Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2228(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0286/2007

Testi mressqa :

A6-0286/2007

Dibattiti :

PV 04/09/2007 - 15
CRE 04/09/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 05/09/2007 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0375

Testi adottati
PDF 322kWORD 70k
L-Erbgħa, 5 ta' Settembru 2007 - Strasburgu
Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa u l-mobilità sostenibbli
P6_TA(2007)0375A6-0286/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa - is-soluzzjoni għal mobilità sostenibbli (2006/2228(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta" Liżbona l-ġdida li l-implimentazzjoni b'suċċess tagħha tiddependi fuq sistema loġistika effiċjenti, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribuzzjoni tas-settur tat-trasport lill-Istrateġija ta" Liżbona,

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni ta" nofs iż-żmien tal-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea ta" l-2001 dwar it-Trasport (COM(2006)0314), li tinkludi kapitolu dwar il-loġistika tat-trasport bħala mezz ta" mobilità intelliġenti,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa - is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli (COM(2006)0336),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar il-kontribut għall-Kunsill tar-Rebbiegħa ta" l-2007 fir-rigward ta" l-Istrateġija ta" Liżbona(1),

–   wara li kkunsidra l-proposti u l-linji gwida tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar il-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni kif ukoll dwar is-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka, l-Iżvilupp Tekniku u l-Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2007 dwar il-bidliet klimatiċi,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn politika marittima ta" l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra' (COM(2006)0275) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007(2), dwar l-istess suġġett,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-komunikazzjoni tal-Kumissjoni dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar il-politika Ewropea tal-loġistika(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0286/2007),

A.   billi l-miżuri implimentati sa mill-2001 skond il-Politika Ewropea Komuni għat-Trasport m'humiex biżżejjed aktar biex jiffaċċjaw l-isfidi ġodda ekonomiċi, soċjali u ambjentali,

B.   billi s-settur tat-trasport u tal-loġistika jkompli jiżviluppa bħala fergħa ekonomika importanti fis-settur tas-servizzi u joffri prospetti ġodda ta' impjieg,

C.   billi loġistika tat-trasport ta' merkanzija effiċjenti u effettiva bħala parti integrali mis-sistema tat-trasport ta" l-UE hija neċessarja għall-effiċjenza u għall-kompetittività ekonomika, għall-użu mill-aħjar tar-riżorsi, għall-ħolqien ta" opportunitajiet ta' impjieg, għall-protezzjoni ta' l-ambjent, għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għat-titjib fis-sikurezza u fis-siġurtà,

D.   billi s-settur tal-loġistika huwa vitali għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u għall-inklużjoni aħjar ta' l-inħawi u tar-reġjuni li jinsabu fit-truf ta" Ewropa mkabbra,

1.   Jilqa" l-komunikazzjoni msemmija hawn fuq dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa u jappoġġja konsultazzjoni mal-partijiet interessati relevanti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-punti ta' konġestjoni eżistenti;

2.  Japoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta" Azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fil-Ħarifa ta" l-2007, li għandu jservi biex il-loġistika titqiegħed fuq l-aġenda politika u biex il-profil tiegħu jogħla billi l-enfasi jkun fuq il-potenzjal, il-popolarita? u l-utilità tiegħu;

3.  Jirrikonoxxi l-valur tar-rabta li għamlet il-Kummissjoni bejn il-loġistika u l-komodalità billi ikkunsidrat kull mod ta' trasport fuq bażi individwali u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-loġistika, u jemmen li l-modi kollha ta" trasport għandhom ikunu mħeġġa li jrendu fuq livell kompetittiv u sostenibbli;

4.  Jinsisti li għandha tingħata prijorità lit-trasport, lil-loġistika u lill-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fl-Istrateġija ta' Liżbona l-ġdida, u jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu din il-prijorità fil-pjanijiet nazzjonali li se jkunu ppreżentati fil-Kunsill Ewropew li jmiss tar-Rebbiegħa 2008;

Simplifikazzjoni tal-piż amministrattiv

5.  Jinnota li l-loġistika hi primarjament attività ta" negozju; jikkunsidra madankollu li l-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom rwol u jaġixxu bħala faċilitaturi speċjalment fejn għandu x'jaqsam it-titjib tal-qafas għal trasport tal-merkanzija multimodali;

6.  Jirrikonoxxi l-importanza ta" l-iżvilupp ta" ċentru amministrattiv li "jservi għal kollox" fis-settur sabiex tiżdied l-effiċjenza, titnaqqas il-burokrazija u jitnaqqsu l-ispejjeż;

7.  Jilqa" l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex teżamina d-dettalji u l-valur miżjud ta" l-istabbiliment ta" dokument wieħed tat-trasport, bħala mudell ta" l-UE, għaġ-ġarr kollu tal-merkanzjia, irrispettivament mill-mod ta' trasport użat; jikkunsidra madankollu, li dokument bħal dan għandu jipprovdi lill-impriżi ta' trasport b'ċertezza legali ċara u għandu jissostitwixxi n-numru kbir ta' dokumenti eżistenti tat-trasport;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika x-xogħol dwar l-issimplifikar tal-proċeduri tat-tbaħħir fuq distanzi qosra u li tagħmel il-kunċett tar-Rotot tal-Baħar aktar operabbli; jippromwovi wkoll proposti oħra għal passaġġi ta'l-ilma interni taħt l-inizjattiva NAIADES; jitlob biex jinħatar kordinatur Ewropew fil-futur qarib biex jittratta r-Rotot tal-Baħar, li huma inklużi fost il-proġetti ta' prijorità tan-Network Ewropew tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T);

9.  Jappoġġja d-diskussjoni mibdija mill-Kummissjoni, imħeġġa mill-Green Paper bit-titolu "Lejn politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra" (COM(2006)0275), rigward 'Spazju Marittimu Komuni Ewropew' futur, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fejn il-kabotaġġ intra-Komunitarju jieqaf jiġi trattat bħala trasport internazzjonali fuq perjodu medju;

Sistemi ta" trasport intelliġenti

10.  Innota l-importanza għal-loġistika ta" sistemi avvanzati ta" informazzjoni u ta" komunikazzjoni u l-iżvilupp ta" "trasport intelliġenti" speċjalment permezz ta" Galileo u inizjattivi oħra ta' l-UE, eż. SESAR (Sistema Ewropea ta' l-Immaniġġjar tat-Traffiku ta' l-Ajru), ERTMS (sistema Ewropea ta' senjalazzjoni tal-ferroviji), RIS (Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar), u SafeSeaNet, kif ukoll sistemi innovattivi ta" tiftix u ttraċċar;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) għat-titjib ta' l-effiċjenza tal-modi kollha tat-trasport u jemmen li l-użu ta' dawn is-sistemi għandu jiġu inkoraġġit bħala kwistjoni ta' prijorità fl-UE, waqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-interoperabilità sħiħa tagħhom u jiġi żgurat aċċess indaqs għal dawn is-sistemi, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-SMEs;

12.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata l-merkanzija-e (e-freight) bħala mezz biex titnaqqas il-burokrazija, biex jitħaffu l-proċeduri u biex tingħata l-opportunità li jiġi razjonalizzat u mnaqqas in-numru ta" formoli li jridu jimtlew, speċjalment fit-trasport ta" merkanzija transkonfinali;

13.  Jinsisti li sabiex l-ITS tkun taħdem bi sħiħ fuq livell ta" l-UE, huwa essenzjali li jkun hemm aktar kompatibilità u interoperabilità bejn sistemi qodma u ġodda;

14.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta" l-ITS jeħtieġ li jkun iffinanzjat kif suppost u appoġġjat mill-programmi xierqa tat-taħriġ, li fihom tingħata attenzjoni speċjali għall-iżgurar ta" aċċess sħiħ mill-SMEs;

Infrastrutturi u politika ta" Investiment

15.  Jiddeplora l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-iffinanzjar tat-TEN-T dwar l-iżvilupp tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu l-opportunità offruta mid-dibattitu għall-2008 u l-2009 dwar l-iffinanzjar tal-politiki ta" l-UE biex b'mod definittiv tiġi solvuta l-problema permanenti ta" nuqqas ta" ffinanzjar tal-Politika Komuni għat-Trasport, speċjalment fir-rigward tal-proġetti tat-TENs u ta" l-ITS; jipproponi li fid-deċiżjonijiet futuri ta' finanzjament tat-TEN-T jigi kkunsidrat il-valur mizjud tal-komponent ta' loġistika;

16.  Jitlob li jkun solvut urġentement it-tfixkil serju li għadu jeżisti għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-passiġġieri, tal-merkanzija u tas-servizzi minħabba n-nuqqas storiku ta' passaġġi adegwati f'zoni muntanjużi transkonfinali ewlenin, kif jiġri fl-Alpi u fil-Pirinej ċentrali, permezz ta' infrastrutturi komunitarji neċessarji (mina ferrovjarja f'livell baxx), li joffru alternattivi reali u aktar sostenibbli mil-lat modali għall-ftit passaġġi eżistenti, li huma konġestjonati għal kollox;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lir-rivitalizzazzjoni tal-linji ferrovjarji Ewropej, sabiex tiżdied il-kapaċità ta' tagħbija tal-merkanzija, biex tfassal u tiżviluppa sistema ferrovjarja ddedikata u biex tressaq inizjattivi mmirati li jiksbu dan, billi jiffukaw b'mod speċjali fuq kurituri transkonfinali u l-iżvilupp ta' ċentri inter-modali; bl-istess mod iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw din l-inizjattiva fuq livell nazzjonali;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li jkunu żviluppati infrastrutturi ko-modali u jkunu stabbiliti pjattaformi u installazzjonijiet ta' trasbord, speċjalment bejn rotot navigabbli u ferroviji, kif ukoll kumplessi industrijali b'infrastutturi għat-trasport ta' merkanzija lejn il-portijiet (dry ports) fl-intern ta' pajjiż, bl-għan tal-promozzjoni ta' loġistika interna Ewropea; bl-istess mod, huwa urġenti li tissaħħaħ, fost affarijiet oħra, ir-rabta bejn il-ferroviji u l-ajruporti bl-għan li tinżamm il-kapaċità u l-kompettività tal-qasam ta' l-ajru kemm fit-titjiriet intra-Kommunitarji kif ukoll dawk fuq distanzi twal barra l-UE, b'attenzjoni speċjali għall-merkanzija;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżġura d-disseminazzjoni ta" l-aħjar prattika fl-iffinanzjar tal-loġistika bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni, pereżempju inizjattivi varji li jużaw kofinanzjament privat-pubbliku, possibilitajiet u strumenti strutturali tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprova testendi soluzzjonijiet li attwalment għaddejjin minn żvilupp għall-proġetti ta' żmien medju u twil ta" l-UE, bħal Galileo, għal proġetti ta" infrastruttura oħrajn;

Taħriġ u attrazzjoni ta" professjonijiet tal-loġistika

20.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi t-taħriġ inkluż it-taħriġ tul il-ħajja bħala prijorità u jappoġġja proposta għall-iżvilupp ta' standards komuni għat-taħriġ u kriterji ta' referenza fuq bażi volontarja, kif ukoll rikonoxximent reċiproku ta" kapaċitajiet, għarfien u kompetenzi ta' l-istaff kollu involut fit-trasport u fil-loġistika;

21.  Jinsisti li n-nuqqas ta" persunal kwalifikat li hemm fil-loġistika f'kull livell u f'kull settur, jista" jingħeleb billi jiġi offrut taħriġ adegwat, u biex b'hekk tigi miżjuda l-attrazzjoni tal-professjoni;

Trasport urban

22.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta Green Paper dwar it-Trasport Urban u jitlob għall-inklużjoni ta" kapitolu dwar il-loġistika urbana b'enfasi partikulari fuq it-tixrid ta' l-aħjar prattika;

Standardizzazzjoni

23.  Jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet ta' l-istandards Ewropej biex jikkontribwixxu għall-elaborazzjoni ta' normi tekniċi standard għall-modi differenti ta' trasport u biex, fejn ikun pertinenti u possibbli, jinkorporaw bis-sħiħ fil-ħidma tagħhom id-dimensjoni loġistika intermodali, b'kont meħud ta' l-opinjoni tal-partijiet interessati kollha;

24.  Jitlob li jiġi ppreparat studju bir-reqqa mill-Kummissjoni dwar l-adegwatezza ta' standards ta' piżijiet u miżuri varji fis-settur tat-trasport tal-merkanzija fid-dawl tal-bidla teknoloġika u minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, wara konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet kollha involuti;

25.  Jinsisti li l-Pjan ta" Azzjoni għal-Loġistika għandu jappoġġja l-loġistika innovattiva, il-ko-modalità, u mobilità aktar sikura u sostenibbli; jipproponi l-Kummissjoni tippermetti biss l-użu ta' vetturi ta" merkanzija ta" 60 tunnellata għal ċertu rotot, fuq talba ta' Stat Membru, u biex isir fih; jikkunsidra li fl-evalwazzjoni ta' talbiet bħal dawn, trid tingħata attenzjoni, b'mod partikolari, lil fatturi bħal ma huma l-infrastrutturi eżistenti u l-kunsiderazzonijiet tas-sikurezza;

Sigurtà

26.  Jinnota li s-sigurtà tat-trasport hija tema li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tindirizza fil-Pjan ta" Azzjoni tagħha; jinsisti li l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu għandhom jiżguraw l-ogħla livell ta" sigurtà filwaqt li tiġi infurzata l-pożizzjoni ta" l-UE fuq livell internazzjonali; madankollu fl-istess ħin jenfasizza l-bżonn għal relazzjoni bilanċata bejn il-proċeduri ta' sigurta? u l-moviment ħieles ta' prodotti, punt li kien tqajjem ukoll mill-Kummissjoni;

27.  Jinnota li jista' jkun hemm il-każ li fir-rigward tas-sigurta? ta' tagħbija f'trasport ta' merkanzija, il-protezzjoni kontra serq u piraterija ma tiġix indirizzata b mod adegwat mill-Pjan ta' Azzjoni; jinsisti li għandhom jittieħdu azzjonijiet sabiex jiġġieldu kontra l-krimini organizzat, speċjalment f'żoni transkonfinali u fit-trasport internazzjonali ta' merkanzija li jinvolvi pajjiżi terzi;

Ippjanar

28.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fi ħdan il-qafas ġenerali tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE;

29.  Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqfu 'focal groups' sabiex jindirizzaw punti ta' konġestjoni, iżda jħeġġeġ li din l-attività ma tkunx limitata għall-modi ta' eżaminazzjoni separata u m' għandiex issir mingħajr opinjoni ġenerali żviluppata; jenfasizza f'dan il-kuntest li, l-istrateġiji ta' ġestjoni biex ikun promoss aktar l-użu ta' kapaċita? ta' flotta u l-użu mingħajr problemi ta' infrastruttura, joffru vantaġġi possibli konsiderevoli għal-loġistika tat-trasport sostenibbli tal-merkanzija;

30.  Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib u permanenti fost il-parteċipanti relevanti kollha fis-settur tat-trasport u tal-loġistika kemm fuq livelli nazzjonali u Ewropej biex, fost affarijiet oħra, jittrattaw l-eliminazzjoni prattika ta' punti ta' konġestjoni eżistenti;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddiskuti l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli futuri għall-problemi rigward il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa u f'forum annwali Ewropew ta' loġistika;

Statistika

32.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel progress mill-aktar fis possibbli fl-iżvilupp ta' database ta' statistika aġġornata u effiċjenti għal-loġistika ta' l-UE li tikkonċentra fuq data essenzjali u li tista' tintuża u ma tinvolvix sforzi mhux neċessarji min-naħa tal-parteċipanti kkonċernati u, biex meta tagħmel dan, tieħu ħsieb li ma timponix fuq l-industrija Ewropea rekwiżiti addizzjonali ta' rappurtar;

33.  Jitlob, b'mod partikolari, li jsir progress fit-twaqqif ta' sett komuni ta' miżuri ta' kejl u terminoloġija miftiehma għal skopijiet ta' statistika fl-Istati Membri kollha u biex tinġabar iktar informazzjoni dwar il-movimenti ta' kontejners;

34.  Jinsisti dwar l-importanza tal-moviment ħieles tal-merkanzija fil-Komunità, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tħeġġeġ implimentazzjoni xierqa u biex tinforza r-regolamenti u d-direttivi eżistenti;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P6_TA(2007)0040.
(2)2 Testi adottati, P6_TA(2007)0343.
(3)3 ĠU C 97, 28.4.2007, p. 16.

Avviż legali - Politika tal-privatezza