Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0278/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.7
CRE 12/07/2007 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0347

Testi adottati
PDF 301kWORD 70k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Ftehim dwar PNR
P6_TA(2007)0347RC-B6-0278/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-ftehim PNR ma' l-Istati Uniti

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Ujoni Ewropea, l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta'l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea rigward il-ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2006(1) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-PNR tal-14 ta' Frar 2007(2) ,

–   wara li kkunsidra l-ftehim PNR preċedenti bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tat-28 ta' Mejju 2004 u bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika tad-19 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim tat-28 ta' Ġunju 2007 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data PNR minn kumpaniji ta' l-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta' l-Istati Uniti (DHS), trażmess b'mod informali mill-President fil-Kariga tal-Kunsill, il-Ministru Wolfgang Schäuble, liċ-Chairperson tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni,

–  wara li kkunsidra s-sentenza konġunta mogħtija mil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropew tat-30 ta' Mejju 2006 fir-rigward tal-każijiet konġunti C-317/04 u C-318/04,

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand id-DHS tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar l-assigurazzjonijiet li jispjegaw is-salvagwardja tad-data PNR, trażmessa b'mod informali mill-President fil-kariga tal-Kunsill, is-Sur Schäuble, liċ-Chairperson tal-Kumitat LIBE,

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-27 ta' Ġunju 2007, dwar il-ftehim PNR il-ġdid ma' l-Istati Uniti (ftehim PNR il-ġdid), indirizzata lill-President fil-Kariga, is-Sur Schäuble, u r-risposti li rċieva mis-Sur Schäuble u minn Jonathan Faull, Direttur-Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, l-Libertà u s-Sigurtà tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju u t-3 ta' Lulju 2007 rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien ta' l-Individwi fl-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, rigward l-awtoritajiet ta' kontroll u l-ħruġ transkonfinali ta' data,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu tal-kumpaniji ta' l-ajru li jikkomunikaw id-data tal-passiġġieri(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-għan iddikjarat tal-ftehim PNR il-ġdid huwa li jipprovdi bażi legali għat-trasferiment tad-data PNR ta' l-UE lill-Istati Uniti min-naħa l-waħda, u li jiżgura ħarsien xieraq tad-data personali u s-salvagwardji proċedurali għaċ-ċittadini Ewropej min-naħa l-oħra,

B.   billi l-ftehim PNR il-ġdid huwa ntenzjonat li jipprevjeni u jikkumbatti t-terroriżmu u l-kriminalita' internazzjonali,

C.   billi l-ftehim PNR il-ġdid ma jissodisfax it-tieni objettiv, għaliex hemm nuqqas sostanzjali fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-ħarsien tad-data u l-kumpens legali għaċ-ċittadini ta' l-UE, partikolarment minħabba definizzjonijiet wiesgħa u vagi u ħafna possibilitajiet ta' eċċezzjonijiet,

D.   billi l-ftehim PNR il-ġdid jipprovdi qafas legali għat-trasferiment tad-data PNR tal-UE lill-Istati Uniti u, b'hekk jipprovdi bażi tal-operaturi ta'l-ajru biex joperaw fl-Istati Uniti,

E.   billi l-ħarsien adegwat tal-privatezza u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini individwali u l-kontrolli tal-kwalità tad-data huma meħtieġa jekk l-iskambju ta' data u ta' informazzjoni jrid ikun għodda ta' valur u affidabbli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

Ġenerali

1.  Jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet diffiċli li fihom saru n-negozjati PNR, u jirrikonoxxi, fil-prinċipju, il-benefiċċju li jkun hemm ftehim PNR UE-Stati Uniti wieġħed iktar milli 27 ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti;

2.  Jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' viżjoni demokratika ta' kwalunkwe tip, għaliex il-ftehim PNR il-ġdid, inizjat minħabba r-rekwiżiti ta' l-Istati Uniti, ġie nnegozjat u miftiehem mingħajr l-ebda involviment tal-Parlament Ewropew u nħoloq nuqqas ta' opportunità għall-parlamenti nazzjonali li jeżerċitaw kwalunkwe influwenza fuq il-mandat tan-negozjati, li jevalwaw bir-reqqa l-ftehim PNR il-ġdid propost, jew biex jipproponu xi modifiki fih;

3.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas persistenti ta' ċertezza legali fir-rigward tal-konsegwenzi u l-iskop ta' l-obbligi imposti fuq il-kumpaniji ta' l-ajru kif ukoll ir-relazzjoni legali bejn il-ftehim PNR il-ġdid u l-ittra tad-DHS;

4.  Jikkritika l-ftehim PNR għaliex ma toffrix livell adegwat ta' protezzjoni tad-data PNR, u juri dispjaċir għan-nuqqas ta' dispożizzjonijiet ċari u proporzjonati fir-rigward ta' l-iskambju ta' informazzjoni u ż-żamma u l-kontroll mill-awtoritajiet għall-ħarsien tad-data; jinsab imħasseb dwar il-bosta dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fid-diskrezzjoni tad-DHS;

5.  Jistieden, għalhekk, lill-parlamenti nazzjonali ta" l-Istati Membri biex jeżaminaw b'attenzjoni l-abbozz tal- ftehim PNR il-ġdid fid-dawl ta" l-osservazzjonijiet magħmula f'din ir-riżoluzzjoni;

Rigward il-qafas legali

6.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-amministrazzjoni, il-ġbir, l-użu u ż-żamma tad-data PNR min-naħa tad-DHS m'humiex ibbażati fuq ftehim xierqa, iżda biss fuq assigurazzjonijiet li ma jorbtux, li d-DHS jista' jibdel b'mod unilaterali fi kwalunkwe ħin u li ma jagħtu l-ebda dritt jew benefiċċju lill-ebda persuna jew parti;

7.  Juri dispjaċir dwar in-nuqqas ta' limitazzjoni ċara fuq l-iskop fl-ittra tad-DHS, li tinnota li d-data PNR tista' tintuża għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati relatati, iżda wkoll għal firxa ta' skopijiet addizzjonali mhux speċifikati, l-aktar "għall-ħarsien ta' l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew persuni oħra, jew fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja kriminali, jew skond kif ikun meħtieġ mod ieħor bil-liġi";

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tad-DHS li jmur għas-sistema PUSH sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008 fil-prinċipju, iżda juri dispjaċir li din iċ-ċaqliqa - diġà prevista fil-ftehim PNR ta' l-2004 - iddewmet għal numru ta' snin, anki jekk il-kundizzjoni ta' fattibilità teknika ilha li ġiet issodisfata; jemmen li s-sistema PUSH għall-kumpaniji ta' l-ajru kollha għandha tkun sine qua non għal trasferimenti PNR; jenfasizza li l-eżistenza simultanja tas-sistemi "PUSH" u "PULL" tista' twassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-UE;

9.  Jinsisti li r-reviżjoni perjodika konġunta mid-DHS u mill-UE trid tkun komprensiva u ssir kull sena u li r-riżultati jridu jiġu ppublikati; jinsisti li r-reviżjoni trid tinkludi evalwazzjoni ta' l-effettività tal-miżuri f'termini ta' sigurtà akbar; juri dispjaċir li r-reviżjoni ma tipprevedi l-ebda involviment ta" kontrolluri nazzjonali jew Ewropej għall-protezzjoni tad-data, ħaġa li kienet stipulata fil-ftehim PNR preċedenti;

10.  Jinsisti li l-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b'mod xieraq dwar l-użu tad-data tagħhom u d-drittijiet tagħhom, speċjalment id-dritt għal kumpens legali u d-dritt li jkunu infurmati fuq liema bażi jista' jitwaqqaf passiġġier, u li dan l-obbligu għandu jkun f'idejn il-kumpaniji ta' l-ajru; jemmen li d-DHS u l-Kummissjoni Ewropea għandhom iġorru r-responsabilità għall-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri u jħeġġeġ li n-"Nota qasira għall-ivvjaġġar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti" li ġiet suġġerita mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 (WP 132) tkun disponibbli għall-passiġġiera kollha;

11.  Juri dispjaċir għall-fatt li n-negozjati ta' l-UE ma' l-Istati Uniti ma qisux id-Direttiva 2004/82/KE u l-ftehim PNR ta' l-UE ma' l-Awstralja u l-Kanada, li jiżguraw standards ogħla ta' ħarsien ta' data personali;

12.  Ifakkar li l-ftehim amministrattiv li ġiet konkluża bejn l-UE u l-Istati Uniti ma jistax ikollu l-effet li jnaqqas il-livell ta' ħarsien ta' data personali li huwa assigurat permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri, u juri dispjaċir li se joħloq iktar konfużjoni fir-rigward ta' l-obbligi tal-kumpaniji ta' l-ajru ta' l-UE u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' l-UE;

Rigward il-protezzjoni tad-data

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni li l-Att dwar il-Privatezza ta' l-Istati Uniti se jiġi estiż b'mod amministrattiv għaċ-ċittadini ta' l-UE;

14.  Juri dispjaċir li d-DHS jirriżerva d-dritt li jintroduċi eżenzjonijiet skond l-Att dwar il-Libertà ta' Informazzjoni;

15.  Juri dispjaċir għan-nuqqas tal-ftehim PNR il-ġdid li jipprevedi kriterji preċiżi għad-definizzjoni tal-protezzjoni tad-data personali trasferita lid-DHS li setgħu jiġu meqjusa bħala adegwati skond l-istandards ta' l-UE;

16.  Jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-fatt li d-data PNR taċ-ċittadini Ewropej se tiġi ttrattata biss skond il-liġi ta' l-Istati Uniti, mingħajr evalwazzjoni ta' l-adegwatezza jew kwalunkwe indikazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika ta' l-Istati Uniti applikabbli;

17.  Jiddeplora l-fatt li t-tul ta' kemm tinżamm id-data PNR se jiġi estiż minn 3.5 snin għal 15-il sena, kif ukoll li dan japplika b'mod retroattiv għal data miġbura taħt il-ftehim tal-PNR preċedenti; jikkritika bl-aħrax il-fatt li wara l-perjodu ta' 15-il sena li matulu tinżamm id-data, magħmul minn perjodu "attiv" ta" 7 snin u perjodu "inattiv" ta" 8 snin, m'hemm l-ebda garanzija li d-data titħassar definittivament;

18.  Jinnota t-tnaqqis fl-oqsma tad-data minn 34 għal 19, iżda jirrimarka li t-tnaqqis huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu superfiċjali minħabba l-fatt li numru ta' oqsma tad-data ngħaqdu flimkien u ngħataw isem ġdid minflok ma ġew attwalment imħassra;

19.  Jinnota bi tħassib li data sensittiva (jiġifieri data personali li tirrivela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjoni politika, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f'għaqda tal-ħaddiema, u data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta' l-individwu), se tkun disponibbli għad-DHS u li din id-data tista' tintuża mid-DHS f'każijiet eċċezzjonali;

20.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li d-data se tinżamm għal seba' snin f'bażijiet ta" data analitiċi attivi", li jwassal għal riskju sinifikanti ta' elaborazzjoni tal-profili fuq skala kbira u tfittix ta' data, li huwa inkompatibbli ma' prinċipji bażiċi Ewropej u hu prattika li għadha qed tiġi diskussa fil-Kungress ta' l-Istati Uniti;

Rigward il-qsim ta' informazzjoni

21.  Juri dispjaċir li l-ftehim PNR il-ġdid għadu ma jiddefinixxix b'mod preċiż liema awtoritajiet ta' l-Istati Uniti jista' jkollhom aċċess għad-data PNR;

22.  Jinsab imħasseb dwar it-trasferiment maħsub tal-ħruġ ta' informazzjoni analitika mid-data PNR mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti lill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, u possibilment lill-Europol u l-Eurojust, barra mill-qafas ta" proċeduri ġudizzjarji speċifiċi jew investigazzjonijiet tal-pulizija, kif imsemmi fl-ittra tad-DHS, minħabba li dan għandu jkun permess biss skond il-ftehim eżistenti UE-Stati Uniti dwar assistenza legali reċiproka u estradizzjoni;

23.  Jopponi bil-qawwa d-dispożizzjoni li pajjiżi terzi b'mod ġenerali jistgħu jingħataw aċċess għad-data PNR jekk jaderixxu ma' kundizzjonijiet speċifiċi tad-DHS, u li pajjiżi terzi jistgħu bħala eċċezzjoni, f'każijiet ta' emerġenza mhux speċifikati, jingħataw aċċess għad-data PNR mingħajr assigurazzjonijiet li d-data tiġi ttrattata skond il-livell ta' protezzjoni tad-data tad-DHS;

24.  Juri dispjaċir dwar il-fatt li l-UE aċċettat li "ma tindaħalx" fir-rigward tal-protezzjoni tad-data PNR taċ-ċittadini ta' l-UE fil-każ li l-Istati Uniti taqsamha ma' pajjiżi terzi;

25.  Jinnota l-fatt li l-ftehim PNR il-ġdid jippermetti lid-DHS li jipprovdi data PNR lil awtoritajiet governattivi interni oħra fl-Istati Uniti fir-rigward ta' każijiet speċifiċi u fi proporzjon man-natura tal-każ; juri dispjaċir li l-ftehim huwa nieqes minn kull indikazzjoni dwar liema awtorità ta' l-Istati Uniti jista' jkollha aċċess għad-data PNR u li l-iskopijiet previsti fl-Artikolu 1 ta' l-ittra tad-DHS huma wiesgħa wisq;

Rigward sistema Ewropea tal-PNR

26.  Jinnota li l-ftehim PNR il-ġdid jagħmel referenza għal sistema futura possibbli tal-PNR fil-livell ta' l-UE jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, u li d-dispożizzjoni li kwalunkwe data PNR f'sistema bħal din tista' ssir disponibbli għad-DHS;

27.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkjarifika s-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' sistema PNR ta' l-UE, inkluż li tagħmel l-istudju tal-fattibilità disponibbli, kif kienet wiegħdet li tagħmel;

28.  Jirrepeti l-preokkupazzjonijiet espressi mill-Grupp ta' Ħidma ta" l-Artikolu 29 fir-rigward ta' l-użu ta' data PNR għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi, b'mod partikolari billi jistieden lill-Kummissjoni biex tissostanzja:

   a) il-bżonn operattiv u l-iskop tal-ġbir ta' data PNR mad-dħul fit-Territorju ta' l-Unjoni Ewropea;
   b) il-valur miżjud tal-ġbir ta' data PNR fid-dawl tal-miżuri ta' kontroll li jeżistu diġà mad-dħul fl-UE għal skopijiet ta' sigurtà, bħas-sistema ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi, u s-sistema API;
   c) l-użu li huwa maħsub għad-data PNR, b'mod partikolari jekk ikunx għall-identifikazzjoni ta' individwi biex tiġi żgurata s-sigurtà fl-ajru, għall-identifikazzjoni ta' min jidħol fit-territorju ta' l-UE, jew biex jiġi elaborat profil ġenerali negattiv jew pożittiv tal-passiġġieri;

29.  Jinsisti li l-Parlament ikun involut, skond l-Artikolu 71(1)(c) u l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabblixxi l-Kommunità Ewropea, fl-iżviluppi rilevanti kollha;

30.  Ifakkar li l-ftehim PNR il-ġdid eventwalment se jkollu bżonn jiġi rivedut fid-dawl tar-riformi istituzzjonali futuri ta' l-UE, kif definiti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 u fil-mandat ta' l-IGC li jmiss;

31.  Għandu l-intenzjoni li jirrikjedi evalwazzjoni legali tal-ftehim PNR il-ġdid għal konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ta" l-UE, u jistieden lill-Grupp ta" Ħidma ta" l-Artikolu 29 u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex jippreżentaw opinjonijiet komprensivi f'dan ir-rigward;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti.

(1) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250.
(2) P6_TA(2007)0039,
(3) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.

Avviż legali - Politika tal-privatezza