Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0291/2007

Testi mressqa :

A6-0291/2007

Dibattiti :

PV 22/10/2007 - 14
CRE 22/10/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2007 - 8.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0467

Testi adottati
PDF 319kWORD 83k
L-Erbgħa, 24 ta' Ottubru 2007 - Strasburgu
Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi
P6_TA(2007)0467A6-0291/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-24 ta' Ottubru 2007 dwar Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (2007/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: "Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi" (COM(2006)0372),

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni għall-Ambjent(1),

-   wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-twaqqif ta' qafas għall-Azzjoni Komunitarja sabiex jintlaħaq użu sostenibbli tal-pestiċidi (COM(2006)0373),

-   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (COM(2006)0388),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika dwar il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (COM(2006)0778),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tat-Trattat,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tat-Trattat, li bis-saħħa tiegħu l-ħarsien ta' l-ambjent irid ikun integrat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità b'mod partikulari bil-ħsieb li jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli,

-   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fl-ikel jew fuq l-ikel u fl-għalf jew fuq l-għalf liema ikel jew għalf joriġina minn pjanti jew annimali(2),

-   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li twaqqaf qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma(3) ('Direttiva qafas dwar il-politika ta'l-ilma'), id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-konsum mill-bniedem(4), id-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta' Ġunju 1975 rigward il-kwalità meħtieġa ta' l-ilma tal-wiċċ maħsub għall-astrazzjoni għall-ilma għax-xorb fl-Istati Membri(5), u d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorazzjoni(6),

-   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 rigward ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Kimiċi (REACH) u t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-Kimiċi(7) u d-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-klassifikazzjoni, l-ippakkettar u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi sabiex jaddattawha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006(8),

–   wara li kkusidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbilità ambjentali rigward il-prevenzjoni u t-tiswija tad-dannu ambjentali(9), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-ambjenti naturali u ta' fawna u flora selvaġġi(10), u d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tat-tjur selvaġġi(11),

-   wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni u tal-Ministeri Olandiżi tad-Djar, l-Ippjanar ta' l-Ispazji u l-Ambjent, u ta' l-Agrikoltura, l-Immanniġġar tan-Natura u s-Sajd bit-titlu "Possibilitajiet għal Politika Ambjentali futura ta' l-UE dwar Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti" (1997),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali (A6-0291/2007),

A.   billi l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) fl-UE bejn l-1992 u l-2003 baqa' sinifikanti u għadu ma naqasx minkejja l-politiki proattivi segwiti b'suċċess minn uħud mill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-użu tal-pestiċidi fl-irziezet,

B.   billi għadhom jinstabu ammonti mhux mixtieqa ta' ċertu pestiċidi fl-ambjent, partikularment fil-ħamrija u fl-ilma; billi residwi f'valuri li jaqbżu l-limitu regolamentarju għadhom jinstabu fil-prodotti agrikoli,

C.   billi, minkejja li ma jistgħux jinċaħdu l-benefiċċji li joħorġu mill-użu tal-pestiċidi u l-irwol li għandhom fl-iżgurar ta' produzzjoni agrikola kompetittiva u sostenibbli, il-pubbliku ġenerali għandu jkun infurmat aħjar dwar il-possibilità ta' riskji għas-saħħa u ambjentali u dwar l-effetti tagħhom, fil-qosor u fit-tul, relatati ma' l-użu tagħhom;

D.   billi l-użu kontinwu ta' pestiċidi għandu jkun possibbli biss jekk il-prinċipju ta' prekawzjoni jinżamm kemm fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem u kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ekosistema ta' l-ilma u ta' l-art; billi dan ifisser li l-pestiċidi m'għandhomx jintużaw qabel ma jkunu saru l-istudji kollha dwar l-impatti fuq is-saħħa u l-ambjent; u billi t-tqabbil tad-data u ta' l-aqwa prattiki għat-tnaqqis ta' l-użu fl-Istati Membri differenti għandu jkun inkoraġġit u jitqies bħala punt ta' riferenza,

E.   billi hemm in-nuqqas ta' sistema trasparenti għar-rappurtaġġ u l-immonitorjar ta' l-użu tal-pestiċidi u tal-livelli tar-residwi fil-prodotti, inkluż l-iżvilupp ta' indikaturi xierqa;

1.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm qafas legali Ewropew fil-qasam ta' l-użu tal-pestiċidi peress li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma wrietx li hija biżżejjed sabiex tikseb il-prevenzjoni tal-perikli u tar-riskji għall-ħajja u l-ambjent li jippreżenta l-użu tal-pestiċidi;

2.  Jikkunsidra li huwa imporanti li tkun adottata leġiżlazzjoni bbażata fuq approċċ aktar iffukat b'mod sod fuq it-tnaqqis ta' l-użu tal-pestiċidi u aktar ambizzjuż f'termini ta' prestazjoni ambjentali permezz ta' l-għoti ta' appoġġ sinifikanti lill-biedja organika u lill-metodi ta' produzzjoni integrati;

3.  Jilqa' l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi ('Strateġija Tematika') li tidentifika n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali u jipproponi li jirregola l-fażi ta' l-użu sabiex "jintela l-vojt" bejn it-tqegħid tal-PPPs fis-suq, min-naħa l-waħda u t-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja ta' tali prodotti, min-naħa l-oħra;

4.  Jiġbed l-attenzjoni li l-UE issa adottat aktar minn tuzzana atti legali li direttament jew indirettament jirregolaw l-użu tal-PPPs; madankollu jenfasizza li d-dispożizzjonijiet proposti sabiex jirregolaw l-użu tal-PPPs qed iwasslu lejn id-direzzjoni tajba;

5.  Jinnota li l-Istrateġija Tematika tkopri biss il-PPPs, li jiffurmaw biss parti mill-pestiċidi; jistieden immedjatament lill-Kummissjoni sabiex tinkludi l-prodotti għall-kontroll ta' l-insetti jew l-annimali li jeqirdu l-pjanti (prodotti bijoloġiċi tat-tip 14-19) kif definiti fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 rigward it-tqegħid ta' prodotti bijoloġiċi fis-suq(12) fi ħdan l-Istrateġija Tematika, minħabba li jippreżentaw riskji simili għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex testendi l-ambitu ta' l-Istrateġija Tematika sabiex tinkludi bijoċidji oħra mill-aktar fis possibbli;

6.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-imġieba ta' l-utenti tal-pestiċidi titjieb sabiex ikunu evitat l-użu ħażin, l-użu eċċessiv u l-inċidenti ta' vvalenar; jilqa' l-ħolqien ta' sistema ta' taħriġ u edukazzjoni għall-utenti professjonali tal-pestiċidi, li għaliha l-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida li jqisu d-differenzi li jeżistu bejn ir-reġjunijiet Ewropej varji; iqis li ċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu prerekwiżit għall-impjegar ta' utenti professjonali tal-pestiċidi u li jrid ikun hemm ukoll żvilupp professjonali kontinwu sabiex jiġu aġġornati l-ħila u l-għerf tekniku tagħhom u biex jiġi żgurat użu sikur u effettiv tal-pestiċidi; jissuġġerixxi li jitwaqqfu jew jittejjbu servizzi konsultattivi għall-bdiewa sabiex jiżdied l-għerf tagħhom rigward l-użu sikur tal-pestiċidi u sabiex ikun inkoraġġut l-iskambju ta' prassi tajba;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra, skond il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, metodi xierqa sabiex dawk li jimmanifatturaw il-PPPs u/jew l-ingredjenti attivi tagħhom ikunu involuti fil-ħidma ta' trattar jew rimedjar tad-dannu għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-ambjent li tista' tkun ikkawżata mill-użu tal-PPPs;

8.  Jirrakomanda li l-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-pestiċidi għandu jsir taħt is-sorveljanza ta' professjonist jew prattikant ikkwalifikat, u li dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati f'reġistru sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kontroll adegwat tat-tqegħid fis-suq u ta' l-użu ta' prodotti bħal dawn;

9.  Jenfasizza li l-imminimizzar tal-perikli u r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu tal-pestiċidi ma jistgħax jintlaħaq b'mod effettiv mingħajr djalogu kostruttiv u bini ta' kapaċità, inkluż stimolu finanzjarju, ma' pajjiżi terzi flimkien ma' kontrolli stretti fuq il-prodotti importati fl-UE sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali fil-kompetizzjoni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tifformula politika ta' protezzjoni u koperazzjoni fil-konfront tal-ġirien ta' l-UE, dwar l-użu tal-pestiċidi u l-PPPs;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' l-irwol tal-midja biex il-pubbliku ġenerali, u utenti tal-pestiċidi li m'humiex professjonisti, ikunu infurmati dwar kwistjonijiet ta' pestiċidi; u jissuġġerixxi li jitfasslu kampanji ta' informazzjoni pubblika u ta' ħolqien ta' kuxjenza;

12.  Jilqa' b'mod ġenerali l-miżuri magħżula mill-Kummissjoni; jisħaq, madankollu, li Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali ambizzjoni mill-Istati Membri huwa elementi ewlenin fil-proċess sħiħ;

13.  Barra minn hekk, jiddispjaċih li l-Kummissjoni għażlet li teskludi l-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi fil-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali, u b'hekk jitnaqqas il-livell ta' l-ambizzjoni tagħhom;

14.  Jenfasizza li mingħajr miri ta' tnaqqis kwantitattiv fl-użu fil-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni, it-terminu "tnaqqis ta' perikli, riskji u dipendenza fuq il-pestiċidi" huwa definit b'mod impreċiż u ambigwu ħafna, u mhux se jwassal lill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-ammont ta' pestiċidi wżati jew sabiex jagħtu prijorità lil alternattivi mhux kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-imaniġġjar ta' organiżmi ta' ħsara u ta' uċuħ tar-raba';

15.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikkombina t-tneħħija ta' perikli, riskji u dipendenza fuq il-pestiċidi ma' kriterji kwantitattivi fil-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni, billi tistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-miri nazzjonali, l-iskedi u l-kriterji tagħhom sabiex inaqqsu l-użu tal-pestiċidi, billi jikkunsidraw l-esperjenza pożittiva minn uħud mill-Istati Membri li diġà jużaw miri ta' tnaqqis kwantitattiv, li wrew li l-użu tal-pestiċidi jista' jkun imnaqqas mingħajr spejjeż għall-bdiewa;

16.  Jenfasizza li mpenn biex jitwaqqaf l-użu tal-PPPs, biex isiru anqas perikolużi u biex jitfittxu prodotti alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti, riżorsi u metodi alternattivi li jirrispettaw aktar l-ambjent u jagħmlu anqas ħsara lill-bniedem u lill-annimali, għandu, barra milli joffri benefiċċi għall-ambjent u għas-saħħa pubblika, itejjeb il-kwalità tal-prodotti agrikoli Ewropej u jżid il-valur miżjud tagħhom bħala riżultat ta' kuxjenza tal-pubbliku u sensittività tal-konsumatur aktar mifruxa fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

17.  Jaqbel li l-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni għandhom ikunu adattati għal kondizzjonijiet speċifiċi ta' klima, ta' agrikoltura u ta' kundizzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara ta' kull Stat Membru, fejn ċertu trattamenti speċifiċi huma neċessarji u partikularment fil-każ ta' uċuħ tar-raba' minuri;

18.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tispeċifika l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità li tista' tintuża mill-Istati Membri sabiex jagħmlu studji, jiġbru bażijiet tad-data u jżidu l-għerf rigward il-pestiċidi;

19.  Jilqa' l-istqarrija tal-Kummissjoni li r-riżultat mistenni l-aktar importanti ta' l-Istrateġija Tematika huwa t-tnaqqis ta' l-impatti negattivi ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem;

20.  Jiddispjaċih li, minkejja li l-pestiċidi huma konnessi ma' effetti immunoloġiċi, effetti li jfixklu l-endokrina, disturbi newrotossiċi u mal-kanċer(13), is-saħħa hija msemmija ftit li xejn fl-Istrateġija Tematika;

21.  Jenfasizza li s-sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew persisitenti, bijo-akkumulattivi jew tossiċi, jew li juru karatteristiċi li jħawdu s-sistema endokrinali, m'għandhomx jiġu approvati bħala sustanzi attivi fil-pestiċidi;

22.  Jirrimarka li l-feti, it-trabi, it-tfal kif ukoll in-nisa tqal, l-anzjani, dawk li għandhom mard kroniku u dawk li għandhom problemi mediċi diġà eżistenti, kif ukoll l-utenti ta' pestiċidji u residenti u komunitajiet rurali, huma aktar vulnerabbli u aktar esposti għall-pestiċidi, speċjalment għall-effetti kumulattivi ta' tipi differenti ta' pestiċidi, milli hija l-bqija tal-popolazzjoni;

23.  Jissottolinea li awtorizzazzjoni minn qabel ta' PPP hija kundizzjoni minn qabel għall-użu tiegħu u li tali awtorizzazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni xjentifika tal-PPP u ta' l-ingredjenti attivi tiegħu fejn il-prodott ikunu ittestjat sabiex ikunu ddeterminati r-riskji li joffri għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali u għall-ambjent, meta wżat kif suppost;

24.  Iqis li hu essenzjali li ssir aktar riċerka dwar l-effetti fuq is-saħħa ta' l-użu tal-pestiċidi, u b'mod partikulari dwar l-użu kumbinat u kumulattiv tiegħu;

25.  Jilqa' tajjeb il-projbizzjoni ta' sustanzi fuq il-bażi tal-perikli intrisiċi tagħhom u dak li jissejjaħ "prinċipju ta' sostituzzjoni" fejn is-sustanzi l-aktar perikolużu jitneħħew mis-suq meta jkunu jeżistu alternattivi aktar sikuri, inklużi dawk mhux kimiċi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'ħidma ma' l-Istati Membri u ma' l-industrija, sabiex tieħu miżuri biex tipprevjeni l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' PPPs foloz u/jew mhux awtorizzati;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li meta jinstabu livelli ta' pestiċidi li jaqbżu l-valuri rilevanti ta' limitu fi jew fuq ikel impurtat, jittieħdu l-istess miżuri u jkunu imposti l-istess penali bħal fil-każ ta' prodotti mmanifatturati fl-UE; jistieden sabiex jittieħdu passi immedjati sabiex jiżguraw li jsiru kontrolli frekwenti biżżejjed fuq merkanzija impurtata (li ġeneralment ikunu suġġetti għal leġiżlazzjoni anqas stretta fuq l-użu tal-PPPs, li jfisser li hemm riskju akbar ta' livelli ta' residwu illegali) fl-Istati Membri kollha bl-istess mod, sabiex il-bdiewa u l-manifatturi Ewropej ma jkunux fi żvantaġġ u jkunu stabbiliti kondizzjonijiet ugwali fl-UE;

28.  Jistieden sabiex ikun hemm kontrolli xierqa u sabiex ikun hemm projbizzjoni fuq l-importazzjoni fl-UE ta' prodotti ta' l-ikel magħmula bl-użu ta' PPPs u ta' pestiċidi li l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mhumiex permessi fl-UE;

29.  Jistieden sabiex ikun hemm sistemi koordinati għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-produzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, id-distribuzzjoni u l-użu ta' pestiċidi disponibbli b'mod ġenerali;

30.  Jemmen li denominazzjonijiet ta' żoni, inklużi żoni protetti ta' ġbir ta' l-ilma għax-xorb, b'użu mnaqqas jew mingħajr użu ta' pestiċidi u protezzjoni mtejba ta' l-ambjent akwatiku mit-tniġġis tal-pestiċidi, huma meħtieġa sabiex tkun evitata l-espożizzjoni mhux mixtieqa; jikkunsidra li għandhom ikunu stabbiliti "żoni buffer" ta' wisa' xierqa b'kunsiderazzjoni tal-kondizzjonijiet agrikoli, ġeografiċi u meteoroloġiċi differenti; iqis li l-użu tal-pestiċidi f'zoni residenzjali u urbani u madwarhom, f'parkijiet pubbliċi, fi grawnds ta' l-isport, fi grawnds ta' l-iskola u f'postijiet fejn jilgħabu t-tfal għandu jkun ipprojbit, minħabba li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-riskji għall-pubbliku inġenerali kkawżati mill-esponiment għall-pestiċidi f'zoni bħal dawn huma għoljin;

31.  Jinnota l-kontaminazzjoni mill-pestiċidi ta' l-ilma ta' taħt l-art u ta' l-ilma tal-wiċċ fl-Ewropa u jenfasizza l-bżonn li l-koeżjoni ta' l-Istrateġija Tematika tissaħħaħ bid-Direttiva Qafas dwar il-politka ta' l-ilma; jirrimarka li l-purifikazzjoni ta' l-ilma, iżda, issir fil-biċċa l-kbira biss għall-konsum mill-bniedem, waqt li l-bqija ta' l-ilma mniġġes jidħol fil-ġisem tal-bniedem mill-flora u mill-fawna, u jwassal għal spejjeż għoljin ta' trattament;

32.  Jirrikonoxxi li l-projbizzjoni fuq il-bexx mill-ajru hija inevitabbli; iqis, madankollu, li l-bexx jista' jintuża fejn jagħti vantaġġi ċari għall-ambjent jew fejn m'hemmx alternattivi vijabbli, iżda fl-istess ħin għandu jkun obbligatorju li l-pubbliku ġenerali jkun mgħarraf dwar il-ħin tal-bexx, l-ammonti u t-tip ta' pestiċida;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tħaffef l-armonizzazzjoni komunitarja tal-livelli minimi ta' residwu, billi s-sitwazzjoni attwali tfisser li ma jeżistux kundizzjonijiet ugwali fi ħdan l-UE, u dan ifixkel il-kummerċ u jħawwad il-konsumaturi;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-residwi massimi fl-iktar livell baxx possibbli sakemm ma jistax ikun ippruvat li anke l-aħjar tekniċi u metodi disponibbli ma jistgħux jevitaw residwi sa inqas minn ċertu livell; f'dan ir-rigward jistieden lill-Istati Membri biex itejjbu l-monitoraġġ tal-konċentrazzjoni ta' pestiċidi fi prodotti ta' l-ikel u mezzi ambjentali;

35.  Jilqa' l-istedina proposta lill-Istati Membri biex ineħħu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri biex japplikaw rati ta' VAT imnaqqsa għall-pestiċidi; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri ta' appoġġ xierqa għall-bdiewa, iffinanzjati taħt l-iżvilupp rurali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fit-twaqqif ta' sistema ta' taxxi jew imposti biex ikun influenzat - b'mod kwantitattiv u kwalitattiv - l-użu tal-pestiċidi;

37.  Jinsisti li l-Kummissjoni tipproponi definizzjonijiet ċari u kriterji minimi għall-IPM, filwaqt li tqis il-persentaġġ li dejjem qed jiżdied ta' żoni fl-Ewropa wżati għall-biedja organika u tapplika standards IPM ġenerali u speċifiċi obbligatorji għall-art ikkultivata kollha, ħlief art kkoltivata skond il-biedja organika;

38.  Jirrikonoxxi li diversi preokupazzjonijiet dwar l-ambjent kienu integrati fir-regolamenti varji li flimkien jagħmlu l-Politika Komuni għall-Agrikultura, u b'hekk jagħmlu l-metodi ta' produzzjoni agrikola aktar favur l-ambjent;

39.  Jissottolinea l-ħtieġa għat-tixrid ta' prattiċi ta' biedja li jippromwovu użu ta' dożi aktar baxxi ta' pestiċidi (fost affarijiet oħra, produzzjoni itegrata u biedja organika), li għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis globali fl-użu tal-pestiċidi;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu metodi tal-kultivazzjoni bi ftit użu tal-pestiċidi u agrikoltura organika, u biex jiżguraw li l-utenti professjonali tal-pestiċidi jersqu lejn użu aktar favur l-ambjent tal- metodi disponibbli kollha għall-protezzjoni ta' l-uċuħ, u jagħtu prijorità lill-alternattivi mhux kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-ġestjoni ta' l-organiżmu ta' ħsara u ta' l-uċuħ tar-raba', eżempju lin-newba ta' l-uċuħ u lit-tnaqqija aktar milli lill-użu sistematiku tal-pestiċidi;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu disponibbli riżorsi xierqa għar-riċerika dwar ir-resistenza, għall-koltivazzjoni u l-forniment ta' firxa wiesgħa ta' uċuħ tar-raba' ma' karatteristiċi ta' resistenza varji, għar-riċerika dwar metodi ta' rotazzjoni ta' uċuħ tar-raba' u ta' koltivazzjoni tal-ħamrija li jiġġieldu l-organiżmi ta' ħsara u l-mard tal-pjanti u għall-innovazzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-pjanti, inklużi alternattivi mhux kimiċi;

42.  Jenfasizza li ż-żieda fit-temperatura globali x'aktarx se twassal għal popolazzjonijiet ikbar ta" l-organiżmi ta" ħsara li jistgħu jżidu l-frekwenza u l-intensità ta" epidemiji; f'dan ir-rigward jitlob li jsir eżami ta" l-impatti tal-bidla fil-klima mhux biss fuq il-produzzjoni agrikola iżda wkoll fil-kuntest tal-ħarsien ambjentali;

43.  Jisiteden lill-Istati Membri biex jiżguraw il-ħażna u l-maniġġar sikuri tal-pestiċidi, u li pestiċidi li ma ntużawx u li skadew u l-materjal ta' l-imballaġġ vojt jinġabru b'mod kontrollat u li l-pestiċidi li ma għandhomx jintużaw ikunu ttrattati skond ir-regoli dwar l-iskart perikoluż;

44.  Jitlob li jintużaw fondi Komunitarji għar- rimi bla periklu tal-pestiċidi li m'għadhomx jintużaw, peress li fl-UE aktar minn 200,000 tunnellata ta' pestiċidii għadhom qed jinħażnu taħt l-art u f'kumuli fil-miftuħ;

45.  Jirrikonoxxi li t-tagħmir ta' l-applikazzjoni tal-pestiċidi miżmum tajjeb huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-pestiċidi fuq is-saħħa u l-ambjent, b'mod partikulari fir-rigward tal-ħaddiema, il-bdiewa u r-residenti konċernati, u jenfasizza li t-tagħmir ta' l-applikazzjoni għandu jkun iċċekkjat regolarment;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-kwistjoni ferm inkwetanti tal-mortalità fost in-naħal domestiku - problema li hi assoċjata ma' l-użu ta' ċerti insettiċidi sistematiċi (li fihom is-sustanzi attivi Fipronil u Imidaclopride) sabiex jiġu kkurati ż-żerriegħ tal-ward tax-xemx u tal-qamħirrum;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu emendati l-istandards Ewropej tan-negozju konnessi mal-forma, mad-daqs u mal-kwalitajiet estetiċi tal-frott u l-ħxejjex friski, filwaqt li jinkuraġġixxi l-użu intensiv tal-pestiċidi;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiddisinja Strateġija Tematika li tiġbor taħtha leġiżlazzjoni eżistenti u futura; jissuġġerixxi li tkun proposta taħlita ta' strumenti li jistgħu jkunu infurzati li ma jkunux kuntradittorji iżda kumplimentari għal xulxin;

49.  Jilqa' l-fatt li, fuq il-bażi ta' Strateġija Tematika, il-Kummissjoni ressqet qafas legali Komunitarju komprensiv għal miżuri ddisinjati biex joħolqu użu sostenibbli tal-PPPs;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.
(3) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(4) ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.
(5) ĠU L 194, 25.7.1975, p. 26.
(6) ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19.
(7) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(8) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 851. Corrigendum ippublikat fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 281.
(9) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(10) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(11) ĠU L 103, 25.4.1979, p.1.
(12) ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Strateġija Ewropea Ambjentali u Sanitarja', (COM(2003)0338, p.5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza