Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta" Settembru 2006 dwar in-nirien fil-foresti u l-għargħar(1), tal-5 ta" Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa(2), ta" l-14 ta" April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(3), tat-12 ta" Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(4), tat-8 ta" Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa(5), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta" Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien fil-foresti, nixfiet u għargħar) - aspetti ta" l-agrikoltura(6), aspetti ta" żvilupp reġjonali(7) u aspetti ambjentali(8),
– wara li kkunsidra ż-żewġ seduti ta" smigħ konġunti organizzati mill-Kumitati tiegħu għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar "Strateġija Ewropea għad-Diżastri Naturali" (20 ta' Marzu 2006), u dwar il-"Forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: għajnuna mill-Ewropa" (5 ta" Ottubru 2006),
–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta" Ottubru 2001 li twaqqaf mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' għajnuna tal-protezzjoni ċivili (9), l-adozzjoni mistennija tad-Deċiżjoni emendata mill-ġdid tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju ta" protezzjoni ċivili u l-pożizzjoni tal-Parlament ta" l-24 ta" Ottubru 2006(10),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwaqqaf Fond ta" Solidarjetà ta" l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108), u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006 rigward dan(11),
– wara li kkunsidra r-rapport ta" Michel Barnier tad-9 ta" Mejju 2006, intitolat "Għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: għajnuna mill-Ewropa",
– wara li kkunsidra il-pożizzjoni tiegħu tal-25 ta" April 2007 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill bil-għan li tkun adottata direttiva dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta" l-għargħar(12),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta" Marzu 2007 li twaqqaf Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili )(13),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta" Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-ħila ta" koordinazzjoni taċ-Ċentru ta" Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) fil-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili,
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta" Kyoto għall-Konvenzjoni ta" Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) tal-11 ta' Diċembru 1997 u r-ratifika tal-Protokoll ta' Kyoto mill-Komunità fl-4 ta' Marzu 2002,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2152/2003(14) tas-17 ta" Novembru 2003 (r-regolament "Forest Focus"),
– wara li kkunsidra l-punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-reazzjoni ta" l-Unjoni għall-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea (COM(2007)0414),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra n-nirien devastanti u l-għargħar vjolenti li kkawżaw imwiet u ħerba fil-kontinent Ewropew kollu, b'mod partikulari fil-Greċja u fir-Renju Unit tul is-sajf 2007, li affettwaw Stati Membri ta" l-UE, reġjuni periferali, b'mod partikulari il-Martinique u l-Guadaloupe, li ġew affettwati mill-Uragan Dean, pajjiżi applikanti u l-eqreb ġirien ta" l-UE; billi ż-żona li nħarqet f'Lulju biss kienet kbira daqs iż-żona totali li nħarqet matul is-sena l-oħra kollha; billi fix-xahar ta" Awissu, fil-Greċja seħħet traġedja nazzjonali serja minħabba wieħed mid-diżastri l-aktar letali minn nirien li qatt ġraw fid-dinja kollha mill-1871,
B. billi ż-żona totali ta" veġetazzjoni u art imsaġġra, inklużi Siti ta" Importanza għall-Komunità (SCIs) li huma parti min-network Natura 2000 u żoni oħra b'valur ekoloġiku importanti, b'konnessjoni ekoloġika fir-reġjun sħiħ, milquta min-nirien fl-Ewropa dan is-sajf hija aktar minn 700 000 ettaru, u billi l-pajjiżi milquta b'mod l-aktar serju huma l-Greċja, l-Italja, il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Spanja (u b'mod partikulari l-Gżejjer Kanarji u l-provinċja ta" Castillón), l-Ukrajna, it-Turkija u l-Albanija,
C. billi n-nirien fil-foresti riċenti u devastanti fil-Greċja kkawżaw il-mewt ta" aktar minn 60 ruħ, darbu lil ħafna nies, ħarqu aktar minn 250 000 ettaru, inklużi eluf ta" ettari ta" foresti u ta" art miksija b'siġar żgħar, qatlu l-annimali, qerdu ħafna djar, proprjetajiet u rħula,
D. billi, fl-istess żmien, kien hemm ħafna għargħar f'partijiet oħra ta" l-Ewropa, b'mod partikulari fir-Renju Unit, li kkawża l-mewt ta" mill-anqas 10 persuni u li kkawża madwar EUR 5 biljun ħsara lil djar, skejjel, infrastruttura u agrikoltura u n-nuqqas ta" provvisti ta" ilma nadif lil aktar minn 420 000 persuna, u dan wassal biex ħafna nies tilfu darhom u għal telf sinifikanti għan-negozji, l-agrikoltura u l-industrija tat-turiżmu; billi fl-Italja kien hemm sitwazzjoni kritika minħabba l-għargħar fiċ-Ċentru u t-Tramuntana u n-nixfiet u nirien fin-nofsinhar filwaqt li kien hemm nixfiet mill-akbar fil-lvant ta' l-Ewropa, b'mod partikulari fir-Rumanija,
E. billi l-mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat tnax-il darba għall-istess tip ta" emerġenza fi żmien xahrejn, u sebgħa mill-emerġenzi ġraw fl-istess ħin; billi l-għajnuna ta" l-Istati Membri ma kinitx biżżejjed biex tiżgura reazzjoni ħafifa u xierqa ta" protezzjoni ċivili fl-emerġenzi kollha,
F. billi, minħabba li s-sjuf qed isiru dejjem aktar sħan u niexfa fl-Ewropa tan-Nofsinhar, in-nirien fil-foresti u nirien oħra f'żoni mhux ikkultivati huma fenomenu rikorrenti, iżda għadhom ivarjaw drammatikament minn sena għal oħra fl-intensità u fil-post ġeografiku; billi t-tendenza ta" dawn l-avvenimenti diżastrużi hija influwenzata wkoll mill-bidla fil-klima u marbuta maż-żieda ta" perjodi ta" sħana qawwija u ta" nixfiet, kif ġie innotat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nixfiet; billi investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima huwa għalhekk investiment fil-prevenzjoni ta' diżastri min-nixfiet u n-nirien fil-foresti; billi, f'perjodi ta" nixfa, li kulma jmur qed jitwalu, se jkun dejjem aktar diffiċli li jerġgħu jitkabbru l-foresti wara nar, bir-riskju konsegwenti ta" deżertifikazzjoni,
G. billi jitqiesu l-konsegwenzi dannużi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri naturali għall-ekonomiji reġjonali, l-attività produttiva u t-turiżmu,
H. billi n-numru kbir ta" nirien fin-nofsinhar ta" l-Ewropa fl-2007, kif ukoll il-kobor tagħhom, huwa kkawżat minn diversi fatturi, inklużi l-bidla fil-klima, definizzjoni inadegwata u kura insuffiċjenti tal-foresti u kombinazzjoni ta' kawżi naturali u negliġenza tal-bniedem, iżda wkoll minn attivitajiet kriminali tal-bniedem, flimkien ma' l-implimentazzjoni mhux xierqa ta" liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali fuq artijiet li nħarqu,
I. billi jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħraf in-natura speċifika tad-diżastri naturali li qed jimmanifestaw ruħhom fil-forma ta' nixfa fil-Mediterran u f'nirien u li tadatta l-prevenzjoni tagħha, ir-riċerka, l-immaniġġjar tar-riskji, id-difiża ċivili u l-istrumenti ta' solidarjetà skond il-każ,
1. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u solidarjetà qawwija mal-qraba ta" dawk li mietu u mar-residenti fiż-żoni milquta;
2. Ifaħħar lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, lill-professjonisti oħra u lill-voluntiera li ħadmu bla waqfien u rriskjaw ħajjithom biex jitfu n-nirien, isalvaw in-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf, kif ukoll lill-bosta individwi li waħedhom iġġieldu biex isalvaw ħajjithom u l-ambjent ta' madwarhom;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta" Solidarjetà kurrenti ta" l-UE (EUSF) bl-iktar mod flessibbli possibbli u mingħajr dewmien, filwaqt li tevita proċeduri li jieħdu ħafna żmien jew ostakli amministrattivi; iqis, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn li r-riżorsi meħtieġa jkunu disponibbli minnufih sabiex tittaffa t-tbatija u biex il-vittmi u l-qraba tagħhom jingħataw dak kollu li għandhom bżonn permezz ta" l-EUSF u ta" kwalunkwe strumenti Komunitarji oħra (eż. il-Fondi Strutturali jew l-EARDF), jew kwalunkwe mezzi finanzjarji possibbli oħra, fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Komunità bħall-prinċipju ta' sħubija u l-iżvilupp sostenibbli;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iddaħħal arranġamenti straordinarji ta" għajnuna Komunitarja, speċjalment ta" natura finanzjarja, sabiex tkun appoġġjata r-rijabilitazzjoni tar-reġjuni li saritilhom ħsara kbira, jerġa' jingħata l-potenzjal tal-produzzjoni fiż-żoni affettwati, jerġa jinbeda l-ħolqien ta' l-impjiegi u jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkumpensaw għall-ispejjeż soċjali inerenti mit-telf ta' l-impjiegi u sorsi ta' dħul oħra;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta" aċċess għall-fondi ta" l-UE għall-irkupru ta" l-art agrikola wara għargħar u nirien u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta" difiżi kontra l-għargħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrivedu u jaqsmu l-aħjar prattiki fid-dawl ta" l-aħħar riċerka dwar ir-riskji li żdiedu ta" għargħar u ta" nirien fil-foresti kkawżati mill-mod li bih huma mmaniġġjati l-art, l-ambjent u l-iskular ta" l-ilma; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iskular naturali u ż-żamma ta" l-ilma fl-ambjent kemm jista" jkun, filwaqt li jżidu il-kapaċità ta" l-infrastruttura għall-kontroll ta' l-għargħar u ta" l-iskular ta" l-ilma biex tkun limitata l-ħsara minn xita bil-qliel;
6. Jirrikonoxxi s-solidarjetà ta" l-Unjoni Ewropea, ta" l-Istati Membri tagħha u ta" pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni affettwati waqt emerġenzi ta" nirien fil-foresti permezz ta" inġenji ta" l-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u kompetenza, kif ukoll l-għajnuna ta" min ifaħħarha mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lis-servizzi tas-salvataġġ, iqis li l-iskala u l-impatt ta' dawn il-fenomeni spiss imorru 'l hinn mil-livelli u l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali u jitlob li jkun hemm impenn effettiv Ewropew bħala kwistjoni ta' urġenza;
7. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni taċ-Ċentru ta" Monitoraġġ u ta" Informazzjoni (MIC) lejn l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta" għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi; madankollu, jinnota li r-riżorsi ta" l-Istati Membri biex jitfu n-nirien fil-foresti, speċjalment mill-ajru, huma limitati u li m'huwiex dejjem possibbli li Stati Membri joffru appoġġ meta r-riżorsi jkunu meħtieġa fit-territorju nazzjonali tagħhom; għaldaqstant, jinnota li xi Stati Membri rċevew inqas għajnuna minn oħrajn u kellhom joqogħdu fuq ftehimiet bilaterali ma' stati li m'humiex fl-UE għall-għajnuna; għalhekk, jiddispjaċih li f'xi każijiet l-UE kollha kemm hi ma wrietx solidarjetà biżżejjed;
8. Iħeġġeġ lill-Kunsill b'qawwa biex jieħu deċiżjoni, mingħajr aktar dewmien, dwar ir-regolament propost tal-Fond ta" Solidarjetà, filwaqt li wieħed jiftakar li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Mejju 2006; iqis li d-dewmien tal-Kunsill f'dan ir-rigward m'huwiex aċċettabbli; jemmen li permezz tar-regolament il-ġdid, li - flimkien ma' miżuri oħra - inaqqas il-limiti minimi għall-mobilizzazzjoni ta'l-EUSF, il-ħsara tkun tista" tiġi ndirizzata b'mod iktar effettiv, flessibbli u f'waqtu; jistieden lill-Presidenza Portugiża fil-Kariga, kif ukoll lill-Ministri ta' l-UE għall-Finanzi, l-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Reġjonali, biex jieħdu azzjoni qawwija u mgħaġġla minnufih; għalhekk jissuġġerixxi li għandha ssir laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Ministri ta" l-UE responsabbli, filwaqt li l-Parlament u l-Kummissjoni jkunu preżenti bħala osservaturi;
9. Jitlob li titwaqqaf forza Ewropea li tista' tirreaġixxi minnufih f'emerġenzi, kif propost fir-rapport tal-Kummissarju Barnier, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta" reazzjoni u segwitu f'dan ir-rigward; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jitkompla l-iżvilupp ta" kapaċità b'reazzjoni ħafifa bbażat fuq il-mekkaniżmi tal-protezzjoni ċivili ta" l-Istati Membri, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew ta" Brussell tas-16 u s-17 ta" Ġunju 2006; jitlob lill-Kummissjoni bix tfassal proposta f'dan ir-rigward; jenfasizza l-irwol ta" l-Istati Membri u ta" l-awtoritajiet lokali tagħhom biex jipprevjenu u jitfu n-nirien b'mod effettiv;
10. 10 Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex titlob lill-Istati Membri informazzjoni dwar il-programmi operattivi li jeżistu sabiex jiffaċċjaw id-diżastri naturali u għall-esperjenzi tagħhom fir-rigward ta'l-applikazzjoni tagħhom, u barra minn dan, biex teżamina kemm huma xierqa l-miżuri użati ta" prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni, bil-għan li jkun hemm skambju ta' esperjenzi u li jsiru konklużjonijiet dwar miżuri immedjati, il-koordinazzjoni ta' entitajiet amministrattivi u operattivi u d-disponibilità tar-riżorsi umani u materjali meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-potenzjal għal koperazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien ta" l-UE u pajjiżi terzi oħra biex jitfu n-nirien diżastrużi, jaqsmu l-aqwa prattiki u kapaċitajiet waqt ix-xhur perikolużi tas-sajf sabiex ikunu ppreparati aħjar għas-sajf ta" l-2008;
11. Iqis li l-esperjenza tas-snin li għaddew u esperjenzi oħra riċenti jenfasizzaw l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċita' Komunitarja ta" prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni tal-protezzjoni ċivili fir-rigward tan-nirien fil-foresti u ma" nirien oħra f'żoni mhux ikkultivati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tieħu azzjoni f'dan ir-rigward;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibiltà ta" aċċess miftiehem minn qabel għal kapaċità komplementarja biex tkun żgurata reazzjoni ħafifa għal emerġenzi ewlenin, li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħra, inkluż is-suq kummerċjali; jissuġġerixxi li l-ispiża tal-forza li tkun qiegħda għassa tista" titħallas permezz ta" l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;
13. Jilqa" b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni riċenti tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta" Marzu 2007 li twaqqaf Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili u jemmen li l-azzjonijiet li jingħataw għajnuna finanzjarja permezz ta" dan l-istrument għandhom jiżguraw li tidher is-solidarjetà Ewropea u jagħtu aktar valur miżjud Ewropew lill-immaniġġjar effettiv ta' diżastri naturali; madankollu, huwa preokkupat li l-ammont allokat għal dan l-istrument ġdid m'huwiex se jkun biżżejjed biex jitwettaq ix-xogħol ambizzjuż tiegħu b'mod effettiv;
14. Jenfasizza l-bżonn għal miżuri iżjed b'saħħithom immirati għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali, u f'dan il-kuntest, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni fl-2008 ta' żewġ studji tal-Kummissjoni mmirati għall-ħolqien ta' strateġija integrata għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali; barra minn hekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tfittex użi potenzjali ta' koordinazzjoni miftuħa bil-għan li jiġu evitati d-diżastri naturali, permezz ta' kura komprensiva ta' l-art sabiex tiżdied il-kapaċita' ta' retenzjoni ta 'l-ammonti ta' l-ilma u kura ta' foresti komprensiva sabiex jitnaqqsu safejn ikun possibbli n-nar tal-foresti u t-tifrix u l-veloċità tan-nirien; jiġbed l-attenzjoni li l-bijomassa salvata tista" tikontribwixxi għall-fattibiltà ekonomika tal-operazzjonijiet;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel iżjed riċerka bil-għan li jitjiebu l-prevenzjoni tan-nar fil-foresti u l-metodi u l-materjali għat-tifi tan-nar fil-foresti u biex ikun hemm reviżjoni ta' l-ippjanar u ta' l-użu ta' l-art; jistieden għalhekk lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni b'saħħitha sabiex itejbu u jimplimentaw il-qafas leġiżlattiv tagħhom ta' ħarsien tal-foresti u sabiex jastjenu minn attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni, riklassifikazzjoni u privatizzazzjoni, biex b'hekk jillimitaw l-intrużjoni u l-ispekulazzjoni; il-ħiliet kollha disponibbli ta" l-UE, inklużi s-sistemi satellitari, għandhom jintużaw għal dan il-għan;
16. Jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dawn in-nirien fil-foresti tqabbdu apposta, u huwa inkwetat b'mod partikulari li atti kriminali apposta qed ikunu dejjem aktar il-kawża ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex iżidu l-pieni għal atti kriminali li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u b'mod partikulari għal dawk li jqabbdu n-nirien fil-foresti, u jemmen li investigazzjoni minnufih u effettiva sabiex tistabixxi minn huwa responsabbli, segwita minn kastig proporzjonat, tiskoraġġixxi l-imġieba negliġenti u maħsuba;
17. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li n-numru li qed jiżdied ta" diżastri kkawżati minn eventi estremi tal-klima li, skond l-esperti, qed jiġru l-aktar minħabba l-bidla fil-klima minħabba t-tisħin tad-dinja; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu konformi ma" l-objettivi ta" Kyoto, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tiżgura r-rispett għall-impenji ta" Kyoto u tiżgura s-segwitu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha biex iqisu l-bidla fil-klima u l-possibiltà li żdiedet ta" diżastri bħall-għargħar u n-nirien fil-foresti meta tfassal il-baġits u r-riżervi għal dak li jista" jinqala" għas-servizzi ta" l-emerġenza;
18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tikkollabora ma' l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżviluppaw politiki li jnaqqsu kemm jista' jkun l-impatt ambjentali tan-nirien; jappella għal politika ta' riforestazzjoni bbażata fuq ir-rispett għall-karatteristiċi bijoklimatiċi u ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi reġistrata data relatata mar-riżorsi naturali ta" kull Stat Membru permezz tal-ħolqien ta" "Kontijiet Ħodor Nazzjonali" fil-forma ta" bażi ta" data miftuħa għaċ-ċittadini kollha;
19. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali fil-każijiet ta' diżastri naturali għall-bżonnijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità fl-azzjonijiet kollha li jittieħdu permezz tal-Mekkaniżmi tal-Protezzjoni Ċivili;
20. Iqis li għandha tiġi promossa u appoġġjata Azzjoni Volontarja ta' Protezzjoni Ċivili mingħajr dewmien, b'attivitajiet ta' taħriġ bażiku u b'tagħmir li jista' juża teknoloġiji avvanzati, billi dan huwa wieħed mis-sorsi ewlenin disponibbli għall-Istati Membri meta jittrattaw stati ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri naturali; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha sabiex jagħmlu lis-soċjetà konxja tal-valur tal-foresti tagħha u r-riżorsi tagħhom u l-benefiċċji tal-konservazzjoni tagħhom, filwaqt li jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili permezz tal-voluntarjat organizzat jew metodi oħra;
21. Jemmen li kundizzjoni minn qabel għall-ħarsien fuq żmien twil u għall-kura territorjali tal-foresti hija l-ippjanar sostenibbli u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' żvilupp reġjonali u rurali li għandhom l-għan li jrażżnu t-tnaqqis tal-popolazzjoni miż-żoni rurali, joħolqu dħul finanzjarju ġdid u ddiversifikat speċjalment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u jistabbilixxi infrastruttura modernizzata sabiex tiġbed turiżmu u servizzi sostenibbli lejn żoni rurali;
22. Jenfasizza li d-diżastri naturali, u b'mod partikulari n-nirien fil-foresti, din is-sena poġġew f'periklu konsiderevoli monumenti u siti arkeoloġiċi ta" valur kbir għall-wirt kulturali Ewropew; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għat-theddida lil Olimpja antika, il-post fejn twieled il-Logħob Olimpiku u, b'mod partikulari, lill-mużew tagħha, bħala Sit ta" Wirt Dinji; jitlob li minnufih ikunu disponibbli riżorsi għall-finijiet ta' restawr fil-każ li siti Ewropej li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali ssirilhom ħsara bin-nirien li qed ikomplu jaħkmu l-foresti;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-inħawi kollha maħruqa tal-foresta jibqgħu jinżammu bħala foresti u jkunu koperti minn programmi ta" riforestazzjoni, inklużi kundizzjonijiet obbligatorji, u li ma jitħalla jsir ebda tibdil fl-użu ta' l-art, biex jimplimentaw leġiżlazzjoni adegwata dwar il-konservazzjoni u l-użu xieraq ta' l-art inklużi prattiki sostenibbli ta' biedja u silvikultura, immaniġġjar tar-riżorsi ta' l-ilma u mmaniġġjar effiċjenti tar-riskju u sabiex minnufih jippjanaw politiki estiżi ta" rikostruzzjoni għat-turiżmu u għall-ekonomija lokali fejn milquta;
24. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja l-użu xieraq, effiċjenti u effettiv tal-fondi kollha ta' emerġenza li jingħataw lill-Istati Membri sabiex jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi tad-diżastri naturali; u jitlob ir-radd lura ta' flus għal użu mhux xieraq ta' għajnuna Komunitarja, pereżempju fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' pjanijiet ta' riforestazzjoni u aġġornamenti katastali;
25. Jikkundanna l-prattika tal-legalizzazzjoni ta' kostruzzjonijiet illegali fuq żoni protetti u ġeneralment mhux awtorizzati, u jħeġġeġ li t-tentattivi kollha biex tonqos il-protezzjoni tal-foresta permezz ta' tibdil fil-Kostituzzjoni Griega (Artikolu 24), għandhom jitwaqqfu immedjatament;
26. Jissuġġerixxi li tintbagħat delegazzjoni parlamentari fil-pajjiżi l-aktar milquta mid-diżastri naturali riċenti sabiex tesprimi s-solidarjetà tal-Parlament lill-popolazzjoni, sabiex timmoniterja l-livell tal-qirda ta' ħajjiet, proprjetà, networks soċjali, l-ambjent u l-ekonomija, u sabiex tasal għal konklużjonijiet utli bil-għan li jitjiebu l-prevenzjoni u r-rispons fil-ġejjieni għal sitwazzjonijiet estremi simili fl-UE;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.