Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar it-talba għal konsultazzjoni dwar l-immunità u l-privileġġi ta' Gian Paolo Gobbo (2007/2014(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba magħmula mill-Imħallef fis-smigħ preliminari quddiem il-Qorti Distrettwali ta' Verona (l-Italja) għal konsultazzjoni dwar l-immunità parlamentari ta' Gian Paolo Gobbo, b'konnessjoni mal-proċedura kriminali Nru. 81/96 R.G.N.R, mħabbra fis-seduta plenarja tat-18 ta' Jannar 2007,
– wara li sema' lil Gian Paolo Gobbo skond l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, u l-Artikolu 6(2) ta' l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, ta' l-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u ta' l-10 ta' Lulju 1986(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Liġi Taljana Nru. 140 ta' l-20 ta' Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(1) u 7(13) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0367/2007),
A. billi Gian Paolo Gobbo huwa membru tal-Parlament Ewropew u l-kredenzjali tiegħu ġew ivverifikati mill-Parlament fil-15 ta' Jannar 2007,
B. B billi s-Sur Gobbo huwa mixli - flimkien ma' ħafna persuni oħra, li wħud minnhom ġew identifikati u oħrajn le - bir-reat li ppromwova, waqqaf, mexxa u pparteċipa f'assoċjazzjoni parlamentari b'objettivi politiċi, bl-isem ta' "Greenshirts",
C. billi, skond l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Taljan, l-għan tal-Greenshirts kien li jwaqqfu korp organizzat b'ġerarkija mħarreġ biex jieħu azzjoni kollettiva ta' natura vjolenti jew ta' theddid u ntuża biex ibeżża' kwalunkwe membri tal-moviment li kienu kontra d-direttivi politiċi maħruġa mill-mexxejja tiegħu u jżommhom milli jidħlu fi djalogu fi ħdan il-moviment, u b'hekk jgħin biex tiġi imponuta linja politika definittiva fuq il-moviment 'Lega Nord' billi tissikket kwalunkwe espressjoni ta' nuqqas ta' qbil magħha,
D. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jagħti biss lill-Membri protezzjoni sħiħa mill-proċeduri legali fir-rigward ta' opinjonijiet espressi u voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom,
E. billi l-parteċipazzjoni f'assoċjazzjoni uniformi bi stil kważi militari li tidher li tat l-impressjoni li se tfittex li tilħaq l-objettivi tagħha permezz ta' użu potenzjali jew attwali ta' forza hija b'mod ċar kontradittorja u inkompatibbli ma' l-irwol u r-responsabbilitajiet li jġib miegħu mandat parlamentari u għalhekk ma jistax ikunu meqjus bħala eżerċizzju liberu tal-libertà tal-kelma jew b'mod ġenerali, bħala qadi normali tad-dmirijiet ta' membri li jagħmlu parti minn assemblea eletta li tirrappreżenta ċ-ċittadini,
F. billi, skond l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, li hija l-unika dispożizzjoni applikabbli, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri jgawdu, fit-territorju ta' l-Istat tagħhom, mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament Nazzjonali tagħhom; billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,
G. G billi skond l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-membri tal-Parlament Taljan ma jgawdux minn immunità fir-rigward ta' proċeduri kriminali, ħlief fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, li mhux il-każ fl-istanza attwali;
1. Jikkunsidra li l-immunità parlamentari fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġu u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u, sa fejn huwa relevanti, l-Artikolu 68, l-ewwel subparagrafu, tal-Kostituzzjoni Taljana ma jkoprix il-fatti allegati kontra s-Sur Gian Paolo Gobbo, u għalhekk jiddeċidi li ma jiddifendix l-immunità u l-privileġġi tiegħu;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-rappor tal-kumitat responsabbli, immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana.