Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0351/2007

Dibattiti :

PV 25/09/2007 - 5
CRE 25/09/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 26/09/2007 - 6.4

Testi adottati :

P6_TA(2007)0412

Testi adottati
PDF 306kWORD 60k
L-Erbgħa, 26 ta' Settembru 2007 - Strasburgu
Ġugarelli perikolużi manifatturati fiċ-Ċina
P6_TA(2007)0412RC-B6-0351/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u b'mod partikolari tal-ġugarelli

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta" Mejju, 1988 dwar l-approssimazjoni tal-liġijiet ta" l-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli(1) (id-Direttiva dwar il-ġugarelli),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta" Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti(2),

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-kumitati xjentifiċi tal-Kummissjoni u d-diversi studji mwettqa mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tas-sikurezza tal-ġugarelli,

–   wara li kkunsidra l-ftehimiet internazzjonali eżistenti ma' pajjiżi terzi fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, speċjalment dik tal-ġugarelli,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi, f'Awissu u Settembru 2007, sensiela ta' ġbir lura volontarju u ta' volum kbir ta' ġugarelli li mhumiex sikuri u li huma ta' ħsara għas-saħħa, ħolqu tħassib pubbliku fl-UE,

B.   billi, dan il-ġbir lura ħoloq kuxjenza dwar il-problema li minkejja l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u sistema ta' sorveljanza tas-suq madwar l-UE, fl-UE għadhom qed jiġu mmanifatturati, importati u kummerċjalizzati prodotti li mhumiex sikuri,

C.   billi r-responsabilità għal livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur hija prijorità politika u soċjali, u hija f'id il-leġiżlatur li jrid jiżgura s-sikurezza tal-prodott fil-katina sħiħa ta' l-operaturi ekonomiċi (fornituri, manifatturi, importaturi),

D.   billi dan il-ġbir lura volontarju, sa ċertu punt, huwa dovut għal ġrieħi, u sa ċertu punt minħabba l-monitoraġġ ta' l-impriżi kkonċernati iżda mhux minħabba sorveljanza tas-suq effettiva; billi hemm tħassib serju li mhux il-manifatturi u l-importaturi kollha jaġixxu b'konformità mar-regoli;

E.   billi fl-2006 48% tal-prodotti li ġew identifikati bħala mhux sikuri oriġinaw miċ-Ċina, 21% mill-UE-25 u 17 % kienu ta' oriġini mhix identifikata; billi 24% tal-prodotti kollha li ġew identifikati li mhumiex sikuri huma ġugarelli tat-tfal, billi persentaġġ għoli ħafna tal-ġugarelli kkummerċjalizzati fl-UE jiġu miċ-Ċina;

F.   billi l-ġbir lura ta' ġugarelli mhux sikuri huwa ġġustifikat għall-aħħar, iżda huwa biss mezz ta' l-aħħar rikors li ma jipprovdix ħarsien effettiv tal-konsumatur, peress li apparti l-fatt li spiss iseħħ tard wisq, ir-rata ta' ġbir lura ta' ġugarelli hija baxxa ħafna, li tfisser li l-biċċa l-kbira ferm tal-ġugarelli mhux sikuri normalment jibqgħu għand il-konsumaturi,

G.   billi s-superviżjoni tas-swieq u tad-dħul fl-UE u l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti difettużi huma r-responsabilità ta' l-Istati Membri,

H.   billi l-Kummissjoni ressqet proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għall-promozzjoni tal-prodotti (COM(2007)0053) u proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti (COM(2007)0037),

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-azzjoni leġiżlattiva u amministrattiva meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li l-prodotti li jaslu għand il-konsumatur li huma kummerċjalizzati fl-UE mhux biss jissodisfaw b'mod sħiħ l-istandards eżistenti ta' l-UE iżda wkoll ma jqiegħdux f'riskju s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi;

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta r-reviżjoni ppjanata tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli sa l-aħħar ta' l-2007, filwaqt li tassikura li id-direttiva riveduta ikun fiha rekwiżiti effiċjenti u effettivi għas-sikurezza tal-prodotti; billi s-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur għandom irwol importanti fid-Direttiva dwar il-Ġugarelli, huwa tal-fehma li hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet ħafna iżjed ċari biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodotti u biex, fil-konsumaturi, titnissel fiduċja li dawn ikunu jistgħu jintużaw b'mod sikur;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli biex issegwi approċċ li fih, miżuri ta' implimentazzjoni speċifiċi tar-rekwiżiti ewlenin jiġu adottati fil-komitoloġija permezz tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, u b'hekk il-Parlament jingħata ċertu livell ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet għas-sikurezza tal-ġugarelli;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli, tipproponi projbizzjonijiet mingħajr kundizzjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi ta' ħsara, bħalma huma s-sustanzi kollha li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni fil-kategoriji 1, 2 jew 3, u ta' sustanzi oħra tossiċi ta' kontenut għoli simili, bħalma huma s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, is-sensitizzaturi u l-fwejjaħ;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-miżuri ta' infurzar tad-Direttiva dwar il-Ġugarelli, inklużi billi jiġu provduti sanzjonijiet effettivi f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

Kontroll tal-marka CE u ta' marki oħra

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-marka CE tkun garanzija ta' konformità mal-leġiżlazzjoni teknika ta' l-UE, u jenfasizza li l-marka CE, minħabba n-natura awto-regolatorja tagħha, qatt ma kienet intenzjonata sabiex tkun marka ta' sikurezza ta' l-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-valur miżjud li jkun hemm b'riżultat tal-ħolqien ta' Tikketta Ewropea għas-Sikurezza tal-Konsumatur, li tikkumplimenta l-marka CE, li għandha tintuża mill-operaturi ekonomiċi kollha, li tgħin lill-konsumatur sabiex jagħmel għażla infurmata bejn prodotti differenti;

8.  Jenfasizza li din it-Tikketta Ewropea għas-Sikurezza tal-Konsumatur għandha tkun volontarja u, meta tiġi adottata minn manifattur, għandha tieħu post it-tikketti nazzjonali kollha ta" sikurezza;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni bis-saħħa kollha, flimkien ma' l-Istati Membri, sabiex tiddefendi d-drittijiet tal-konsumaturi kull fejn hemm evidenza ta' imġiba qarrieqa u/jew ta' marki ta' l-oriġini qarrieqa jew li jiżgwidaw minn manifatturi jew importaturi barranin;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu kredibilità b'saħħitha għall-marka CE leġiżlattivi permezz ta' l-adozzjoni minn kmieni tal-proposti leġiżlattivi għal kontroll iżjed b'saħħtu u għal sorveljanza aktar b'saħħitha tas-suq, sostnuti minn sorveljanza xierqa tad-dwana u mekkaniżmi ta' infurzar;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika r-responsabilità tal-produtturi u ta" l-importaturi fil-każ ta" użu ħażin tal-marka CE; iqis li għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet xierqa għall-użu ħażin; jitlob li l-użu ħażin ta' marki voluntarji oħra jsiru wkoll suġġetti għal sanzjonijiet;

Is-Sistema RAPEX

12.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-effettività tas-Sistema Komunitarja tat-Tagħrif Imħaffef (sistema RAPEX) sabiex tiżgura li l-Istati Membri ikunu jistgħu jidentifikaw l-ogħla numru possibbli ta' prodotti li mhumiex sikuri sabiex jiġu żgurati l-irtirar u l-ġbir lura tagħhom mis-suq;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fis-sistema tar-RAPEX tinkludi l-monitoraġġ u r-rappurtar sabiex ikun jista' jsir kejl ta' l-effettività tal-ġbir lura ta' prodotti;

It-traċċabilità ta' prodotti u miżuri kontra l-iffalsifikar

14.  Iqis li l-konsumaturi huma intitolati li jkunu jafu l-oriġini tal-prodotti impurtati fl-UE u li l-awtoritajiet tas-sorveljanza għandu jkollhom l-informazzjoni xierqa biex biha jittraċċaw is-sors tal-prodotti;

15.  Jistieden lill-Kunsill sabiex taqbel mingħajr dewmien mal-proposta attwali tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini ta' ċerti prodotti impurtati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661);

16.  Jinnota t-theddida dejjem tikber għas-sikurezza tal-konsumatur ikkawżata minn prodotti foloz u jistiden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni transkonfinali sabiex jikkontrollaw u jeqirdu l-importazzjoni ta' prodotti foloz;

Projbizzjoni ta' importazzjonijiet ta' prodotti perikolużi għall-konsumaturi

17.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika l-proċedura għall-projbizzjoni ta' importazzjonijiet, skond kull każ individwali, meta l-istandards ta' sikurezza ma jintlaħqux fuq bażi regolari;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-poteri tagħha biex tipprojbixxi mis-suq prodotti għall-konsumaturi jekk jinstab li l-prodotti kkonċernati ma jkunux sikuri;

Koperazzjoni maċ-Ċina u ma' pajjiżi terzi oħra

19.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni ma' l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiżi terzi li huma esportaturi ewlenin ta' prodotti għall-konsumaturi fl-UE, u b'mod partikolari ma' l-Amministrazzjoni Ġenerali Ċiniża tas-Sorveljanza tal-Kwalità, ta' l-Ispezzjoni u tal-Kwarantina (AQSIQ), b'mod partikolari billi tingħata għajnuna teknika sabiex jiġu implimentati regoli tas-saħħa u tas-sikurezza u biex titjieb il-koperazzjoni doganali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi assistenza teknika lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi sabiex dawn jiżguraw l-implimentazzjoni tar-regoli ta' saħħa u ta' sikurezza fil-katina kollha tal-produzzjoni, kif ukoll sabiex jitjiebu l-ispezzjonijiet u l-koperazzjoni doganali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkjarifika l-politika attwali tagħha għall-kummerċ li b'mod ġenerali tkopri l-prodotti li jistgħu jkunu perikolużi, b'mod partikolari l-ġugarelli u t-tessuti, u sabiex il-Kummissjoni tiċċara kif qed taħseb li tiżgura konsistenza bejn l-applikazzjoni ristrettiva tar-regoli attwali u l-bżonn kostrinġenti li tiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkollhom prodotti sikuri;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi standards komuni ta' saħħa u sikurezza fin-negozjati tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni u tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles u sabiex tistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw li dawn l-istandards jitħarsu;

23.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw b'mod attiv ma' l-imsieħba kummerċjali kollha fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq u s-sikurezza tal-prodotti; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) sabiex jinkludi dawn il-kwistjonijiet fil-lista ta' materji għad-diskussjoni;

L-irwol ta' l-Istati Membri

24.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw infurzar strett tal-liġiijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti, b'mod partikolari tal-liġi dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, u sabiex iżidu l-isforzi biex titjieb is-sorveljanza tas-suq u speċjalment l-ispezzjonijiet nazzjonali;

25.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu disponibbli biżżejjed riżorsi sabiex ikunu jistgħu jwettqu kontrolli komprensivi u effettivi; jistieden lill-Istati Membri sabiex isegwu b'mod attiv l-indikazzjonijiet kollha dwar prodotti difettużi inkluż l-ittestjar ta' prodotti suxxettibbli għall-konsumatur;

26.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex, b'konformità mal-liġi Komunitarja, jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi kollha legali possibbli li huma disponibbli għalihom li jiżguraw li jkun evitat li ġugarelli li ma jilħqux l-istandards u ġugarelli li mhumiex sikuri, ma jitpoġġewx fis-suq jew inkella jitneħħew mis-suq jew jinġabru lura mill-manifatturi;

27.   Jitlob lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.20070926-P6_TA(2007)0412_MT-p000000220070926-P6_TA(2007)0412_MT-p000000320070926-P6_TA(2007)0412_MT-p000000420070926-P6_TA(2007)0412_MT-p000000520070926-P6_TA(2007)0412_MT-p0000006

(1) ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1.
(2) ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza