Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi Transnistia (Repubblika tal-Moldova)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, u b'mod partikolari fit-Transnistrija(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għar-Repubblika tal-Moldova adottat mis-seba" laqgħa tal-Kunsill ta" Koperazzjoni fit-22 ta' Frar 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim adottata mill-Kumitat għall-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa fl-1 ta" Marzu 2006 rigward is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat-8 ta" Lulju 2004 fil-każ ta" Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u r-Russja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fil-Laqgħa Għolja ta" l-1999 f'Istanbul u tal-Laqgħa ta' l-2002 tal-Kunsill Ministerjali f'Porto,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta" Ġinevra għall-ħarsien ta' vittmi tal-gwerra tat-12 ta' Awissu 1949,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-gwerra ta' 1992 fir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tar-Repubblika tal-Moldova wasslet għat-twaqqif ta" reġim separatista, illeġittimu u awtoritarju f'dan ir-reġjun; is-sitwazzjoni tal-kunflitt iffriżat qed tkompli u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jibqa" serju u mifrux;
B. billi għadha ma nstabitx soluzzjoni finali għall-kunflitt fit-Transnistrija minkejja d-deċiżjonijiet internazzjonali msemmija hawn fuq, u billi dan in-nuqqas qed iwassal għal tnaqqir kontinwu tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun;
C. billi l-aħħar eżempju ta" ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Transnistrija huwa l-każ ta" Tudor Popa u Andrei Ivantoc li kienu soġġetti għal trattament degradanti u li ma tħallewx jirritornaw lejn djarhom;
D. billi l-arrest u d-detenzjoni fuq akkużi ta" terroriżmu tal-membri kollha ta" l-hekk imsejjaħ grupp Ilascu, huma att illegali tar-reġim separatista tat-Transnistrija, u ma kienux konformi ma' standards internazzjonali fir-rigward ta' prinċipji ta" proċess ġust, ta" l-stat tad-dritt, tar-rispett tad-drittijiet tal-priġunieri u ta" l-evitar ta" tortura u ta" trattament diżuman;
E. billi s-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat-8 ta" Lulju 2004 fil-każ ta" Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u r-Russja għadha ma ġietx implimentata u ġiet injorata għal kollox mir-reġim separatista tat-Transnistrija;
F. ifakkar li l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fit-Transnistrija qed ikompli, b'mod partikulari fejn dan wassal għaċ-ċaħda tad-drittijiet tar-Rumeni minħabba l-għeluq ta' l-iskejjel tal-lingwa Rumena u minħabba l-profanazzjoni ta" ċimiterju Rumen fit-Transnistrija, kif ukoll il-ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet politiċi tal-popolazzjoni kollha li tgħix fl-inħawi, b'riżultat ta" traffikar ta" bnedmin u ta" kriminalità organizzata mifruxa;
G. billi d-deċiżjonijiet tas-Laqgħa Għolja ta" l-1999 f'Istanbul u tal-Kunsill Ministerjali ta" l-OSCE ta" l-2002 f'Porto għadhom ma ġewx implimentati;
H. billi l-Unjoni Ewropea ħadet passi importanti dan l-aħħar biex issaħħaħ l-impenn tagħha mar-Repubblika tar-Repubblika tal-Moldova fl-isforzi biex tinsab riżoluzzjoni għall-kunflitt tat-Transnistrija, billi fetħet delegazzjoni permanenti tal-Kummissjoni Ewropea f'Chisinau, billi ħatret Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (EUSR) għar-Repubblika tal-Moldova b'mandat li jikkontribwixxi lejn konklużjoni sostenibbli tal-kunflitt tat-Transnistrija u billi tiġi stabbilita Missjoni ta' l-UE għal Assistenza fuq il-Fruntiera (EUBAM) għar-Repubblika tal-Moldova u għall-Ukraina,
I. billi n-negozjati rigward it-Transnistrija, reġjun tar-Repubblika tal-Moldova, ilhom sejrin mill-1992, fil-Format imsejjaħ "5+2", li fih ipparteċipaw ir-Repubblika tal-Moldova, ir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova, il-Federazzjoni tar-Russja, l-Ukraina u l-OSCE, filwaqt l-UE u l-Istati Uniti ta" l-Amerika ilhom osservaturi sa mill-2005; billi f'April 2006 it-taħditiet fallew,
J. jikkunsidra l-aspirazzjonijiet Ewropej tar-Repubblika tal-Moldova u jikkunsidra il-fatt li s-sitwazzjoni fit-Transnistrija qed isseħħ fil-viċinanza immedjata ta" l-UE; jirrikonoxxi l-integrità territorjali tar-Repubblika tar-Repubblika tal-Moldova u jistieden lill-partijiet kollha biex jaħdmu bħala prijorità politika għar-riunifikazzjoni ta" l-Istat;
1. Jiddeplora n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem fit-Transnistrija, kif jidher mill-ġuri u mid-detenzjoni tal-grupp Ilascu, miċ-ċaħda tal-libertajiet tal-popolazzjoni li tgħix f'dawk l-inħawi, miċ-ċaħda tad-dritt ta' l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni li jirriżulta fi traffikar mifrux tal-bnedmin u fi kriminalità organizzata;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien tas-Sur Andrei Ivantoc u s-Sur Tudor Popa, iżda jiddeplora l-fatt li l-ħelsien tagħhom mir-reġim separatist tat-Tiraspol kien iddikjarat li hu r-riżultat ta' l-iskadenza tal-perjodu ta' priġunerija li kellhom jiskontaw u mhux minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' l- ECHR; jikkundanna l-fatt li s-Sur Andrei Ivantoc, hekk kif kien meħlus, kien suġġett għal vjolenza u attakki fuq id-dinjità umana tiegħu, kif jixhed filmat tal-ħelsien tiegħu meħud minn xi xiehda;
3. Jikkundanna r-ripressjoni, il-fastidju u l-intimidazzjoni kontinwa tar-rappreżentanti tal-midja indipendenti, ta' l-NGOs u tas-soċjetà ċivili mir-reġim separatista tat-Transnistrija;
4. Jitlob il-waqfien taċ-ċaħda tal-libertà tal-persuni minħabba l-attività politika; f'dan ir-rigward jikkundanna l-arrest tat-2 ta' Ġunju 2007 u t-trattament sussegwenti tas-Sur Valentin Besleag, kandidat għal sindku fl-elezzjonijiet lokali leġittimi f'Corjova;
5. Jitlob li jkun hemm ftehim mgħaġġel u finali tal-kunflitt iffriżat fit-Transnistrija li jiżgura d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tar-Repubblika tar-Repubblika tal-Moldova, b'konformità ma' prinċipji internazzjonali;
6. Jenfasizza l-impenn sħiħ ta' l-UE għall-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova; jiġbed l-attenzjoni li r-reġim illeġittimu ta" Tiraspol ma għandu l-ebda setgħa li jwaqqaf liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova milli jidħlu fit-territorju tax-xatt tal-Punent tax-xmara Nistru u ma għandu l-ebda setgħa li jiddikjara lil xi ħadd "persona non grata";
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaħsbu f'miżuri ta' involviment ikbar u sħiħ fil-proċess tan-negozjati u għas-soluzzjoni tal-kunflitt imsemmi hawn fuq; jiġbed l-attenzjoni għall-missjoni transkonfinali konġunta ta' l-UE ma' l-Ukraina li kienet suċċess u jistieden lill-gvern ta' l-Ukraina sabiex ikompli jappoġġja din il-missjoni;
8. Jitlob li jkun hemm involviment ikbar ta' l-Unjoni Ewropea għas-soluzzjoni ta' dan il-kunflitt fil-viċinanzi immedjati tiegħu, inkluż it-tisħiħ ta' l-istatus ta' l-UE bħala sieħba fin-negozjati;
9. Ifakkar lill-partijiet kollha li r-reġim separatista tat-Transnistrija jippermetti l-inkoraġġiment tal-kriminalità organizzata, inklużi t-traffikar ta' l-armi u tal-bnedmin, u attivitajiet ta' kuntrabandu u ħasil tal-flus; jiġbed l-attenzjoni li dan jikkostitwixxi riskju konsiderevoli għall-istabilità tar-reġjun;
10. Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni immedjata u sħiħa tal-konklużjonijiet tas-Laqgħa Għolja ta' l-OSCE li saret f'Istanbul fl-1999 u tal-Kunsill Ministerjali ta' l-OSCE li sar f'Oporto fl-2002 u tas-sentenza ta' l- ECHR tat-8 ta' Lulju 2004 fil-każ tal-Grupp Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u r-Russja; jistieden lill-UE sabiex tqajjem il-kwistjoni dwar l-irtirar tat-truppi Russi mit-Transnistrija fil-qafas tar-relazzjonijiet UE-Russja;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-gvern u lill-parlament tar-Russja u lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.