Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel li qed jogħlew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007(1) dwar it-twarrib ta'l-art għas-sena 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-prezzijiet globali taċ-ċereali żdiedu b'mod drammatiku fl-aħħar xhur u l-ħażniet pubbliċi u privati taċ-ċereali waqgħu għall-inqas livell tagħhom f"40 sena,
B. billi l-aħħar stimi jissuġġerixxu li fl-2007 l-ħsad taċ-ċereali ta' l-UE-27 se jkun madwar 8 miljun tunnellata inqasmill-2006,
C. billi l-ħsad ta' l-2006 kien biss 265,5 miljun tunnellata, li jħalli biss miljun tunnellata f'intervent għall-2007,
D. billi l-provvista globali tal-ċereali ġiet affettwata minn kundizzjonijiet ħarxa tat-temp, notevolment in-nixfa u l-għargħar, li probabilment huma marbuta mal-bidla fil-klima,
E. billi fil-biċċa l-kbira ta" l-Istati Membri hu impossibbli li wieħed jiddixxerni rabta diretta u fit-tul bejn iż-żieda fil-prezzijiet ta" ċerti prodotti u d-domanda għal bijofjuwil, iżda, xorta waħda għandu jkun enfasizzat li f'pajjiżi bħall-Istati Uniti politika attiva biex ikun promoss it-tkabbir tal-qamħirrun biex ikun prodott il-bijoetanol qed ikollha effett dirett fuq il-prezzijiet ta" l-għalf u ta" l-ikel, liema effett ġie rikonoxxut mill-Organiżazzjoni tal-Koperazzjoni Ekonomika u ta'l-Iżvilupp (OECD),
F. billi l-istudju ta' l-OECD ppubblikat f'Settembru 2007 dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' bijofjuwil fuq is-sigurtà u l-bijodiversità ta' l-ikel fid-dinja javża li l-kompetizzjoni għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u ta' l-għalf, min-naħa l-waħda, u l-fjuwil, min-naħa l-oħra, tista' żżid l-prezzijiet ta' l-ikel sa tali punt li l-aċċess għall-ikel għall-ifqar popli u reġjuni jkun mhedded,
G. billi d-domanda globali għall-ikel qed tikber iktar mill-provvista, mhux l-inqas minħabba li d-dħul qed jiżdied f'ekonomiji emerġenti bħall-Indja u ċ-Ċina u, flimkien ma' popolazzjonijiet li qed jikbru, dan qed jgħolli d-domanda, speċjalment għal-laħam u għall-prodotti tal-ħalib, u għaldaqstant anke għall-għalf,
H. billi n-nuqqas ta' sigurtà ta' l-ikel għadu realtà għal aktar minn 854 miljun persuna, li madwar 820 miljun minnhom qegħdin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
I. billi l-prezzijiet ta' l-ikel bl-imnut ma laħħqux ma' l-għoli tal-ħajja, u l-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mir-razzett ma laħħqux mal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut,
J. billi kumpaniji ewlenin tal-bejgħ bl-ingrossa u numru żgħir ta" bejjiegħa kbar bl-imnut li qed joperaw fl-UE għandhom qawwa konsiderevoli biex jiffissaw prezzijiet għal prodotti ta' l-ikel, u billi l-konċentrazzjoni tagħhom hi tali li tammonta għal pożizzjoni dominanti vis-à-vis il-produtturi,
K. billi l-ispiża dejjem tikber ta' l-għalf kompost qed tgħolli l-ispejjeż tal-produzzjoni għas-settur tal-bhejjem,
L. billi matul dawn l-aħħar 15-il sena l-Politika Agrikola Komuni (CAP) diġà kellha bidla drammatika bħala reazzjoni għal pressjoni mis-soċjetà Ewropea u l-ekonomija tagħha li qed tevolvi, u billi s-separazzjoni qed tipprovdi l-opportunità lill-bdiewa biex jirrispondu għas-sinjali tas-suq,
M. billi l-Artikolu 33 tat-Trattat KE jistipula li l-objettivi tal-CAP jinkludu li tiġi żgurata d-disponibilità tal-provvisti u li jiġi żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġjonevoli,
Twarrib ta' l-art
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura ta' l-UE li jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu sospiżi l-obbligi dwar it-twarrib ta' l-art għall-2008(2);
2. Jinnota l-istimi tal-Kummissjoni li din il-miżura se tillibera madwar 2,9 miljun ettaru għall-produzzjoni taċ-ċereali u żżid il-ħsad tas-sena d-dieħla b'madwar 10 miljun tunnellata;
3. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill m'adottax l-emendi tal-Parlament li ppruvaw jissospendu t-twarrib għas-sena 2009 wkoll, u jistenna li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-verifika imminenti ta' l-Istat tal-CAP;
Il-produzzjoni u l-bejgħ bl-imnut ta' l-ikel
4. Jinnota l-kumment riċenti tal-Kummissarju Fischer Boel li l-prezzijiet tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam jistgħu jogħlew b'massimu ta' 30% fl-2008 minħabba spejjeż ogħla ta' l-għalf;
5. Jinnota li l-prezzijiet ogħla tal-ħalib fl-2007 jirrappreżentaw żieda żgħira iżda li kienet meħtieġa b'mod urġenti għall-bdiewa li jrabbu bhejjem għall-ħalib, iżda li dawn il-prezzijiet huma problematiċi għall-konsumaturi u jagħmluha aktar diffiċli li tinkiseb il-provvista ta' prodotti tal-ħalib li hi meħtieġa, pereżempju mill-iskejjel u l-isptarijiet;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tipproponi żieda temporanja fil-kwoti tal-ħalib sabiex il-prezzijiet fis-suq intern ikunu stabbli;
7. Jinnota bi tħassib li l-produtturi Ewropej tat-tjur qed ikollhom iħallsu minn 40% sa 60% iktar għall-għalf minn dak li kienu jħallsu sena ilu, speċjalment minħabba li l-għalf huwa responsabbli għal madwar 60% ta' l-ispejjeż totali tagħhom;
8. Jenfasizza bl-aktar mod qawwi possibbli li l-ispiża tal-materja prima hija komponent relattivament żgħir fl-ispiża totali ta' ħafna prodotti ta' l-ikel, speċjalment l-ikel proċessat, u li, anke wara ż-żidiet riċenti fil-prezzijiet taċ-ċereali, l-ispiża taċ-ċereali hija responsabbli għal inqas minn 10% tal-prezz ta' ħobża mibjugħa bl-imnut fir-Renju Unit u inqas minn 5% ta' dak ta' 'baguette' fi Franza;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw id-diskrepanzi bejn il-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mir-razzett u l-prezzijiet mitluba mill-bejjiegħa ewlenin tal-prodotti bl-imnut; jirrimarka, b'mod partikulari, li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effetti ta" konċentrazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li huwa ta' żvantaġġ għal produtturi żgħar, intrapriżi żgħar u l-konsumaturi, u tuża l-miżuri legali kollha li għandha disponibbli jekk jiġu identifikati abbużi ta" pożizzjoni dominanti fis-suq;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tawtorizza pagamenti diretti bil-quddiem lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, speċjalment lil dawk affettwati minn epidemiji (e.g. bluetongue), minħabba li huma jistgħu iħabbtu wiċċhom ma" problemi serji ta" likwidità bħala riżultat ta" prezzijiet ogħla ta" l-għalf;
Bijofjuwils
11. Jenfasizza li huwa biss proporzjon żgħir ħafna tal-produzzjoni taċ-ċereali ta' l-UE li qiegħed attwalment jintuża għall-produzzjoni tal-bijofjuwil, u li biex jintlaħqu l-miri tal-bijofjuwil ta' l-UE fl-2020 , xorta jkun hemm bżonn li tintuża biss 15% tar-raba' ta' l-UE;
12. Jinnota li l-erja ta" l-art ta" l-UE għall-uċuħ tar-raba" għall-enerġija żdiedet għaxar darbiet, għal 2.84 miljun ettaru, mill-2004;
13. Jenfasizza li l-bijofjuwils huma fil-preżent l-uniku sostitut għall-fjuwils fossili li hu disponibbli fis-suq fuq skala kbira u, għall-kuntrarju tal-fjuwils fossili, jista" jiġġedded u jista" jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;
14. Jinnota li meta tintuża tunnellata ta' ċereali fl-UE għall-produzzjoni tal-bijoetanol, sa 40% tagħha terġa' lura fis-settur ta' l-għalf tal-bhejjem fil-forma ta' prodotti sekondarji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, madankollu, biex jagħmlu iktar biex jippromwovu l-użu u l-produzzjoni ta' bijoenerġija tat-tieni ġenerazzjoni, li tinvolvi l-ipproċessar tad-demel u tal-materjali ta' l-iskart agrikolu, minflok prodotti agrikoli primarji;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali u tas-sigurtà ta' l-ikel li tqis il-kompetizzjoni eżistenti għall-art u r-riżorsi bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u dik tal-fjuwil ibbażat fuq il-pjanti, u li jeżamina l-impatt tal-bidla fil-klima u miżuri possibbli biex jiġi evitat it-tnaqqir ulterjuri tar-riżorsi għall-produzzjoni ta' l-ikel;
Importazzjonijiet u esportazzjonijiet
17. Jinnota bi tħassib serju li l-ispiża ta' l-għalf kompost żdiedet b' EUR 75 għal kull tunnellata u qed tkompli tiżdied minħabba nuqqas akut ta' ċereali għall-għalf, u li dan jirrappreżenta spiża addizzjonali ta' EUR 10 biljun għall-industrija tal-bhejjem ta' l-UE;
18. Jinnota t-tħabbira magħmula mill-Kummissjoni fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-Agrikoltura f'Settembru 2007 ta' l-intenzjoni li tiġi fformulata proposta biex jitneħħew id-dazji fuq l-importazzjoni ta' ċereali għall-2008, bħala mezz biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli fis-settur tal-bhejjem, speċjalment f'dak tal-laħam tal-majjal;
19. Jirrimarka li tali deċiżjonijiet jistgħu fil-fatt idgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjar ta' l-UE fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq fin-negozjati tad-WTO;
20. Jenfasizza li din id-deċiżjoni m'għandix isservi ta' preċedent għal setturi oħra, bħal dak tar-ross;
21. Jiċħad kwalunkwe ċaqliq biex jiġu imposti kwoti u tariffi fuq l-esportazzjoni tal-produzzjoni agrikola ta' l-UE;
22. Jitlob li l-operaturi ta' pajjiżi terzi jiġu soġġetti għall-istess kontrolli stretti bħall-produtturi ta' l-UE;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq eżeċizzju ta' evalwazzjoni tal-possibilità ta' miżuri dwar l-immaniġġjar tal-provvista u s-sigurtà ta' l-ikel li jistgħu jevitaw instabilità estrema ulterjuri tal-prezzijiet ta' l-għalf u l-ikel u l-kompetizzjoni mhux sostenibbli bejn il-produzzjoni ta' l-ikel u tal-fjuwil;
Nuqqas ta' sigurtà globali ta' l-ikel
24. Hu konxju mill-fatt li t-tnaqqis fil-ħażniet globali ta' l-ikel ikollu impatt serju u partikolari fuq pajjiżi bi dħul baxx u b'defiċit ta' ikel f'dawk il-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw, b'kont totali ta' l-importazzjonijiet taċ-ċereali għal dawn il-pajjiżi li hu previst li jiżdied b'mod kunsiderevoli – għall-ogħla ammont li qatt ġie rreġistrat, ta' USD28 biljun fl-2007/2008, jew żieda ta' bejn wieħed u ieħor 14 fil-mija fuq il-livell diġà għoli tas-sena l-oħra;
25. Jinnota li, b'mod ġenerali, fl-2007/2008, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jonfqu rekord ta' $52 biljun fuq l-importazzjonijiet taċ-ċereali;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza sew l-effetti tan-nuqqas ta' provvista ta' ċereali u żrieragħ taż-żejt fuq l-aktar produtturi u konsumaturi ta' l-ikel vulnerabbli fl-UE u fil-pajjiżi terzi inklużi l-proposti għal strumenti u miżuri li jevitaw tfixkil tal-provvista ta' l-ikel u l-effetti inflazzjonarji fuq żidiet ulterjuri tal-prezz;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dettaljata tax-xejriet globali tas-suq, inkluża d-domanda akbar għall-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi kkunsidrat, bħala parti mill-Verifika ta' l-Istat tal-CAP, il-ħolqien ta' mekkaniżmi permanenti biex tiġi garantita provvista adegwata tas-suq fil-ġejjieni;
28. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiggarantixxi agrikoltura sostenibbli li tkun kapaċi tikkontribwixxi għall-iffrankar sinifikanti ta' l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u tiggarantixxi s-sovranità ta" l-ikel għall-Istati Membri;
o o o
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2007 tas- 26 ta" Settembru 2007 b'deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta" appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta" appoġġ għall-bdiewa fir-rigward ta" l-art imwarrba, għall-2008 (ĠU L253, 28.9.2007,p. 1).