta' l-infrastruttura, li jwassal għal sistemi u ammonti ta' ħlas differenti sew fl-Istati Membri; billi d-differenzi fl-ammont ta' investiment ferrovjarju fl-Istati Membri huma riflessi f'differenzi fil-ħlas min-naħa ta' l-operatur ta' l-infrastruttura,

O.   billi l-esperjenza s'issa u l-istat attwali ta' l-intensità tal-kompetizzjoni juru li s-sistema ferrovjarja taħdem ukoll meta n-netwerk u l-intrapriża huma separati b'mod regolat,

P.   billi t-trasport permezz ta' vaguni iżolati, b'sehem ikbar minn 50%, jifforma parti importanti mit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Ewropa, u li minnu jiddependu għadd ġmielu ta' klijenti tal-kumpaniji ferrovjarji,

Q.   billi l-istatistika disponibbli dwar l-inċidenti ferrovjarji għadha mhix sħiħa, iżda turi titjib fis-sikurezza ferrovjarja wkoll wara l-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija; billi fl-Istati Membri li l-aktar li fetħu s-suq ma rreġistraw l-ebda tnaqqis fis-sikurezza; billi l-ksib ta' ċertifikazzjoni tas-sigurtà fil-prattika huwa mtaqqal wisq minħabba problemi ambjentali, nuqqas ta' trasparenza kif ukoll limitazzjonijiet organizzattivi u ammnistrattivi,

Il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni intermodali

1.  Ifakkar li l-għan li tingħata ħajja ġdida lit-trasport ferrovjarju huwa punt ewlieni tal-politika ta' l-UE dwar it-trasport, fil-kuntest ta' problemi tat-traffiku li dejjem jiżdiedu, żieda fl-emissjonijiet, sorsi limitati ta' l-enerġija u eluf ta' vittmi ta' l-inċidenti tat-traffiku, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis dan il-fatt fl-implimentazzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju;

2.  Huwa tal-fehma li d-Direttiva "Eurovignette 2" hija l-ewwel pass lejn kompetizzjoni intermodali ġusta: il-kompetizzjoni ġusta mhijiex possibbli meta fl-UE kollha jrid isir ħlas obbligatorju fuq il-vjaġġi ferrovjarji kollha mill-ferroviji kollha, waqt li min-naħa l-oħra l-pedaġġ tat-toroq fl-UE huwa limitat fil-prezz, jitħallas biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, fuq l-awtostradi biss u għat-trakkijiet biss; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni sabiex sa l-2008 tippreżenta Direttiva (ara l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi(5)) li fiha l-Eurovignette tiġi adattata għas-sistema tal-ħlasijiet għall-użu ta' l-infrastruttura, jiġi preskritt pedaġġ obbligatorju fuq it-toroq kollha ta' l-UE għat-trakkijiet kollha minn 3.5 tunnellati 'l fuq, mingħajr ma jkun hemm mod ta' kif wieħed jaħrab minnu, u l-ispejjeż esterni jiġu internalizzati;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-prinċipji tal-protokolli dwar it-trasport tal-ftehima ma' l-Iżvizzera, kif ukoll tal-Konvenzjoni ta' l-Alpi, permezz ta' miżuri adegwati għat-trasferiment tat-trasport tal-merkanzija li jaqsam l-Alpi;

4.  Jinnota li l-kompetizzjoni bejn il-linji ferrovjarji u l-ajruplani hija mgħawġa; huwa tal-fehma li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-pitrolju kif ukoll mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-biljetti internazzjonali ta' l-ajru għandha titpoġġa fuq l-aġenda internazzjonali u ta' l-UE b'mod urġenti;

5.  Iqis li l-prattika li Stati Membri jitolbu ħlasijiet għolja għall-użu ta' l-infrastruttura fuq in-netwerk ferrovjarju tal-merkanzija, iżda fl-istess waqt ma jitolbux pedaġġ għat-trakkijiet fuq it-toroq hija waħda li ma taqbilx ma' l-għan tal-politika Ewropea dwar it-trasport;

6.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' interoperabilità bejn in-netwerks għadu l-ostaklu prinċipali għall-ħolqien ta' zona ferrovjarja Ewropea integrata, u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta inizjattiva ġdida dwar dan l-aspett; iqis li l-liberalizzazzjoni kellha timxi id f'id mal-progress magħmul dwar l-interoperabilità u jesprimi dispjaċir li ż-żewġ proċessi mxew b'rati differenti sew minn xulxin; jirrimarka li l-ftuħ tan-netwerks għall-kompetizzjoni se jħalli l-frott biss jekk ikun hemm netwerk trans Ewropew integrat tassew; jitlob li din il-kwistjoni tiġi ttrattata bħala prijorità fil-futur;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmodernizza u tiżviluppa l-infrastrutturi intermodali, b'mod partikolari l-konnessjonijiet ma' l-infrastrutturi tal-portijiet;

Il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni intramodali

8.  Jenfasizza li l-interoperabilità fit-trasport ferrovjarju għandha tkompli titjieb sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ferroviji; f'dan il-kuntest jitlob li l-ERTMS tiddaħħal bla dewmien u bla eċċezzjoni fuq is-sitt kurituri li dwarhom l-UE, permezz tal-koordinatur tagħha Karel Vinck, laħqet ftehima ma' l-intrapriżi ferrovjarji ta' l-Istati Membri (A: Rotterdam–Ġenova; B: Napli–Berlin–Stokkolma; C: Antwerp–Basel/Lyon; D: Sivilja–Lyon–Torin–Trieste–Ljubljana; E: Dresden–Praga–Brno–Vjenna–Budapest; F: Duisburg–Berlin–Varsavja);

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża l-eżempju tajjeb li ngħata fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-istat għall-vetturi ferrovjarji, li saret possibbli permezz ta' l-installazzjoni/it-titjib ta' l-ERTMS fil-ferroviji, fil-kamp tat-tnaqqis tal-ħsejjes tal-vetturi tal-merkanzija, billi dan jiffranka l-flus fil-qasam ta' l-investimenti fl-infrastruttura;

10.  Jirrikonoxxi li l-possibilità li tingħata preferenza lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri b'detriment għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija permezz ta' ħlasijiet għolja żżejjed għall-użu ta' l-infrastruttura, jista' jkollha effett negattiv fuq il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija; jinnota li din l-imġiba ta' l-intrapriżi ferrovjarji hija konsegwenza diretta ta' allokazzjonijiet finanzjarji mhux suffiċjenti mill-Istati Membri lill-intrapriżi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi legali kollha biex twaqqaf din il-prattika;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni kontra l-prassi li biha l-għajnuna finanzjarja ta' l-UE għat-trasport tingħata lill-Istati Membri, li mbagħad jużawha kważi kollha biex jissussidjaw in-netwerks tat-toroq tagħhom filwaqt li jittraskuraw in-netwerk ferrovjarju; fil-każ ta' l-iffinanzjar konġunt, mill-inqas 40% tal-fondi għandhom jiġu allokati għan-netwerks ferrovjarji;

12.  Jinnota li t-tliet Stati Membri Baltiċi implimentaw il-leġiżlazzjoni ta' l-UE u qegħdin jilliberalizzaw is-swieq tagħhom filwaqt li dan mhux il-każ fil-pajjiż ġar tagħhom, ir-Russja. Din is-sitwazzjoni speċjali kellha tiġi rikonoxxuta mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea;

13.  Jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha sabiex tmexxi 'l quddiem in-netwerk ferrovjarju trans Ewropew tal-merkanzija u jistenna li jingħata l-appoġġ b'mod partikolari għall-proġetti ewlenin tat-Netwerk Trans Ewropew;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rakkomandazzjonijiet għal riforma sostenibbli ta' l-istrutturi finanzjarji tal-linji ferrovjarji (ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE);

15.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta' kif tista' ssir promozzjoni tal-bini mill-ġdid ta' binarji maħsuba biex jgħaqqdu l-intrapriżi industrijali u sabiex binarji eżistenti ta' dan it-tip ma jibqgħux jinqerdu;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-possibilità li tagħmel il-pedaġġi uaktar trasparenti u prevedibbli, biex jiġi stabbilit il-prinċipju ta' armonizzazzjoni minima ta' pedaġġi fil-kurituri internazzjonali li intrapriżi ferrovjarji qed jinvestu fihom sabiex itejbu l-interoperabilità;

Ir-regolazzjoni tas-separazzjoni bejn in-netwerk u l-użu

17.  Iqis li s-separazzjoni ta' l-infrastruttura ferrovjarja mill-użu, fid-dawl ta' l-irwol ċentrali ta' l-operaturi ta' l-infrastruttura għas-settur, hija kwistjoni ewlenija tal-politika ferrovjarja u, minn dan l-aspett, iqis li hu ta' ħtieġa assoluta li tinħoloq entità regolatorja indipendenti u trasparenti li jkollha fondi biżżejjed;

18.  Iqis li kemm il-mudelli ta' separazzjoni kif ukoll dawk ta' integrazzjoni huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja, bil-kundizzjoni li l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali tiġi salvagwardata skond id-Direttiva 2001/14/KE; iqis li dan m'huwiex għal kollox il-każ, kif jidher mill-bosta lmenti magħmulin minn intrapriżi li jidħlu fis-swieq li jikkompetu ma' l-intrarpiżi ferrovjarji statali stabbiliti; jiġbed l-attenzjoni li l-ilmenti tagħhom għandhom jew kellhom x'jaqsmu ma' dan li ġej:

   - l-aċċess għan-netwerk jew għal rotta favorevoli ma setax jingħata minħabba li din ir-rotta kienet diġà ġiet allokata għal-intrapriża ferrovjarja li tagħmel sehem mill-grupp dominanti;
   - it-talbiet tagħhom ma setgħux jintlaqgħu minħabba li l-"points" kienu ġew estiżi qabel u/jew il-binarji li minn fuqhom ferrovija tista' taqbeż oħra kienu ġew żarmati;
   - ġew preskritti zoni ta' rotot ta' veloċità baxxa, mingħajr raġuni tajba, sabiex titnaqqas is-sigurtà tal-konnessjoni tal-kompetituri;
   - ma setgħux jinxtraw lokomotivi użati għax kienu diġà ntefgħu għall-iskrapp, jew għax l-intrapriżi ferrovjarji ma ħallewx lix-xerrejja potenzjali milli jagħmlu dan;
   - il-prezzijiet skond id-distanza għolew b'mod drastiku wara li nxtrat intrapriża ferrovjarja li qabel kienet ta' l-istat;
   - il-prezzijiet għall-użu ta' l-infrastruttura skond id-distanza għolew fi żmien hekk qasir, li dawn ma setgħux jibqgħu jiġu kkalkulati fl-istruttura tal-prezzijiet, filwaqt li l-intrapriża ferrovjarja li tagħmel sehem mill-grupp dominanti ġiet mgħarrfa minn qabel;
   - it-transfinanzjament fi ħdan il-gruppi dominanti ma ġiex imxekkel, billi parti mill-ħlasijiet skond id-distanza mħallsa minnhom marru fil-kumpanija possedenti (holding) minflok ma ntużaw b'riżq l-infrastruttura, u dan mhux biss tejbilhom ir-riżultati iżda setgħu wkoll jagħtu servizz bi prezz orħos fis-suq;
   - intrapriżi mhux statali spiss iħallsu prezzijiet ogħla għall-enerġija milli jħallsu l-fergħat tal-gruppi, anke jekk il-provvista ta' l-enerġija tiġi integrata fil-kumpanija possedenti, u l-Qorti Reġjonali ta' Frankfurt sa wkoll qatgħetha li dan it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni seta' jsir;
   - ir-reġistrazzjoni, b'mod speċjali tal-lokomotivi, hija suġġetta għal regolamenti differenti bejn pajjiż u ieħor, u kull Stat Membru jitlob reġistrazzjoni separata għan-netwerk tiegħu, li mhux biss tieħu żmien twil iżda wkoll tiswa ħafna flus;

19.  Jinnota li d-dħul fis-suq ta' fornituri ġodda tas-servizzi fil-qasam tat-trasport bil-vaguni iżolati jiddependi mit-tħaddim effiċjenti tal-marshalling yards; iqis li jeħtieġ li l-marshalling yards jitħaddmu b'mod newtrali sabiex ikun żgurat li l-intrapriżi kollha jkunu trattati mingħajr diskriminazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li temenda l-liġi ta' l-UE f'dan ir-rigward;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tbiddel is-sistemi ferrovjarji li attwalment huma limitati bi fruntieri nazzjonali b'mod li kull kumpanija ferrovjarja li tilħaq ir-rekwiżiti legali u tekniċi meħtieġa fi Stat Membru tkun tista' topera t-trasport fin-netwerk sħiħ Ewropew (cross-acceptance), u permezz ta' dan jiġi promoss mhux biss it-trasport trans Ewropew imma wkoll dak transkonfinali reġjonali; jenfasizza li dan iwassal ukoll biex jitneħħew il-vantaġġi tat-trasport bit-toroq u bl-ajru fejn dawn ilhom hemm għal ħafna snin;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċeduri legali mingħajr dewmien kontra dawk l-Istati Membri li ma implimentawx l-ewwel u/jew it-tieni pakkett ferrovjarju sad-data speċifikata;

22.  Jinnota li għandha tingħata prijorità assoluta lill-implimentazzjoni sħiħa ta' l-Ewwel Pakkett Ferrovjarju, inklużi l-kriterji tat-testijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fl-Annessi għar-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' l-Ewwel Pakkett Ferrovjarju;

23.   jiġbed l-attenzjoni li fl-UE-25 is-sehem tal-linji ferrovjarji fis-suq tal-merkanzija ilu jistabbilizza ruħu sa mill-2001 u l-aħjar rendiment, bl-esklużjoni ta' l-Istati Baltiċi li jibbenefikaw mill-pożizzjoni ġeografika speċjali tagħhom u mit-tip ta' merkanzija li tinġarr, jista' jidher fi Stati Membri li kienu minn ta' l-ewwel li bdew jirriformaw l-industrija ferrovjarja tagħhom qabel ma bdew iseħħu d-Direttivi Komunitarji u l-ftuħ tas-suq;

24.  Jinnota li n-nuqqasijiet ta' kapaċità tal-linji ferrovjarji Ewropej għandhom effett negattiv fuq l-operat tal-linji ferrovjarji fir-rigward ta' mezzi oħra ta' trasport; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, qabel tmiem l-2007, tistudja l-effetti ta' l-Artikoli 22, 25 u 26 tad-Direttiva 2001/14/KE b'referenza għall-analiżi tal-kapaċità u l-pjan għat-tisħiħ tal-kapaċità preskritti fiha fil-każ ta' konġestjoni ta' l-infrastruttura;

25.  Jenfasizza li t-titjib tal-kompetittività tas-settur permezz ta' ftuħ tas-suq jinkoraġġixxi l-investiment futur, biex b'hekk jiġu żgurati t-tkabbir u l-impjiegi, żewġ objettivi li huma fost l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jinnota, barra minn hekk, bil-kontribut tagħha għall-iżvilupp ta' trasport li jirrispetta l-ambjent, il-Komunità għalhekk tagħżel l-iżvilupp ta' trasport sostenibbli;

26.  Jisħaq fuq l-importanza ta' rwol indipendenti għall-intrapriżi ferrovjarji, kif hemm miġbur, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/440/KEE fir-rigward ta' l-immaniġġjar tekniku, finanzjarju u fl-organizzazzjoni, u jinnota l-effetti pożittivi li rwol bħal dan iħalli fuq l-iżvilupp tal-ferrovija bħala mezz ta' trasport;

27.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali Ewropew biex ma jħallix li l-proċess tal-liberalizzazzjoni jiffaċilita d-dumping soċjali;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 75, 15.03.2001, p.1
(2) ĠU L 75, 15.03.2001, p.26.
(3) ĠU L 75, 15.03.2001, p.29.
(4) ĠU C 300 E, 9.12.2006, p.499.
(5) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 8.

Avviż legali - Politika tal-privatezza