Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik (COM(2007)0472 – C6-0284/2007 – 2007/0170(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2007)0472),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37 u l-Artikolu 300(2) tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skond liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0284/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
− wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0404/2007),
1. Japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill kif emendata u japprova l-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Możambik.
Test propost mill-Kummissjoni
Emendi mill-Parlament
Emenda 1 Premessa 2 a (ġdida)
(2a)Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità Ewropea għandha tintuża għall-iżvilupp tal-popolazzjonijiet kostali li jgħixu mis-sajd u fuq il-ħolqien ta' impriżi industrijali żgħar ta' l-iffriżar u l-ipproċessar tal-ħut fuq livell lokali;
Emenda 2 Premessa 2 b (ġdida)
(2 b)Huwa importanti li titjieb l-informazzjoni pprovduta lill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għal dan il-għan għandha tibgħat il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 9 tal-ftehim.
Emenda 4 Artikolu 3 a (ġdid)
Artikolu 3a
Kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali plurijennali deskritt fl-Artikolu 7 tal-Protokoll.
Emenda 5 Artikolu 3 b (ġdid)
Artikolu 3 b
Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 9 tal-ftehim.
Emenda 6 Artikolu 3 c (ġdid)
Artikolu 3 c
Matul l-aħħar sena tal-validità tal-Protokoll u qabel ma jiġi konkluż ieħor li jġeddu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-ftehim u dwar il-kundizzjonijiet li bihom il-ftehim ġie implimentat.
Emenda 7 Artikolu 3 d (ġdid)
Artikolu 3 d
Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 3c u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, mandat ta" negozjar għall-adozzjoni ta" protokoll ġdid.