Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta" l-UE (2007/2105(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta" l-UE" (COM(2007)0027),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tad-WHO ta' l-2003 dwar il-Kontroll tal-Konsum tat-Tabakk (FCTC),
– wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea tad-WHO ta' l-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-WHO għall-politiki ta' l-2007 dwar il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk permezz ta' tipjip passiv,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Parlament dwar addittivi tat-tabakk fil-kuntest tan-negozjati tar-REACH u dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar l-addittivi tat-tabakk(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0336/2007),
A. billi d-dħaħen tat-tabakk jikkostitwixxu taħlita tossika kumplessa ta' aktar minn 4,000 sustanza, fosthom veleni bħaċ-ċjanur idroġenu, l-ammonijaka u l-monossidu karboniku kif ukoll aktar minn 50 sustanza li ġie ppruvat li jistgħu jikkawżaw il-kanċer,
B. billi fl-Unjoni Ewropea biss kull sena jiġu rreġistrati għall-inqas 650,000 vittma tal-konsegwenzi tat-tipjip,
C. billi huwa xjentifikament ippruvat li d-dħaħen tat-tabakk u l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux jikkawżaw ħsara serja għas-saħħa u mewt bikrija,
D. billi d-dħaħen tat-tabakk jagħmlu ħsara lill-passaġġi tan-nifs, b'konsegwenza ta' irritazzjoni fil-membrana mukuża, ta' sogħla, ħanqa, qtugħ ta' nifs, iffunzjonar batut tal-pulmuni, l-iżvilupp u l-aggravar ta' l-ażżma u ta' pulmonite, bronkite u mard kroniku-ostruttiv fil-pulmuni, u billi wkoll il-ħsara fl-arterji hija tant qawwija li tista' twassal għal attakk tal-qalb u puplesija, kif ukoll aktar milli tirdoppja r-riskju ta' nuqqas ta' dawl minħabba d-deġenerazzjoni tal-makula marbuta ma' l-età (AMD),
E. billi huwa ppruvat li jeżisti riskju sostanzjalment akbar ta' kanċer tal-pulmun bħala konsegwenza ta' l-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk b'mod ġenerali jew fuq il-post tax-xogħol u impjegati ta' stabbilimenti ta' l-ikel fejn huwa permess it-tipjip għandhom, per eżempju, 50% iktar ċans li jiżviluppaw kanċer tal-pulmun minn impjegati li m'humiex esposti għad-dħaħen tat-tabakk,
F. billi huwa stmat li fl-Unjoni Ewropea kull sena imutu madwar 80,000 persuna b'konsegwenza tat-tipjip passiv,
G. billi t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis mit-tipjip, pereżempju, fid-dar u fit-trasport privat,
H. billi t-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk waqt it-tqala jwassal għal żieda fir-riskju ta' malformazzjonijiet, ta' korrimenti, ta' ħlas prematur u mortalità fit-twelid, tnaqqis fil-kobor tal-fetu, ċirkonferenza iżgħar tar-ras u piż anqas fit-twelid, filwaqt li teżisti relazzjoni bejn it-tipjip passiv u l-infjammazzjoni tat-tambur tal-widna, iffunzjonar difettuż tal-pulmuni, l-ażma kif ukoll is-sindromu ta' mewt għal għarrieda tat-trabi,
I. billi l-Unjoni Ewropea u 25 mis-27 Stati Membri tagħha diġà ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), li fil-preambolu tirreferi gal Kostituzzjoni tad-WHO li tiddikjara li t-tgawdija ta l-ogla standard ta saa li jista' jintlaħaq huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, filwaqt li l-Artikolu 8 tagħha jistabilixxi l-obbligu ta' ħarsien mad-dħaħen tat-tabakk,
J. billi l-akbar benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija jinkiseb l-aħjar meta z-zoni ta" bla tipjip ikunu kumplimentati minn politiki effettivi għall-waqfien mit-tipjip fil-livell ta" l-UE u/jew ta" l-Istati Membri, bħalma huma: (a) programmi effettivi għall-promozzjoni tal-waqfien mit-tipjip fl-istituzzjonijiet edukattivi, fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, fil-postijiet tax-xogħol u fl-ambjenti sportivi, u aktar aċċess għal terapiji għal waqfien (kemm mil-lat ta" mġieba kif ukoll mil-lat farmakoloġiku) għal persuni li jixtiequ jiefqu jpejpu, (b) dijanjosi u trattament tad-dipendenza fuq it-tabakk fil-programmi nazzjonali tas-saħħa u ta" l-edukazzjoni, u (c) kollaborazzjoni għall-iffaċilitar ta" l-aċċessibilità u prezzijiet raġonevoli kif ġie miftiehem fl-Artikolu 14 ta" l-FCTC,
K. billi politika responsabbli għandha l-obbligu li toħloq ambjent fejn it-tipjip mhuwiex aktar ikkunsidrat bħala normali, u li tinkuraġġixxi lil dawk li jpejpu biex ipejpu inqas jew jieqfu għal kollox, li tagħtihom l-appoġġ fil-proċess tal-waqfien u li żżomm lit-tfal u liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu,
L. billi hija biss projbizzjoni komprensiva tat-tipjip fl-ambjenti tax-xogħol magħluqin kollha, inklużi l-istabbilimenti ta' l-ikel u tax-xorb, u l-bini pubbliku u l-mezzi ta' trasport pubbliku kollha li tista' tħares is-saħħa ta' l-impjegati u ta' dawk li ma jpejpux, u billi dan jagħmilha kunsiderevolment aktar faċli għal dawk li jpejpu li jieqfu mit-tipjip,
M. billi fl-Istati Membri fejn ġiet introdotta projbizzjoni sħiħa fir-ristoranti ma nħass l-ebda tnaqqis notevoli fid-dħul,
N. billi l-Bank Dinji wera bil-provi l-effettività meta mqabbla man-nefqa tal-miżuri ta' tassazzjoni biex tonqos id-domanda għal prodotti tat-tabakk u biex jonqos globalment il-konsum tat-tabakk fir-rapport tiegħu ta' l-1999 "Biex titrażżan l-epidemja: il-gvernijiet u l-ekonomija tal-kontroll tat-tabakk", u billi d-WHO enfasizzat ukoll li t-tassazzjoni tħalli l-akbar effett,
O. billi l-Istrateġija Ewropea tad-WHO dwar il-Politika għall-Waqfien mit-Tipjip tafferma li l-interventi għall-waqfien mit-tipjip (kemm mil-lat ta" mġieba kif ukoll mil-lat farmakoloġiku) huma komponent importanti u effettiv meta mqabbel man-nefqa ta' l-istrateġija komprensiva għall-kontroll tat-tabakk li fil-ġejjieni tista' tiffranka spiża konsiderevoli lis-sistemi tas-saħħa,
P. billi huwa magħruf li l-konsum tat-tabakk kull sena jwassal għal danni għall-ekonomiji Ewropej, liema danni huma stmati li jlaħħqu l-mijiet tal-biljuni,
Q. billi l-prezz għas-sistemi tas-saħħa li jirriżulta mill-konsum tat-tabakk jitħallas minn kulħadd u mhux minn dawk responsabbli,
R. billi m'huwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jinkoraġġixxu x-xiri tal-prodotti tat-tabakk permezz ta' rati baxxi ta' tassazzjoni f'pajjiżhom sabiex jikbrilhom id-dħul globali mit-taxxi,
S. billi kważi 70% tal-popolazzjoni ta' l-UE ma jpejpux, 27% jpejpu s-sigaretti, 5% jpejpu s-sigaretti tal-brim u 1% s-sigarri jew il-pipa,
T. billi 86% taċ-ċittadini ta' l-UE huma favur il-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-post tax-xogħol, 84% huma favur il-projbizzjoni tat-tipjip f'postijiet pubbliċi oħra, 77% favur projbizzjoni fir-ristoranti u 61% huma favur projbizzjoni fil-bars u l-'pubs' ,
U. billi l-edukazzjoni li timmira għal gruppi speċifiċi, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, in-nisa tqal u l-ġenituri, tgħin sewwa biex jonqos il-konsum tat-tabakk,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq ta' politika Ewropea responsabbli li tipproteġi liċ-ċittadini mid-duħħan tat-tabakk li huwa periklu għas-saħħa;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni ta' dawk l-Istati Membri li diġà adottaw miżuri effettivi għall-ħarsien mit-tipjip passiv;
3. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, kif maħruġa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010(2), biex id-duħħan tat-tabakk fl-ambjent jiġi klassifikat fid-Direttiva dwar is-Sustanzi Perikolużi(3) kemm jista' jkun malajr bħala sustanza karċinoġenika tal-Kategorija I sabiex id-duħħan tat-tabakk fl-ambjent jaqa' fl-ambitu tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni(4);
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel lista u tikkwantifika l-effetti konkreti ta" ħsara għas-saħħa tat-tipjip fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri, bil-ħsieb li wara jiġu fformulati objettivi Ewropej għall-Istati Membri mmirati biex irażżnu l-użu u l-konsum tat-tabakk fost iż-żgħażagħ, bl-Istati Membri jikkommettu ruħhom li jnaqqsu t-tipjip fost iż-żgħażagħ b'mill-inqas 50% sa l-2025,
5. Bla ħsara għal kwalunkwe obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jenfasizza li l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu x'tip ta' miżuri jittieħdu fil-livell nazzjonali, imma li għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, kemm fin-nofs kif ukoll fit-tmiem tal-perjodu stabbilit imsemmi fil-paragrafu 4, dwar il-progress li jkun sar biex jonqsu l-effetti ta' ħsara tat-tipjip fost iż-żgħażagħ,
6. Jinnota li sehem il-Kummissjoni huwa wieħed ta' appoġġ biex jintlaħqu l-objettivi Ewropej billi tgħin lill-Istati Membri biex jaqsmu l-għerf u l-aħjar prattiki u biex issir riċerka Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-effetti ta' ħsara tat-tipjip fost iż-żgħażagħ;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal emenda għad-Direttiva ta' Qafas dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol(5) li tesiġi li kull min iħaddem jiżgura li l-post tax-xogħol huwa ħieles mid-dħaħen tat-tabakk;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex, fi żmien sentejn, jintroduċu projbizzjoni mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-postijiet tax-xogħol kollha fil-magħluq, inklużi stabbiliment ta" l-ikel, u fil-bini pubbliku fil-magħluq u fil-mezzi ta' trasport pubbliku magħluqa kollha fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, fil-każ li l-għanijiet imsemmija ma jintlaħqux mill-Istati Membri kollha, biex sa l-2011 tippreżenta proposta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar regoli dwar il-protezzjoni ta' persuni li ma jpejpux fil-qasam tal-ħarsien fuq il-post tax-xogħol u b'dan jiġu rikonoxxuti d-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti ta' l-Istati Membri;
9. Jistieden lill-Istati Membri li introduċew projbizzjoni sħiħa fuq it-tipjip f'postijiet pubbliċi, fi ħwienet tax-xorb u f'ristoranti biex joħolqu u jiffirmaw karta volontarja li tiddikjara 'żona Ewropea ħielsa mit-tipjip', biex b'hekk tinħoloq xpruna ta' Stati Membri li diġà adottaw projbizzjoni sħiħa fuq it-tipjip fuq il-bażi ta' sħubija volontarja, u jistieden lill-membri tal-karta biex eventwalment jikkunsidraw jagħtu status leġiżlattiv lill-din il- karta volontarja permezz tal-proċedura ta' koperazzjoni msaħħa;
10. Jistieden lill-Istati Membri biex fi żmien sentejn jipprojbixxu t-tipjip fil-grawnds fejn jilagħbu t-tfal;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar l-ispejjeż imġarrba mis-sistemi tas-saħħa nazzjonali u l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea b'riżultat tat-tipjip u l-effetti tat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta, sa l-2008 jekk huwa possibbli, għal emenda tad-Direttiva 2001/37/KE(6) dwar il-prodotti tat-tabakk, li għallinqas tkun tinkludi dan li ġej:
-
projbizzjoni immedjata tas-sustanzi addittivi li jsaħħu l-ivvizzjar,
-
projbizzjoni immedjata fuq l-addittivi kollha li minn data tossikoloġika eżistenti ntwera li jikkawżaw il-kanċer, li huma mutaġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni fiha nnifisha jew fil-proċess ta' tmermir ikkawżat mis-sħana (pyrolysis) (ħruq f'temperatura ta' 600/950° celsius),
-
introduzzjoni ta" proċedura dettaljata ta" reġistrazzjoni, evalwazzjoni u awtorizzazzjoni għall-addittivi tat-tabakk, u tikkettar komplut fuq il-pakkett ta" l-addittivi kollha tat-tabakk,
-
projbizzjoni awtomatika tas-sustanzi addittivi kollha li għalihom l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ma jipprovdux informazzjoni sħiħa sa tmiem l-2008 (inklużi listi ta' l-ingredjenti kollha bl-isem tad-ditta u t-tip, flimkien ma' data dwar il-kwantitajiet u tossikoloġika),
-
obbligu għall-produtturi li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-data tossikoloġika kollha dwar l-addittivi u s-sustanzi fid-dħaħen tat-tabakk, inklużi dawk li jiġu prodotti mill-ħruq tat-tabakk (data pubblika u data interna),
-
tfassil ta' elenku komprensiv ta' sustanzi addittivi tat-tabakk u sustanzi fid-dħaħen tat-tabakk u l-forniment ta' informazzjoni tal-konsumaturi dwarhom,
-
introduzzjoni ta' sistema ta' ffinanzjar li timponi fuq il-produtturi ta' prodotti derivati mit-tabakk l-ispejjeż kollha marbuta ma' l-iżvilupp u ż-żamma ta' strutturi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ (per eżempju, laboratorji indipendenti, persunal u studji xjentifiċi),
-
applikazzjoni tar-responsabilità għall-prodott fuq il-produtturi u introduzzjoni ta' responsabilità tal-produtturi għall-iffinanzjar ta' l-ispejjeż tas-saħħa kollha li joriġinaw mill-konsum tat-tabakk;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa miżuri oħra fl-UE kollha lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip, u sabiex tappoġġja strateġija komprensiva ta' kontroll tal-konsum tat-tabakk u ta' waqfien mit-tipjip u sabiex teżamina aktar miżuri ma' l-UE kollha lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk, bħal pereżempju:
-
projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tat-tabakk fil-preżenża tal-minorenni fit-trasport privat,
-
projbizzjoni fl-UE kollha ta' bejgħ ta' prodotti tat-tabakk lil żgħażagħ ta" taħt it-18-il sena,
-
li l-għoti ta' permess għall-installazzjoni ta" magni għall-bejgħ tas-sigaretti isir biss jekk dawn ma jkunux aċċessibbli għall-minorenni,
-
it-tneħħija ta' prodotti tat-tabakk minn sistemi self-service fil-ħwienet ta' bejgħ bl-imnut,
-
projbizzjoni tal-bejgħ minn distanza (p.e. permezz ta' l-internet) ta' prodotti tat-tabakk liż-żgħażagħ taħt it-18-il sena;
-
promozzjoni ta' miżuri preventivi u kampanji kontra t-tipjip għaż-żgħażagħ,
l-inkoraġġiment biex l-Istati Membri jdaħħlu tassazzjoni li ma tkunx suġġetta għall-inflazzjoni fuq il-prodotti kollha tat-tabakk,
-
livell minimu għoli ta' tassazzjoni fl-UE kollha fuq il-prodotti tat-tabakk,
-
kontrolli aktar ibsin fuq il-kuntrabandu tat-tabakk;
14. Jistieden lill-Kummisjoni biex tinvestiga liema miżuri fiskali jistgħu jgħinu biex jonqos il-konsum tat-tabakk, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fuq il-bażi ta' din l-investigazzjoni;
15. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex ma jkomplux iħajru x-xiri ta' prodotti tat-tabakk f'pajjiżhom billi jżommu rati baxxi ta' tassazzjoni;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' l-Italja li tipprojbixxi t-trasport kollu ta' sigaretti bla tikketta, bħala mod ta" kif jingħeleb il-kuntrabandu u biex tiffaċilita d-determinazzjoni ta" l-oriġini;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti biex tiġi emendata d-Direttiva 2001/37/KE sabiex jitneħħa r-rekwiżit li fuq il-pakketti tas-sigaretti jkun hemm tagħrif dwar il-qatran, in-nikotina u l-monossidu karboniku, li bħalissa jipprovdi lil min ipejjep b'paragun li jqarraq;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti biex tiġi emendata d-Direttiva 2001/37/KE sabiex tinkludi ġabra ġdida ta' twissijiet bl-istampi li jkunu akbar u aktar qawwija u jkunu obbligatorji fuq il-prodotti tat-tabakk kollha li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea, u biex twissijiet bħal dawn ikunu jidhru fuq iż-żewġ naħat tal-pakketti tat-tabakk; iqis li t-twissijiet kollha għandu jkollhom ukoll dettalji ċari ta' kuntatti li jgħinu lil min ipejjep biex jaqta' t-tipjip, bħal xi numru tat-telefon bla ħlas relevanti jew xi websajt relevanti;
19. B'mod partikulari, jistieden lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda l-inklużjoni ta' twissija dwar rabta bejn it-tipjip u t-telf tal-vista fir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2001/37/KE, minħabba li bosta studji xjentifiċi reċenti pproduċew evidenza b'saħħitha u konsistenti li t-tipjip jikkawża t-telf tal-vista permezz tad-deġenerazzjoni tal-makula marbuta ma' l-età; twissijiet bħal dawn għandhom jidhru fil-lista ta' twissijiet għall-użu ta' prodotti tat-tabakk bi stampi grafiċi xierqa sabiex jiġi appoġġjat dan il-messaġġ;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex jgħinu lil min ikun irid jaqta' t-tipjip permezz ta' miżuri ta' appoġġ, per eżempju interventi għall-waqfien mit-tipjip bħal ma huma:
-
aċċess akbar għat-terapiji għall-waqfien mit-tipjip - kemm farmakoloġiċi (per eżempju, it-terapija għas-sostituzzjoni tan-nikotina) kif ukoll komportamentali (l-għoti tal-pariri) - permezz ta' l-għoti ta' rimborż u interventi minn fornituri tal-kura tas-saħħa;
-
prezzijiet aktar raġonevoli tal-prodotti għall-waqfien mit-tipjip (per eżempju, il-prodotti għas-sostituzzjoni tan-nikotina) permezz ta' rata mnaqqsa tal-VAT;
21. Jiġbed l-attenzjoni li skond l-istrateġija Ewropea tad-WHO ta' l-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip, l-għoti tal-pariri b'mod intensiv minn tabib għal aktar minn 10 minuti għandu l-ogħla rata ta' suċċess biex dak li jkun jaqta' s-sigaretti għat-tul; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex idaħħlu l-għoti tal-pariri għat-temma tad-dipendenza min-nikotina fis-sistema nazzjonali għall-kura tas-saħħa billi jħajru u jħarrġu lill-professjonisti tal-kura primarja sabiex jintervjenu u jistaqsu lill-pazjenti b'mod sistematiku dwar it-tipjip, u biex jingħatalhom rimborż għal dan l-għoti ta" pariri b'mod intensiv;
22. Jistieden lill-Istati Membri biex imexxu kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni dwar l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, imfassla għall-etajiet u l-gruppi soċjali kollha sabiex in-nies jibdew ikunu responsabbli għalihom infushom u, fejn ikun il-każ, għal uliedhom;
23. Iqis li miżuri bħal dawn għall-waqfien mit-tipjip għandhom jiżguraw li min ipejjep, l-aktar iż-żgħażagħ u dawk li ma tantx huma ekonomikament komdi, ikollu aċċess għall-prodotti u għal trattamenti għall-waqfien mit-tipjip, inkluż għoti ta" pariri, bi prezzijiet raġonevoli, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm differenzi għal dawk il-membri tas-soċjetà li jkollhom xi żvantaġġi u b'hekk jaqtgħu qalbhom milli jużawhom;
24. Iqis li t-tagħrif dwar kif taqta' t-tipjip, inklużi n-numri tat-telefon bla ħlas jew xi indirizz ta' websajt, għandhom jidhru b'mod ċar fil-ħwienet kollha fejn jinbigħu l-prodotti tat-tabakk;
25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta miżuri ta' appoġġ fil-livell ta' l-UE, bħal pereżempju miżuri ta' ħolqien ta' kuxjenza; iqis li l-iżvilupp tal-ħiliet tat-tobba u ta' ħaddiema oħra fil-kura tas-saħħa għandu jkun qasam importanti, u wieħed ta' prijorità;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tinvestiga r-riskji tas-saħħa assoċjati mal-konsum tas-'snus' u l-impatt tiegħu fuq il-konsum tas-sigaretti;
27. Jitlob, bħala parti mill-awtorità tal-baġit, li f'dan il-kuntest, jiġi ggarantit kompletament l-iffinanzjar ta' kampanji simili ta' ħolqien ta' kuxjenza, li bħalissa huma ffinanzjati mill-fond Komunitarju tat-tabakk, anki wara d-data ta' skadenza tiegħu;
28. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinkludu l-kontroll tat-tabakk bħala prijorità ewlenija fil-ħidma tagħhom dwar is-saħħa u l-iżvilupp u biex jaħdmu ma' pajjiżi bi dħul baxx biex jiġi żgurat li l-finanzjament u l-għajnuna teknika meħtieġa jsiru disponibbli sabiex sħab l-UE mill-ACP ikunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom skond il-FCTC; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex dejjem tħallas fil-pront l-impenji finanzjarji kollha marbuta ma' l-FCTC u ma' l-inizjattivi relatati mas-sistema tan-NU;
29. Jistieden lill-Italja u lir-Repubblika Ċeka biex jirratifikaw l-FCTC malajr kemm jista" jkun;
30. Jikkundanna n-nuqqas ta" kunsiderazzjoni muri minn xi Membri u persunal tal-Parlament Ewropew għar-restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-Parlament Ewropew, per eżempju, billi jpejpu fit-turġien jew fil-bar miftuħ tal-Membri fi Strasburgu;
31. Jistieden lill-Bureau tiegħu, billi jappella għall-funzjoni tiegħu bħala entità li tagħti l-eżempju, biex jiddikjara projbizzjoni tat-tipjip mingħajr eżenzjonijiet fil-kmamar kollha tal-Parlament Ewropew b'effett immedjat; jitlob biex isir infurzar rigoruż ta' din il-projbizzjoni;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta" sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).
Direttiva 2004/37/KE tal-parlament ewropew u l-kunsill tad-29 ta" April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma" l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26).