Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2143(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0264/2007

Testi mressqa :

A6-0264/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 11
CRE 11/07/2007 - 11

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0348

Testi adottati
PDF 313kWORD 82k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Iz-zona ta' l-euro
P6_TA(2007)0348A6-0264/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport annwali għall-2007 dwar iz-zona ta' l-euro (2007/2143(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Annwali għall-2007 dwar iz-zona ta' l-euro (COM(2007)0231),

–   wara li kkunsidra l-previżjonijiet ekonomiċi tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-Unjoni Monetarja Ewropea (EMU) 2006(1)

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar is-Sitwazzjoni ta' l-ekonomija Ewropea: rapport preparatorju dwar il-linji gwida wiesgħa għall-politika ekonomika għall-2007(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-impatt makro-ekonomiku taż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-1 ta" Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona ta" l-euro(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali(5),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali ta' l-2006 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB),

–   wara li kkunsidra r-rapporti ta' l-ECB dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja fl-Ewropa f'Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0264/2007),

A.   billi l-PGD taz-zona ta' l-euro żdied bi 2,7% fl-2006 minn 1,4% fl-2005, li jfisser l-aħjar prestazzjoni mis-sena 2000, filwaqt li r-rata ta' l-inflazzjoni ta' 2,2% ma nbidlitx mill-2005,

B.   billi d-defiċit fiskali naqas għal 1,6% tal-PGD fl-2006 minn 2,5% tal-PGD fl-2005,

C.   billi r-rata tal-qgħad niżlet għal 7,6% sa l-aħħar ta' l-2006, l-iktar rata baxxa fi 15-il sena,

D.   billi s-sħubija fiz-zona ta" l-euro ssaħħaħ il-livell ta" interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Membri u tirrikjedi koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi sabiex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet strutturali, jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-ġejjieni u sabiex iz-zona ta" l-euro tiġi assimilata f'ekonomija li qed issir aktar globalizzata,

E.   billi z-zona ta" l-euro tirrappreżenta element ewlieni ta" stabilità fl-ekonomija dinjija,

Żviluppi Makroekonomiċi

1.  Jilqa' b'sudisfazzjon l-iżviluppi ekonomiċi pożittivi li nkisbu fl-2006 f'dak li jirrigwarda t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, li bħala riżultat ħolqu 2 miljun impjieg u defiċits fiskali iktar baxxi; jirrimarka madanakollu li l-livelli għolja ta" qgħad u l-parteċipazzjoni baxxa fis-swieq tax-xogħol ma jħallux lill-Ewropa tilqa' b'suċċess għall-isfidi attwali u futuri ta' ekonomija globali;

2.  Ifakkar f'dan ir-rigward li l-Artikolu 111 tat-Trattat jagħti risponsabilità għall-politika tar-rata tal-kambju lill-Kunsill, mingħajr ma jispeċifika l-meżżi li bihom għandhom jiġu eżerċitati dawn is-setgħat; jistieden lill-Grupp ta" l-Euro, lill-Kunsill u lill-ECB biex jeżerċitaw is-setgħat rispettivi tagħhom bis-sħiħ;

3.  Jinnota li parti minn dan l-irkupru kienet iggwidata minn titjib strutturali u jilqa' l-fatt li l-produttività tax-xogħol qed tiżdied b'rata ogħla; jikkunsidra madanakollu, li għadu kmieni wisq biex wieħed jagħmel konklużjonijiet sodi dwar jekk dan l-irkupru hux wieħed ċikliku jew huwiex aktar ta' natura strutturali; jitlob li jkun hemm kawtela meta tittieħed pożizzjoni f'dan ir-rigward;

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-membri taz-zona ta" l-euro għamlu sforz koordinat sabiex jikkoreġu d-defiċits baġitarji eċċessivi b'konformità mal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir riformat; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li fiz-zona ta" l-euro kollha kemm hi, il-kwalità ta" l-aġġustament żdiedet, b'inqas dipendenza fuq miżuri ta" darba biss, u bi tnaqqis fin-nefqa pubblika; b'mod partikulari, jisħaq li t-taħlita ta" sforzi ta" konsolidazzjoni, b'mod partikulari f'pajjiżi b'defiċits eċċessivi, u żviluppi ekonomiċi mtejba, naqqsu d-defiċit tal-baġit fiz-zona ta" l-euro minn 2.5% tal-PGD fl-2005 għal 1.6% tal-PGD fl-2006;

5.  Jinsisti li politika fiskali soda hija pre-kundizzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-ħolqien ta' l-impjiegi minħabba li l-livelli baxxi tad-defiċits baġitarji u tad-dejn tal-gvern irawwmu aspettattivi ta" inflazzjoni baxxa u stabbli, u jgħinu biex ir-rati ta' l-interessi jinżammu baxxi; iwissi kontra r-ripetizzjoni ta' l-iżbalji tal-politika ta' l-1999-2001; jistieden, għalhekk, sabiex it-titjib għall-aħjar attwali jsir b'żewġ modi ħalli jinkiseb dan li ġej: l-eliminazzjoni tad-defiċits u l-akkumulazzjoni tas-surpluses li għandhom inaqqsu l-livelli tad-dejn u t-titjib tal-finanzi pubbliċi b'aktar investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali, fl-infrastruttura, fir-riċerka u l-innovazzjoni, għaliex dawn jgħinu sabiex tiġi ffaċċjata l-problema tal-popolazzjoni li qed tixjieħ; f'dan ir-rigward, jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li fl-20 ta" April 2007, il-Eurogrupp adotta orjentazzjonijiet għall-politika fiskali fl-Istati Membri taz-zona ta" l-euro, waqt li jfakkar fl-impenn li jiġu kkonsolidati attivament il-finanzi pubbliċi fiż-żminijiet tajbin u li d-dħul extra li ma jkunx mistenni jintuża sabiex jitnaqqsu d-defiċits u d-dejn;

6.  Jenfasizza r-riskji ta' politiki pro-ċikliki f'xi Stati Membri; jinnota l-isforz għall-konsolidazzjoni fiskali li ġie nnutat fiz-zona ta" l-euro kollha kemm hi; jinsisti, madankollu, li l-obbligu sabiex jinkiseb l-objettiv fuq medda medja ta" żmien kif speċifikat fil-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir riformat jirrikjedi li l-Istati Membri jirreġistraw surpluses waqt żminijiet tajbin; jemmen li l-isforz għall-konsolidazzjoni jeħtieġ li jissaħħaħ fid-dawl ta", inter alia, l-isfida demografika tal-ġejjieni; jinnota li l- Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir riformat jirrikjedi b'mod espliċitu il-konsolidazzjoni fiskali fuq iċ-ċiklu ekonomiku; jinnota li r-regoli fiskali jew numeriċi ta' proċedura u istituzzjonijiet fiskali indipendenti jappoġġjaw il-konsolidazzjoni fiskali u jgħinu sabiex jiġu evitati politiki pro-ċikliċi.

7.  Jinnota d-deċiżjoni ta' l-ECB fl-2006 sabiex jiżdiedu r-rati ta' l-interessi; josserva li, għalkemm l-inflazzjoni baqgħet kontrollata minkejja żieda f'daqqa fil-prezzijiet taż-żejt, ir-rata tat-tkabbir ta' l-aggregat monetarju M3 sistematikament qabżet il-valur ta' riferenza ta' 4,5% b'marġni kbar mill-2001 mingħajr ma aċċellerat l-inflazzjoni; jistieden lill-ECB jispjega aħjar ir-raġunijiet għal din id-diskrepanza u jekk dan hux sintomu ta' likwidità li qed tiżdied bil-possibilità ta' inflazzjoni tal-fjuwil fil-futur jew hux riżultat ta' fatturi oħra bħat-tkabbir tas-swieq finanzjarji, l-innovazzjonijiet finanzjarji u ż-żieda fl-irwol internazzjonali ta' l-euro;

8.  Josserva li ż-żieda fil-prezzijiet ta' l-assi qed taqbad ir-ritmu, speċjalment fil-qasam tal-proprjetà li tista' tkun is-sintomu normali ta' ekonomija b'saħħitha iżda li tista' wkoll iżżid il-possibilità ta' aġġustamenti qawwija; jikkunsidra li dawn iż-żidiet mgħaġġla fil-prezzijiet ta' l-assi isaħħu l-bżonn ta' politika fiskali kawta fi Stati Membri li qed jesperjenzaw żviluppi bħal dawn, kif ukoll ta' politiki strutturali li għandhom l-għan li jevitaw żbilanċi bħal dawn, inkluża regolamentazzjoni prudenzjali msaħħa; jistieden lil-leġiżlaturi u r-regolaturi nazzjonali sabiex jevalwaw bir-reqqa l-iżvilupp tas-suq tal-proprjetà; jirrimarka l-approċċ divrenzjat li jikkunsidra is-sitwazzjoni speċifika ta" l-Istati Membri fir-rigward tat-tkabbir u l-baġit;

9.  Josserva li l-apprezzament nominali tar-rata tal-kambju ta' l-euro bi 11,4% kontra d-Dollaru Amerikan, 12,4% kontra l-Yen, u 8% kontra r-renminbi Ċiniż wassal għal apprezzament żgħir biss ta' 3,5% fl-2006 tar-rata tal-kambju reali u effettiva, u s'issa dan ma kienx ta' detriment għall-esportazzjonijiet u għat-tkabbir ekonomiku fil-livell taz-zona ta' l-euro; josserva, madanakollu, li l-effetti huma differenti fost l-Istati Membri skond l-istrutturi ekonomiċi tagħhom u l-elastiċità tar-risposta tas-settur tal-proprjetà tagħhom għal bidliet fir-rata tal-kambju; jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi ħalli jżidu l-kompetenzi ta' aġġustament tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti li jista" jkollhom iż-żidiet ġejjiena tar-rati ta" l-interessi fuq ir-rata tal-kambju ta" l-euro u fuq il-kompetittività ta" l-ekonomija Ewropea;

Operat ta' l-EMU

10.  Jikkunsidra li t-tendenzi diverġenti fit-tkabbir ekonomiku, fl-inflazzjoni fir-rati reali tal-kambju u fl-impjiegi fost l-Istati Membri jistgħu jirriflettu żviluppi differenti eż. tendenzi demografiċi, rati differenti ta' progress fir-rigward ta' riformi strutturali, potenzjali għat-tkabbir li jvarjaw u proċessi sabiex jilħqu l-kriterji; jenfasizza madanakollu li defiċit kbir fil-kontijiet kurrenti f'xi Stati Membri huwa sintomu ta' tendenzi diverġenti fil-kompetittività u li l-approċċi differenti tal-politika ekonomika fost l-Istati Membri huma kruċjali sabiex jiġu spjegati dawn it-tip ta" differenzi;

11.  Josserva li d-differenzi fil-livelli tal-kompetittività internazzjonali fl-ekonomiji taz-zona ta' l-euro huma parzjalment ikkawżati mit-tendenzi diverġenti fl-ispiża għal kull unità ta' manodopera li jirriflettu żviluppi differenti fil-produttività u fid-dinamika tas-salarji; jinnota li fis-snin riċenti t-tkabbir fis-salarji baqa" aktar 'l isfel mil-livelli tat-tkabbir fil-produttività; jisħaq dwar il-ħtieġa għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-benefiċċji tat-tkabbir; jistieden lill-azzjonisti u l-uffiċjali eżekuttivi ta' korporazzjonijiet biex iżommu politika responsabbli tal-pakketti ta" rimunerazzjoni u tal-"bonuses" fl-ogħla livelli korporattivi, minħabba li dawn ta" l-ewwel għandhom it-tendenza li jikbru b'mod sproporzjonat meta mqabbla mal-livelli tas-salarji komuni, u għaldaqstant jagħtu messaġġ żbaljat u jiskoraġġixxu l-appoġġ għal politika tas-salarji responsabbli; jinnota li r-rati baxxi ta" inflazzjoni huma wkoll fatturi influenti importanti rigward żvilupp favorevoli fl-ispiża għal kull unità ta' manodopera;

12.  Jistieden f'dan ir-rigward għal aktar integrazzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni eżistenti tas-suq ta' l-EMU fi ħdan is-swieq nazzjonali u sabiex tintlaħaq sinkronizzazzjoni ta' livell ogħla bejn iċ-ċikli ekonomiċi ta' l-ekonomiji parteċipanti;

13.  Jinnota li l-euro tista' biss iżżomm is-saħħa u l-kredibilità tagħha fit-tul fis-swieq finanzjarji internazzjonali jekk ikun hemm aktar tqarrib bejn l-Istati Membri fiz-zona euro f'kull settur relevanti għall-istabilità monetarja; iħeġġeġ lill-Istati Membri taz-zona ta' l-euro, u partikolarment lill-imsieħba soċjali, sabiex jagħmlu sforz akbar f'dan ir-rigward, kif ukoll sabiex itejbu tendenzi fil-produttività li hu wkoll fattur importanti ħalli jintlaħqu l-miri ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

14.  Ifakkar li l-politika monetarja ta' l-ECB ma tista' qatt tkun perfettament armonizzata mas-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru partikolari; josserva li fil-pajjiżi li qed jikbru b'mod mgħaġġel, l-inflazzjoni hija strutturalment ogħla u r-rati ta' l-interessi reali huma aktar baxxi, possibilment anke negattivi; jikkunsidra sitwazzjonijiet bħal dawn inerenti f'unjoni monetarja waħda u jitlob li jkun hemm politiki fiskali sodi sabiex tinżamm l-istabilità speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa ta' prekawzjoni kontra riskji demografiċi;

15.  Josserva li politiki fiskali mhux rigorużi flimkien ma' politika monetarja restrittiva mmexxija minn żidiet fir-rata ta' l-interessi u apprezzament fir-rata tal-kambju, jirriżultaw f'taħlita politika sotto-ottimali li tista' tinkludi spejjeż makroekonomiċi ta' stabilizzazzjoni; jikkunsidra li aktar issikkar fiskali jnaqqas il-pressjoni fuq il-politika monetarja u jippermetti taħlita politika aħjar li tiżgura tkabbir ekonomiku iktar mgħaġġel skond rata ta' l-inflazzjoni determinata;

Riformi Strutturali u s-suq intern

16.  Ifakkar li suq finanzjarju Ewropew integrat huwa essenzjali sabiex jiżgura l-iffunzjonar bla problemi ta' l-EMU; jenfasiżża għaldaqstant fuq il-ħtieġa li titlesta l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u li jitneħħew l-ostakoli li għadhom jeżistu għall-integrazzjoni finanzjarja sabiex tinħoloq sistema finanzjarja effiċjenti u titjieb il-ħila taz-zona ta" l-euro li tiffaċċja l-iskossi ekonomiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-integrazzjoni finanzjarja taf ukoll tkun ta" riskju għall-istabilità finanzjarja jekk il-proċeduri għall-prevenzjoni, l-immaniġġjar u s-soluzzjoni tal-kriżijiet tibqa" maqsuma fuq bażi nazzjonali, u din tagħmilha aktar diffiċli li jkun hemm reazzjonijiet għal dan tul iz-zona kollha; għaldaqstant, f'dan il-kuntest jerġa" jsemmi l-ħtieġa ta' sistema Ewropea integrata ta" superviżuri li jikkoperaw flimkien bħala wieħed mill-elementi ewlenin biex titkompla l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju;

17.  Jikkunsidra li r-ritmu tar-riformi strutturali fi prodotti, servizzi u fi swieq tax-xogħol u f'dawk finanzjarji għandu jitħaffef u li t-tlestija tas-suq intern hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta' l-impjiegi;

18.  Josserva li s-servizzi jammontaw għal madwar 70% tal-PGD fiz-zona ta' l-euro u dawn joffru l-ikbar opportunità għat-tkabbir ta' l-impjiegi; jinnota li l-inflazzjoni tas-servizzi tagħti kontribuzzjoni persistenti lill-inflazzjoni ġenerali; jinnota għalhekk li aktar kompetizzjoni fis-servizzi tirriżulta f'inflazzjoni aktar baxxa; jitlob għalhekk li jkun hemm suq intern li jaħdem b'mod sħiħ u implimentazzjoni mingħajr dewmien tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern(6);

19.  Jemmen li implimentazzjoni effettiva u sħiħa ta' l-Istrateġija ta' Liżbona hija element ewlieni għall-kisba ta' potenzjal għal tkabbir ogħla; jiddispjaċih li l-prestazzjoni taz-zona ta" l-euro fir-rigward ta' l-innovazzjoni, bħal fil-każ ta" l-infiq li n-negozji jagħmlu fir-riċerka u l-iżvilupp, hija inqas minn dik ta" l-Istati Uniti u tal-Ġappun; jiddispjaċih ukoll li n-nefqa totali fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur pubbliku u dak privat fiz-zona ta" l-euro weħlet fil-livell ta" 2% tal-PGD, li huwa 'l bogħod ħafna mill-għan tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, li kien li jilħaq il-livell ta" 3% tal-PGD sa l-2010; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm politika konsistenti li trawwem l-innovazzjoni bbażata fuq it-tkabbir ekonomiku; ifakkar li politika bħal din teħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura, fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fit-tagħlim tul il-ħajja u fl-edukazzjoni, aktar kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi, iktar setturi finanzjarji żviluppati u swieq tax-xogħol aktar flessibbli filwaqt li jiżguraw il-livell meħtieġ ta" sigurtà soċjali (flessigurtà) f'konformità ma' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona, kif ukoll politiki kumplimentari mmirati li jikkoreġu żbilanċi eċċessivi kkawżati mir-riformi;

Tkabbir taz-zona ta' l-euro

20.  Jilqa' b'sudisfazzjon id-dħul tas-Slovenja fiz-zona euro fl-1 ta' Jannar 2007 u l-bidla mingħajr ħafna problemi mit-tolar għall-euro;

21.  Jinkoraġġixxi l-Istati Membri l-ġodda l-oħra sabiex ikomplu l-isforzi ta' preparazzjoni tagħhom biex jidħlu fiz-zona ta' l-euro; jenfasizza l-benefiċċji li jirriżultaw mill-proċess ta" konverġenza u mill-adozzjoni finali ta' l-euro, kemm għall-Istati l-Membri l-ġodda u kemm għaz-zona ta' l-euro kollha kemm hi; jikkunsidra li l-kwistjonijiet relatati maz-zona ta" l-euro m'għandhomx jiffukaw esklussivament fuq l-Istati Membri l-ġodda, u jagħmel referenza għall-kwistjoni li hemm l-għażla li wieħed jibqa" barra;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' qbil bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fuq pjan direzzjonali ċar għall-proċedura ta" applikazzjoni taz-zona ta" l-euro sabiex jiġi żgurat perjodu suffiċjenti ta" evalwazzjoni u preparazzjoni għall-istituzzjonijiet kollha involuti, li jiġġenera l-fiduċja fil-proċess tal-bidla għaċ-ċittadini u għall-Istati Membri;

23.  Jirrikonoxxi li d-definizzjoni ta' l-istabilità tal-prezz użata għall-evalwazzjoni ta' kriterji ta' konverġenza mhix identika għad--definizzjoni ta' l-istabilità tal-prezz adottata mill-ECB fil-politika monetarja tiegħu, ladarba l-kriterji ta' konverġenza jevalwaw ir-rendiment imkejjel tal-passat filwaqt li d-definizzjoni tal-BCE hija mmirata lejn ir-rendiment fil-ġejjieni; jiddispjaċih li l-kriterju ta' l-inflazzjoni kif stabbilit mit-Trattat huwa mqabbel ma' l-Istati Membri kollha minflok jikkonċentra fuq dawk li issa jiffurmaw parti miż-żona ta' l-euro;

24.  Jitlob għal aktar azzjoni effettiva sabiex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-frodi u jinnota n-nuqqas ta" informazzjoni fir-rapporti regolari tal-Kummissjoni dwar kumpaniji offshore jew dwar l-irwol u l-importanza tagħhom, u jitlob informazzjoni dwar dan is-suġġett;

25.  Jikkunsidra li l-Istati l-Membri l-ġodda jistgħu jiffaċċjaw sfidi bis-sħubija tagħhom maz-zona ta' l-euro speċjalment fir-rigward tal-kriterju ta" l-istabilità tal-prezzijiet, minħabba li l-inflazzjoni tista' tkun parti mill-proċess sabiex jilħqu l-kriterji; għalhekk jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jeżaminaw il-kriterji ta' konverġenza permezz ta" aktar analiżi u dibattitu tal-politika dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta' konverġenza għall-membri prospettivi ġodda taz-zona ta' l-euro u fid-dawl tar-realtà l-ġdida u d-differenzi fl-iżviluppi ekonomiċi; jenfasizza li l-kriterji ta' konverġenza għandhom jiġu applikati b'konformità mat-Trattat u f'kull każ il-kompetittività taz-zona euro m'għandhiex tkun iddubitata.

26.  Ifakkar fil-ħtieġa li jinbdew kampanji bikrija u intensivi ta" tagħrif għaċ-ċittadini fl-Istati Membri applikanti, sabiex jiġġeneraw fiduċja fil-proċess tal-bidla, u sabiex jiżguraw li l-fażi tal-bidla tiġi mmaniġġjata b'mod ġust mill-partijiet kollha involuti, bil-għan li l-euro jkun suċċess; jikkunsidra li d-defiċit ta" informazzjoni fost iċ-ċittadini jeħtieġ li jonqos, u l-użu tal-midja għal kampanji ta" tagħrif jeħtieġ li jkun organizzat fi stadju bikri;

Governanza

27.  Jikkunsidra li huwa kruċjali li tinkiseb koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-baġit fost l-Istati Membri fuq iċ-ċiklu bbażat fuq kalendarju komuni u suppożizzjonijiet makroekonomiċi; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni stretta u effettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir;

28.  Jikkunsidra li d-dimensjoni speċifika taz-zona ta' l-euro ta' sorveljanza strutturali assoċjata ma' l-Istrateġija ta' Liżbona għandha tissaħħaħ bl-inklużjoni ta' miżuri li huma meħtieġa għat-titjib ta' l-operat ta' l-EMU; jilqa' b'sudisfazzjon bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni l-attenzjoni li ngħatat fuq iz-zona ta' l-Euro fir-Rapport ta' Progress Annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

29.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza u l-proċess ta" l-integrazzjoni ta" l-Ewropa, b'mod partikulari fi ħdan iz-zona ta" l-euro, għax dan hu l-uniku mod sabiex jiġu ffaċċati l-isfidi ekonomiċi globali; għaldaqstant jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw, fil-ġejjieni, li r-rapport annwali dwar iz-zona ta" l-euro joffri sett ta" rakkomandazzjonijiet tal-politika li jipprovdu l-istrumenti għal djalogu dettaljat bejn id-diversi korpi Komunitarji involuti fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika ta" l-Unjoni;

30.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiżdied l-effettività ta' l-Istrateġija ta" Liżbona permezz tal-konsolidazzjoni tal-kontenut u tal-waqt propizju ta' l-istrumenti tal-politika ekonomika li għadhom qed jiġu applikati separatament, bil-għan li jkun hemm strateġija intelliġenti għat-tkabbir li tikkonċentra aktar ix-xogħol ta' rappurtar u evalwazzjoni fil-qasam tal-programmi nazzjonali ta" riforma, iżda li fl-istess ħin tinvolvi wkoll il-programmi nazzjonali ta" stabilità u ta" konverġenza;

31.  Jemmen li l-Eurogrupp għandu jfassal pjan direzzjonali dwar dak li għandu jinkiseb fiz-zona ta' l-euro fis-sentejn li ġejjin; jemmen, fl-interess ta" koordinazzjoni ekonomika aktar b'saħħitha, li l-Eurogrupp għandu jitbiegħed minn qafas istituzzjonali informali għal wieħed aktar formali, li jkun jinkludi l-infrastrutturi xierqa;

Rappreżentazzjoni esterna

32.  Jenfasizza li l-euro sar it-tieni munità internazzjonali l-aktar importanti wara d-dollaru Amerikan; b'mod partikulari, jikkunsidra li l-użu mifrux ta' l-euro fis-swieq tal-bonds internazzjonali huwa fattur ewlieni ta' l-irwol internazzjonali ta' l-euro; jiddispjaċih li l-Eurogrupp, il-Kummissjoni u l-ECB għadhom qed ikunu rappeżentati f'livelli differenti ħafna fid-diversi istituzzjonijiet u fora internazzjonali; josserva b'interess li l-Eurogrupp u l-Kunsill ta' l-ECOFIN ikkunsidraw proposti li jsaħħu r-rappreżentazzjoni esterna taz-zona ta' l-euro u li jtejbu l-koordinazzjoni interna fix-xena esterna; jikkunsidra li jinħtieġu aktar passi qabel mar-rappreżentazzjoni esterna taz-zona ta" l-euro tkun proporzjonali ma" l-importanza dejjem akbar tagħha fl-ekonomija globali; jikkunsidra li prerekwiżit għal rappreżentazzjoni esterna komuni huwa l-eżistenza ta' politika ekonomika komuni ġenwina fiz-zona ta' l-euro; jerġa" jasserixxi li l-aħjar għażla għar-rappreżentazzjoni taz-zona ta" l-euro fil-fora u fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin tibqa' l-ħolqien ta' presidenza waħdanija taz-zona ta" l-euro;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President ta" l-Eurogrupp, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2007)0168.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0051.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2007)0054.
(4) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.
(5) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 118.
(6) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36

Avviż legali - Politika tal-privatezza