Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0279/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 15
CRE 11/07/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.11
CRE 12/07/2007 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 216kWORD 57k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Pakistan
P6_TA(2007)0351RC-B6-0279/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Pakistan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp ta' l-24 ta' Novembru 2001, (imsemmija wkoll bħala l-Ftehim ta' Koperazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni), b'mod partikulari l-Artikolu 1 ta' din il-Ftehim li jistipula li 'ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi...jikkostitwixxi element essenzjali ta' din il-ftehim'(1),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-UE u l-Pakistan wara il-laqgħa ministerjali tat-8 ta' Frar 2007 f'Berlin u l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn il-Pakistan u l-KE taħt il-Ftehim ta" Koperazzjoni bejn il-Pakistan u l-KE li saret fl-24 ta" Mejju 2007 f'Islamabad, fejn iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jiżviluppaw djalogu politiku formali wiesa' u kkonfermaw il-koperazzjoni mill-qrib tagħhom rigward firxa wiesgħa ta" kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari, provinċjali u presidenzjali għandhom isiru aktar tard din is-sena,

–   wara li kkunsidra ż-żjara ta' delegazzjoni SAARC tal-Parlament fil-Pakistan f'Diċembru 2006 u l-laqgħa li saret mal-President Musharraf f'Lahore,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikulari dawk ta" l-10 ta" Frar 2004(2) u tat-22 ta" April 2004(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-attakk fuq il-Moskea l-Ħamra f'Islamabad irriżulta f'għadd kbir ta' mwiet;

B.   billi l-attakki fil-Moskea u madwarha kienu dimostrazzjoni ċara tal-perikoli li ġejjin mill-moviment radikali Iżlamiku, kontra liema l-President Musharraf seta' naqas milli jirreaġixxi b'mod mgħaġġel jew b'mod deċiż biżżejjed;

C.   billi sensiela ta' emendi kostituzzjonali taħt l-amministrazzjoni ta' Musharraf biddlet is-sistema politika tal-Pakistan b'mod sostanzjali, u billi dawn l-emendi rnexxielhom jittrasformaw is-sistema ta' governanza minn sistema parlamentari għal sistema presidenzjali, fejn il-President għandu s-setgħa li jmur kontra jew li jxolji l-parlament,

D.   billi s-servizz militari u s-servizzi sigrieti għad għandhom influwenza qawwija fl-politika, fil-gvern u fl-ekonomija tal-Pakistan, sitwazzjoni li hija kontra l-prinċipju tal-pjan direzzjonali għar-restawr tad-demokrazija, fejn kien maħsub li l-poter għandu jiġi trasferit mingħand il-militar lura għal amministrazzjoni ċivili,

E.   billi l-ġrajjiet reċenti, fosthom is-sospensjoni tal-Prim Imħallef tal-Pakistan, is-Sur Iftikhar Mohammad Chaudhry, fid-9 ta' Marzu 2007 dwar akkużi ta' kondotta ħażina li għadhom sa issa mhux ippruvati u l-protesti popolari li għadhom qed isiru u li bdew b'riżultat ta' din l-azzjoni, żiedu l-urġenza sabiex jiġu indirizzati il-kwistjonijiet tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fil-Pakistan,

F.   billi l-Gvern ta' l-Istati Uniti żied il-pressjoni tiegħu fuq il-Pakistan dwar il-falliment tiegħu li jrażżan it-terroriżmu;

G.   billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi ffinanzjar sostanzjali lill-Pakistan għat-tnaqqis tal-faqar u għall-edukazzjoni rigward is-saħħa u għall-edukazzjoni ta' l-Istat;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Pakistan, li huma l-vittmi tal-vjolenza li saret mill-estremisti armati; huwa mħasseb ħafna dwar rapporti li xi nies kienu possibilment miżmuma bħala ostaġġi fil-Moskea l-Ħamra; jirrikonoxxi l-isfidi li kellu jiffaċċja l- Gvern tal-Pakistan minħabba l-assedju; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi li għadu mhux magħruf u jappoġġja l-isforzi biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex imur lura għas-sistema demokratika billi jsejjaħ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi sa l-aħħar tas-sena u jwissi kontra l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza jew ta' miżuri oħra biex jissopprimi l-libertà tal-kelma, ta' l-assoċjazzjoni, ta' l-għaqda u tal-moviment;

3.  Iħeġġeġ lill-President Musharraf biex jirrispetta l-kostituzzjoni billi jħalli l-assemblej il-ġodda jsejħu elezzjonijiet presidenzjali u billi jabbanduna l-kariga ta' kap ta' l-armata, ħaġa li qabel kien ftiehem li jagħmel f'impenn ma' l-UE;

4.  Iħeġġeġ lill-armata Pakistana biex tippermetti elezzjonijiet ħielsa u ġusti, kif ukoll lill-mexxejja politiċi eżiljati jerġgħu lura l-Pakistan u jikkontestaw l-elezzjonijiet; jitlob li jittieħdu miżuri bil-għan li jillimitaw l-influwenza tal-gruppi militari u gruppi armati oħra fuq il-proċessi politiċi u demokratiċi;

5.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE se tkun qed tagħmel monitoraġġ ta" l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan u li l-Parlament se jipparteċipa fil-missjoni ta" osservaturi; huwa mħasseb, minkejja dan, dwar għadd ta' aspetti fit-tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet, b'mod partikulari:

   - in-newtralità tal-gvern proviżorju li se jiġi ffurmat tliet xhur qabel l-elezzjonijiet, u li se jiġi maħtur mill-President Musharraf;
   - il-fatt li kwalifika akkademika hija rekwiżit sabiex persuna toħroġ għall-elezzjoni, li se teskludi 70% tan-nisa Pakistani milli joħorġu għall-elezzjoni; għalhekk iħeġġeġ it-tneħħija ta' din ir-restrizzjoni;
   - in-nuqqas ta' leġittimità tal-President futur tal-Pakistan jekk dan jew din se jiġi elett mill-Assemblea li se jispiċċalha l-mandat;

6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu messaġġ ċar lill-President Musharraf li tranżizzjoni għal gvern ċivili bit-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi hija l-unika mod aċċettabli biex il-pajjiż joħroġ mill-kriżi preżenti;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu pożiżżjoni soda rigward dwar il-ħarsien tal-prinċipji kollha mħaddna fil-Ftehim ta' Koperazzjoni, b'mod partikolari l-kważola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa" b'sodisfazzjon il-laqgħa ministerjali tat-8 ta" Frar 2007 u l-laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn il-Pakistan u l-UE ta" l-24 ta" Mejju 2007 bħala passi pożittivi lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta" bejn l-UE u l-Pakistan; jenfasiżżal-fatt li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Pakistan hija bbażata fuq il-prinċipji mħaddna fil-Ftehim ta" Koperazzjoni: impenn favur id-demokrazija, il-paċi u l-istabbilità, l-iżvilupp, it-tisħiħ tar-rabtiet kummerċjali, inklużi fl-Asja tan-Nofsinhar permezz ta' koperazzjoni reġjonali, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob għal djalogu politiku intensiv dwar dawn il-kwistjonjiet;

8.  Jiddeplora s-sospensjoni tal-Prim Imħallef Chaudhry tal-Qorti Suprema fuq akkużi ta' allegata mġiba ħażina, li ġiet meqjusa minn bosta bħala attentat tal-gvern biex iżomm kontroll fuq il-ġudikatura f'sena ta' elezzjoni; jitlob għar-rispett ta' l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tad-dritt, iħeġġeġ il-Gvern tal-Pakistan biex jieħu passi xierqa biex jaqleb it-tendenza negattiva attwali fir-rigward ta' dan u biex iżomm lura minn kull interferenza politika fil-każ li bħalissa qed jinstema' fil-Qorti Suprema; jinnota s-solidarjetà qawwija murija mill-professjoni legali kollha tal-Pakistan;

9.  Jiddispjaċih ħafna dwar l-imwiet ta' 41 persuna ċivili waqt dimostrazzjonijiet politiċi f'Karachi fit-12 ta' Mejju 2007 u jikkundanna l-użu tal-vjolenza għal skopijiet politiċi, sew jekk imwettqa mill-forzi alleati tal-gvern jew minn membri tal-partiti politiċi ta' l-oppożizzjoni;

10.  Huwa mħasseb bl-istess mod dwar rapporti li tliet ħaddiema Ċiniżi ġew iffuċillati minn militanti Iżlamiċi suspettati f'Peshawar f' attak b'rabta possibbli ma' l-assedju tal-Moskea l-Ħamra;

11.  Jikkundanna kull attentat min-naħa tal-Gvern tal-Pakistan biex jikkontrolla l-libertà tal-midja billi jintroduċi emendi għal-liċenzji tax-xandir, jirrestrinġi x-xandir live ta' avvenimenti ta' barra u joħroġ direttivi tal-gvern għal assoċjazzjonijiet tal-midja u tax-xandir; jikkundanna kull forma ta' theddid, sfurzar u intimidazzjoni ta' ġurnalisti u xandara;

12.  Huwa mħasseb dwar l-għadd ta' każijiet dokumentati tajjeb ta' persuni li jisparixxu, li kienu jinvolvu persuni suspettati minn terroriżmu, ġurnalisti, studenti, membri tal-movimenti nazzjonalisti Baloch u attivisti politiċi oħra u jisħaq li l-ħtif, il-qtil extraġudizzjarju u t-tfigħ fil-ħabs mingħajr ma persuna titressaq il-qorti jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali, fosthom id-dritt għall-ħajja u d-drittijiet għal proċess tal-liġi xieraq;

13.  Jilqa' l-konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp(4) u l-impenn ċar ta' l-UE li tindirizza pajjiżi affettwati mill-konflitt jew mill-fraġilità ta' l-istat u l-impenn daqstant ċar tagħha li tingħata għajnuna biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs), inkluża l-politika ta' l-edukazzjoni; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex iżid b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju biex jistabilixxi u jiżviluppa sistema ta' edukazzjoni ta' l-istat b'kurrikulu wiesa' madwar il-pajjiż kollha, inkluż fiz-zoni tribali; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq l-impenji tiegħu biex jenforza kontroll ġenwin fuq il-madrassas li bħalissa qegħdin taħt il-kontroll ta' l-estremisti;

14.  Jinnota bi tħassib ir-rapporti kontinwi ta' ripressjoni kontra l-minoritajiet reliġjużi u l-użu tal-liġijiet tad-dagħa kontra l-minoritajiet reliġjużi;

15.  Huwa mħasseb li filwaqt li l-President Musharraf impenja ruħu li jaffronta t-terroriżmu u l-estremiżmu f'livell internazzjonali, l-alleanzi politiċi domestiċi li jeżistu bejn il-gvern, il-militar u l-fundamentalisti reliġjużi jistgħu jxekklu l-abilità tal-gvern li jindirizza l-kwistjoni ta' l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu; iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani biex jieħu passi immedjati u effettivi għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe forza politika jew armata milli tuża t-territorju tiegħu bħala kenn u bħala bażi għal operazzjonijiet fl-Afganistan;

16.  Huwa mħasseb dwar l-instabilità dejjem tiżdied u l-proliferazzjoni tal-vjolenza marbuta mar-rewwixti f'zoni tribali, partikolarment fil-Waziristan, u jinnota b'mod partikolari n-numru ta' bombi suwiċidi, inkluż l-attentat fuq il-ħajja tal-Ministru ta' l-Intern f'Peshawar fit-28 ta' April 2007; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jibdel is-sitwazzjoni billi jħaddan l-istat tad-dritt u l-estensjoni tad-drittijiet ċivili u politiċi fiz-zona;

17.  Jitlob għal aktar djalogu ma' mexxejja provinċjali u lokali dwar il-possibilità ta' aktar awtonomija fil-provinċji jew għal rappreżentanza akbar ta' l-interessi tal-provinċji fil-livell nazzjonali; jikkundanna l-politiki ripressivi tal-gvern fil-Balochistan, fejn hemm talbiet kontinwi għal aktar awtonomija tal-provinċja u kontroll reġjonali akbar fuq ir-riżorsi naturali sostanzjali f'din iz-zona;

18.  Jitlob lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Pakistan u jestendi d-drittijiet bażiċi u l-libertajiet politiċi lejn iz-zoni tat-Tramuntana;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

(1) ĠU C17, 22.01.1999, p.7.
(2) ĠU C97E, 22.04.2004, p. 112.
(3) ĠU C104E, 30.04.2004, p. 1040.
(4) Stqarrija konġnta tal-Kunsill u r-rappreżentati tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-politika ta' l-Iżvilupp: 'il-Konsensus Ewropew' (ĠU C46, 24.2.2006, p.1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza