Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (2007/2119(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (COM(2007)0019),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta" l-impatt (IA) relatat mal-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija (SEC(2007)0060),
– wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (is-Sitt EAP)(1),
– wara li kkunsidra s-Sitt(2) u s-Seba'(3) Programmi ta' Qafas għal Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta" Novembru 2005 dwar "Ir-Rebħ tal-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Globali"(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Il-limitazzjoni tal-Bidla fil-Klima Globali għal 2 gradi Celsius: It-triq 'il quddiem għall-2020 u lil hinn" (COM(2007)0002),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-14 ta" Frar 2007 dwar il-bidla fil-klima(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Presidenzjali tal-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 dwar l-Istrateġija Mġedda ta' l-EU għall-Iżvilupp Sostenibbli (Ġunju 2006) u dwar l-irwol tat-teknoloġiji ambjentali u ta' l-eko-innovazzjoni biex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima tal-31 ta" Ottubru 2006 bl-isem "Reviżjoni u analiżi tat-tnaqqis u l-ispejjeż potenzjali ta' miżuri teknoloġiċi u oħrajn sabiex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri"(6),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 li tirrigwardja d-disponabbilità ta' l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwils u l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-promozzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta" Ottubru 1998 rigward il-kwalità tal-fjuwils tal-petrol u tad-diżil(8) u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE u tintroduċi mekkaniżmu li jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta" serra mill-użu tal-fjuwil għat-trasport bit-triq (COM(2007)0018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0343/2007),
A. billi madwar 19% ta' l-emissjonijiet tas-CO2 ta' l-Unjoni Ewropea huwa prodott minn karozzi tal-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief, b'volumi assoluti jkomplu jikbru prinċiparjament minħabba n-numru dejjem jiżdied u l-qawwa dejjem tiżdied tal-karozzi ġodda;
B. billi l-aktar għażla politika effettiva u ekonomikament effiċjenti biex jitnaqqas l-ammont ġenerali ta' emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport tal-passiġġieri hija li jiżdied is-sehem tat-trasport pubbliku; billi għalhekk huwa importanti li jittieħdu miżuri biex jistimulaw u jtejbu l-kwalità u l-ambitu tat-trasport pubbliku, sabiex il-bidla mill-vetturi personali għat-trasport pubbliku ssir aktar attraenti u b'hekk jonqos it-total ta" l-emissjonijiet tas-CO2 prodott minn min jivvjaġa;
C. billi l-imġieba tas-sewwieqa u l-miżuri ta" infrastruttura s'issa ġew traskurati fl-istrateġija ta" l-UE għat-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi, iżda għandhom potenzjal għoli fis-sens ta" evitar tas-CO2 ,
D. billi 60% taż-żejt kollu użat fl-UE jintuża fit-trasport bit-triq, bl-użu ineffiċjenti tal-fjuwil ikompli jżid it-theddida għas-sigurtà ta' l-enerġija u jikkontribwixxi għall-ispejjeż kurrenti għoljin u għat-tnaqqis fir-riżervi taż-żejt fid-dinja,
E. billi issa huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu t-tfassil u l-bidliet teknoloġiċi meħtieġa jekk is-settur se jgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'mill-inqas 20% sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990,
F. billi l-approċċ volontarju rriżulta li kien falliment minħabba li jidher ċar li l-industrija awtomobilistika mhux se jirnexxielha tissodisfa l-impenn volontarju tagħha għal 140g CO2/km fl-2008; filwaqt li l-mira ta' 120g CO2/km kienet proposta għall-ewwel darba fl-1995 u approvata mill-Kunsill u mill-Parlament fl-1996, bi skadenza għat-twettiq fl-2005 u l-aktar tard sa l-2010,
G. billi, fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata 'Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21' (COM(2007)0022), il-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni qasira ta' l-elementi ewlenin ta' l-istrateġija futura għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi bil-mutur, ibbażata fuq approċċ integrat li għandu l-għan li jilħaq il-mira ta' l-UE ta' 120g/km ta' CO2 sa l-2012 permezz ta' taħlita ta' interventi mill-Unjoni u mill-Istati Membri,
H. billi tinħtieġ azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri permezz ta' approċċ integrat li jinkludi miżuri tal-magni, miżuri kumplimentari, bijofjuwils, eko-sewqan u miżuri infrastrutturali,
I. billi l-emissjonijiet assoluti tas-CO2 mill-karozzi jiddependu mill-interazzjoni kumplessa bejn l-effiċjenza tal-magna, l-intensità tal-karbonju tal-fjuwils, l-imġieba tas-sewwieq, id-distanza f'kilometri misjuqa, il-konġestjoni/kwalità ta' l-infrastruttura u l-effiċjenza tas-CO2 tal-partijiet komponenti,
J. billi ntwera li jista" jinkiseb tnaqqis sinifikanti ta" l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tar-rispett konsistenti tal-limiti tal-veloċità fl-Istati Membri kollha,
K. billi l-aċċessibilità ekonomika u t-tiġdid tal-flotta huma assolutament fundamentali għat-titjib tal-prestazzjoni tal-karozzi li qegħdin fit-toroq fir-rigward tas-CO2, tal-kwalità ta' l-arja u tas-sikurezza,
L. billi t-tassazzjoni u l-ittikkettar naqsu milli jikkontribwixxu għall-istrateġija fuq tliet pilastri ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet mill-karozzi,
M. billi huwa ta" importanza fundamentali li jiġu adottati objettivi li jorbtu u definiti b'mod ċar fir-rigward ta" emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri kemm fl-interess tat-tħaddim mingħajr xkiel tas-suq intern fl-industrija tal-muturi kif ukoll biex il-konsumaturi jkunu pprovduti b'informazzjoni li tinftiehem li tippermettilhom jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar ix-xiri tal-vettura, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis ta" l-emissjonijiet tas-CO2,
N. billi d-Direttiva 1999/94/KE ma kinetx effettiva biżżejjed u l-Istati Membri naqsu milli jittrasponuha b'mod uniformi,
O. billi jista" jiġi nnotat li għal numru ta" prodotti (bħal apparat elettriku u domestiku) ġew introdotti b'suċċess kategoriji ta" effiċjenza enerġetika, li joffru lill-konsumaturi Ewropej assistenza prattika fid-deċiżjonijiet biex jixtru permezz ta" kodiċi li jinftiehem ta' ittri jew kuluri, biex b'hekk ikunu jistgħu jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2,
P. billi għandha ssir kontribuzzjoni għat-tnaqqis tas-CO2 mill-klassijiet kollha tal-kategoriji tal-vetturi, minħabba li l-volum tas-suq ukoll, fuq kollox, huwa sinifikanti f'termini tat-tnaqqis tas-CO2,
Q. billi l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona dwar it-tkabbir sostenibbli u l-impjieg għandhom jiġu mfittxa bis-sħiħ billi jiġu evitati miżuri li jżidu l-pressjoni fuq it-tnaqqis ta' l-impjieg fl-industrija tal-karozzi fl-Ewropa jew li jpoġġu l-kompetittività tagħha fil-periklu,
Skeda u miri
1. Jirrikonoxxi li l-produtturi jeħtieġu bejn ħames u seba' snin biex jagħmlu bidliet fid-disinn tal-vettura bl-iktar mod ekonomiku u, filwaqt li jirrikonoxxi li l-emissjonijiet medji mill-karozzi li se jitpoġġew fis-suq ta' l-UE fl-2008 x'aktarx se jkunu iktar minn 150g CO2/km, għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tissottometti qafas leġiżlattiv ta' l-UE għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 inklużi miżuri li jorbtu għal titjib fl-ekonomija tal-fjuwil ta' vetturi ħfief permezz ta" titjib fit-teknoloġija tal-magni, titjib teknoloġiku ieħor u l-użu tal-bijofjuwils; ifakkar li l-mira medja tal-flotta ta' l-UE ta' 120g CO2/km għal kull vettura privata kienet aċċettata mill-Kunsill fl-1996 u mill-Parlament fl-1997, fil-bidu, b'data tal-mira ta" l-2005 u skadenza finali fl-2010;
2. Jinsisti li għandu jsir possibbli, permezz ta' standards kwantifikabbli, l-użu propost ta' 'miżuri kumplimentari' biex tintlaħaq il-mira ta' l-emissjonijiet li kienet miftehma qabel ta' 120g CO2/km, u jemmen li l-leġiżlazzjoni għandha tistipula miri ċari u li jkunu jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta' mezzi tekniċi;
3. Jipproponi li miri ta' l-emissjonijiet annwali li jorbtu għandhom jiġu stabbiliti b'seħħ mill-2011 bil-għan li jiġi promoss it-titjib tekniku tal-vetturi, biex ikun assigurat li, b'dawn il-mezzi biss, l-emissjonijiet medji mill-karozzi tal-passiġġieri kollha mpoġġija fis-suq ta' l-UE fl-2015 ma jaqbżux il-120g CO2/km;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti leġiżlattivi u miżuri konkreti li jiżguraw li t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' mill-inqas 10g ta' CO2/km jista' jinkiseb permezz tal-miżuri kumplimentarji meħuda fil-qafas ta' l-approċċ integrat, sabiex jintlaħaq il-valur ta' limitu ġenerali ta' 120g CO2/km;
5. Jinsisti li mill-1 ta' Jannar 2020, emissjonijiet medji bħal dawn m'għandhomx jaqbżu l-95g CO2/km u jemmen li l-UE għandha tipprovdi appoġġ għall-promozzjoni meħtieġa ta' l-innovazzjoni permezz tas-Seba" Programm ta" Qafas għar-Riċerka; jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni intensiva ta" riċerka u żvilupp ta" vetturi li ma jarmux emissjonijiet, bħal vetturi mħaddma bid-dawl;
6. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tas-16 ta" Novembru 2005 li titlob "limiti obbligatorji għal emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ġodda ta" madwar 80-100 g/km fil-każ ta" vetturi ġodda f'perjodu ta" żmien medju"; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta" teknoloġiji avvanzati, b'mod partikolari biex jinkisbu aktar miri ambizzjużi fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità ta" tnaqqis gradwali lil hinn mill-2012 permezz ta" l-użu ta" materjali eħfef fil-produzzjoni tal-vetturi, filwaqt li jiġi żgurat li tiġi mħarsa l-liġi attwali u li ma tiġix kompromessa s-sikurezza fit-toroq għall-passiġġieri u għall-utenti vulnerabbli;
7. Jinnota li diġà hemm produzzjoni f'volum għoli ta' serje ta' karozzi li jiffrankaw l-ispazju, b'emissjonijiet baxxi u għall-użu lokali ('Gentlecars'), b'valuri ta' inqas minn 90g CO2/km, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, flimkien mal-miżuri l-oħra kollha, azzjoni biex jiġi żgurat li l-'Gentlecars' jiġu użati kemm jista' jkun ta' spiss minflok vetturi b'emissjonijiet għolja ta' CO2 ;
8. Jemmen li miri iktar fit-tul għandhom jiġu kkonfermati jew riveduti mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-2016, wara evalwazzjoni ta' l-impatt dettaljata dwar ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju u minħabba l-ftehima post-Kyoto, u jantiċipa li dawn il-miri possibilment se jkunu jeħtieġu aktar tnaqqis fl-emissjonijiet għal 70g CO2/km jew inqas sa l-2025;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibiltà teknika, l-effiċjenza ta" l-infiq, l-impatt ambjentali u kemm jistgħu jintlaħqu l-prezzijiet fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karozzi l-ġodda meta tkun qed tadotta kwalunkwe miżura leġiżlattiva li torbot li għandha mnejn tinfluwenza l-pass tat-tiġdid tal-flotta tal-vetturi;
10. Jinnota li l-liġi Komunitarja tirregola suq ta" bejn 17 u 18-il miljun vettura fis-sena, li hu daqs is-suq tal-vetturi privati fl-Istati Uniti; jistenna li politika ambizzjuża ta" l-UE għat-tnaqqis ta" l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra se tistimula t-tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien u ħolqien ta" impjiegi fl-industrija tal-forniment tal-vetturi u se jkollha influwenza pożittiva madwar id-dinja kollha f'termini ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tat-trasport;
11. Jirrakkomanda, fid-dawl tad-diffikultà li xi produtturi speċjalizzati jista' jkollhom biex inaqqsu l-emissjonijiet medji fis-sensiela limitata ta' karozzi li jipproduċu fi żmien il-perjodi maħsuba, li kull produttur jew importatur ikollu d-dritt li jeskludi 500 vettura identifikata kull sena mill-inklużjoni fid-data użata biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet medji, bil-kundizzjoni li l-emissjonijiet u l-ekonomija tal-fjuwil ta' vetturi bħal dawn jingħataw tikketta u jiġu reklamati lill-konsumaturi skond ir-rekwiżiti legali tas-soltu;
12. Jirrakkomanda, minbarra dan, li minħabba li xi produtturi b'volum baxx (mass. 300,000 unitajiet ta" produzzjoni) u produtturi oħrajn ġodda li daħlu fis-suq u li għandhom sehem ta' inqas minn 0.5% jista' jkollhom diffikultà biex inaqqsu, fi żmien il-perjodi maħsuba, l-emissjonijiet medji fuq il-firxa limitata ta' karozzi li jipproduċu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tinkorpora proposti fil-leġiżlazzjoni li jipprovdu lil dawn il-produtturi speċjalizzati b'miri ta' tnaqqis ambizzjużi;
13. Jinnota l-irwol importanti tal-prodotturi speċjalizzati ta" karozzi lussużi jew ta" qawwa kbira bħala pijuniera tat-teknoloġiji avvanzati, biex jibqgħu joffru impjiegi ta" kwalità għolja, biex jiġġeneraw bejgħ globali u jikkontribwixxu fl-ekonomija Ewropea, u jinnota li l-għarfien speċjalizzat ta" produtturi ta" dan it-tip għandu jikkontribwixxi b'mod sostanzjali fit-tnaqqis ta" l-emissjonijiet tas- CO2 mill-karozzi;
14. Jisħaq dwar il-fatt li kwalunkwe regola għandha tissalvagwardja s-suq intern u li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-regoli ta" l-UE f'data komuni u b'metodi komuni sabiex jiġu evitati t-tfixkil tas-suq u l-frammentazzjoni tas-suq.
It-tqassim tal-kompitu bejn il-produtturi
15. Jirrikonoxxi l-varjazzjoni kbira fil-preferenzi tal-konsumatur fir-rigward ta' karozzi tal-passiġġieri u l-kompożizzjoni differenti tal-flotot tal-produtturi; jinsisti li t-tnaqqis tas-CO2 għandu jintlaħaq fil-karozzi kollha mpoġġija fis-suq u għaldaqstant għandha tiġi permessa xi differenzazzjoni bbażata fuq parametru ta' utilità, iżda din m'għandhiex tinnewtralizza l-inċentiv għal ċaqliqa lejn vetturi b'inqas emissjonijiet jew tiżvantaġġja lil dawk li jilħqu l-miri kmieni;
16. Jenfasizza l-importanza li ċerti vetturi jitħallew jaqbżu l-limiti ta' l-emissjonijiet biex jiġi evitat tfixkil eċċessiv tas-suq tal-karozzi, iżda jfittex li jipprovdi inċentivi qawwija biex jintlaħaq tnaqqis fl-emissjonijiet, u għaldaqstant jipproponi li t-twaqqif tal-miri ta' l-2012 u ta' l-2020 għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet medji, u ta' miri annwali temporanji, għandu jsir b'referenza għal "limit value curve" għall-karozzi kollha mibjugħa mill-produtturi u mill-importaturi, u li għandu jieħu, bħala l-punt ta' partenza tiegħu, il-profil tal-flotta l-ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri mill-1 ta' Jannar 2009;
17. Jirrakkomanda li l-'limit value curve' għandha tkun definita b'formula matematika espressa bħala funzjoni li torbot l-emissjonijiet tas-CO2 ta' kull vettura mal-marka (footprint) tagħha (il-wisa' tat-tyre immultiplikat bit-tul tat-tyre li jmiss ma' l-art);
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura sforzi xierqa għall-produtturi kollha u inċentivi għat-tnaqqis ta" l-emissjonijiet ta" gass b'effett ta' serra għall-flotta sħiħa ta" vetturi; madankollu, jikkunsidra li kwalunkwe skema fil-futur m'għandhiex tippremja b'mod dirett jew indirett lill-produtturi ta' vetturi li tradizzjonalment iniġġsu aktar, u li l-vetturi b'emissjonijiet ogħla ta" CO2 għandhom ukoll jintalbu jagħmlu kontribuzzjoni akbar għat-tnaqqis tas-CO2, u li l-iskema għandha tippremja t-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-fjuwils alternattivi skond ir-rendiment tagħhom fir-rigward tal-gassijiet b'effett ta' serra (fjuwils ibridi, ta' l-idroġenu, vetturi elettroniċi jew fjuwils alternattivi oħra);
19. Jistieden lill-Kummissjoni wara li tikkunsidra l-opinjonijiet tal-persuni kkonċernati biex tippreżenta proposti għall-kunsiderazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill biex tiżgura li d-disinn tal-kurva jikkunsidra d-differenzi bejn id-daqsijiet tal-karozzi u l-ispejjeż teknoloġiċi involuti biex jintlaħaq it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u l-aċċessibilità ekonomika ta' karozzi ġodda għal tipi differenti ta' konsumatur filwaqt li jassigura kemm id-diversità kif ukoll l-ekwità soċjali;
20. Jinnota l-possibilitajiet leġiżlattivi differenti għal kisba tal-mira; jikkunsidra li huwa essenzjali, kif tiddikjara l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, "li jiġu żgurati ... il-miri tat-tnaqqis li jkunu ekwi għad-diversità tal-produtturi tal-karozzi Ewropej" iżda wkoll biex effettivament jiġi ppremjat l-aħjar rendiment fl-effikaċja tal-vettura;
21. Jipproponi li fl-1 ta' Jannar 2011 jiġi introdott mekkaniżmu ġdid ta' suq magħluq, is-Sistema tat-Tnaqqis tal-Konċessjonijiet tal-Karbonju (CARS), li permezz tiegħu l-produtturi u l-importaturi jiġu meħtieġa jħallsu penali finanzjarji fi proporzjon ma' kwalunkwe qbiż tal-limiti ta' l-emissjonijiet għal kull karozza mibjugħa, u li dawn il-penali jkunu jistgħu jiġu paċuti bi krediti li jkunu jistgħu jinfdew, li jingħataw lil karozzi tal-passiġġieri ta' l-istess produttur li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati u li jkollhom emissjonijiet taħt il-"limit value curve'; jikkunsidra li l-penali/qbiż g CO2/km għandu jkun ogħla mill-premjijiet;
22. Jinsisti li kwalunkwe sistema ta' kwoti negozjabbli bejn il-produtturi tal-vetturi għandha tinżamm separata mill-iskema ta' l-UE għall-iskambju ta' l-emissjonijiet, jew minn kwalunkwe skema esterna oħra għall-kreditu jew għall-kumpens tal-karbonju;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi krediti speċifiċi għal azzjoni bikrija għall-introduzzjoni ta" teknoloġija b'CO2 ultra baxx bħal vetturi bl-idroġenu, biċ-ċelluli tal-fjuwil u plug-in li għandhom jippermettu li kull vettura ta" dan it-tip introdotta bejn issa u l-ewwel sena ta' implimentazzjoni titqies skond il-proċedura ta' sorveljar tas-CO2 bħala ekwivalenti (per eżempju) għal erbgħin vettura konvenzjonali, bi krediti li jonqsu għas-snin ta' wara;
24. Jemmen li l-penali għandhom jiġu stabbiliti b'mod prevedibbli u strett għall-industrija u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel proposti xierqa għal-livell tal-penali/krediti espressi f'EUR/g CO2;
25. Jaċċetta li l-'limit value curve" u l-livell tal-penali jista' jkollhom jiġu aġġustati perjodikament, kemm biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-vetturi kif ukoll biex jiġi mrażżan kwalunkwe llaxkar fir-rata ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet;
26. Jirrakkomanda li d-dħul mill-penali finanzjarji jintuża kemm għar-riċerka u l-iżvilupp għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll biex jiġi mgħejjun it-trasport pubbliku lokali;
27. Jemmen li l-prezz tal-krediti, wara t-twaqqif inizjali mill-Kummissjoni, għandu jkun iddeterminat mis-suq, u li sabiex il-produtturi u l-importaturi jiġu pprovduti b'aktar flessibilità u b'firxa aktar wiesgħa ta' għażliet, il-krediti jkunu jistgħu jinġarru 'l quddiem fis-snin li jkun imiss jew mibjugħa jew trasferiti lil kumpaniji jew unitajiet ta' negozju oħra fl-iskema;
28. Jitlob li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' kull vettura u ta' kull produttur tkun disponibbli għall-pubbliku f'format faċilment aċċessibbli, biex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-vetturi u l-produtturi;
29. Jirrakkomanda li l-produtturi u l-importaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu minn elementi ta" flessibilità bħat-teħid ta' medja fuq bażi ta' gruppi, krediti għal vetturi li jużaw fjuwils li jiġġeddu u servizzi bankarji, u jiddeterminaw jekk jixtiequx li l-entità tan-negozju rikonoxxuta tkun il-kumpanija ewlenija jew id-diversi kumpaniji sussidjarji jew unitajiet ta' negozju responsabbli direttament mill-produzzjoni tal-karozzi kkonċernati;
L-ittestjar, is-sorveljanza tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tal-vettura
30. Jinsisti li għandhom jiġu indirizzati l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra għal kull karozza, inklużi emissjonijiet li ġejjin mis-sistemi ta" l-arja kkundizzjonata; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex taġġorna ċ-ċikli ta" l-ittestjar biex jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan;
31. Hu favur ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' ttestjar biex jimitaw aħjar il-kundizzjonijiet attwali tas-sewqan u jitlob għal emendi għaċ-ċiklu tas-sewqan Ewropew biex jikkunsidra l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-installazzjoni tas-sitt gear;
32. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintroduċi qisien u standards ġodda li jistgħu jippermettu li jiġi stabbilit valur fiss li jassoċja t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 ma' titjib utli bħall-indikaturi ta' tibdil tal-gear, l-użu ta" l-ekonometri, arja kkundizzjonata b'effiċjenza għolja, lubrikanti mtejba, "sistemi startja/itfi meta l-karozza ma tkunx miexja", tyres b'reżistenza baxxa mat-triq waqt is-sewqan u sistemi ta" monitoraġġ tal-pressjoni fit-tyre, li l-użu tagħhom jista' jiddependi mill-imġieba tas-sewwieq individwali; jirrakkomanda wkoll l-introduzzjoni ta' teknoloġija fil-vetturi sabiex tinkorraġġixxi mġiba li tkun konxja mill-ambjent min-naħa tas-sewwieqa, bħal disinnji viżibbli li juru l-konsum tal-fjuwil u l-ispejjeż għall-vjaġġ attwali flimkien ma' figuri korrispondenti għal rotot li spiss jintużaw għall-vjaġġ, tagħmir li b'mod attiv iwissi dwar il-limiti tal-veloċità u għajnuniet għas-sewwieq sabiex jikkontrollaw il-veloċità, inklużi limitaturi tal-veloċità;
33. Jistieden lill-Kunsill biex jirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar biex jiddetermina jekk l-konformità mar-regoli tal-produzzjoni hux qed tiġi rispettata u sabiex jiżgura li ma jista' jkun hemm l-ebda differenza fl-approċċ meħud mill-korpi ċċertifikati fi Stati Membri differenti;
34. Jenfasizza l-prijorità li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet urġenti tas-sigurtà ta' l-enerġija u l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq il-fjuwil impurtat, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta' titjib fl-effiċjenza tal-vetturi, u t-titjib tas-sigurtà fit-triq;
35. Jikkunsidra li kwalunkwe miżura għall-iffrankar ta" l-enerġija li tinvolvi konsum ta" fjuwil inqas ikollha effetti tajbin ħafna għas-sigurtà tal-provvista ta" l-enerġija, billi jonqsu kemm id-dipendenza tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta" sorsi ta" enerġija primarja kif ukoll l-prezzijiet internazzjonali ta" l-idro-karbonji;
Reklamar u ttikkettar
36. Filwaqt li m'għandu l-ebda fiduċja fl-effettività probabbli tal-proposta għal ftehima volontarja dwar ir-reklamar ta' karozzi ġodda, jistieden lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva 1999/94/KE u tintroduċi rekwiżiti legali għall-ittikkettar, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta" karozzi tal-passiġġieri ġodda fis-suq intern ta" l-UE, b'mod partikolari bil-għan li jkun żgurat li tiġi trasposta kif suppost sabiex tipprovdi informazzjoni komprensiva u li tiftiehem lill-konsumatur;
37. Jirrakkomanda li għandhom jiġu stipulati rekwiżiti minimi uniformi u obbligatorji għall-wiri ta' informazzjoni dwar l-ekonomija tal-fjuwil (l/100 km) u l-emissjonijiet tas-CO2 (g/km) ta' karozzi ġodda fuq il-vetturi u fir-reklamar, fil-letteratura kummerċjali u promozzjonali kollha u fix-showrooms b'format li jolqot l-għajn malajr, hu ħafif biex jintuża u possibilment b'kodiċi ta' kuluri sabiex wieħed ikun jista' jqabbel; jikkunsidra il-format A-G użat biex tiġi mqabbla l-effiċjenza ta' l-enerġija ta' ċerti prodotti ta' l-elettriku bħala mudell għall-wiri ta' l-informazzjoni rikjesta;
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli b'għanijiet simili biex jiġu koperti oqsma li mhux koperti mil-leġiżlazzjoni attwali, bħat-TV, ir-radju u l-materjal ibbażat fuq l-internet kif ukoll ir-reklami għal karozzi kważi ġodda;
39. Jissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni li titlob li avviżi dwar is-saħħa jiġu murija fuq il-pakketti tas-sigaretti hija eżempju utli, u jipproponi li minimu ta' 20% ta' l-ispazju ddedikat għall-promozzjoni ta' karozzi ġodda permezz tar-reklamar, il-letteratura tal-promozzjoni, jew il-wiri fil-punt tal-bejgħ fix-showrooms, għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-ekonomija tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 f'format approvat;
40. Jirrakkomanda li r-riżultati tat-testijiet ta' l-arja kkundizzjonata jkunu inklużi fl-informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil fil-letteratura kummerċjali u promozzjonali u fix-showrooms kollha;
41. Jissuġġerixxi li jiġi introdott kodiċi li jorbot għar-reklamar li jipprojbixxi legalment dikjarazzjonijiet ħodor foloz u sabiex jiġu promossi aktar talbiet mill-konsumatur għal vetturi b'emissjonijiet baxxi tas-CO2, jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' sistema ta' gradi ta' rendiment ambjentali "green star", li tqis l-aspetti kollha tar-rendiment ambjentali, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 (g/km) u l-emissjonijiet ta' sustanzi oħra ta' tniġġis, il-konsum tal-fjuwil (l/100km), it-toqol, l-ajrodinamika, l-effikaċja ta' spazju, l-istorbju u l-għajnuniet favur sewqan ambjentali;
Il-promozzjoni tat-talba tal-konsumatur
42. Jirrikonoxxi l-irwol konsiderevoli li l-Istati Membri jista' jkollhom biex jinkoraġġixxu d-domanda tal-konsumatur għal vetturi privati u tat-trasport pubbliku b'inqas emissjonijiet, u jitlob il-preparazzjoni ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali li jindikaw il-miżuri li mistennija jittieħdu f'dan ir-rigward;
43. Jappoġġja b'mod partikolari l-użu ta' miżuri fiskali, u jinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jintroduċu taxxi, kemm fuq il-bejgħ kif ukoll fuq iċ-ċirkolazzjoni, fuq vetturi b'emissjonijiet ogħla mill-medja;
44. Jirrikonoxxi li l-età tal-flotot ta" vetturi u s-sewqan b'veloċitajiet eċċessivi jaffetwaw l-emissjonjiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu inċentivi ekonomiċi għall-irtirar ta" vetturi qodma u biex jiżguraw li parti mit-taxxi tal-vetturi tkun tvarja skond l-emissjonijiet tas-CO2 u skond sustanzi li jniġġsu oħrajn; jinnota li, bl-introduzzjoni gradwali tat-teknoloġiji mingħajr emissjonijiet tas-CO2 , il-komponent tat-taxxa relatat mas-CO2, għandu jinqata" fuq perjodu ta" żmien twil;
45. Jitlob, bil-għan li jevita l-frammentazzjoni tas-suq intern, li jiġu stabbiliti definizzjonijiet għall-UE kollha tal-valuri ta" emissjonijiet tas-CO2 li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri meta jiffissaw inċentivi ta" taxxa relatati ma" l-emissjonijiet;
46. Jappoġġja taxxa fuq il-karozzi u fuq il-fjuwils alternattivi li tkun ibbażata fuq is-CO2 sabiex ikun hemm l-inċentivi t-tajba għall-konsumaturi u għall-industrija;
Vetturi kummerċjali ħfief (N1) u kategoriji oħra
47. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirregola l-emissjonijiet tas-CO2 ta' vetturi kummerċjali ħfief, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fl-istess waqt ma' dawk li huma ppjanati għall-karozzi tal-passiġġieri;
48. Jirrikonoxxi li l-vetturi kummerċjali ħfief għandhom karatteristiċi differenti u suq differenti meta mqabbla mal-karozzi tal-passiġġieri; jinnota n-nuqqas ta' data dwar l-emissjonijiet medji f'dan is-settur u l-ispejjeż biex jintlaħaq tnaqqis, iżda jemmen li sa fejn hu possibbli l-istandards u r-rekwiżiti għandhom jaqblu ma' dawk mitluba mill-karozzi tal-passiġġieri;
49. Ifakkar li l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni diversi drabi biex tikkunsidra miżuri li jillimitaw is-CO2 għall-kategoriji kollha tal-vetturi fit-toroq, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti regolatorji xierqa, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009, għall-vetturi kummerċjali tqal u għal dawk b'żewġ roti;
Miżuri kumplimentari
50. Jemmen li miżuri li jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi iżda li magħhom ma jistax jintrabat valur assolut, għandhom jitqiesu bħala kompletament supplimentari u m'għandhomx jiġu inklużi fi ħdan il-leġiżlazzjoni proposta bħalissa;
51. Jemmen li miżuri ta' akkompanjament li jinvolvu l-inkoraġġament ta' sewqan aktar effiċjenti, tal-bijofjuwils u, b'mod partikolari, tat-titjib tas-sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku jistgħu jagħtu kontribut biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet tas-CO2;
52. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex inaqqsu l-volum ta' l-oġġetti li jinġarru minn vetturi li jġorru merkanzija tqila biex jinġarru minflok bi trasport ferrovjarju jew fl-ilmijiet interni, liema tnaqqis ikollu impatt f'termini ta' emissjonijiet li jniġġsu iktar baxxi u jnaqqas ukoll id-domanda għaż-żejt;
53. Jibża' li l-użu akbar tal-bijofjuwils jinvolvi r-riskju li jżid il-prezz ta' l-ikel u l-alimentari, li jaffetwa serjament lin-nies bi dħul baxx ħafna u li jaċċelera l-qerda tal-foresti tropikali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli stretti dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-bijofjuwils importati sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt soċjali u ekonomiku negattiv;
54. Jemmen xorta li l-benefiċċji tal-bijofjuwils fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-reviżjonijiet tad-Direttiva 98/70/KE;
55. Jinsisti li għandha tiġi żviluppata ċertifikazzjoni għall-bijofjuwils prodotti b'mod sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, fi proposta leġiżlattiva tagħha, biex tippermetti li bijofjuwils ċertifikati bi stejtus sostenibbli biss ikunu jgħoddu biex jintlaħqu l-miri ta" l-emissjonijiet; jenfasizza li bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni li ġejjin minn pjanti jew minn komponenti ta' pjanti li mhumiex f'kompetizzjoni diretta ma' użi għal raġunijiet ta' ikel u li joffru aktar effiċjenza għandhom jiġu estiżi u mogħtija saħansitra aktar appoġġ;
56. Jirrakkomanda li aktar miri ta" effiċjenza ta" fjuwil jiġu ffissati lil hinn mill-2012 sabiex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet filwaqt li tingħata ċertezza akbar lil kull min hu kkonċernat;
57. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-irwol u l-potenzjal ta' fjuwils alternattivi ta' gass, bħall-gass likwidizzat taż-żejt mhux raffinat u l-gass naturali, li jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis immedjat ta' l-emissjonijiet tas-CO2 u għad-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija;
58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu f'moħħhom il-bżonn ta" għarfien dettaljat tat-teknoloġiji l-ġodda għal vetturi bil-mutur u, b'mod partikolari, biex jipprovdu korsijiet ta' taħriġ għal gruppi speċifiċi (bħal "workshops" ta' l-inġinerija u servizzi tekniċi);
59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tipprepara immedjatament kampanja madwar l-UE kollha dwar l-ekosewqan, bħala parti mill-istrateġija biex jitnaqqas is-CO2 mill-karozzi;
60. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirraporta lill-Parlament Ewropew dwar kif il-benefiċċji tas-CO2 mill-ekosewqan ikunu jistgħu jiġu sorveljati u, jekk il-Kummissjoni temmen li dan mhux il-każ, tispjega għalfejn il-Kummissjon qiegħda tiffinanzja l-proġett ECODRIVEN li jimmira lejn tnaqqis kwantifikat tas-CO2 permezz ta' l-ekosewqan;
61. Jappoġġja l-prinċipju li għandu jsir rekwiżit obbligatorju għall-pussess ta' liċenzja tas-sewqan li wieħed jagħmel kors fl-ekosewqan;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.