Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/0807(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0356/2007

Testi mressqa :

A6-0356/2007

Dibattiti :

PV 24/10/2007 - 19
CRE 24/10/2007 - 19

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2007 - 7.4
CRE 25/10/2007 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0475

Testi adottati
PDF 406kWORD 194k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2007 - Strasburgu
Rikonoxximent u superviżjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali *
P6_TA(2007)0475A6-0356/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent u s-superviżjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali (6480/2007 – C6-0129/2007 – 2007/0807(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża (6480/2007)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 31(1)(a) u (c) u l-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat UE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0129/2007),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 93 u 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0356/2007),

1.  Japprova l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jemenda t-test f'dan is-sens;

3.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jikkonsultah mill-ġdid jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża b'mod sostanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża.

Test propost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika Franċiża   Emendi tal-Parlament
Emenda 1
Titolu
Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent u s-superviżjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali
Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża bil-ħsieb li tiġi adottata Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent, is-superviżjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali
Emenda 2
Premessa 5
(5)  Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u taderixxi mal-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li huma wkoll espressi fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-Kapitolu VI tagħha. L-ebda dispożizzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandha tiġi interpretata bħala li tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u/jew tissorvelja miżura sospensiva jew sanzjoni alternattiva jekk ikun hemm indikazzjonijiet objettivi li l-miżura sospensiva jew is-sanzjoni alternattiva kienet imposta biex tikkastiga persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, il-konvinzjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha jew li din il-persuna tsta' tkun żvantaġġata għal waħda minn dawn ir-raġunijiet.
(5)  Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u taderixxi mal-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li huma wkoll espressi fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-Kapitolu VI tagħha. L-ebda dispożizzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandha tiġi interpretata bħala li tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u/jew tissorvelja miżura sospensiva jew sanzjoni alternattiva jekk ikun hemm indikazzjonijiet objettivi li l-miżura sospensiva jew is-sanzjoni alternattiva kienet imposta bi ksur ċar tad-drittijiet fundamentali stipulati fit-trattati ta' l-Unjoni Ewropea.
Emenda 3
Premessa 6
(6)  Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu rigward id-dritt għal proċess xieraq, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta' l-espressjoni f'medja oħra.
(6)  Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu rigward id-dritt għal proċess xieraq, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta' l-espressjoni f'medja oħra, u b'mod ġenerali kull regola li tikkonċerna d-drittijiet fundamentali li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha mhuwiex inkompatibbli mal-mod kif il-miżuri huma implimentati.
Emenda 4
Premessa 8
(8)  L-għan tar-rikonoxximent reċiproku u s-superviżjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali fl-Istat ta' esekuzzjoni hu li jitjiebu l-prospetti biex persuna sentenzjata tiġi integrata mill-ġdid fis-soċjetà, billi din tkun tista' tippreserva r-rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali u oħrajn, iżda wkoll biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi, bil-ħsieb li ma tħallix li jkun hemm reċidività, u b'hekk ikun qed jittieħed kont debitu tal-protezzjoni tal-vittmi.
(8)  L-għan tar-rikonoxximent reċiproku u s-superviżjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali fl-Istat ta' esekuzzjoni hu li jitjiebu l-prospetti biex persuna sentenzjata tiġi integrata mill-ġdid fis-soċjetà, billi din tkun tista' tippreserva r-rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali u oħrajn, iżda wkoll biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi, bil-ħsieb li ma tħallix li jkun hemm reċidività, u b'hekk ikun qed jittieħed kont debitu tal-protezzjoni tal-vittmi u l-ħarsien tas-soċjetà b'mod ġenerali.
Emenda 5
Premessa 9
(9)  Biex ikun żgurat l-iskambju effettiv ta' informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi kollha rilevanti għas-sospensjoni ta' sentenzi, l-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jippermettulhom jieħdu r-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u sanzjonijiet alternattivi li għandhom jiġu dokumentati fir-reġistri nazzjonali tagħhom.
(9)  Biex ikun żgurat l-iskambju effettiv ta' informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi kollha rilevanti għas-sospensjoni ta' sentenzi, l-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jippermettulhom jieħdu r-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' miżuri sospensivi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali li għandhom jiġu dokumentati fir-reġistri nazzjonali tagħhom.
Emenda 6
Artikolu 1, paragrafu 1
1.  L-objettiv ta' din id-Deċiżjoni Kwadru hu, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni soċjali ta' persuni sentenzjati u li titjieb il-protezzjoni tal-vittmi, li tistabbilixxi r-regoli skond liema Stat Membru jissorvelja miżuri sospensivi imposti abbażi ta' sentenza, li nħarġet fi Stat Membru ieħor, jew sanzjonijiet alternattivi li jinsabu f'tali sentenza u jieħu d-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma' l-esekuzzjoni ta' dik is-sentenza, safejn dan jaqa' fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu.
1.  Din id-Deċiżjoni Kwadru tfittex li tiffaċilita r-riintegrazzjoni soċjali ta' persuni sentenzjati, li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi u tas-soċjetà u sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali adegwati fil-każ ta' trasgressuri li mhumiex residenti fl-Istat li qed jagħti s-sentenza. Bil-għan li tilħaq dawn l-objettivi, din id-Deċiżjoni Kwadru tistabbilixxi regoli li fuqhom l-Istat Membru li fih il-persuna ssentenzjata għandha r-residenza legali jew ordinarja tagħha għandu jirrikonoxxi s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor u jissorvelja u jesegwixxi s-sentenzi sospiżi, is-sanzjonijiet alternattivi u s-sentenzi kondizzjonali.
Emenda 7
Artikolu 1, paragrafu 2
2.  Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta' sentenzi u t-trasferiment tar-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u sanzjonijiet alternattivi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji l-oħrajn kollha previsti f'din id-Deċiżjoni Kwadru. Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex tapplika għall-esekuzzjoni ta' sentenzi f'każijiet kriminali li jimponu sentenzi jew miżuri ta' kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2007/…/ĠAI. Ir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta' penali finanzjarji u ordnijiet ta' konfiska huma rregolati mill-istrumenti ġuridiċi applikabbli bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' penali finanzjarji u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska.
2.  Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta' sentenzi u t-trasferiment tar-responsabbiltà għas-superviżjoni u l-esekuzzjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali, u għad-deċiżjonijiet sussegwenti l-oħrajn kollha previsti f'din id-Deċiżjoni Kwadru. Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex tapplika għall-esekuzzjoni ta' sentenzi f'każijiet kriminali li jimponu sentenzi jew miżuri ta' kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2007/…/ĠAI. Ir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta' penali finanzjarji u ordnijiet ta' konfiska huma rregolati mill-istrumenti ġuridiċi applikabbli bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' penali finanzjarji u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska.
Emenda 8
Artikolu 2, punt (b)(ii)
(ii) meta tiġi skontata parti mis-sentenza ta' kustodja jew il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà (rilaxx kondizzjonali /libertà kondizzjonata);
(ii) meta tiġi skontata parti mis-sentenza ta' kustodja jew il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà (deċiżjoni ta' rilaxx kondizzjonali/libertà kondizzjonata), bl-impożizzjoni ta' miżura sospensiva waħda jew aktar;
Emenda 9
Artikolu 2, punt (c)
(c) "sanzjoni alternattiva" għandha tfisser obbligu jew struzzjoni, imposta bħala sanzjoni indipendenti, li mhix sentenza ta' kustodja, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew penali finanzjarja;
(c) "sanzjoni alternattiva" għandha tfisser obbligu jew struzzjoni, imposta bħala sanzjoni awtonoma, li ma tikkostitwixxix ċaħda ta' libertà jew tinvolvi l-ħlas ta' somma ta' flus;
Emenda 10
Artikolu 2, punt (d)
(d) "sentenza kondizzjonali" għandha tfisser deċiżjoni minn qorti fejn l-impożizzjoni ta' sentenza tkun ġiet sospiża kondizzjonalment bl-impożizzjoni ta' miżura sospensiva waħda jew aktar;
(d) "sentenza kondizzjonali" għandha tfisser deċiżjoni minn qorti fejn l-impożizzjoni ta' sentenza tkun ġiet sospiża kondizzjonalment flimkien ma' l-impożizzjoni ta' miżura sospensiva waħda jew aktar;
Emenda 11
Artikolu 2, punt (g)
(g)  "Stat ta' esekuzzjoni" għandha tfisser l-Istat Membru li fih il-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi jingħataw superviżjoni u li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha relatati ma' l-esekuzzjoni tas-sentenza, safejn ikun assuma l-kompetenza biex jagħmel dan.
(g)  "Stat ta' esekuzzjoni" għandha tfisser l-Istat Membru li fih il-miżuri ta' sospensjoni u s-sanzjonijiet alternattivi jingħataw superviżjoni u li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha relatati ma' l-esekuzzjoni ta' sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali, wara li tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 7.
Emenda 12
Artikolu 2, punt (g a) (ġdid)
(ga) 'residenza legali u ordinarja' tfisser il-post li l-individwu kkonċernat ikun stabbilixxa bħala ċ-ċentru permanenti ta' l-interessi tiegħu, li jrid jiġi ddeterminat billi jitqiesu l-fatti kollha rilevanti.
Emenda 13
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta' rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex ikollha l-effett li timmodifika d-dmir ta' rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.
Emenda 14
Artikolu 4, paragrafu 1
1.  Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet ġudizzjarji, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, huma kompetenti biex jaġixxu skond din id-Deċiżjoni Kwadru, fis-sitwazzjoni fejn dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta' esekuzzjoni.
1.  Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, huma kompetenti biex jaġixxu skond din id-Deċiżjoni Kwadru, fis-sitwazzjoni fejn dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta' esekuzzjoni. Lista ta' l-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Emenda 15
Artikolu 5, paragrafu 1, parti introduttorja
1.  Sentenza li fiha waħda jew aktar mill-miżuri sospensivi jew sanzjonijiet alternattivi li ġejjin tista' tiġi trasferita lejn Stat Membru ieħor, li fih il-persuna sentenzjata hi legalment u ordinarjament residenti, għall-fini tar-rikonoxximent u s-superviżjoni ta' dawk il-miżuri u sanzjonijiet:
1.  Sentenza jew deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata li fiha waħda jew aktar mill-miżuri ta' sospensjoni, obbligi jew istruzzjonijiet li ġejjin tista' tiġi trasferita lejn Stat Membru ieħor, li fih il-persuna sentenzjata hi legalment u ordinarjament residenti, għall-fini tar-rikonoxximent u s-superviżjoni ta' dawk il-miżuri jew obbligi jew istruzzjonijiet. Iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 jista', għal raġunijiet ta' superviżjoni, jinkludi waħda jew aktar mill-miżuri ta' sospensjoni jew obbligi jew l-istruzzjonijiet li jkun hemm fis-sentenza:
Emenda 16
Artikolu 5, paragrafu 1, punt (a)
(a) obbligu tal-persuna sentenzjata biex tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni dwar kwalunkwe bidla ta' residenza;
(a) obbligu tal-persuna sentenzjata biex tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni dwar kwalunkwe bidla ta' residenza jew ta' post tax-xogħol jew ta' studju;
Emenda 17
Artikolu 5, paragrafu 1, punt (b)
(b) obbligu biex ma tħallix jew ma tidħolx f'ċertu lokalitajiet fl-Istat emittenti jew ta' esekuzzjoni mingħajr permess, u ordnijiet oħra marbuta mat-tip ta' ħajja, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attività professjonali jew attivitajiet ta' passatemp;
(b) obbligu biex ma tidħolx f'ċertu lokalitajiet fl-Istat emittenti jew ta' esekuzzjoni mingħajr permess, u ordnijiet oħra marbuta mat-tip ta' ħajja, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attività professjonali jew attivitajiet ta' passatemp;
Emenda 18
Artikolu 5, paragrafu 1, punt (e)
(e) obbligu biex tikkumpensa għall-preġudizzju kkawżat mir-reat;
(e) obbligu biex tikkumpensa għall-preġudizzju kkawżat mir-reat u biex tinnotifika lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni li dan l-obbligu ġie sodisfatt;
Emenda 19
Artikolu 5, paragrafu 1a (ġdid)
1a.  Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, il-persuna fil-kawża trid tinstema' qabel tingħata s-sentenza jew id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata.
Emenda 20
Artikolu 5, paragrafu 3
3.  Barra l-miżuri u s-sanzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 għandu jinkludi biss dawk il-miżuri jew sanzjonijiet kif notifikati mill-Istat ta' esekuzzjoni kkonċernat skond il-paragrafu 2.
3.  Barra l-miżuri u s-sanzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 għandu jinkludi biss dawk il-miżuri ta' sospensjoni jew obbligi jew istruzzjonijiet kif notifikati mill-Istat ta' esekuzzjoni kkonċernat skond il-paragrafu 2.
Emenda 21
Artikolu 6, paragrafu 1
1.  Is-sentenza jew kopja ċċertifikata tiegħu, flimkien ma' ċertifikat, li l-forma standard tiegħu qed tiġi stabbilita fl-Anness I, għandhom jintbagħtu, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti direttament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni permezz ta' kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta' esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħhom. L-oriġinal tas-sentenza, jew kopja ċċertifikata tiegħu, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta' esekuzzjoni jekk dan jitlob hekk. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti msemmija.
1.  Iċ-ċertifikat, li l-format standard tiegħu qed tiġi stabbilita fl-Anness I, flimkien mas-sentenza (jew kopja ċċertifikata tagħha) u jekk relevanti, id-deċiżjoni ta' libertà kondizzjonata, għandhom jintbagħtu, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti direttament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni permezz ta' kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta' esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħhom. L-oriġinal tas-sentenza, jew kopja ċċertifikata tiegħu, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta' esekuzzjoni jekk dan jitlob hekk. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti msemmija.
Emenda 22
Artikolu 6, paragrafu 3
3.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandu jibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lil Stat ta' esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument determinat.
3.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandha tibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat (u kwalunkwe deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata) lil Stat ta' esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument determinat.
Emenda 23
Artikolu 6, paragrafu 5
5.  Meta awtorità ġudizzjarja fl-Istat ta' esekuzzjoni li tirċievi sentenza flimkien ma' ċertifikat ma jkollhiex il-kompetenza li tirrikonoxxiha, hija għandha, ex officio, tibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Dik l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, li s-sentenza u ċ-ċertifikat intbagħtu lilha.
5.  Meta awtorità ġudizzjarja fl-Istat ta' esekuzzjoni li tirċievi sentenza flimkien ma' ċertifikat (u kwalunkwe deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata) ma jkollhiex il-kompetenza li tirrikonoxxiha, hija għandha, ex officio, tibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Dik l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, li s-sentenza u ċ-ċertifikat intbagħtu lilha.
Emenda 24
Artikolu 7, paragrafu 1
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza mibgħuta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 u immedjatament tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi, sakemm din ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent u tieħu f'idejha s-superviżjoni tas-sentenza msemmija fl-Artikolu 9.
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza mibgħuta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 u immedjatament tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u l-obbligi u l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu s-sanzjoni alternattiva, sakemm din ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent u tas- superviżjoni tas-sentenza msemmija fl-Artikolu 9.
Emenda 25
Artikolu 7, paragrafu 2
2.  Jekk in-natura jew it-tul ta' żmien tal-miżuri sospensivi jew sanzjonijiet alternattivi huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet statutorji ta' l-Istat ta' esekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti f'dak l-Istat tista' tadattahom b'mod konformi mal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi li huma previsti, taħt il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni, għal reati ta' l-istess tip. Il-miżura sospensiva adattata jew is-sanzjoni alternattiva, għandha tikkorrispondi kemm jista' jkun ma' dik imposta fl-Istat emittenti.
2.  Jekk it-tul ta' żmien tal-miżuri sospensivi jew sanzjonijiet alternattivi huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet statutorji ta' l-Istat ta' esekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti f'dak l-Istat tista' tadattah b'mod konformi mal-miżuri sospensivi u l-obbligi u l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu s-sanzjonijiet alternattivi eżistenti li huma previsti, taħt il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni, għal reati simili. Il-miżura sospensiva adattata jew is-sanzjoni alternattiva, għandha tikkorrispondi kemm jista' jkun ma' dik imposta fl-Istat emittenti.
Emenda 26
Artikolu 7, paragrafu 3 a (ġdid)
3a.  Jekk miżuri sospensivi jew sanzjonijiet alternattivi jiġu adattati skond il-paragrafu 2, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tinnotifika bla dewmien lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti. Wara li tirċievi tali notifika l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti tista' tiddeċiedi li tirrevoka ċ-ċertifikat u s-sentenza (kif ukoll, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata). F'dawn il-każijiet, għandu jkun garantit id-dritt tas-smigħ lill-persuna sentenzjata.
Emenda 27
Artikolu 9, paragrafu 1, parti introduttorja
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni tista' tiċħad li tirrikonoxxi s-sentenza u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u sanzjonijiet alternattivi jekk:
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni tista' tiċħad li tirrikonoxxi s-sentenza (jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata) u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u sanzjonijiet alternattivi jekk:
Emenda 28
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (a)
(a) iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 mhux komplet jew b'mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza u ma hux ikkompletat jew ikkorreġut f'terminu raġonevoli stabbilit mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni;
(a) iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 mhux komplet jew b'mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza jew id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata u ma hux ikkompletat jew ikkorreġut f'terminu raġonevoli stabbilit mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni;
Emenda 29
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (b)
(b) il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux;
(b) il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux (inkluż, iżda mhux limitat, għar-rekwiżit ta' residenza legali u ordinarja fl-Istat ta' esekuzzjoni);
Emenda 30
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (e)
(e) il-prosekuzzjoni, jew l-esekuzzjoni ta' sentenza, hija diġà preskritta taħt il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni u tirrigwarda att li jaqa' fil-kompetenza ta' l-Istat ta' esekuzzjoni skond id-dritt nazzjonali tiegħu;
(e) is-sentenza, hija diġà preskritta taħt il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni;
Emenda 31
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (i)
(i) is-sentenza tipprovdi għal trattament mediku/terapewtiku li, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(2), l-Istat ta' esekuzzjoni ma jkunx jista' jagħmel superviżjoni tiegħu minħabba s-sistema legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu; jew
(i) is-sentenza jew possibilment id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata tipprovdi għal trattament mediku/terapewtiku li, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(2), l-Istat ta' esekuzzjoni ma jkunx jista' jagħmel superviżjoni tiegħu minħabba s-sistema tal-kura tas-saħħa tiegħu; jew
Emenda 32
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (j)
(j) fil-każ imsemmi fl-Artikolu 13(1), ma jista' jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-adattament ta' miżuri sospensivi jew sanzjonijet alternattivi.
imħassar
Emenda 33
Artikolu 9, paragrafu 1, punt (j a) (ġdid)
(ja) iċ-ċertifikat jew sentenza jinkludu miżuri li mhumiex imniżżla jew aċċettati skond l-Artikolu 5(1) u (2) ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.
Emenda 34
Artikolu 9, paragrafu 2
2.  Qabel ma l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni tiddeċiedi, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi, hi għandha tikkomunika, b'mezzi xierqa, ma' l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti u, skond kif meħtieġ, titlob lil ta' l-aħħar iforni immedjatament l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa.
2.  Qabel ma l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni tiddeċiedi, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (h) u (i), li ma tirrikonoxxix is-sentenza (jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata) u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi, hi għandha tikkomunika, b'mezzi xierqa, ma' l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti u, skond kif meħtieġ, titlob lil ta' l-aħħar iforni immedjatament l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa.
Emenda 35
Artikolu 10, paragrafu 1
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fi żmien għaxart ijiem wara li tirċievi s-sentenza u ċ-ċertifikat, jekk tirrikonoxxix je le s-sentenza u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi. Hi għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub. Għandhom jingħataw raġunijiet għaliex hi tkun ċaħdet li tirrikonoxxi s-sentenza u għaliex tkun irrifjutat li tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni.
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fi żmien tletin jum wara li tirċievi s-sentenza u ċ-ċertifikat, jekk tirrikonoxxix je le s-sentenza u tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-miżuri sospensivi u s-sanzjonijiet alternattivi. Hi għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub. Għandhom jingħataw raġunijiet għaliex hi tkun ċaħdet li tirrikonoxxi s-sentenza u għaliex tkun irrifjutat li tassumi r-responsabbiltà għas-superviżjoni.
Emenda 36
Artikolu 10, paragrafu 2
2.  Jekk, f'każ speċifiku, ma jkunx possibbli għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni li tikkonforma mal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1, hi għandha minnufih tinforma lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li tagħżel, waqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u tindika kemm biħsiebha tieħu biex toħroġ deċiżjoni finali.
2.  Jekk, f'każ eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni li tikkonforma mal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1, hi għandha minnufih tinforma lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li tagħżel, waqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u tindika kemm biħsiebha tieħu biex toħroġ deċiżjoni finali.
Emenda 37
Artikolu 11
Is-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u sanzjonijiet alternattivi għandhom ikunu rregolati mil-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni.
Is-superviżjoni ta' miżuri sospensivi u ta' l-obbligi u l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjonijiet alternattivi għandhom ikunu rregolati mil-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni.
Emenda 38
Artikolu 12, paragrafu 1
1.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet kollha sussegwenti rigward is-sentenza sospiża, is-sanzjoni alternattiva jew is-sentenza kondizzjonali, bħall-modifika ta' miżuri sospensivi, ir-revoka tas-sospensjoni, l-issentenzjar fil-każ ta' sentenza kondizzjonali, jew remissjoni. Il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha tapplika għad-deċiżjonijiet imsemmija preċedentement u għall-konsegwenzi sussegwenti kollha tas-sentenza.
1.  L-awtorità kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet kollha sussegwenti rigward is-sentenza sospiża, is-sanzjoni alternattiva, is-sentenza kondizzjonali jew il-libertà kundizzjonata, bħall-modifika ta' miżuri sospensivi, ir-revoka tas-sospensjoni, l-issentenzjar fil-każ ta' sentenza kondizzjonali, jew ir-revoka jew l-iskadenza tagħha . Il-liġi ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha tapplika għad-deċiżjonijiet imsemmija preċedentement u għall-konsegwenzi sussegwenti kollha tas-sentenza.
Emenda 39
Artikolu 12, paragrafu 2
2.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti tista' tirriżerva l-kompetenza li tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha dwar is-sentenzi kondizzjonali. F'dan il-każ il-liġi ta' l-Istat emittenti għandha tapplika għall-konsegwenzi sussegwenti kollha tas-sentenza.
2.  L-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti tista' tirriżerva l-kompetenza li tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha dwar is-sentenzi kondizzjonali. F'dan il-każ il-liġi ta' l-Istat emittenti għandha tapplika għad-deċiżjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1 u għall-konsegwenzi sussegwenti kollha tas-sentenza.
Emenda 40
Artikolu 12, paragrafu 3
3.  Meta jkun qed jittrasponi din id-Deċiżjoni Kwadru, kull Stat Membru jista' jindika li bħala Stat ta' esekuzzjoni jista', f'każi individwali, jirrifjuta li jassumi r-responsabbiltà prevista fil-paragrafu 1. F'dawn il-każijiet, id-deċiżjoni għandha tittieħed u n-notifika tiġi effettwata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Dan m'għandux jaffettwa l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 7(1).
3.  Meta jkun qed jadotta din id-Deċiżjoni Kwadru jew sussegwentement fil-mument tat-traspożizzjoni u permezz ta' dikjarazzjoni mogħtija lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, kull Stat Membru jista' jindika li, bħala Stat ta' esekuzzjoni u fil-kategoriji ta' każijiet li jridu jiġi speċifikati minn dak l-Istat Membru, jirrifjuta li jassumi r-responsabbiltà prevista fil-paragrafu 1. F'dawn il-każijiet, id-deċiżjoni għandha tittieħed (flimkien ma' raġunijiet mogħtija) u n-notifika tiġi effettwata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10. Dan m'għandux jaffettwa l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 7(1). Dik id-dikjarazzjoni minn Stat Membru tista' tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Id-dikjarazzjonijiet jew l-irtirar tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Emenda 41
Artikolu 13
Artikolu 13
Konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti
imħassar
1.  Jekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni bi ħsiebha tagħmel adattamenti kif previst fl-Artikolu 7(2) u (3), hi għandha l-ewwel tikkonsulta lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti dwar il-miżuri sospensivi adatti jew s-sanzjoni alternattiva.
2.  Meta tgħaddi s-sentenza u ċ-ċertifikat kif previst fl-Artikolu 6, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti tista' tirrinunzja għall-konsultazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1. F'dak il-każ, kull adattament li jkun sar mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni skond l-Artikolu 7(2) u (3) għandu sussegwentement jiġi nnotifikat lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti.
Emenda 42
Artikolu 14, titolu
Obbligi ta' l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat ta' esekuzzjoni għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha
Obbligi ta' l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat ta' esekuzzjoni għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti kollha
Emenda 43
Artikolu 14, paragrafu 1, punt (a)
(a) il-modifika tal-miżuri sospensivi jew is-sanzjoni alternattiva;
(a) sanzjonijiet alternattivi u modifika tal-miżuri sospensivi;
Emenda 44
Artikolu 14, paragrafu 1, punt (b)
(b) ir-revoka tas-sospensjoni tas-sentenza;
(b) ir-revoka tas-sentenza sospiża u tas-sentenza kondizzjonali;
Emenda 45
Artikolu 14, paragrafu 1, punt (c)
(c) l-impożizzjoni ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali;
(c) l-għoti ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali;
Emenda 46
Artikolu 14, paragrafu 1, punt (d)
(d) l-iskadenza tal-miżuri sospensivi jew is-sanzjoni alternattiva.
(d) l-iskadenza tas-sentenzi sospiżi, sentenzi kondizzjonali jew is-sanzjoni alternattiva.
Emenda 47
Artikolu 14, paragrafu 1 a (ġdid)
(1a)  Fil-każijiet meta jiġu rrevokati sentenzi sospiżi, sentenzi kondizzjonali u sanzjonijiet alternattivi, l-Istat ta' esekuzzjoni għandu jkun responsabbli li jesegwixxi s-sentenza ta' kustodja imposta, ħlief fil-każijiet skond l-Artikolu 12(2) u (3).
Emenda 48
Artikolu 14, paragrafu 2
2.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità ġudizzjarja fl-Istat li jissentenzja, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, b'kull ċirkostanza jew sejba li, fl-opinjoni tagħha, tista' twassal għar-revoka tas-sospensjoni tas-sentenza jew modifika tal-miżuri sospensivi jew tas-sanzjoni alternattiva.
2.  L-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità ġudizzjarja fl-Istat li jissentenzja, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, b'kull ċirkostanza jew sejba li, fl-opinjoni tagħha, tista' twassal għar-revoka tas-sospensjoni tas-sentenza jew tas-sentenza kondizzjonali jew modifika tal-miżuri sospensivi jew l-obbligi jew l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjoni alternattiva.
Emenda 49
Artikolu 14, paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Fil-każ ta' sentenza kondizzjonali jew f'każ ta' revoka tas-sospensjoni tas-sentenza, il-persuna trid tiġi mismugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji qabel ma tiġi ssentenzjata, sabiex ikun żgurat li jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tas-smigħ tal-konvenut.
Emenda 50
Artikolu 15, titolu
Obbligi ta' l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat ta' esekuzzjoni għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha
Obbligi ta' l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat emittenti għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti kollha
Emenda 51
Artikolu 15, paragrafu 1, parti introduttorja
1.  Jekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha skond l-Artikolu 12(2) u (3), l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha minnufih tinnotifikaha dwar:
1.  Jekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat emittenti għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti kollha skond l-Artikolu 12(2) u (3), l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat ta' esekuzzjoni għandha minnufih tinnotifikaha dwar:
Emenda 52
Artikolu 15, paragrafu 1, punt (a)
(a) kwalunkwe ksur ta' miżura sospensiva jew sanzjoni alternattiva; u
(a) ksur ta' miżura sospensiva jew ta' l-obbligi u l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjoni alternattiva; u
Emenda 53
Artikolu 15, paragrafu 1, punt (b)(i)
(i) tista' twassal għall-modifika tal-miżuri sospensivi jew is-sanzjonijiet alternattivi,
(i) tista' twassal għall-modifika tal-miżuri sospensivi jew ta' l-obbligi u l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjonijiet alternattivi,
Emenda 54
Artikolu 15, paragrafu 1, punt (b)(ii)
(ii) hi rilevanti għall-impożizzjoni ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali, jew
(ii) hi rilevanti għall-għoti ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali, jew
Emenda 55
Artikolu 15, paragrafu 1, punt (b)(iii)
(iii) jistgħu jirriżultaw f'revoka tas-sospensjoni tas-sentenza.
(iii) tista' tirriżulta f'revoka tas-sospensjoni tas-sentenza u tas-sentenza kondizzjonali.
Emenda 56
Artikolu 15, paragrafu 3
3.  Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali jew dwar ir-revoka ta' sospensjoni ta' sentenza, il-persuna sentenzjata għandha tingħata smigħ ġudizzjarju. Jekk ikun il-każ, din il-ħtieġa tista' tiġi sodisfatta skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 dwar l-Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.
3.  Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali jew dwar ir-revoka ta' sospensjoni ta' sentenza, il-persuna sentenzjata għandha tiġi mismugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex ikun żgurat li jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tas-smigħ tal-konvenut.
Emenda 57
Artikolu 15, paragrafu 4, punt (a)
(a) il-modifika tal-miżuri sospensivi jew is-sanzjoni alternattiva;
(a) il-modifika tal-miżuri sospensivi jew ta' l-obbligi jew l-istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjoni alternattiva;
Emenda 58
Artikolu 15, paragrafu 4, punt (b)
(b) ir-revoka tas-sospensjoni tas-sentenza;
(b) ir-revoka tas-sospensjoni tas-sentenza u tas-sentenza kondizzjonali;
Emenda 59
Artikolu 15, paragrafu 4, punt (c)
(c) l-impożizzjoni ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali;
(c) l-għoti ta' sentenza fil-każ ta' sentenza kondizzjonali;
Emenda 60
Artikolu 15, paragrafu 4, punt (d)
(d) l-iskadenza tal-miżuri sospensivi jew is-sanzjoni alternattiva.
d) l-iskadenza ta' sentenza sospiża, sentenza kondizzjonali jew sanzjoni alternattiva.
Emenda 61
Artikolu 15, paragrafu 4 a (ġdid)
4a.  Kwalunkwe modifika ta' miżura sospensiva jew ta' l-obbligi jew istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjonijiet alternattivi mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti trid titwettaq filwaqt li jitqies kif jixraq l-Artikolu 5. Fil-każ ta' modifika l-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni tista' tagħżel li tieħu deċiżjoni ġdida skond l-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 9(1)(i).
Emenda 62
Artikolu 15, paragrafu 5
5.  Fil-każ ta' impożizzjoni ta' sentenza jew revoka ta' sospensjoni ta' sentenza, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti għandha fl-istess ħin tinforma lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni jekk għandhiex il-ħsieb tibgħat lill-Istat ta' esekuzzjoni:
5.  Fil-każ ta' impożizzjoni ta' sentenza jew revoka ta' sospensjoni ta' sentenza, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti għandha fl-istess ħin tinforma lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni li m'hemmx aktar il-ħtieġa ta' sorveljanza tal-miżuri sospensivi.
Emenda 63
Artikolu 15, paragrafu 5, punt (a)
(a) sentenza u ċertifikat kif previst fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2007/.../ĠAI għall-fini li jieħu fuqu r-responsabbiltà għall-infurzar tal-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà; jew
imħassar
Emenda 64
Artikolu 15, paragrafu 5, punt (b)
(b) mandat ta' arrest Ewropew għall-fini taċ-ċediment tal-persuna sentenzjata skond id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri.
imħassar
Emenda 65
Artikolu 15, paragrafu 6
6.  Jekk l-obbligu biex jiġu esegwiti l-miżuri ta' sospensjoni jew is-sanzjonijiet alternattivi jkun skada, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha ttemm il-miżuri ordnati hekk kif hi tkun ġiet debitament infurmata mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat emittenti.
6.   Meta tiġi nnotifikata dwar il-fatt mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat emittenti skond il-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha ttemm is-superviżjoni u l-esekuzzjoni tal-miżuri sospensivi.
Emenda 66
Artikolu 16, titolu
Amnestija u maħfra
Amnestija, maħfra u reviżjoni tas-sentenza
Emenda 67
Artikolu 16, paragrafu 1 a (ġdid)
L-Istat emittenti biss jista' jieħu deċiżjoni dwar talbiet għar-reviżjoni ta' sentenzi li jinvolvu sentenzi sospiżi, sanzjonijiet alternattivi u sentenzi kondizzjonali li s-superviżjoni u l-esekuzzjoni tagħhom huma koperti minn din id-Deċiżjoni Kwadru.
Emenda 68
Artikolu 17
Jekk il-persuna sentenzjata tħalli l-Istat ta' esekuzzjoni u tistabbilixxi r-residenza legali u ordinarja tagħha fi Stat Membru ieħor, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-superviżjoni tal-miżuri ta' sospensjoni u s-sanzjonijiet alternattivi u fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha rigward l-esekuzzjoni tas-sentenza lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti.
Jekk il-persuna sentenzjata tħalli l-Istat ta' esekuzzjoni jew ma tibqax ikollha residenza legali u ordinarja fl-Istat ta' esekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni għandha tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-superviżjoni tal-miżuri ta' sospensjoni u ta' l-obbligi jew istruzzjonijiet li jikkostitwixxu sanzjonijiet alternattivi u fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha rigward l-esekuzzjoni tas-sentenza (jew jekk ikun il-każ id-deċiżjoni ta' libertà kundizzjonata) lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat emittenti.
Emenda 69
Artikolu 17, paragrafu 1 a (ġdid)
It-trasferiment ta' ġurisdizzjoni msemmi f'paragrafu 1 irid isir ukoll jekk l-Istat emittenti jagħmel talba għal dan lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat ta' esekuzzjoni, għar-raġuni li proċeduri kriminali ulterjuri kontra l-persuna jkunu qed iseħħu fl-Istat emittenti.

(1) ĠU C 147, 30.6.2007, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza