Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0268/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 14
CRE 11/07/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 225kWORD 58k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Lvant Nofsani
P6_TA(2007)0350RC-B6-0268/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' qabel dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikulari dawk tas-7 ta' Settembru 2006 fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani(1) u tas-16 ta' Novembru 2006 fuq is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża(2) u tal-21 ta' Ġunju 2007 fuq il-programm MEDA u l-għajnuna finanzjarja lill-Palestina: evalwazzjoni, implimentazzjoni u kontroll(3),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 242 (1967), 338 (1973), 1559 (2004), 1701 (2006) u 1757 (2007),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kwartett tas-16 ta" Ġunju 2007 u tas-27 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samit ta' Sharm El Sheik tal-25 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tat-Tmiem tal-Missjoni ta' Alvaro de Soto, Koordinatur Speċjali għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani u Rappreżentant Persunali tas-Segretarju Ġenerali tal-PLO u l-Awtorità Palestinjana, ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi f'egħluq l-40 sena mill-gwerra ta' l-1967, li rriżultat fl-okkupazzjoni tal-Medda ta' Gaża, tax-Xatt tal-Punent u ta' l-Għoljiet tal-Golan mill-Iżrael, il-Lvant Nofsani jinsab mifluġ b'bosta kunflitti, u ma nkisbu ebda riżultati fl-isforzi għall-wasla għal paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Iżrael u l-pajjiżi Għarab,

B.   billi l-Ħamas iddeċieda li jieħu s-setgħa f'Gaża permezz ta" mezzi militari u wettaq il-qtil ta" membri tal-forzi tas-sigurtà tal-Fataħ u ta" l-Awtorità Palestinjana minkejja t-twaqqif riċenti mill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u mill-Presidenza – it-tnejn entitajiet eletti b'mod demokratiku – ta" gvern ta" unità fuq il-bażi ta" l-Istqarrija ta" Mecca,

C.   billi dan l-iżvilupp drammatiku huwa riżultat l-aktar ta' instabilità politika u tal-firdiet dejjem jikbru min naħa Palestinjana, kif ukoll ta' nuqqas ta' prospetti għal proċess ta' paċi ġenwin għall-poplu Palestinjan, li għadu taħt okkupazzjoni, parzjalment b'konsegwenza ta' l-istrateġija tal-Kwartett,

D.   billi l-poplu li jgħix fit-Territorji Palestinjani, b'mod partikulari f' Gaża, qed tiffaċċja kriżi ta" proporzjonijiet mingħajr preċedenti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-faqar, il-qagħad, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà u l-moviment ħieles,

E.   billi r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-persuni u tal-prodotti, iż-żamma tad-dħul mit-taxxa u mid-dwana, u d-deċiżjoni li tiġi sospiża l-għajnuna diretta lill-Awtorità Palestinjana kkontribwew sabiex il-kriżi tkompli titgħarraq, minkejja l-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali u ż-żieda fl-għajnuna għall-proġetti mogħtija mill-UE,

F.   billi l-Kunsill iddikjara li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli bir-relazzjonijiet normali ma' l-Awtorità Palestinjana b'mod immedjat, u li għandha tiżviluppa l-kundizzjonijiet għal għajnuna urġenti ta' natura prattika u finanzjarja, li tinkludi għajnuna finanzjarja diretta lill-gvern, għajnuna lill-Pulizija Pajżana Palestinjana permezz tal-bidu mill-ġdid ta' l-EUPOL COPPS u t-tkomplija tal-Missjoni ta' l-UE għall-Assistenza fuq il-Fruntiera f'Rafah,

G.   billi qed isir dejjem iżjed urġenti li jitmexxa 'l quddiem proċess ta' paċi kredibbli li jista' joffri l-prospett ta' stat indipendenti, demokratiku u vijabbli li jgħix ma' ġenb l-Iżrael lill-poplu Palestinjan, fi fruntieri sikuri u rikonoxxuti b'mod internazzjonali, u jġib il-paċi u l-istabilità lejn il-Lvant Nofsani,

H.   billi t-tnedija mill-ġdid ta" l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi waqt is-samit ta' Riyadh tal-Lega Għarbija fid-29 ta' Marzu 2007 toffri opportunità ġdida u kredibbli għal ftehim komprensiv fir-reġjun;

I.   billi r-Riżoluzzjoni 1757 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tistabbilixxi tribunal internazzjonali sabiex jiġġudika l-persuni responsabbli għall-qtil ta' l-ex-Prim Ministru Lebaniż Rafik Hariri u għal assassinji politiċi oħra fil-Libanu,

J.   wara li kkunsidra d-deterjorament inkwetanti tas-sitwazzjoni fil-Libanu, muri bl-attakk fuq il-kontinġent Spanjol ta' l-UNFIL, li ħalla sitta min-nies mejta, il-qtil tal-Membru tal-Parlament Walid Eido u l-ġlied fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta' Nahr el Bared,

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-konsegwenzi gravi possibbli tal-kriżi attwali fil-Lvant Nofsani, inklużi aktar attakki militari u terroristiċi, u radikalizzazzjoni akbar, li jfixklu s-sitwazzjoni politika fraġli fir-reġjun kollu;

2.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-aħħar ġrajjiet li seħħew fil-Medda ta' Gaża; Jikkundanna l-ħtif tal-kontroll militari fuq il-Medda ta' Gaża min-naħa tal-Ħamas; jappella għall-bidu mill-ġdid tad-djalogu politiku intern bejn il-Palestinjani fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u għaqda nazzjonali sabiex tkun evitata l-qasma ġeografika u politika tax-Xatt tal-Punent u ta' Gaża;

3.  Jesprimi l-fehim u l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni straordinarja tal-President Abbas, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi serji, u jisħaq li l-appoġġ mill-komunità internazzjonali għall-President Abbas irid ikun akkumpanjat minn pjan politiku konkret u realistiku li jwassal għal ftehim ta' status permanenti; jemmen li l-kriżi attwali mhix skuża biex jiddgħajjef il-prospett tal-paċi u tista' tipprovdi bażi għat-tnedija mill-ġdid ta' aġenda ċara sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana bbażat fuq l-eżistenza ta' żewġ stati demokratiċi, sovrani u vijabbli li l-popli tagħhom jgħixu fil-paċi ma" xulxin f'konfini sikuri u rikonoxxuti, skond ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2007 li jerġa' jibda relazzjonijiet normali ma' l-Awtoritajiet Palestinjani immedjatament u, għal dan il-għan, biex jiżviluppa kundizzjonijiet għal assistenza prattika u finanzjarja urġenti, inkluż appoġġ finanzjarju dirett għall-gvern il-ġdid, kif ukoll biex jiżgura l-forniment ta' għajnuna ta' emerġenza u umanitarja lill-poplazzjoni ta' Gaża; jenfasizza li l-iżolament ta' Gaża għandu konsegwenzi umanitarji u politiċi drammatiċi;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinvolvu lill-awtoritajiet Palestinjani u lin-naħat kollha fl-isforzi sabiex tkun iffaċilitata l-għajnuna umanitarja u jippermettulha li tilħaq lin-nies li jgħixu fil-Medda ta' Gaża;

6.  Jikkundanna l-attakki multipli ta' missili Qassam sparati mingħajr diskriminazzjoni lejn it-territorju Iżraeljan mill-Medda ta" Gaża u jistieden lill-Gvern Palestinjan, kif ukoll lill-mexxejja Palestinjani kollha, sabiex jagħmlu l-aħjar tagħhom biex itemmu dawn l-attakki, li l-biċċa l-kbira tal-miri tagħhom ikunu persuni ċivili;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern Iżraeljan li parzjalment jerġa' jibda t-trasferiment tad-dħul miżmum mit-taxxa u mid-dwana; jitlob għat-trasferiment komplut u kif imiss ta' dan id-dħul; jikkundanna l-aħħar intervent militari mill-armata Iżraeljana; jistieden lill-Gvern Iżraeljan sabiex minnufih itemm l-operazzjonijiet militari kontra l-poplu Palestinjan;

8.  Jisħaq li bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, kemm l-Iżraeljani u kemm il-Palestinjani għandhom jieħdu sensiela ta' miżuri li jibnu l-kunfidenza, li għandhom jinkludu l-ħelsien immedjat ta' l-ex-ministri, leġiżlaturi u sindki Palestinjani li jinsabu miżmumin fil-ħabs u tal-kapural Iżraeljan Gilad Shalit; jilqa' l-ħelsien tal-ġurnalist tal-BBC Alan Johnston u japprezza dan il-ġest bħala pass pożittiv 'il quddiem;

9.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan sabiex ineħħi r-'roadblocks' li ġew installati minn Settembru 2000 u biex iwaqqaf kemm it-tkabbir ta' l-irħula installati minnhom fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, kif ukoll il-bini tal-ħajt 'l hinn mill-konfini ta' l-1967;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni mill-Gvern Iżraeljan sabiex jeħles 250 priġunier Palestinjan; jappella għall-ħelsien ta' aktar priġunieri, peress li eluf ta' Palestinjani għadhom miżmuma, speċjalment tal-minorenni;

11.  Jistieden lill-UE, lill-Iżrael u lill-Eġittu sabiex jieħdu l-miżuri immedjati kollha meħtieġa sabiex jerġa' jinfetaħ il-post tal-qsim tal-fruntiera ta' Rafah, l-aktar peress li 6 000 Palestinjan jinsabu mblukkati f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna, u sabiex ikun iffaċilitat il-moviment ta' persuni u merkanzija bejn Gaża u l-Iżrael;

12.  Jilqa" r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li waqqfet it-tribunal internazzjonali biex jiġġudika lil dawk responsabbli għall-qtil ta" l-ex Prim Ministru Rafiq Hariri u għal każijiet oħra ta' qtil fil-Libanu li kellhom motivazzjoni politika; jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jipprovdu l-mezzi kollha meħtieġa ħalli jippermettu li t-Tribunal jaħdem b'mod effettiv u jwettaq il-mandat tiegħu; iħeġġeġ lill-partiti Libaniżi kollha biex jappoġġjaw lit-tribunal internazzjonali u jħeġġeġ lis-Sirja biex tikkopera bis-sħiħ fil-ħidma tiegħu;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk terroristiku fuq il-kontinġent Spanjol ta' l-UNIFIL, li ħalla 6 suldati mejta u oħrajn midruba, u jappella lill-awtoritajiet Lebaniżi sabiex jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iwettqu investigazzjoni ċara u f'waqtha sabiex iressqu quddiem qorti lil dawk responsabbli; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-membri tal-familji tal-vittmi ta' dan l-attakk;

14.  Jenfasizza li l-istabilità politika fil-Libanu ma tistax tinbena la fuq il-vjolenza u lanqas fuq l-influwenza barranija; jitlob, f'dan ir-rigward, għat-tnedija mill-ġdid tad-djalogu għal unità nazzjonali sabiex jiġu rrikonċiljati d-differenzi u jiġi prevenut vojt governattiv, aħna u noqorbu lejn l-elezzjonijiet presidenzjali li għandhom isiru fil-ħarifa ta" din is-sena; f'dan il-kuntest, itenni l-irwol importanti ta' l-UNIFIL;

15.  Iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż biex jagħmel kull sforz sabiex iwaqqaf kull diskriminazzjoni kontra r-refuġjati Palestinjani; jilqa' b'sodisfazzjon ir-reazzjoni f'waqtha tal-Kummissjoni li ddeċidiet li talloka EUR 370 000 sabiex tipprovdilhom għajnuna umanitarja sabiex tgħinhom ilaħħqu mal-ħtiġijiet l-aktar essenzjali; jenfasizza li din l-emerġenża tkompli turi l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni ġusta u komprensiva għall-problema tar-refuġjati Palestinjani;

16.  Jappella sabiex dawk responsabbli mill-ħtif taż-żewġ suldati Iżraeljani, Eldad Regev u Ehud Goldwasser, jagħtu xi sinjal li huma għadhom ħajjin, u jappella għall-ħelsien immedjat tagħhom;

17.  Iqis li d-dimensjoni u l-approċċ reġjonali huma l-bażi xierqa għall-isforzi kollha biex jiżguraw paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani, filwaqt li wieħed irid iżomm f'moħħu li la l-prekundizzjonijiet u lanqas l-unilateraliżmu m'huma t'għajnuna għal dawn l-isforzi; iqis, f'dan il-kuntest, l-irwol tas-Sirja u d-djalogu magħha bħala wieħed mill-fatturi ewlenin;

18.  F'dan il-kuntest ifakkar fil-kontribut siewi ta' l-Inizattiva Għarbija għall-Paċi, li hija opportunità ġenwina għal paċi komprensiva u dejjiema fir-reġjun; jistieden lill-Gvern Iżraeljan sabiex jirrikonoxxi t-tieqa ta' opportunità li nfetħet b'din l-inizjattiva; jenfasizza l-importanza tal-missjoni kif imħabbra tal-Lega Għarbija li se tmur f'qasir żmien fl-Iżrael, u li hija mingħajr preċedent; jappella għal koperazzjoni akbar bejn il-Kwartett u l-grupp ta' kuntatt tal-Lega Għarbija;

19.  Iqis li tista' tiġi studjata l-possibilità li tkun installata forza ċivili, militari u tal-pulizija internazzjonali, taħt il-patronċinju tan-NU u bbażata fuq pjan ta' paċi maqbul li jkun jinkludi lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani, u fuq ftehima inter-Palestinjana;

20.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiżgura li l-UE ssib il-vuċi tagħha, u dan ukoll fil-qafas tal-Kwartett, fl-isforzi maħsubin biex jinbdew mill-ġdid negozjati ġenwini dwar id-diversi binarji tal-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani; jisħaq li dawn il-binarji m'għandhomx għalfejn ikunu indirizzati b'mod simultanju, iżda huma marbutin ma' xulxin mill-qrib; jisħaq li, f'dan il-kuntest politiku, il-mixja lejn konferenza internazzjonali tal-paċi għal-Lvant Nofsani għandha ssir prospett vijabbli; jistieden lill-Kunsill sabiex fil-qafas tal-Kwartett jaġixxi b'dan il-għan f'moħħu;

21.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-intensifikar ta' l-azzjonijiet tal-Kwarett fir-reġjun fil-ġejjieni; iqis li l-ittra tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Istati Membri ta' l-UE tas-6 ta' Lulju 2007, indirizzata lir-rappreżentant tal-Kwartett maħtur riċentement Tony Blair, bħala messaġġ ta' inkoraġġiment u ta' appoġġ għall-missjoni tiegħu;

22.  Jinnota n-negozjati attwali dwar miżuri ta' bini ta' kunfidenza bejn il-Prim Ministru Palestinjan Sallam Fayyad u l-Gvern ta' l-Istat ta' Iżrael li jikkonċernaw taħditiet fuq tliet aspetti dwar kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà kif ukoll it-tiġdid tal-koperazzjoni fl-aspett tas-sigurtà bejniethom;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega ta' l-Istati Għarab.

(1) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 236.
(2) TA P6_TA(2006)0492
(3) TA P6_TA(2007)0277

Avviż legali - Politika tal-privatezza