Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar ir-rapport perjodiku ta' l-2004 u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Marzu 2006 dwar id-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija għat-tkabbir(4) u tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007(5),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/35/KE tat-23 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li hemm fil-Ftehim ta' Sħubija mat-Turkija(6) ("is-Sħubija ta' l-Adeżjoni"),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' l-2006 dwar il-Progress fin-negozjati mat-Turkija (SEC(2006)1390),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrateġija ta' tkabbir u l-isfidi ewlenin 2006-2007 (COM(2006)0649),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjati għal sħubija mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Qafas ta' Negozjar, u billi l-bidu ta' dawn in-negozjati huwa l-punt ta' tluq ta' proċess dejjiemi u li m'għandux limitu ta' żmien,
B. billi t-Turkija impenjat ruħha li twettaq riformi u li tfittex relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-allinjament progressiv ma' l-UE, u billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija stess biex timmodernizza ruħha,
C. billi l-konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen għadha l-bażi għall-adeżjoni ma' l-UE, kif ukoll għall-kapaċità ta' l-integrazzjoni ta' l-Unjoni, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006.
D. billi t-Turkija għadha ma implimentatx kompletament id-dispożizzjonijiet skond il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu,
E. billi wara mewġa impressjonanti ta' riformi li kienu ġew introdotti bejn l-2002 u l-2004, ir-ritmu tar-riformi fit-Turkija issa naqas; billi fis-17 ta' April 2007 l-Gvern Tork adotta l-'Programm għall-Allinjament ma' l-Acquis ta' l-UE 2007-2013', billi fil-31 ta' Awwissu 2007 l-gvern Tork il-ġdid ressaq il-programm tiegħu, li jinkludi t-tisħiħ ta' l-ekonomija, it-tfassil ta' kostituzzjoni ġdida u l-aċċellerazzjoni tar-riformi meħtieġa sabiex it-Turkija toqrob lejn l-UE,
1. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fir-rapport perjodiku tagħha tidentifika dawk it-temi li jridu jiġu indirizzati mit-Turkija bħala prijorità, filwaqt li tiffoka fuq il-kisba tal-prijoritajiet għall-futur qarib u fuq żmien medju stipulati fil-Ftehim ta' Sħubija ta' Adeżjoni, u sabiex tagħti attenzjoni partikulari għat-temi msemmija fir-riżoluzzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tuża l-mezzi tagħha kollha xierqa sabiex tappoġġja b'mod effiċjenti l-proċess ta' riforma, u jfakkar lit-Turkija li r-rispett lejn l-impenji tagħha fi ħdan il-kalendarju stipulat mill-Ftehim ta' Sħubija ta' Adeżjoni huwa ta' importanza kbira għall-kredibilità tagħha;
2. Jifraħ lit-Turkija talli organizzat elezzjonijiet ħielsa u ekwi, kif ikkonfermaw il-Missjoni ta' Evalwazzjoni Elettorali ta' l-OSCE/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u delegazzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa; jilqa' b'sodisfazzjon li l-elezzjoni ta' Assemblea Kbira Nazzjonali Torka, li tirrappreżenta lir-reġjuni kollha u li kabbret il-parteċipazzjoni tan-nisa, u jinkuraġġixxi lid-deputati eletti ġodda sabiex jimpenjaw ruħhom iżjed favur it-tisħiħ tad-demokrazija fit-Turkija;
3. Jilqa' l-elezzjoni tal-President il-ġdid bħala sinjal tas-saħħa tad-demokrazija tat-Turkija; jitlob lill-President Abdullah Gül biex iħeġġeġ il-pluraliżmu u l-unità tal-poplu Tork fi stat sekulari fil-proċess għal riformi diffiċli imma bżonnjużi;
4. Jistenna li l-Gvern Tork il-ġdid, li jgawdi minn mandat b'saħħtu u fiduċja mill-poplu, biex iħaffef il-proċess ta' riformi sabiex jissodisfa l-impenji ddefiniti fil-Ftehim ta' Sħubija ta' Adeżjoni; jinkuraġġixxi l-gvern sabiex ifittex kunsens wiesa' fil-Parlament Tork u fis-soċjetà ċivili Torka dwar kwistjonijiet kostituzzjonali u istituzzjonali; ifakkar li l-iżvilupp tat-Turkija fi stat demokratiku u prosperu msejjes fuq l-istat tad-dritt flimkien ma' l-applikazzjoni uniformi ta' normi legali huwa ta' importanza strateġika għat-Turkija, għas-soċjetà tagħha u għall-UE; jilqa' f'dan ir-rigward l-impenn tal-gvern il-ġdid biex iħeġġeġ il-proċess ta' riforma fix-xhur u s-snin li ġejjin;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-gvern il-ġdid Tork biex jadotta kostituzzjoni ġdida u ċivili li trid tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem fundamentali u l-libertajiet fundamentali; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-kostituzzjoni l-ġdida tistabbilixxi sistema ta' kontrolli u bilanċi li jiggarantixxu l-karattru demokratiku u sekulari ta' l-Istat Tork; jitlob lill-partijiet kollha biex jappoġġjaw proċess kostituzzjonali miftuħ u kunsenswali; ifakkar f'dan il-kuntest ir-rakkomandazzjoni bikrija tiegħu dwar il-limitu elettorali; jisħaq li pjanijiet kostituzzjonali m'għandhomx jippostponu riformi li huma fil-bżonn b'mod urġenti, speċjalment dwar l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ekonomiku pożittiv li sar fit-Turkija f'dawn l-aħħar snin; madankollu iqis li huwa importanti ħafna li jiżdied l-impjieg u li tkun żviluppata strateġija ta' riforma li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali tas-soċjetà Torka;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula mill-gvern Tork sabiex jiġi konformi ma' l-acquis ta' l-UE, u jappoġġja l-ftuħ ta' negozjati dwar il-kapitolu ta' l-enerġija malli l-preparazzjonijiet tekniċi jkunu lesti; iħeġġeġ lit-Turkija biex tissieħeb, bħala membru sħiħ, mal-Komunità ta' l-Enerġija Ewropea, u sabiex ikun hemm tisħiħ ulterjuri tal-koperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u t-Turkija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, u jiġi appoġġjat l-użu ta' riżorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-importanza tat-Turkija bħala 'hub' ta' tranżitu għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass lejn l-UE; jenfasizza li l-proġetti ta' l-enerġija li jinvolvu lit-Turkija fin-Nofsinhar tal-Kawkasu għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi kollha ta' dak ir-reġjun, li jagħmlu parti mill-politika ta' viċinat ta' l-UE;
8. Jinnota li l-pożizzjoni ġeo-strateġika tat-Turkija fir-reġjun u l-irwol tagħha fit-trasport u fil-loġistika se jsiru aktar importanti fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħroġ rapport speċifiku dwar l-aħħar żviluppi u l-isfidi tal-ġejjieni;
9. Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Forzi Armati Torok kemm-il darba ndaħlu fil-proċess politiku; jenfasizza li jinħtieġu aktar sforzi li jiżguraw li jkun hemm kontroll ċivili sħiħ u effettiv fuq il-forzi militari; jenfasizza li t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġija nazzjonali dwar is-sigurtà għandhom ikunu mmoniterjati mill-awtoritajiet ċivili; jappella li jitwaqqaf kontroll parlamentarju sħiħ fuq il-politika militari u tad-difiża u ta' l-ispejjeż kollha relatati; barra minn hekk jitlob għal superviżjoni parlamentari fuq is-servizzi sigrieti, il-ġendarmerija u l-pulizija tal-pajjiż;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon id-Djalogu dwar is-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u t-Turkija, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport dwar il-ħidma li saret f'dan il-qafas; jenfasizza l-importanza ta' iżjed kuntatti bejn is-soċjetajiet ċivili fit-Turkija u fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ immirat għas-soċjetà ċivili, sabiex tkun aktar preżenti f'reġjuni differenti tat-Turkija u sabiex f'dan il-kuntest tagħti attenzjoni partikolari lix-Xlokk; jitlob lill-gvern il-ġdid Tork sabiex, fil-proċess ta' riforma, jinvolvi b'aktar intensità lis-soċjetà ċivili Torka, minħabba l-importanza tagħha fit-tmexxija 'l quddiem tad-demokrazija fit-Turkija;
11. Jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' hawn fuq tas-27 ta' Settembru 2006 dwar it-Turkija, l-aktar għal dawk il-paragrafi tiegħu dwar ir-riformi meħtieġa sabiex jittejbu l-ħidma tas-setgħat ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, l-implimentazzjoni ta' politika ta' tolleranza-żero għat-tortura, u l-ħarsien tad-drittijiet kulturali, reliġjużi u ta' minoranzi; jistenna, qabel jevalwa l-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi, ir-riżultati tal-monitoraġġ intensifikat tal-kriterji politiċi mħabbra mill-Kummissjoni fl-aħħar strateġija tagħha dwar it-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippubblika dawk ir-riżultati fir-rapport li jmiss tal-progress tagħha;
12. Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid Tork sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet skond il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu; ifakkar li n-nuqqas taż-żamma ma' l-impenji tat-Turkija kif imsemmija fil-Ftehim ta' Sħubija ta' Adeżjoni se jkompli jolqot b'mod serju l-proċess tan-negozjati;
13. Jilmenta l-fatt li għadd ta' persuni għadhom għaddejjin minn prosekuzzjoni skond l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali; jikkundanna bis-sħiħ il-kundanna reċenti ta' Saris Seropyan u Arat Dink skond dan l-Artikolu; u jħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament li għadu kif ġie elett biex jiżguraw li jitneħħew id-dispożizzjonijiet kollha tal-Kodiċi Penali li jippermettu restrizzjonijiet arbitjarji ta' l-espressjoni ta' opinjonijiet mhux vjolenti u li jiġu ggarantiti l-libertà ta' l-espressjoni u l-libertà ta' l-istampa; iqis dan bħala l-ogħla prijorità għall-gvern il-ġdid;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li mingħajr dewmien tiġi adottata Liġi dwar il-Fundazzjonijiet li tindirizza l-inċertezza legali li bħalissa hemm fir-rigward tal-minoranzi reliġjużi u li tistabbilixxi qafas legali ċar li jippermettilhom li jeżerċitaw it-twemmin tagħhom b'mod ħieles billi tħallihom, fost l-oħrajn, li jkunu sidien ta' proprjetà u li jħarrġu lill-kleru tagħhom; jingħaqad mat-tħassib muri mill-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 2007 dwar id-deċiżjoni riċenti tal-Qorti tal-Kassazzjoni Torka fir-rigward tal-Patrijarkat Ekumeniku; iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid Tork sabiex ibiddel l-istrateġija tiegħu lejn il-minoranzi reliġjużi ħalli tkun konformi mal-prinċipji tal-libertà reliġjuża kif definit mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqajjem dawn il-problemi mal-gvern il-ġdid; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tindika kif l-Istrument ta' Qabel is-Sħubija stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006(7) jista' jintuża għall-ħarsien tal-wirt Kristjan;
15. Jikkundanna bil-qawwi l-qtil ta' Hrant Dink, tal-qassis Kristjan Andrea Santoro u ta' tliet Insara f'Malatya, l-attakk terroristiku f'Ankara, u l-atti l-oħra kollha ta' vjolenza immotivati b'mod politiku jew reliġjuż; jistenna li l-awtoritajiet Torok jinvestigaw fis-sħiħ dawn il-każijiet u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' ġlieda effiċjenti kontra kull tip ta' estremiżmu u vjolenza u sabiex dawn jiġu pprojbiti fil-livelli kollha tal-ħajja pubblika fit-Turkija; jistieden lill-Gvern Tork sabiex iżid il-protezzjoni ta' dawn il-gruppi, minoranzi jew individwi li jħossuhom esposti għal theddid u diskriminazzjoni;
16. Jistieden lill-gvern il-ġdid biex jieħu miżuri konkreti sabiex jiżgura li d-drittijiet sħaħ tat-trade unions ikunu rrispettati b'konformità ma' l-istandards Ewropej u ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol; jinkuraġġih sabiex jappoġġja l-intensifikazzjoni tad-djalogu soċjali bejn l-għaqdiet ta' dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqajjem din il-kwistjoni mal-gvern il-ġdid;
17. Jilqa' l-fatt li għadd kunsiderevoli ta' nisa fit-Turkija għandhom pożizzjonijiet importanti fl-ekonomija u fid-dinja akkademika, u li ġew eletti aktar nisa fil-parlament Tork milli kien hemm qabel; jenfasizza li l-aċċessibilità għall-edukazzjoni għan-nisa, it-trattament ugwali u l-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom huma importanti ħafna għal aktar tkabbir ekonomiku u prosperità fit-Turkija; jisgħobbih li vjolazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, u b'mod partikolari l-hekk imsejħa 'reati relatati ma' l-unur', jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib serju; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tisħaq mal-gvern il-ġdid fuq il-bżonn li jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jegħleb il-vjolenza u prattiki diskriminatorji kontra n-nisa, u jisħaq li dawk l-isforzi għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, kampanja pubblika sostenibbli u l-għoti ta' iżjed protezzjoni għal nisa li jsibu ruħhom f'diffikultà;
18. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' strateġija komprensiva għall-iżvilupp soċjoekonomiku tax-Xlokk tat-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindika l-mod li bih l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni jista' jintuża sabiex jappoġġja sforzi li jridu jsiru mill-gvern il-ġdid tat-Turkija sabiex jiżviluppa x-Xlokk tal-pajjiż, u sabiex tikkoordina din l-għajnuna flimkien ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;
19. Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi tal-problemi soċjali, ekoloġiċi, kulturali u ġeopolitiċi tal-Proġett Tork għall-Anatolja tax-Xlokk, li jinvolvi proġetti ta' lqugħ għall-ilma li se jkollhom impatt dirett fuq il-provvista ta' l-ilma tal-pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib, fir-rapport regolari tagħha, l-iżvilupp tal-koperazzjoni rigward l-ilma transkonfinali f'konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali, direttivi dwar il-ħarsien tan-natura u ta' l-ambjent, u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma(8), u biex tippromwovi l-applikazzjoni ta' l-istandards ambjentali ta' l-UE għall-imminar fuq skala kbira u l-proġetti ta' l-ilqugħ ta' l-ilma;
20. Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid biex iniedi inizjattiva politika favur soluzzjoni dejjiema għall-kwistjoni Kurda, u biex jaħdem bl-involviment kostruttiv tar-rappreżentanti li għadhom kif ġew eletti fl-Assemblea Ġenerali Kbira tat-Turkija, u tas-sindki eletti u tas-soċjetà ċivili fix-Xlokk, għal titjib sinifikanti fil-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali; jilqa' l-inizjattiva tal-President Gül li jżur ix-Xlokk tat-Turkija għall-ewwel darba;
21. Jikkundanna bil-qawwi l-vjolenza mwettqa fit-Turkija mill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) u minn gruppi terroristiċi oħra; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mat-Turkija fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu u jirrepeti l-appell tiegħu lill-PKK biex jiddikjara u jirrispetta waqfien mill-ġlied immedjat; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra t-terroriżmu b'mod li hu proporzjonat għat-theddida imposta u b'impenn sħiħ lejn l-osservanza ta' l-istrumenti u l-istandards legali internazzjonali; enfasizza li ma jista' jkun hemm qatt ġustifikazzjoni għal kwalunkwe vjolenza tat-tip li twettqet kontra n-nies ċivili;
22. Jinsab imħasseb sew minħabba l-konsegwenzi ta' azzjoni militari possibbli bejn il-fruntieri mit-truppi Torok fit-Tramuntana ta' l-Iraq; jitlob lit-Turkija sabiex iżżomm lura milli tieħu passi unilaterali li jivvjolaw it-territorju Iraqqin u biex tfittex li tagħmel sforzi favur soluzzjoni paċifika; jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi diplomatiċi sabiex jevitaw milli tiżdied il-vjolenza li tnaqqas l-istabilità tar-reġjun sħiħ;
23. Jagħti importanza kbira lill-impenn tat-Turkija għal relazzjonijiet tajba mal-ġirien li jkunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Qafas ta' Negozjar; itenni l-istennija tiegħu li t-Turkija tieqaf minn kwalunkwe imblokk ekonomiku u għeluq ta' fruntieri u tibqa' lura minn theddidiet jew attivitajiet militari li għandhom it-tendenza li joħolqu tensjoni fir-rigward tal-pajjiżi ġirien; itenni l-appell tiegħu lit-Turkija biex tieħu sehem fi sforzi serji u intensivi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim li għadu għaddej mal-ġirien kollha tagħha, skond il-Karta tan-NU u konvenzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti; u inkluża diskussjoni onesta u miftuħa dwar avvenimenti passati; itenni l-appell tiegħu lill-Gvernijiet tat-Turkija u ta' l-Armenja sabiex jibdew proċess ta' rikonċiljazzjoni għall-preżent u għall-passat, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni Torka-Armenja filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-koperazzjoni reġjonali maħsuba fil-Politika ta" Viċinat Ewropea u fil-Politika dwar is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;
24. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sostanzjali sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv dwar il-kwistjoni ta' Ċipru; itenni l-appell tiegħu liż-żewġ naħat sabiex jadottaw attitudni kostruttiva sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv fi ħdan il-qafas tan-NU, ibbażat fuq il-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE; f'dan ir-rigward, ifakkar fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li ddikjaraw li l-irtirar tal-forzi Torok għandhom jiffaċilitaw in-negozjar ta' ftehim;
25. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' strument ta' appoġġ finanzjarju li jinkuraġġixi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta speċifikament fuq l-implimentazzjoni u l-effettività ta' dak l-istrument;
26. Jenfasizza l-importanza tal-potenzjal tat-Turkija fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, in-Nofsinhar tal-Kawkasu u r-reġjun ta' l-Ażja Ċentrali biex iġġib l-istabilità, il-governanza demokratika, il-kunfidenza reċiproka u l-prosperità f'dawk ir-reġjuni, b'mod partikolari permezz ta' proġetti ta' koperazzjoni reġjonali; Jisħaq fuq l-irwol tat-Turkija fil-Lvant Nofsani; jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-gvern Tork fir-rigward tal-politika ta' l-UE li tikkonċerna dawk ir-reġjuni;
27. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba għal segwitu għall-istudju ta' impatt li kien ġie ppreżentat fl-2004 u jitlob sabiex dan jingħatalu fl-2007;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.
Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).