Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2595(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0288/2007

Testi mressqa :

B6-0288/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 18
CRE 11/07/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.13

Testi adottati :

P6_TA(2007)0353

Testi adottati
PDF 224kWORD 60k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini
P6_TA(2007)0353B6-0288/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Għanijiet ta" Żvilupp għall-Millennju - il-punt f'nofs triq(1), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika(2) u tat-30 ta' Novembru 2006 dwar l-AIDS(3),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li taċċetta, f'isem il-Komunità Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPS) Relatati mal-Kummerċ, li sar f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005 (COM(2006) 0175),

–   wara li kkunsidra r-Regolament Nru 2006/816/KE(4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom problemi ta' saħħa pubblika,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (il-"Ftehim TRIPS") adottata f'Marrakesh fil-15 ta' April 1994,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika adottata fl-14 ta' Novembru 2001 mill-Konferenza Ministerjali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (id-"Dikjarazzjoni ta" Doha")(5),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tat-30 ta' Awwissu 2003 (id-"Deċiżjoni WTO") adottata skond Paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta" Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), li sar f'Ġinevra fis-6 ta' Diċembru 2005 ( "Protokoll"),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi aktar minn 95% tad-39.5 miljun persuna fid-dinja li għandhom l-HIV/AIDS jgħixu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, l-iktar fl-Afrika; billi huwa stmat li fid-dinja hawn 15-il miljun tifel u tifla ltima minħabba l-HIV/AIDS, li 12.3 miljun minnhom jgħixu fl-Afrika "l isfel mis-Saħara,

B.   billi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim TRIPS fl-1994, żdiedet l-abilità ta' wħud mill-pajjiżi li għandhom dħul medju u li qed jiżviluppaw sabiex jipproduċu mediċini ġeneriċi rħas u l-iktar Stati fqar bdew jakkwistaw mediċini ġeneriċi rħas mis-suq dinji, irrispettivament minn jekk il-medicini kienux għadhom protetti minn brevett jew le,

C.   billi d-Dikjarazzjoni ta' Doha kkonfermat mill-ġdid l-hekk imsejħa flessibilitajiet inklużi fil-Ftehim TRIPS u kompliet tkabbarhom permezz tat-twaqqif ta' strumenti legali li jippermettu lill-pajjiżi li ma għandhomx il-kapaċità li jimmanifatturaw sostituti ġeneriċi minflok mediċini għaljin li għandhom brevett skond liċenzji obbligatorji maħruġa domestikament, li jimpurtaw mediċini minn pajjiżi li jistgħu u li huma lesti li jgħinuhom mingħajr interferenza mill-pussessuri tal-brevetti rilevanti,

D.   billi din is-soluzzjoni, inizjalment inkorporata f'revoka magħrufa bħala d-Deċiżjoni tad-WTO, tista' ssir permanenti f'forma ta' Protokoll għall-Ftehim TRIPS, li l-aċċettazzjoni tiegħu bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-Parlament,

E.   billi l-Artikolu 30 tal-Ftehim TRIPS jippermetti lill-Membri li "jipprovdu eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet esklussivi mogħtija minn brevett, sakemm dawn l-eċċezzjonijiet ma jmorrux kontra, mingħajr l-ebda raġuni, l-isfruttar normali ta' brevett u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tal-pussessur tal-brevett, b'kunsiderazzjoni għall-interessi leġittimi ta' partijiet terzi", billi minħabba li l-pajjiż assistenti jesporta l-mediċini meħtieġa lill-pajjiż importatur, ma għandu jkun hemm l-ebda impatt ekonomiku sinifikanti fuq is-suq lokali tal-pajjiż esportatur;

F.   billi s'issa l-ebda pajjiż ma nnotifika formalment lill-Kunsill għat-TRIPS dwar l-intenzjoni tiegħu li juża l-mekkaniżmu maħluq mid-Deċiżjoni tad-WTO sabiex jimporta mediċini rħas,

G.   billi r-rekwiżiti proċedurali u sustantivi li jikkontrollaw il-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji minn pajjiżi importaturi (fejn hu applikabbli) u esportaturi, kif ukoll il-kundizzjonijiet u n-notifiki konnessi mal-liċenzjar, jikkostitwixxu l-ostakoli prinċipali potenzjali għal użu effettiv tad-Deċiżjoni tad-WTO,

H.   billi l-Istati Membri diġà ttrasponew id-Deċiżjoni tad-WTO fil-liġi interna, u għalhekk dewmien fl-aċċettazzjoni tal-Protokoll sa wara l-1 ta' Diċembru 2007 ma joħloqx vojt legali,

I.   billi l-UE għandha tappoġġa espessament l-implimentazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-flessibilitajiet tal-Ftehim TRIPS kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni ta' Doha "l-promozzjoni ta' aċċess għall-mediċini għal kulħadd",

J.   billi r-Regolament ta' implimentazzjoni għad-Deċiżjoni tad-WTO jagħti ftit attenzjoni lill-kwistjonijiet tat-trasferiment tat-teknoloġija u tal-bini ta' kapaċitajiet,

K.   billi permezz tan-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) u tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) bilaterali jew reġjonali oħra, l-UEtipproponi li jiġu inklużi obbligi ġodda WTO+ dwar proprjetà intellettwali fuq il-pajjiżi ta" l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP) u fuq pajjiżi fqar oħra li qed jiżviluppaw u il-pajjiżi l-inqas iżviluppati (LDCs), inklużi l-adeżjoni ma' jew l-aċċettazzjoni ta' l-obbligi tat-Trattat ta' Koperazzjoni fil-qasam tal-Brevetti (PCT) u t-Trattat dwar il-Liġi tal-Brevetti (PLT), u biex jiġu inkorporati t-termini tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (6); billi l-UE tistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet dwar il-mod li bih il-partijiet jistgħu jiddeterminaw is-sistema ta" tnaqqis tagħhom,

1.  Jenfasizza li aċċess għal prodotti farmaċewtiċi bi prezzijiet raġonevoli f'pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw u f'LDCs huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet għall-iżvilupp ta' l-UE proposti u jista" jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas il-faqar, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-bnedmin, u sabiex ikunu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli;

2.  Jemmen li l-politika ta' l-UE għandu jkollha l-għan li timmassimizza d-disponibilità ta' prodotti farmaċewtiċi bi prezzijiet raġonevoli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jirrikonoxxi li l-UE għandha tieħu miżuri addizzjonali b'urġenza bil-għan li jkun inkoraġġit it-trasferiment tat-teknoloġija, tar-riċerka, ta' l-iżvilupp tal-kapaċità, tas-sistemi ta' forniment reġjonali u tgħin fir-reġistrazzjoni, sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċilitata u jżidu l-produzzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi huma stess;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju konkret għat-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta' kapaċitajiet relatati ma' l-industrija farmaċewtika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-produzzjoni lokali ta' mediċini fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw speċjalment f'LDCs, skond l-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 66(2) tal-Ftehim TRIPS;

5.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jalloka livell speċifikat ta' finanzjament biex titjieb jew tinbena l-infrastruttura li tkun proprjetà ta' nies lokali għall-produzzjoni tal-farmaċewtiċi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (inklużi l-LDCs), u biex iżid il-finanzjament totali ta' l-UE għas-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat li jkunu qegħdin jagħmlu riċerka u jiżviluppaw mediċini li jkunu ta' rilevanza speċjali għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti fondi għar-riċerka u għall-iżvilupp marbuta ma' mard tropikali, mard relatat mal-faqar u mard li ma jingħatax ħafna attenzjoni f'firxa wiesgħa ta'postijiet, fosthom is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati u forom possibbli oħra ta' ffinanzjar, u biex tappoġġja istituti tar-riċerka li huma lesti li jikkoperaw ma' inizjattivi għas-saħħa pubblika ddedikati għal dawn l-isforzi;

7.  Jitlob lill-Kunsill biex jappoġġja l-idea li l-mekkaniżmu maħluq mid-deċiżjoni tad-WTO u mill-Protokoll għall-Ftehim TRIPS jirrappreżenta biss parti mis-soluzzjoni għall-problema ta' l-aċċess għall-mediċini u għas-saħħa pubblika u li miżuri oħra biex itejbu l-kura u l-infrastruttura tas-saħħa huma meħtieġa bl-istess mod;

8.  Jitlob lill-Kunsill biex jappoġġja lill-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw sabiex jużaw l-hekk imsejħa flessibiltajiet inkorporati fil-ftehim TRIPS u rikonoxxuti mid-Dikjarazzjoni ta' Doha sabiex ikunu jistgħu jipprovdu mediċini essenzjali bi prezzijiet raġonevoli fi ħdan il-programmi domestiċi tagħhom tas-saħħa pubblika;

9.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jużaw il-mezzi kollha disponibbli għalihom skond il-Ftehim TRIPS, bħal-liċenzji obbligatorji u l-istrumenti stabbiliti mill-Artikolu 30 tiegħu;

10.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta Stqarrija ta' Politika Konġunta mal-Parlament li permezz tagħha, l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jibqgħu ħielsa li jużaw id-dispożizzjonijiet ta' eċċezzjoni kollha taħt il-Ftehim TRIPS fil-liġi tal-brevetti domestika tagħhom sabiex jawtorizzaw produzzjoni u esportazzjoni "li jindirizzaw il-bżonnijiet tas-saħħa pubblika f'Membri importaturi" u jitlob lill-Kunsill sabiex jiżgura li il-Kummissjoni ma tieħux azzjoni li tinterferixxi ma' dawn il-proċedimenti;

11.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jaġixxi fuq id-dikjarazzjoni ta' Doha dwar is-saħħa pubblika u biex jirrestrinġi l-mandat mogħti lill-Kummissjoni sabiex ma tinnegozjax dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtiċi li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini, bħall-esklussività tad-data, l-estensjonijiet tal-brevetti u l-limitazzjoni għal raġunijiet ta' liċenzji obbligatorji, fil-qafas tan-negozjati tal- EPAs mal-pajjiżi ta' l-ACP u tal-ftehim bilaterali u reġjonali oħra li jistgħu jsiru ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-iżvelar mill-applikanti tal-brevetti tas-sors u l-oriġini ta' invenzjonijiet li ġejjin minn riżorsi bijoloġiċi u assoċjati ma' għarfien tradizzjonali li jinsab fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li jkun promoss it-tqassim ekwitabbli tal-benefiċċji u t-teknoloġija li ġejjin minn dawk ir-riżorsi mill-pajjiżi fornituri;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja "strateġiji ta" akkwisti komuni" skond l-Artikolu 31(b) tal-Ftehim TRIPSu strateġiji oħra li jistgħu jintużaw minn pajjiżi jew gruppi ta" pajjiżi biex jipprovdu iktar poter ta" akkwist u ekonomija fil-kobor fil-produzzjoni ta" mediċini ġeneriċi bi prezzijiet raġonevoli u sabiex tħajjar investiment dirett f'faċilitajiet ta" produzzjoni lokali f'reġjun;

14.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja b'mod proattiv il-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar is-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali (IGWG) fl-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa u sabiex tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tiegħu;

15.  Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji farmaċewtiċi sabiex ifittxu soluzzjonijiet tariffarji alternattivi li jinvolvu approċċ ta" volum għoli u b'marġni baxx, li jistgħu jsaħħu l-aċċess għall-mediċini;

16.  Ifakkar li l-iffalsifikar ta' mediċini m'huwiex kwistjoni li tikkonċerna l-brevetti; jenfasizza li jeħtieġ li miżuri li jittrattaw l-iffalsifikar ta' mediċini jittieħdu fil-qasam ta' l-infurzar kriminali (sanzjonijiet penali) u tar-regolazzjoni tad-drogi billi tissaħħaħ il-kapaċità regolatorja ta' l-awtoritajiet nazzjonali u mhux billi jiżdiedu l-livelli ta' protezzjoni tal-proprjetà intelletwali;

17.  Jistieden lill-LDCs u pajjiżi fqar oħra biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux li l-mediċini koperti minn liċenzji obbligatorji joħorġu mill-pajjiż u jiżguraw li l-mediċini jmorru għand il-popolazzjoni lokali li tinsab fil-bżonn;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi ta' l-ACP, lid-WTO u lill-kapijiet tal-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar HIV/AIDS, il-Programm ta'l-Iżvilupp tan- Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Fond għall-Populazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFPA).

(1) Testi Adottati, P6_TA(2007)0274.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0204.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0526.
(4) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 1.
(5) WT/MIN(01)/DEC/W/2, 14 ta" Novembru 2001.
(6) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45. Korrett fil-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

Avviż legali - Politika tal-privatezza