Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2169(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0351/2007

Testi mressqa :

A6-0351/2007

Dibattiti :

PV 10/10/2007 - 17
CRE 10/10/2007 - 17

Votazzjonijiet :

PV 11/10/2007 - 6.6
CRE 11/10/2007 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0429

Testi adottati
PDF 314kWORD 87k
Il-Ħamis, 11 ta' Ottubru 2007 - Brussell
Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
P6_TA(2007)0429A6-0351/2007
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (2007/2169(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar it-tlaqqigħ ta' Konferenza Intergovernattiva (IGC): l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48 tat-Trattat UE)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu I-20(2), tat-Trattat tad-29 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u l-Protokoll 34 għal dak it-Trattat(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 1, punt 15, ta' l-abbozz tat-Trattat li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (trattat li jemenda)(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0351/2007),

A.   billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa' fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 stieden lill-Parlament Ewropew sabiex jippreżenta sa Ottubru 2007 abbozz ta' inizjattiva għal deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni fil-ġejjieni tal-Parlament Ewropew, kif stabbilit fil-Protokoll 34, miftiehem fil-Konferenza Intergovernattiva ta' l-2004,

B.   billi d-distribuzzjoni tas-siġġijiet għal-leġiżlatura 2009-2014 hija attwalment stabbilita fl-Artikolu 9, paragrafu 2, ta' l-Att tal-25 ta' April 2005 dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u fl-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea,

C.   billi l-abbozz tat-trattat li jemenda jipproponi li jiġi emendat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-Artikolu (9A) ġdid), sabiex tinħoloq proċedura ġdida għad-definizzjoni tal-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew li taħtha ikun hemm limitu ġenerali ta' 750 siġġu, b'massimu għal kull Stat Membru ta' 96 siġġu u minimu ta' 6 siġġijiet, u l-prinċipju ta' "proporzjonalità digressiva",

D.   billi l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva mhux definit fit-Trattat u li dan il-prinċipju għandu jkun ippreċiżata b'mod ċar u oġġettiv, b'mod li jservi ta' linja gwida għal kwalunkwe distrubzzjoni mill-ġdid tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew,

E.   billi l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, bħala prinċipju mħaddan fil-leġizlazzjoni primarja u kif definit f'din ir-riżoluzzjoni, iservi ta' parametru għal evalwazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni meħuda mill-istituzzjonijiet kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew hix konformi mar-regoli applikabbli,

F.   billi kwalunkwe vjolazzjoni ta' dak il-prinċipju tista' tkun sanzjonata mill-Qorti tal-Ġustizzja,

G.   billi fiċ-ċirkustanzi attwali, huwa importanti li jkun żgurat li l-ebda Stat Membru ma jkun obbligat jaċċetta aktar tnaqqis fin-numru ta' siġġijiet bħala riżultat ta' l-aħħar tkabbir,

H.   billi f'dan l-istadju mhux xieraq li jiġi kkunsidrat l-impatt ta' tkabbiriet fil-ġejjieni, li ma jistgħux jiġu evalwati minn qabel u li tagħhom ikun possibbli li jitqiesu l-konsegwenzi fl-atti ta' adeżjoni relatati magħhom permezz ta' żieda temporanja tal-limitu massimu ta' 750 siġġu, kif kien sar fi żmien l-aħħar tkabbir,

I.   billi sistema ċara, li tinftiehem u trasparenti għandha tkun applikabbli anke għall-bidliet fil-ġejjieni fid-daqs tal-popolazzjonijiet ta' l-Istati Membri mingħajr il-bżonn ta' negozjati sostanzjali ġodda,

J.   billi tkun meħtieġa sistema ġusta, li tinftiehem u sostenibbli tad-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew biex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tar-rappreżentanza popolari u billi tali sistema tkun kundizzjoni sabiex il-Parlament iwettaq l-irwol tiegħu u jieħu sehem fil-proċess ta' formulazzjoni ta' l-opinjoni Ewropea u fil-proċess leġiżlattiv Ewropew,

K.   billi n-numru attwali ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew jagħmel mhux biss xieraq imma wkoll ġustifikabbli li n-numru ta' siġġijiet li għandu jiġi deċiż għall-Parlament li se jkun elett fl-2009 għandu jfisser tranżizzjoni mis-sitwazzjoni preżenti għal dik li tirriżulta minn sistema aktar stabbli bbażata fuq il-proporzjonalità digressiva,

1.  Jixtieq, bħall-Kunsill Ewropew, li tintlaħaq minnufih ftehima politika li tippermetti l-adattament tal-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew skond il-formolazzjoni u l-ispirtu tat-trattat il-ġdid, u sabiex dik il-ftehima tiġi fformalizzata minnufih wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat il-ġdid fi żmien biżżejjed qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta' l-2009;

2.  Iqis li d-definizzjoni ta' kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew li hija eqreb lejn ir-realità demografika u tirrifletti aħjar iċ-ċittadianza Ewropea, issaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Parlament Ewropew fil-mument meta hu għandu jwettaq ir-responsabbilitajiet il-ġodda mogħtija lilu mit-trattat il-ġdid;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew kif stabbilita fl-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija għandha, fi kwalunkwe każ, tkun emendata minnufih wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat li jemenda;

4.  Jiġbed l-attenzjoni li l-Artikolu 9A tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif inkorporat fl-abbozz tat-trattat li jemenda, jistabbilixxi qafas li jinkludi limitu massimu ġenerali ta' 750 siġġu, b'massimu ta' 96 siġġu għall-Istat li jkollu l-ikbar popolazzjoni u b'minimu ta' 6 siġġijiet għall-Istat li jkollu l-iżgħar popolazzjoni u jistabbilixxi l-prinċipju ta' rappreżentanza taċ-ċittadini Ewropej skond il-proporzjonalità digressiva, mingħajr ma jiddefinixxi dak it-terminu b'mod aktar preċiż;

5.  Josserva li l-qafas ta' l-Artikolu 9A jippermetti li jkunu kkombinati l-prinċipju ta' l-effiċjenza, billi jiġi impost limitu massimu fuq in-numru ta' Membri f'livell li għadu kompatibbli ma' l-irwol ta' l-assemblea leġiżlattiva, il-prinċipju tal- pluralità, billi jkun possibbli li l-kostitwenti ewlenin ta' l-ispettru ta' l-opinjoni politika f'kull Stat Membru - partikolarment il-maġġoranza u l-oppożizzjoni - ikunu rappreżentati u l-prinċipju ta' solidarjetà, fejn l-Istati li għandhom l-ikbar popolazzjonijiet jilħqu ftehim li jkunu rappreżentati inqas sabiex ikun possibbli li l-istati li jkollhom l-iżgħar popolazzjonijiet ikunu rappreżentati aħjar;

6.  Iqis li l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva jfisser li l-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta' siġġijiet ta' kull Stat Membru għandu jvarja skond il-popolazzjoni rispettiva tiegħu, b'tali mod li kull Membru Parlamentari ta' Stat Membru b'popolazzjoni kbira jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru Parlamentari ta' Stat b'popolazzjoni żgħira u bil-maqlub, iżda wkoll li kull Stat Membru li għandu popolazzjoni żgħira ma jkollux aktar siġġijiet minn Stat Membru li għandu popolazzjoni kbira;

7.  Jenfasizza, fl-isfond ta' l-armonizzazzjoni insuffiċjenti attwali tal-kunċett ta' ċittadinanza bejn l-Istati Membri, li, fir-rigward tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru, għandha ssir riferenza għaċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika ta' l-Unjoni Ewropea (Eurostat), li huma dawk aċċettati mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea meta jkun jeħtieġlu jivverifika l-persentaġġ tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni, fil-każ li tkun se tittieħed deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata.

8.  Iqis xieraq li ma jiġi propost għall-ebda Stat Membru, f'dan il-mument tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, tnaqqis fin-numru ta' siġġijiet assenjati lilu mit-Trattat ta' adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, b'eċċezzjoni għat-tnaqqis fin-numru ta' siġġijiet ta' l-Istat Membru l-aktar popolat, il-Ġermanja, minn 99 siġġu għal 96 siġġu, liema tnaqqis huwa stabbilit fil-mandat tat-trattat li jemenda;

9.  Iqis barra minn hekk, li fil-kundizzjonijiet attwali, m'hemmx lok għat-tnaqqis tan-numru ta' siġġijiet tal-Parlament Ewropew u, għalhekk, tar-rappreżentanza taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl ta' tkabbiriet fil-ġejjieni, li d-dati tagħhom għadhom m'humiex prevedibbli;

10.  Jipproponi għalhekk li t-tqassim tas-siġġijiet tal-Parlament Ewropew fil-ġejjieni jkun ibbażat fuq 750 Membru, u jqis li l-adeżjonijiet fil-ġejjieni jistgħu joħolqu l-possibilità li dan il-limitu massimu jinqabeż proviżorjament sat-tmiem tal-leġiżlatura, kif ġara fil-każ ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u wara jkun hemm reviżjoni globali tat-tqassim tas-siġġijiet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew wara t-tkabbir;

11.  Ifakkar li n-nuqqas ta" rispett għall-prinċipju tal-proporzjonalità digressiva, kif definit f'din ir-riżoluzzjoni, jista' fil-ġejjieni jkun sanzjonat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-att li jiddefinixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, isir att ta' dritt derivat li jrid jirrispetta l-limiti u l-prinċipji stabbiliti fit-trattat;

12.  Jitlob lill-Konferenza Intergovernattiva biex tinkludi f'dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 9 A, paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-abbozz tat-trattat li jemenda - liema dikjarazzjoni għandha tkun annessa mal-konklużjonijiet ta' l-imsemmija Konferenza - l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, liema abbozz huwa anness ma' din ir-riżoluzzjoni bħala l-Anness 1, filwaqt li huwa mifhum li l-adozzjoni formali tagħha skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 A, paragrafu 2, fuq imsemmi, isseħħ minnufih wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat li jemenda; jimpenja ruħu, minn naħa tiegħu, li jieħu azzjoni mingħajr dewmien meta jidħol fis-seħħ it-trattat li jemenda; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jimplimenta d-dikjarazzjoni msemmija hekk kif jidħol fis-seħħ it-trattat li jemenda u skond id-dispożizzjonijiet tiegħu biex ikun possibbli li l-Istati Membri jieħdu d-dispożizzjonijiet interni meħtieġa fi żmien biżżejjed qabel għall-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura 2009-2014;

13.  Jinsisti li r-reviżjoni prevista fl-Artikolu 3 ta' l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tkun sfruttata għar-riċerka dwar il-fattibilità teknika u politika li jitqies mhux in-numru ta" abitanti kif stabbilit kull sena mill-Eurostat, iżda n-numru ta" ċittadini Ewropej; għal dak il-għan, jistieden lir-rappreżentanti tiegħu fil-Konferenza Intergovernattiva biex jgħaddu lill-Konferenza l-abbozz ta' Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 2 ta' l-abbozz ta' Protokoll Nru 10 dwar id-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni (Titolu I: Dispożizzjonijiet dwar il-Parlament Ewropew), kif stipulat fl-Anness 2 ma' din ir-riżoluzzjoni, u jistieden lill-Konferenza biex tehmeż dik id-Dikjarazzjoni ma' l-Att Finali tagħha;

14.  Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rabta politika li teżisti bejn id-distribuzzjoni l-ġdida proposta tas-siġġijiet skond il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva u r-riforma ġenerali għall-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, b'mod partikolari l-prinċipju ta' maġġoranza doppja għad-determinazzjoni tal-maġġoranza fil-Kunsill (Artikolu 9 C, paragrafu 4, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-abbozz tat-trattat li jemenda) u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni (Artikolu 9D, paragrafu 5, tat-trattat imsemmi), u jenfasizza kemm huwa importanti li dawn ir-riformi jkunu koerenti filwaqt li fl-istess ħin jirrikonoxxi n-natura ġuridika speċifika ta' kull istituzzjoni; iqis li jekk ir-riforma tal-votazzjoni bil-maġġoranza fil-Kunsill u tal-kompożizzjoni tal-Kummissjoni ma tidħolx fis-seħħ qabel l-2014, it-tqassim ġdid tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandu jidħol fis-seħħ fl-2009; jirriserva d-dritt madanakollu li tkun evalwata l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew b'konformità ma' l-Artikolu 9A tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar it-tqassim ġdid tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew fid-dawl tar-riformi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni kif stabbiliti fit-trattat li jemenda;

15.  Jinsab konxju tal-fatt li l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew kif proposta hija applikazzjoni oġġettiva tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-abbozz tat-trattat li jemenda, iżda fil-ġejjieni din ser tkun teħtieġ aġġustament sabiex tkun tista' tlaħħaq ma' l-isfidi ġodda li jinqalgħu fit-tul ta' żmien, b'mod partikulari waqt adeżjonijiet fil-ġejjieni; iqis li, fil-kuntest ta' din ir-riforma fil-ġejjieni, kwalunkwe inugwaljanzi li jkunu qamu minħabba raġunijiet storiċi għandhom fi kwalunkwe każ ikunu ikkoreġuti;

16.  Jipproponi lill-Kunsill Ewropew biex jeżamina fi żmien biżżejjed qabel kull elezzjoni ġdida għall-Parlament Ewropew, flimkien mal-Parlament Ewropew, id-daqs tal-popolazzjoni biex jiġi stabbilit il-bażi tal-kalkolu;

17.  Jipproponi f'dan ir-rigward li tkun studjata l-possibilità li jiġu eletti numru ta' Membri Parlamentari Ewropej minn fuq listi transnazzjonali; iqis li dan jista' jikkontribwixxi sabiex tingħata dimensjoni verament Ewropea għad-dibattitu elettorali, b'mod partikolari billi l-partiti politiċi Ewropej jiġu fdati b' irwol ċentrali;

18.  Josserva li din il-proposta hija direttament marbuta mad-dħul fis-seħħ tat-trattat li jemenda; iqis li, fil-każ fejn ir-ratifiakzzjoni ta' dan it-trattat ma tkunx tista' tiġi konkluża b'suċċess qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' l-2009, għandu jibqa' fis-seħħ it-tqassim tas-siġġijiet kif stabbilit fit-Trattati attwali;

19.  Jitlob lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport fuq imsemmi mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu lill-konferenza intergovernattiva, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2007)0328.
(2) ĠU C 310 tas-16.12.2004, p. 1.
(3) 11177/1/07 REV 1.
(4) CIG 1/1/07 tal-5 ta' Ottubru 2007.


ANNESS 1

Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

IL-KUNSILL EWROPEW,

wara li kkunsidra l-Artikolu [9 A], paragrafu 2, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)  Ikun xieraq li d-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu [9 A], paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tkun adottata mingħajr dewmien, sabiex tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu d-dispożizzjonijiet interni meħtieġa għaż-żamma ta' l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura 2009-2014.

(2)  Din id-Deċiżjoni għandha tirrispetta l-kriterji definiti fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu ta' l-istess Artikolu, jiġifieri numru totali ta' rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea li ma jisboqx 750 Membru, liema rappreżentanza għandha tkun żgurata permezz ta' sistema proporzjonali digressiva, b'numru minimu ta' 6 siġġijiet għal kull Stat Membru filwaqt li l-ebda Stat Membru ma jista' jkun allokat iktar minn 96 siġġu.

(3)  F'dan l-istadju huwa mixtieq li ma jiġix ikkunsidrat l-impatt ta' tkabbiriet possibbli fil-ġejjieni, li fl-Atti ta' adeżjoni korrispondenti, jista' jirriżulta filli l-limitu massimu ta' 750 Membru Parlamentari jiġi misbuq b'mod temporanju, li kienet il-proċedura adottata fi żmien l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, stabbilit fl-Artikolu [9 A] tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jkun applikat kif ġej:

   - in-numru minimu u massimu stabbilit mit-Trattat għandu jkun użat b'mod sħiħ, biex ikun żgurat li l-allokazzjoni ta' siġġijiet tal-Parlament Ewropew tirriflett kemm jista' jkun possibbli, il-firxa ta' popolazzjonijiet ta' l-Istati Membri;
   - ikbar ma tkun il-popolazzjoni ta' Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal numru akbar ta' siġġijiet;
   - ikbar ma tkun il-popolazzjoni ta' Stat Membru, ikbar ikun in-numru ta' abitanti li kull Membru Parlamentari Ewropew jirrappreżenta.

Artikolu 2

Skond l-Artikolu 1, in-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru huwa stabbilit kif ġej, b'effett mill-bidu tal-leġiżlatura 2009-2014:

Il-Belġju

22

Il-Bulgarija

18

Ir-Repubblika Ċeka

22

Id-Danimarka

13

Il-Ġermanja

96

L-Estonja

6

Il-Greċja

22

Spanja

54

Franza

74

L-Irlanda

12

L-Italja

72

Ċipru

6

Il-Latvja

9

Il-Litwanja

12

Il-Lussemburgu

6

L-Ungerija

22

Malta

6

L-Olanda

26

L-Awstrija

19

Il-Polonja

51

Il-Portugal

22

Ir-Rumanija

33

Is-Slovenja

8

Is-Slovakja

13

Il-Finlandja

13

L-Iżvezja

20

Ir-Renju Unit

73

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tkun riveduta fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-leġiżlatura 2014-2019 bil-għan li fil-ġejjieni jkun possibbli qabel kull elezzjoni ġdida għall-Parlament Ewropew li jerġgħu jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b'mod oġġettiv u bbażat fuq il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva kif stabbilit fl-Artikolu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għaż-żieda eventwali tan-numru tagħhom u ta' l-iżviluppi demografiċi .

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fil-jum li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Magħmul fi Brussell, nhar …

Għall-Kunsill

Il–President


ANNESS 2

ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI DWAR L-ARTIKOLU 2 GĦALL-PROTOKOLL NRU 10 DWAR DISPOŻIZZJONIJIET TA' TRANŻIZZJONI (TITOLU 1: DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARLIAMENT EWROPEW)

Bla ħsara għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-leġiżlatura 2009-2014, il-Konferenza tistieden lill-Parlament biex, skond l-Artikolu 190(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta" l-Unjoni Ewropea, iħejji proposta bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex il-membri tiegħu jiġu eletti b'vot universali dirett li b'mod aktar preċiż tiddefinixxi t-terminu "ċittadini" kif inhu stipulat fl-Artikolu 9A, paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din il-proposta għandha titfassal fi żmien utli qabel l-elezzjonijiet li jmiss fl-2014.

Avviż legali - Politika tal-privatezza