Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2227(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0190/2007

Testi mressqa :

A6-0190/2007

Dibattiti :

PV 10/07/2007 - 20
CRE 10/07/2007 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.5
CRE 12/07/2007 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0345

Testi adottati
PDF 234kWORD 77k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Mobilità sostenibbli
P6_TA(2007)0345A6-0190/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-12 ta' Lulju 2007 dwar Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna (2006/2227(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna - Reviżjoni ta" nofs iż-żmien tal-White Paper tat-Trasport ta" l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea" (COM(2006)0314),

–   wara li kkunsidra s-sinteżi tal-presidenza Finlandiża dwar ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-White Paper tat-Trasport ta" l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifletti d-diskussjoni tal-Kunsill tat-Trasport tat 12 ta' Ottubru 2006 (Dok. tal-Kunsill 13847/06 TRANS 257),

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0190/2007),

A.   billi l-komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata wara konsultazzjoni wiesgħa li involviet il-partijiet interessati; billi hija imsejsa fuq metodu aġġornat, issegwi l-objettivi ta' Liżbona, u taqa' fil-qafas ta' l-iżvilupp sostenibbli Ewropew,

B.   billi l-Parlament jirrikonoxxi l-progress f'uħud mill-oqsma tal-politika Ewropea dwar it-trasport u jenfasizza l-importanza li jibqgħu isiru sforzi bħal:

   - il-bini tas-suq intern għas-servizzi tat-trasport permezz ta' interkonnessjoni ta' netwerks infrastrutturali, li jsegwi politika li tippromwovi l-interoperabilità li tiggarantixxi aċċessibiltà għal dan is-suq sabiex jiżgura l-mobilità transkonfinali neċessarja u japplika miżuri speċifiċi biex itaffi l-iżvantaġġi ġeografiċi ta' reġjuni u pajjiżi l-aktar imbiegħda fuq il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni,
   - jiżgura aktar koeżjoni bejn iċ-ċittadini permezz ta' strumenti ta' politika tat-trasport,
   - japplika miżuri maħsuba sabiex inaqqsu l-effetti negattivi fuq l-ambjent tas-settur tat-trasport,
   - reviżjoni kontinwa u aktar żvilupp tas-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport (ta' l-ajru, tal-baħar, ta' l-ilmijiet navigabbli interni, tal-ferroviji u tat-toroq) waqt li jqis l-importanza soċjo-ekonomika tagħha,
   - sforzi biex titjieb il-kwalità tas-servizz u biex il-konsumatur ikun protett f'kull metodu ta' trasport bi qbil ma' l-għan li jinħoloq suq intern,
   - sforzi biex ikunu garantiti d-drittijiet bażiċi tal-passiġġieri anke billi jkun garantit servizz universali f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri,
   - implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar kundizzjonijiet tax-xogħol,

C.   billi l-Parlament jenfasizza li l-politika Ewropea dwar it-trasport għandha tilqa' l-isfidi ġodda li jmiss:

   - id-domanda għat-trasport qed tikber b'mod aktar mgħaġġel mill-previst, u kibret aktar mill-GDP,
   - il-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea teħtieġ aktar minn qabel sistema ta' trasport sostenibbli, effiċjenti, li tiffunzjona, fejn it-trasport għandu jkun meqjus bħala parti mit-tkabbir Ewropew u mill-kompetittività Ewropea,
   - l-isfidi ġodda tas-sistema integrata Ewropea tat-trasport minħabba l-aħħar tkabbir, b'mod partikolari minħabba fid-densità, fil-kapaċità, fil-kwalità u f'parametri oħra ta' l-infrastruttura tat-trasport bejn l-UE-15 u l-Istati Membri l-ġodda,
   - l-effetti ħżiena ta' gassijiet serra f'dik li hi l-bidla fil-klima żdiedu, mhux inqas minħabba l-kontribuzzjoni ta' dan is-settur fuq il-bidla fil-klima,
   - iż-żieda kontinwa tal-prezzijiet ta' l-enerġija, speċjalment il-prezzijiet tal-fjuwils fossili użati għat-trasport,
   - iż-żieda sinifikattiva tal-potenzjal ta' l-innovazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda,
   - inħolqu dmirijiet ġodda mill-globalizzazzjoni,
   - iż-żieda fl-importanza tas-sigurtà u l-ħarsien ta' l-infrastrutturi tat-trasport mit-terroriżmu,
   - iż-żieda fil-problemi, fis-settur tat-trasport, dwar kriminalità relatata mat-trasport u s-serq organizzat ta' vetturi kummerċjali u t-tagħbija tagħhom,
   - id-diffikultajiet dejjem akbar fil-bliet il-kbar tal-fluwidità tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-kummerċ,

D.   billi l-industrija tat-trasport tirrapreżenta madwar 7% tal-Prodott Gross Domestiku Ewropew u d-dħul mit-trasport kiber b'mod kontinwu; jenfasizza l-fatt li mezzi effiċjenti tat-trasport jikkontribwixxu mhux biss għal tkabbir ekonomiku, iżda huma wkoll vitali sabiex l-investiment fit-teknoloġiji li huma disponibbli jsiru kummerċjalment possibbli u ekonomikament sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni li l-konġestjoni tat-trasport żdiedet u qed tiswa lill-Unjoni Ewropea madwar 1% tal-Prodott Gross Domestiku, waqt li l-industrija tat-trasport tirrappreżenta madwar 5% ta' l-impjiegi, li jfisser aktar minn 10 miljun persuna huma impjegati f'setturi relatati mat-trasport; jemmen li f'dan il-kuntest, ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tagħti opportunità lill-Parlament biex jesprimi b'mod aktar espliċitu, mingħajr ambigwità u b'mod li jkun iffukat fuq il-miri, l-għanijiet tal-politika Ewropea dwar it-trasport sabiex ikun hemm mobilità sostenibbli,

1.  Jisħaq l-importanza ta' koperazzjoni msaħħa f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, li għandha tinkludi l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli komuni u modi aktar effiċjenti ta' infurzar; jisħaq ukoll il-ħtieġa għal interkonnessjoni prammatika u koperattiva tat-trasport u oqsma oħra ta' politika bħal ma huma l-enerġija, l-ambjent u l-innovazzjoni; jipproponi li l-politika ta' trasport għandha tkun integrata b'mod sħiħ fl-Istrateġija ta' Lisbona u għandha titqies fl-istima u r-rakkomandazzjonijiet imressqa kull sena mill-Istati Membri fil-pjani nazzjonali tagħhom sabiex jikejjel u jitqabbel il-progress;

2.  Jisħaq dwar il-ħtieġa ta" interkonnessjoni prammatika u koperattiva bejn it-trasport u oqsma oħra tal-politika fil-livell nazzjonali jew Komunitarju, bħalma huma l-enerġija, l-ambjent u l-innovazzjoni; jenfasizza li dawn il-politiki iridu wkoll jinkorporaw ir-rekwiżiti għall-ħarsien tal-klima, jiġifieri li bħala prijorità jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport b'20% sa l-2020; iqis li metodu integrat biss jista' jikseb riżultati pożittivi għat-tnaqqis tad-diżgrazzji aċċidentali u ta' l-emissjoni u għat-titjib fis-sikurezza u fl-ambjent, kif ġie stipulat pereżempju mill-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21; jinnota l-importanza li jkun hemm informazzjoni speċifika għaċ-ċittadini bħala parteċipanti fit-trasport biex jinkoraġġihom jaġixxu b'mod aktar responsabbli;

3.  Jaqbel bis-sħiħ li l-leġiżlazzjoni tal-Komunità - bi qbil mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u l-prinċipju tas-sussidjarjetà - għandha tiffoka fuq oqsma ġodda bħat-trasport urban, fejn il-leġiżlazzjoni hi meħtieġa u fejn miżuri ta' politika għandhom jittieħdu fuq livell ta' l-UE biss fejn dawn jikkontribwixxu għal valur miżjud ċar u jieħdu post il-burokrazija żejda ta' 27 korp ta' leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-istess tema, imma fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu t-twettiq, l-interpretazzjoni komuni u l-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali Ewropea dwar it-trasport; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex timplimenta kontroll regolari sabiex tkun tista' tosserva l-effikaċja ta' miżuri li qed ifittxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti u fejn meħtieġ tintroduċi korrezzjonijiet;

4.  Jiddeplora l-kundizzjonijiet li bihom il-Kunsill qed jimplimenta l-politika tat-trasport ta' l-Unjoni, u jitlob bis-sħiħ sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr taħt il-proċedura leġiżlattiva u sabiex ikun hemm trasposizzjoni aktar mgħaġġla u koordinazzjoni aħjar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu li tista' biex jintlaħaq dan l-għan;

5.  Jinnota li l-fondi tal-Komunità għal finanzjament ta' proġetti tat-trasport tranż-Ewropew għadhom limitati u l-valur miżjud tal-programm TEN-T ma jistax jintlaħaq ħlief billi jkun lest in-netwerk kollu; jenfasizza l-finanzjament ta' l-infrastrutturi (speċjalment fejn il-problemi ta' konġestjoni huma sinifikanti), tal-partijiet transkonfinali u ta' intersezzjonijiet tat-trasport; iqis li l-progress fl-investiment prijoritarju hu aktar baxx milli previst; jenfasizza li l-proġetti prijoritarji TEN-T - sorveljati mill-kordinaturi - iridu jintgħażlu skond il-fattibilità finanzjarja tagħhom u partikolarment mir-rieda finanzjarja ta' l-Istati Membri konċernati u r-reġjuni tagħhom, u barra minn hekk skond il-livell tagħhom ta' fattibilità operativa u l-livell ta' progress fl-ippjanar tekniku tagħhom, biex jassiguraw li l-intenzjonijiet dikjarati jkollhom applikazzjoni prattika fl-ippjanar ta' investiment li jridu jkunu stabbiliti fil-liġijiet finanzjarji varji ta' l-Istati Membri; iqis li dawn il-proġetti għandhom jipprovdu "valur miżjud pan-Ewropew" ċert bil-ħolqien ta' netwerk ġenwin u interoperabbli ta' trasport tranż-Ewropew u mhux il-ħolqien ta' ħafna biċċiet ta' netwerks nazzjonali;

6.  Jenfasizza li hemm riskju kbir għat-tkabbir ekonomiku Ewropew minħabba nuqqas kontinwu ta' azzjoni finanzjarja fir-rigward ta' l-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti dwar l-estensjoni possibbli ta' modi alternattivi u innovattivi ta' finanzjament - waqt li tikkunsidra wkoll ir-rapport dwar il-futur tar-riżorsi ta' l-Unjoni Ewropea - kif ukoll ta' riżorsi oħra għat-trasport u r-riċerka relatata waqt ir-reviżjoni fl-2008 tal-baġit ta' l-UE għal 7 snin; jenfasizza li dan għandu jinkludi t-tiftix ta' sorsi għall-investiment għat-trasport, u mhux b'inqas permezz ta' tariffi ġusti - bbażati fuq il-prinċipju li "min juża jħallas" u l-ħila li jiġi applikat il-prinċipju ta' "min iniġġeż iħallas" - bil-kundizzjoni li d-dħul jerġa' jiġi investit fis-settur tat-trasport; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom janalizzaw flimkien il-problema finanzjarja, fuq perjodu ta' żmien fit-tul, tal-kostruzzjoni u ta' l-operabilità tat-TEN-T kollu, u jqisu li l-perjodu ta' kostruzzjoni jinkludi mill-inqas żewġ perjodi finanzjarji ta' 7 snin u li ċ-ċiklu ta' żmien ta' l-infrastrutturi ġodda jkun ta' mill-inqas ftit għexieren ta' snin;

7.  Jilqa' il-ħolqien ta' Fond ta' Garanzija iżda jixtieq aktar inizjattivi simili, b'mod speċjali meta l-imsieħba pubbliċi/privati - f'qafas legali xieraq - jistgħu ikunu kapaċi jeżerċitaw irwol fil-finanzjament, iżda mhux mingħajr vijabilità ekonomika u finanzjarja ċara; jenfasizza li l-irwol ta' l-EIB, li jrid ikun kompatibbli, madanakollu, mal-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa tas-sistema bankarja u finanzjarja Ewropea fil-proġetti infrastrutturali u ta' trasport;

8.  Jinnota li l-estensjoni ġeografika ta" l-Unjoni Europea ikkawżat żieda notevoli fid-diversità, li minħabba f'hekk, evalwazzjonijiet bir-reqqa ta" l-impatt, qabel kull leġiżlazzjoni, għandhom jagħmlu lill-Unjoni Europea konxja ta' l-effetti possibbli f'kull Stat Membru, b'mod speċjali fil-pajjiżi l-ġodda; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri biex jagħmlu mill-aħjar ħalli jagħmlu użu sħiħ mill-fondi kollha disponibbli allokati għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura tat-trasport billi, fejn hemm nuqqas ta' kapaċità u infrastruttura, progress kwalitattiv lejn trasport aktar effettiv u aktar sostenibbli ma jistax jintlaħaq bil-għajnuna ta' miżuri orizzontali - l-komodalità u ta" trasport intelligenti;

9.  Jaqbel li għandu jiġi segwit metodu aktar realistiku milli kien il-każ fl-imgħoddi u li għandu jsir użu sħiħ tal-kapaċitajiet limitati u jenfasizza l-importanza li jsir użu effiċjenti u innovattiv tal-modi ta" trasport li joperaw indipendentement jew f'integrazzjoni multimodali; jenfasizza li l-iżvilupp tal-komodalità għandu jkun konformi mat-tnaqqis ta' l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent; jinnota li kull mezz ta' trasport għandu jiżviluppa bil-merti tiegħu stess, bi standards ambjentali xierqa, u jerfa' l-ispejjeż tiegħu stess, biex b'hekk tittejjeb il-mobilità biż-żieda fl-effiċjenza fil-mezzi kollha tat-trasport; jenfasizza li l-komodalità tippermetti użu ottimali u sostenibbli ta' riżorsi li jintlaħqu permezz tal-ġestjoni tal-mobilità fil-loġistika tat-trasport u permezz ta' konnessjoni intermodali ta' mezzi differenti ta' trasport, ħaġa li tista' tnaqqas it-traffiku, waqt li jippermetti kapaċitajiet akbar li jkunu ta' vantaġġ għas-sistema kollha;

10.  Iqis li t-tkomplija rapida tan-netwerk TEN-T hu l-ewwel pass biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-komodalità aħjar; jinnota li fi swieq differenti bidla modali hi essenzjali biex tnaqqas l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent, u bidla modali żgħira tista' tnaqqas il-konġestjoni fit-toroq; jirrimarka li għandhom isiru bidliet lejn modi ta' trasport iktar favorevoli għall-ambjent, bħal m'huma l-ferrovija, il-karozza tal-linja u l-kowċis, il-'carpooling' u l-'carsharing', il-mixi u l-użu tar-roti, it-trasport bil-baħar u fl-ilmijiet navigabbli interni u jemmen li għandha ssir enfasi fuq modi ta' trasport fejn il-livell ta' parteċipazzjoni għadu baxx u għalhekk għandhom potenzjal qawwi;

11.  Jiġbed l-attenzjoni li filwaqt li l-proġetti TEN-T ikomplu, il-miżuri konvenzjonali qed jilħqu l-limiti tagħhom; għalhekk jenfasizza l-potenzjal ta' sistemi intelliġenti ta' trasport, ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi, ta' investimenti fit-telematika sabiex tittejjeb l-effiċjenza tat-traffiku, tonqos il-konġestjoni u tiżdied is-sikurezza u l-effiċjenza ambjentali; jenfasizza li jeħtieġ li l-benefiċċji ta" sistemi intelliġenti u ta" innovazzjonijiet teknoloġiċi (SESAR (trasport bl-ajru), ERTMS (trasport ferrovjarju), RIS (sistema ta' informazzjoni tax-xmajjar), Galileo (navigazzjoni satellitari), eċċ.) għandhom isiru realtà; jenfasizza li l-kompitu prinċipali - kemm tal-Komunità u kemm ta" l-industrija - hu li jsostnu s-suq għal soluzzjonijiet innovattivi ġodda, u li joħolqu ambjent favorevoli kemm mil-lat leġiżlattiv u kemm mil-lat tekniku, inklużi applikazzjonijiet iffaċilitati tat-teknoloġiji l-ġodda permezz ta" appalti pubbliċi;

12.  Jinnota li tfaċċaw isfidi ġodda bħala riżultat tal-globalizzazzjoni tal-loġistika, li hi element essenzjali għall-kompetittività ta" l-ekonomija Ewropea; jappoġġja l-iżvilupp ta" qafas strateġiku għat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa u jqis li strateġija bħal din għandha tkun ibbażata fuq il-ħsieb li t-trasport ta' oġġetti hu, fundamentalment, qasam purament tan-negozju u li għalhekk ir-regolazzjoni għandha tillimita ruħha għall-ħolqien ta' ambjent tan-negozju xieraq għal trasport effiċjenti tal-merkanzija; jenfasizza li l-politika Ewropea dwar it-trasport trid tintegra l-loġistika fl-iżvilupp tal-portijiet u fl-integrazzjoni u l-iżvilupp ta' pjattaformi għall-loġistika; jippromwovi soluzzjonijiet loġistiċi multimodali u s-sistema modulari Ewropea, konnessjonijiet ta" infrastrutturi u soluzzjonijiet informatiċi avvanzati;

13.  Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' koperazzjoni u ftehimiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi b'mod individwali u fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tat-trasport, ta' l-enerġija u tas-sigurtà; jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut sew f'dawn in-negozjati u l-ftehimiet;

14.  Jilqa' l-pjan tal-Programm ta' Ħidma, stabbilit fl-Anness I tal-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni, għas-snin li ġejjin, u:

   - jenfasizza l-importanza tal-politika marittima Ewropea u b'mod partikolari l-istrateġija integrata flimkien ma' politika tal-portijiet, li għandha tidħol fl-ambitu tat-Trattat,
   - jenfasizza l-importanza tal-proġett "Rotot tal-Baħar" ("Motorways of the Sea"),
   - jenfasizza aktar żviluppi magħmula fil-kamp ta' l-avjazzjoni, inklużi skambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet, u jappoġġja l-progress tal-programm SESAR,
   - jirrimarka li hemm bżonn kunċett komuni ġenerali Ewropew għall-iżvilupp ta' ajruporti biex jiġu evitati allokazzjonijiet żbaljati ta' fondi,
   - jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-Programm Marco Polo,
   - jenfasizza li l-Programm Galileo u l-ERMTS għandhom jitlestew malajr kemm jista' jkun,
   - jappoġġja l-progress tal-proġetti eSafety u għall identifikazzjoni permezz ta' frekwenzi tar-radju (RFID),
   - jappoġġja l-progress tal-proġett ta' passaġġi ta' l-ilma interni NAIADES u jħeġġeg lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iressqu proposti fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet imħabbra f'dan il-pjan ta' azzjoni, u jappoġġja l-progress tar-RIS,
   - jistenna bil-ħerqa li l-Kummissjoni tipproponi, fl-2008, mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli biex jiġu evalwati l-ispejjeż kollha esterni ħalli jservu ta' bażi għall-kalkulazzjoni ta' ħlasijiet ta' l-infrastruttura fil-ġejjieni, dan il-mudell għandu jkollu evalwazzjoni ta' l-impatt dwar l-assimilazzjoni ta' l-ispejjeż esterni għal kull mod ta' trasport kif ukoll strateġija għall-implimentazzjoni tal-mudell fil-modi kollha ta' trasport,
   - jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha ħalli timplimenta b'mod sħiħ id-Direttiva 2004/52/KE dwar l-interoperabilità ta" sistemi elettroniċi dwar tariffi tat-toroq fil-Komunità, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni ta" din id-Direttiva qabel tmiem l-2007;
   - jitlob biex isir studju tal-fattibilità - bi qbil mar-rapport dwar il-futur tar-riżorsi ta' l-UE - biex ikunu pprovduti fondi garantiti u sostenibbli,
   - jenfasizza li għandha tingħata prijorità meta jiġi implimentat is-Seba' Programm ta' Qafas għall-proġetti u programmi li jikkonċernaw sistemi intelliġenti ta' trasport u loġistika inklużi sikurezza fit-toroq, trasport urban u teknoloġija għall-magni nodfa,
   - jitlob biex jiġu żgurati standards madwar l-UE kollha ta' kwalità u ta' interoperabilità għall-bijofjuwils,
   - jenfasizza l-bżonn ta' pjan għall-effiċjenza ta' l-enerġija fit-toroq,
   - jenfasizza l-importanza tal-Green Paper dwar it-trasport urban, u jinkoraġixxi l-ħolqien ta' modi ta' trasport biex jgħinu t-trasport urban jersaq lejn integrazzjoni modali, jiżviluppa sistemi ta' mmaniġġjar tat-traffiku, u joħloq kundizzjonijiet biex jkunu ippremjati l-utenti li jagħmlu użu minn mezzi alternattivi,
   - jenfasizza l-importanza ta' aktar miżuri favur it-trasport sostenibbli fl-inħawi tal-muntanji u f'dawk b'popolazzjoni ffullata, wara l-firma tal-Protokoll dwar it-Trasport tal-Konvenzjoni Alpina, mill-Kunsill tat-Trasport fil-11 ta' Diċembru 2006;
   - jissuġġerixxi li tiġi ppreżentata Green Paper dwar it-turiżmu Ewropew u li ssir valutazzjoni speċifika ta' l-impatt li tinfluwenza b'mod ċar it-turiżmu Ewropew;

15.  Filwaqt li l-politika dwar it-traport ta' l-Ewropa rijunifikata ffaċċat u qiegħda kontinwament tiffaċċja sfidi ġodda, jenfasizza li r-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-White Paper ta' l-2001 dwar it-Trasport ma stipulatx l-objettivi u t-tweġibiet fuq medda twila ta' żmien li jagħtu approċċ integrat għall politika ġejjiena Ewropea dwar it-trasport; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex b'mod immedjat tibda taħdem fuq politika Ewropea dwar it-trasport għal wara l-2010, liema politika tkun imħejjija tajjeb, u li tkun tista' tilqa' l-isfidi ġodda b'mod sostenibbli;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza