Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2007 dwar l-isforzi ta" l-Istati Membri matul l-2005 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd (2007/2108(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-isforzi ta" l-Istati Membri matul l-2005 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd (COM(2006)0872),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd(1)
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003, tat-12 ta" Awwissu 2003, li jippreskrivi regoli ta' implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002(2)
– wara li kkunsidra l-proposta ta" Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd (COM(2007)0196),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitulata "Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew" (COM(2007)0136),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għodod ta' ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd (COM(2007)0073),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-kapaċità tas-sajd u l-indikaturi ta" l-isforz skond il-politika komuni tas-sajd (COM(2007)0039,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Johannesburg fis-26 ta' Awissu sa l-4 ta' Settembru 2002,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0297/2007),
A. billi l-ħarsien u l-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u l-isfruttar tagħhom skond il-prinċipji ta" l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun wieħed mill-elementi ċentrali tal-Politika Komuni dwar is-Sajd,
B. billi s-sostenibilità tar-riżorsi taz-zoni tas-sajd hija essenzjali biex tiggarantixxi l-attività tas-sajd u l-vijabilità ta' l-industrija tas-sajd għal żmien fit-tul,
C. billi sa mill-bidu tas-snin 80, il-kapaċità żejda tal-flotta Komunitarja fid-dawl tar-riżorsi disponibbli kienet wieħed mill-fatturi li joħloq tħassib kostanti mil-lat tal-vijabilità taz-zoni tas-sajd,
D. billi d-Dikjarazzjoni Finali tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, taħseb għal analiżi bbażata fuq l-ekosistemi għall-isfruttar taz-zoni tas-sajd, u tipproponi t-tneħħija ta" prattiki qerrieda tas-sajd waqt li tesiġi l-użu tal-prinċipju ta" prekawzjoni fl-isfruttar tar-riżorsi,
E. billi s-Samit imsemmi stabbilixxa l-objettiv li fis-sena 2015 għandu jintlaħaq l-irkupru ta" riżorsi tas-sajd għal speċijiet li jinsabu fil-periklu, filwaqt li huwa mistenni li sad-data msemmija, ir-riżorsi kollha tas-sajd ikollhom livell ta" sfruttament li jkun konformi mal-qabdiet massimi sostenibbli,
F. billi f'dawn l-aħħar snin l-Unjoni Ewropea approvat diversi pjanijiet għall-irkupru u l-immaniġġjar ta" ħut li huma sfruttati żżejjed (il-marlozz, il-bakkaljaw, il-lingwata, is-sallura u l-gambli kbar) u huwa prevedibbli li fil-ġejjieni jkun meħtieġ li dawn jiġu estiżi għal speċijiet oħra li għandhom valur kummerċjali,
G. billi minkejja l-progress li sar sa mill-implimentazzjoni, fl-1983, ta" l-ewwel programm ta" gwida għall-flotot, bil-għan li titnaqqas il-kapaċità u l-qawwa tagħhom sabiex dawn ikunu adegwati għar-riżorsi eżistenti, il-karatteristiċi speċifiċi tal-flotot nazzjonali u ta' l-industriji tas-sajd ma ġewx ikkunsidrati u xi Stati Membri mhux biss ma laħqux dan il-għan, iżda talli wħud minnhom żiedu l-isforzi tagħhom għas-sajd,
H. billi huwa meħtieġ li jinġiebu 'l quddiem metodi ta' sajd li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, skond ir-riċerka xjentifika dwar is-sajd, permezz ta' tagħmir aħjar tas-sajd, għażla akbar u l-projbizzjoni ta' tagħmir tas-sajd li jeqred l-ekosistemi tal-baħar,
I. billi minkejja s-snin li għaddew, l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri għadha mhix omoġenja, u dan ixekkel jew kważi jagħmilha impossibbli li ssir l-evalwazzjoni komparattiva tal-flotta,
J. billi ħafna Stati Membri bagħtu l-informazzjoni dwar ir-reġistru tal-flotta tard ħafna, filwaqt li oħrajn ma bagħtuhiex fil-limiti ta' żmien stipulati mil-leġiżlazzjoni Komunitarja,
K. billi l-immaniġġjar tajjeb tar-riżorsi skond il-prinċipji ta" prekawzjoni u ta" żvilupp sostenibbli jesiġi li għandhom jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti ta" kontroll, biex fil-ħin reali kemm l-Istat fejn ikunu reġistrati kif ukoll l-Istat fejn ikunu qegħdin joperaw il-bastimenti jistgħu jkunu jafu, f'kull waqt, il-post fejn ikun jinsab il-bastiment u l-operazzjonijiet tas-sajd li jkunu għaddejjin,
L. billi d-djalogu u s-sehem ta' l-industrija fil-miżuri kollha stipulati biex jinkiseb bilanċ bejn il-flotta u l-istat tar-riżorsi huma kundizzjonijiet essenzjali sabiex dawn il-miżuri jkunu effettivi,
M. billi s-sajjieda u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom għandhom ikunu mdaħħlin biex jiddeċiedu dwar il-miżuri għall-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar u dwar it-tisħiħ tar-riżorsi tal-ħut,
N. billi l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali huma entitajiet effettivi għall-koperazzjoni u d-djalogu bejn id-diversi interessi involuti fis-settur tas-sajd (l-ambjent, il-konservazzjoni tan-natura, in-nies li jaħdmu fid-diversi oqsma ta" l-industrija, fosthom il-produzzjoni, l- ipproċessar u l-akwakultura) u sakemm ikun hemm rabta mill-qrib bejn il-firxa ġeografika u l-problemi li jkunu qegħdin janalizzaw,
O. billi l-industrija tas-sajd fl-ibgħad reġjuni u fil-gżejjer ta" l-Unjoni Ewropea tħabbat wiċċha ma' problemi speċifiċi karatterizzati mill-ambjent naturali tal-baħar li jixraqlu arranġamenti speċjali għall-ħarsien, u l-eżistenza ta" flotot tal-kosta fuq skala żgħira li jaħdmu f'kundizzjonijiet diffiċli minħabba l-morfoloġija ta" l-ixkaffa kontinentali u l-fatt li r-riżorsi jinsabu f'zoni ta" baħar miftuħ li jeħtieġu kundizzjonijiet speċjali biex jiżguraw is-sikurezza tal-bastimenti u ta" l-operazzjonijiet tas-sajd,
1. Jifraħ lill-Kummissjoni għall-kontenut tar-rapport annwali dwar l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fl-2005 sabiex joħolqu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u r-riżorsi tas-sajd, għax minkejja d-diffikultajiet li nħolqu minħabba l-informazzjoni diverġenti li taw l-Istati Membri, ir-rapport jiġbor sintesi ta" l-iżvilupp tal-flotot nazzjonali li tippermetti analiżi ta" l-evoluzzjoni tagħhom;
2. Itenni l-ħtieġa għal approċċ aktar wiesa' lejn miżuri biex jitħares l-ambjent tal-baħar u jissaħħu r-riżorsi tal-ħut, b'mod partikulari billi jitqiesu u jiġu studjati ċerti fatturi li jkollhom effett importanti fuq l-ambjent tal-baħar u fuq il-qagħda tar-riżorsi tal-ħut, bħat-tniġġis tal-kosta u tal-baħar miftuħ, id-drenaġġ industrijali u agrikulturali, it-tindif tal-ħama u t-trasport bil-baħar, biex jikkomplementaw il-metodi attwali ta' l-immaniġġjar; iqis li inizjattiva Komunitarja f'dan il-qasam hija prijorità;
3. Jinnota li kien hemm tnaqqis gradwali fil-kapaċità u l-potenza ġenerali tal-flotta (madwar 2% fis-sena) iżda li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fil-livell ta" l-isfruttar ta" l-ammonti ta" ħut, minħabba li t-titjib tekniku li sar fil-bastimenti jinnewtralizza jew jisboq il-possibilitajiet, f'dawk li huma qabdiet u sforzi ta' sajd, rappreżentati minn dan it-tnaqqis żgħir;
4. Iqis li mhux aċċettabbli li l-Istati Membri ma joqogħdux għall-obbligi li jiġbru u jgħaddu tagħrif dwar kemm qegħdin iqabblu l-kapaċità tagħhom tas-sajd mal-qagħda tar-riżorsi tal-ħut u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan in-nuqqas bħala mġiba ħażina serja u biex toħroġ il-kastig xieraq, bħal fil-każ ta' l-obbligi tas-sajjieda dwar it-tagħrif fuq il-qabdiet;
5. Jenfasizza li meta jsir it-tqabbil tal-flotot nazzjonali mar-riżorsi eżistenti għandu jitqies it-tnaqqis li sar diġà fl-isforzi tas-sajd, b'mod partikulari il-livell ta' konformità mal-Programmi ta' Gwida Plurijennali;
6. Ifakkar fil-ħtieġa li l-miżuri kollha għall-aġġustament tal-flotot nazzjonali u għall-irkupru tar-riżorsi għandhom jittieħdu bis-sehem tas-sajjieda u għandhom ikunu bbażati fuq ir-riċerka xjentifika dwar is-sajd;
7. Iħeġġeġ malajr lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti ta" linji gwida li jiżguraw li l-Istati Membri jippreżentaw informazzjoni armonizzata li tagħmilha possibbli li ssir analiżi komparattiva ta" l-iżviluppi fid-diversi flotot nazzjonali u tipprovdi lil kull wieħed mill-Istati Membri b'informazzjoni diżaggregata dwar il-livell ta" qabdiet minn bastimenti li joperaw fiz-zoni kostali tagħhom;
8. Isemmi l-fatt li fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali u l-eżistenza kontinwa ta" kapaċità żejda, hu mixtieq li jitqiesu mill-ġdid l-iskemi attwali biex il-flotta komunitarja tiġi konformi ma" l-opportunitajiet tas-sajd, waqt li fil-politika Komunitarja għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar taz-zoni tas-sajd jitħalla wisa' għal sistemi aktar effiċjenti li fihom innifishom jistgħu jnaqqsu l-kapaċità aktar minn dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja;
9. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-inizjattivi rilevanti biex tkun tista' ssir bidla ħalli minn sistema ta' l-immaniġġjar tal-flotot ibbażata fuq ir-restrizzjoni tat-tunnellaġġ u l-qawwa tal-bastimenti, tidħol skema li biha l-isforzi tas-sajd ikunu jistgħu jiġu kontrollati permezz ta" l-immaniġġjar tas-sajd skond zoni ġeografiċi u l-użu ta" miżuri tekniċi xierqa għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti għat-titjib fis-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd kostali u artiġjanali fuq skala żgħira fl-Unjoni Ewropea, immirati sabiex jikber id-daqs u tiżdied il-qawwa tal-magni u biex jiġu rinnovati l-bastimenti sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' l-iġjene u tas-sikurezza abbord, mingħajr ma dan jimplika żieda fl-isforzi tas-sajd;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għall-ħolqien ta" Kunsill Konsultattiv Reġjonali speċifiku għar-reġjuni l-iktar imbiegħda ta" l-Unjoni Ewropea;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.