Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar abbozz ta" deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(1),
– wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali 2007 għall-Iraq (CMT-2007-2245),
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-8 ta" Ottubru 2007 mill-kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 (minn issa "l quddiem imsejjaħ "il-kumitat ta' ġestjoni tad-DCI",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi, fit-8 t'Ottubru 2007, il-kumitat ta' ġestjoni tad-DCI ivvota favur l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali għall-2007 għall-Iraq (CMT-2007-2245),
B. billi, skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/EC u skond il-Punt 1 tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/EC(3), il-Parlament Ewropew irċieva l-abbozz tal-miżura ta" implimentazzjoni li tressqet lill-kumitat ta' ġestjoni tad-DCI u r-riżultati tal-votazzjoni,
C. billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li "l-objettiv primarju u ewlieni tal-koperazzjoni taħt dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni msieħba fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli",
D. billi l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 jistipula li l-"miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1)(4) għandhom jitfasslu sabiex jissodisfaw il-kriterji ta' l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat ta'l-assistenza għall-Iżvilupp ta'l-Organiżżazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku [OECD/DAC]",
E. billi, fir-rapport tagħha 'Direttivi dwar-Irappurtar fir-rigward tas-Sistema ta' rappurtaġġ tal-Kreditur ta'l-2002', l-OECD/DAC tiddefinixxi l-ODA bħala flussi finanzjarji lejn pajjiżi elenkati fil-lista ta" min jirċievi l-ODA għal-liema, fost affarijiet oħra, 'kull transazzjoni tiġi amministrata permezz tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku u tal-benesseri tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala l-objettivi ewlieni tagħha',
F. billi fl-Artikolu 23(1) u (3), ta" tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 rispettivament jistipulaw li (Artikolu 23(1)) "fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament ġustifikati relatati ma' diżastri naturali, konflitti jew kriżijiet ċivili, u li ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 jew ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' strateġija jew fil-programmi indikattivi pluriennali (minn hawn 'il quddiem imsejħa "miżuri speċjali"), li "il-miżuri speċjali jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiffinanzjaw miżuri li jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet ta' żvilupp fit-tul, inklużi dawk li għandhom l-għan li jħejju lill-popolazzjoni għal kriżijiet rikorrenti", u li (Artikolu 23(2))"fejn l-ispiża ta' dawn il-miżuri taqbeż EUR 10000000, il-Kummissjoni għandha tadottahom skond il-proċedura ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 35(2)",
1. Huwa tal-fehma li fl-abbozz tal-Miżura Speċjali għall-Iraq għall-2007, l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) m'humiex ippreżentati b'mod ċar bħala prijorità ewlenija; jikkunsidra li dan ma jikkonformax ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) 1905/2006 li fih hemm stipulata l-kisba ta' l-MDGs bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-koperazzjoni skond l-Istrument ta' Koperazzjoni ta" l-Iżvilupp (DCI);
2. Huwa tal-fehma li fl-abbozz tal-Miżura Speċjali għall-Iraq għall-2007, il-Kummissjoni qiegħda tmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 billi għażlet bħala wieħed mill-oqsma ta" intervenzjoni "l-Istudju ta'Fattibilità għaż-Żona tal-Gass Akkas", li l-objettiv ġenerali tiegħu hu li "jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-esplorazzjoni taż-Żona tal-Gass Akkas fil-punent ta" l-Iraq bl-iskop li l-produzzjoni minnha tmur fin-network Sirjan tal-pajpijiet tal-gass", u aktar minn hekk "biex jekk ikun possibbli, dan il-proġett ikun integrat mal-ħidma tal-Proġett Ewropew-Għarbi tas-Suq tal-Gass fil-Maxriq"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li "l-istudju ser jikkunsidra l-interess tal-futur tal-ġirien tal-Maxriq u l-interess ta" l-UE sabiex il-produzzjoni mill-bjar tiġi integrata fis-suq tal-gass Euro-Maxriq", u li "din l-integrazzjoni ser tiftaħ suq potenzjali kbir għall-produzzjoni taż-żona tal-gass ta" Akkas u li ser tippermetti l-ewwel integrazzjoni tal-gass naturali ta" l-Iraq mas-suq reġjunali u Ewropew", u għalhekk jikkunsidra li dan l-objettiv m'huwiex konformi ma" l-Artikolu 2(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006, fis-sens li l-objettiv primarju tal-Miżuri Speċjali m'huwiex il-qerda tal-faqar u li l-objettivi ddikjarati ma jissodisfawx l-kriterji ta" l-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC;
3. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirtira jew temenda l-abbozz tad-deċiżjoni li tistabbilixxi Miżura Speċjali għall-Iraq, u biex tressaq abbozz ta" deċiżjoni ġdid lill-kumitat ta' ġestjoni tad-DCI li jikkonforma b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-rappreżentanti ta" l-Istati Membri fil-kumitat ta' ġestjoni tad-DCI, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri.
Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l- implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (ĠU L 256, 10.10.2000, p. 19).