Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika (2007/2002(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni mfassal fis-Laqgħa Għolja bejn l-Afrika u l-Ewropa fil-Kajr fit-3 u l-4 ta' April 2000, taħt il-patroċinju ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Unità Afrikana u l-UE,
– wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2004-2007 tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana (AUC), adottat fis-7 ta' Lulju 2004, fit-tielet Laqgħa Għolja tal-Kapijiet ta' l-Istati u l-Gvernijiet Afrikani f'Addis Ababa, l-Etijopja,
– wara li kkunsidra l-"Punti Prinċipali ta' l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika" kif approvati mit-8 Laqgħa Ministerjali tat-Trojka bejn l-UE u l-Afrika tal-15 ta' Mejju 2007 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolata "Mill-Kajr għal Liżbona – L-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika" (COM(2007)0357),
– wara li kkunsidra d-Dokument Konġunt tas-Segretarjat tal-Kummissjoni/Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007, intitolat "Lil hinn minn Liżbona: it-tħaddim ta' l-isħubija strateġika ta' bejn l-UE u l-Afrika" (SEC(2007)0856),
– wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku 2006-2010 "Afrika Waħda, Vuċi Waħda" tal-Parlament Panafrikan (PAP), adottat f'Novembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma dwar Viżjoni Komuni għall-Unjoni Afrikana (UA) - L-istrateġija ta' l-UE għall-AUC,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1), kif emendat bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta' Sħubija, iffirmata fil-Belt tal-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(2) ('il-Ftehima ta' Cotonou'),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-koperazzjoni fl-iżvilupp(3) (Strument għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2005, bit-titlu "Strateġija ta' l-UE għall-Afrika: Lejn patt Ewro-Afrikan biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' l-Afrika" (COM(2005)0489),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005, dwar strateġija ta' żvilupp għall-Afrika(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) tal-21 u t-22 ta' Novembru 2005, dwar l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ħames Laqgħa Ministerjali tat-Trojkas ta' l-Afrika u ta' l-UE f'Bamako, fil-Mali, fit-2 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra t-test "L-UE u l-Afrika: lejn sħubija strateġika", adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Progress Konġunt mill-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-GAERC dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika tat-12 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Afrikani dwar Strateġija Konġunta UA/UE għall-Iżvilupp ta' l-Afrika organizzata mill-AUC f' Accra, il-Ghana, bejn is-26 u t-28 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: 'Il-Kunsens Ewropew', iffirmata fl-20 ta' Diċembru 2005(5),
– wara li kkunsidra r-Rapporti suċċessivi dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem imfassla mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),
– war li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-kisba ta' l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs)(6) u ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp - il-bilanċ intermedju(7),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew" tat-12 ta' April 2005, bit-titlu "Aċċellerazzjoni tal-progress lejn l-Obbjettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp - Il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea" (COM(2005)0132),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Intervenzjoni u s-Sovrenità ta' l-Istati, bit-titlu "Ir-Responsabilità għall-Protezzjoni" ta' Diċembru 2001,
– wara li kkunsidra il-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo għat-Tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010 adottat mis-Sessjoni Speċjali tal-Konferenza tal-Ministru tas-Saħħa ta' l-UA li saret bejn it-18 u t-22 ta' Settembru 2006 f'Maputo, fil-Możambik,
– wara li kkunsidra l-appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV, l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja fl-Afrika, adottata waqt is-Laqgħa Għolja Speċjali ta' l-UA dwar l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja li saret bejn it-2 u l-4 ta' Mejju 2006, f'Abuja, fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra r-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma II tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) bit-titlu "Impatti, Adattament u Vulnerabilità",
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' l-2005 dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Ekosistema tal-Millennju, li stħarreġ l-użu u l-isfruttament ta' sensiela ta' riżorsi naturali tal-pjaneta,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika li ġiet organizzata fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea u ta' l-AUC miċ-Ċentru Ewropew għall-Immaniġġjar tal-Politika għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0375/2007),
A. Billi mis-sena 2000 il-kuntest internazzjonali evolva ħafna, minħabba ż-żjieda fl-isfidi globali bħalma huma s-sigurtà u l-migrazzjoni tal-bniedem, il-bidla fil-klima u d-deżertifikazzjoni, l-immaniġġjar sostenibbli tal-beni pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-pandemiji, il-ħolqien ta' l-UA u t-tkabbir ta' l-UE,
B. Billi fil-Ħames Laqgħa Ministerjali tat-Trojkas ta' l-Afrika u ta' l-UE fit-2 ta' Diċembru 2005, f'Bamako, in-naħa Afrikana laqgħet l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika 2005 u ż-żewġ naħat qablu li jittrasformawha fi Strateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli tagħhom, u li jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha,
C. Billi, fid-Dokument ta' Ħidma msemmi hawn fuq dwar Viżjoni Komuni għall-istrateġija UA-UE, il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA jinnota li "għandu jkun ċar li l-objettiv ta' strateġija konġunta ma jistax ikun il-validazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika eżistenti iżda li toħroġ strateġija konġunta ġdida li tista' tirrifletti l-aspirazzjonijiet amalgamati taż-żewġ naħat",
D. Billi, għaldaqstant, l-iskop ta' l-istrateġija konġunta għandu jkun li tiġi żviluppata viżjoni politika komuni u approċċi prattiċi għall-isħubija futura bejn l-UE u l-Afrika, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku, l-interessi u l-valuri komuni u l-prinċipju tas-sjieda,
E. Billi l-volontà miż-żewġ naħat li jirridefinixxu l-isħubija konġunta tidher li ġejja minn għarfien li qed jikber li l-Afrika u l-UE mhux bilfors għadhom l-imsieħba ppreferuti ta' xulxin,
F. Billi r-Rapport Konġunt ta' Progress imsemmi hawn fuq dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika ma kienx tfassal fuq il-bażi ta' evalwazzjoni esterna indipendenti,
G. Billi l-Afrika huwa l-kontinent l-aktar fqir tad-dinja u l-unika wieħed fejn il-faqar żdied f'dawn l-aħħar 25 sena,
H. Billi l-firmatarji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kajr hawn fuq msemmi "jiddeploraw il-fatt intollerabbli li aktar min nofs l-Afrikani qed jgħixu f'faqar assolut u jaqblu li jintensifikaw il-ġlieda kontra l-faqar, li r-responsabilità ewlenija sabiex jittaffa l-faqar taqa' fuq kull pajjiż u fuq it-territorju tiegħu, iżda dan ma jnaqqasx l-importanza tad-dimensjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-faqar",
I. Billi fl-2006 il-Parlament Ewropew stabilixxa delegazzjoni ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-PAP u fl-2007 il-PAP stabbilixxa kumitat ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew,
J. Billi l-parlamenti fiż-żewġ Unjonijiet, bħala partijiet interessati primarji fil-proċess ta' żvilupp, għandhom inkunu involuti b'mod attiv fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni li jaffetwaw il-popolazzjonijiet li jirrappreżentaw,
K. Billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Afrikani huma membri fil-grupp ACP u huma firmatarji tal-Ftehima ta' Cotonou,
L. Billi l-Afrika tinsisti li tiġi trattata bħala waħda u li tiġi appoġġjata fil-proċess ta' integrazzjoni pan-Afrikana, inklużi l-Afrika ta' Fuq, l-Afrika tas-Sub-Saħara u l-Afrika t'Isfel, u billi l-UA waqqfet il-programm strateġiku tagħha stess għall-iżvilupp ta' l-Afrika,
M. Billi fis-Laqgħa Għolja Dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg fl-2002, il-gvernijiet qablu li l-governanza tajba għandha tkun ibbażata fuq politiki ambjentali, soċjali u ekonomiċi sodi; istituzzjonijiet demokratiċi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tan-nies kollha; id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; miżuri kontra l-korruzzjoni; ugwaljanza bejn il-ġeneri; u klima favorevoli għall-investiment,
N. Billi huwa kruċjali li jkun hemm approċċ olistiku lejn id-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġija konġunta, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali,
O. Billi l-istituzzjonijiet ta' l-UA ġew imwaqqfa biss pjuttost riċentement u għad m'għandhomx l-istess livell ta' integrazzjoni, organizzazzjoni u effiċjenza bħall-istituzzjonijiet ta' l-UE,
P. Billi l-effettività u r-responsabbilizzazzjoni reċiproka jeħtieġu riżorsi finanzjarji fit-tul u li jistgħu jitbassru, kalendarji ċari u r-rispett ta' l-impenji miż-żewġ naħat,
Q. Billi l-katina ta' responsabilità spiss tgħaddi direttament mill-eżekuttivi nazzjonali għall-imsieħba fl-iżvilupp, u b'hekk iddur madwar kull xorta ta' approvazzjoni parlamentari fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali (u konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali),
R. Billi ftit li xejn huwa l-kontribut storiku ta' l-Afrika għall-kawżiet tal-bidla fil-klima, filwaqt li, bħala kontinent, se jsofri l-aktar konsegwenzi qawwija (stimi tal-proġett ta' l-IPCC jbassru li bejn 70 u 250 miljun ruħ fl-Afrika se jsofru minn nuqqas ta' ilma sa l-2020, u li f'xi pajjiżi l-produzzjoni agrikola li tiddependi mill-ilma tax-xita se tonqos b'50% sa l-istess sena,
S. Billi t-tnaqqis tar-riżorsi naturali fl-Afrika huwa theddida serja għat-tnaqqis tal-faqar u għall-ilħuq ta' l-MDGs,
T. Billi l-Afrika tipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi ta' ekosistemi lid-dinja, inkluż il-ħżin tal-karbonju mill-foresti tropikali tagħha, mingħajr ma tirċievi ebda kumpens għal dan,
Il-proċess, l-istruttura u l-prinċipji ta' l-istrateġija konġunta Proċess u struttura
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-punti ewlenin tat-Trojka tal-15 ta' Mejju 2007 bħala l-ewwel sforz konġunt lejn strateġija konġunta;
2. Jiddeplora l-fatt li l-Istrateġija ta' l-UE ta' l-2005 għall-Afrika fuq imsemmija ġiet adottata mingħajr konsultazzjoni dettaljata ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UA u l-gvernijiet u l-parlamenti Afrikani, u mingħajr l-ebda involviment tas-soċjetà ċivili u ta' l-awtoritajiet lokali Ewropej u Afrikani; f'dan ir-rigward jinnota li din l-istrateġija tiddetermina s-suġġetti ewlenin indirizzati mill-istrateġija konġunta l-ġdida proposta, u b'hekk tirriskja li tħalli barra kwistjonijiet oħra importanti għall-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika; jittama li l-istrateġija l-ġdida proposta se toħroġ mill-konsultazzjoni fil-fond ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UA;
3. Jiddispjaċih li l-iskadenzi stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill ta' l-UE, mill-AUC u mill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA għall-istabbiliment u l-adozzjoni ta' l-istrateġija konġunta wasslu għal limitazzjonijiet serji fil-proċess; jinnota l-isfida li tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa mill-parlamenti u jenfasizza li l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali jridu b'urġenza jinvolvu ruħhom u jitqiesu fl-istadji kollha ta' l-adozzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-istrateġija konġunta, peress li l-Laqgħa Għolja ta' Liżbona għandha titqies bħala punt deċiżiv fi proċess itwal u miftuħ;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-asserzjoni tal-Kummissjoni li "Huwa ovvju li l-Parlament għandu rwol importanti f'dan il-proċess", il-wiegħda tal-Kummissjoni "li żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar il-progress li jkun sar fil-preparazzjoni ta' l-Istrateġija Konġunta" u l-inkuraġġiment tal-Kummissjoni mogħti lill-Parlament "biex jieħu sehem fid-dibattiti, u biex tabilħaqq jieħu l-inizjattiva"; madankollu jinnota li l-iskeda għan-negozjati huja ffissata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-AUC u għaldaqstant jistenna li l-Kummissjoni Ewropea u l-AUC jieħdu passi attivi sabiex jinvolvu lill-Parlament Ewropew u lill-PAP fil-proċess tat-tħejjija ta' l-istrateġija konġunta u fl-istadji ta' adozzjoni u ta' implimentazzjoni tagħha;
Prinċipji u viżjoni komuni
5. Jaqbel ma' l-istqarrija ta' viżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-UA: "L-Afrika u l-Ewropa għandhom viżjoni komuni ta' żvilupp, paċi, sigurtà u prosperità li tpoġġi n-nies fiċ-ċentru ta' l-isforzi tagħhom. Il-viżjoni hija mmexxija permezz ta' sħubija bbażata fuq rispett reċiproku, interess komuni u għan komuni li jimpenja liż-żewġ reġjuni biex japprofondixxu l-integrazzjoni reġjonali bħala mezz biex jinkiseb żvilupp ekonomiku u soċjali. Huma għandhom viżjoni komuni wkoll ta' demokrazija mtejba, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem bħala valuri universali għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-koperazzjoni f'kuntest li jirrispetta s-solidarjetà u l-indiviżibilità taż-żewġ kontinenti";
6. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għajnuna umanitarja hija waħda mill-mezzi disponibbli għall-komunità internazzjonali sabiex tgħin fil-ħarsien ta' popolazzjonijiet mhedda u jisħaq li l-UE ma tixtieqx tibqa' ma turix reazzjoni għall-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali (IHL); jappella għal dibattitu politiku profond mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet ta' l-UE dwar id-dritt - jekk mhux id-dmir - ta' intervenzjoni f'każ ta' ksur serju ta' l-IHL u/jew tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali hawn fuq imsemmi dwar l-Intervenzjoni u s-Sovrenità ta' l-Istati, bit-titlu "Ir-Responsabilità għall-Protezzjoni";
7. Jenfasizza li l-prinċipji u l-viżjoni komuni għandhom jinkludu wkoll ir-rispett għall-istat tad-dritt, kif ukoll id-demokrazija parteċipatorja, il-pluraliżmu u l-libertajiet fundamentali, li kollha kemm huma huma rikonoxxuti fid-Dikjarazzjoni tal-Kajr hawn fuq imsemmija;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-objettivi elenkati fil-punti ewlenin tat-Trojka hawn fuq msemmija tal-15 ta' Mejju 2007: (i) sħubija politika bejn l-UE u l-Afrika, (ii) il-promozzjoni kontinwa tal-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u integrazzjoni reġjonali u kontinentali fl-Afrika sabiex jinkisbu l-MDGs, (iii) l-indizzar komuni ta' l-isfidi globali u (iv) "sħubija ffukata fuq il-persuni"; jinsisti li dawn l-objettivi għandhom jirriflettu b'mod fidil il-prijoritajiet espressi mill-Afrikani u jirrimarka li minkejja kollox l-iżvilupp huwa l-objettiv prijoritarju ewlieni ta' l-istrateġija;
9. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara kif l-istrateġija l-ġdida se tirrifletti fuq id-Dokumenti Strateġiċi tal-Pajjiżi (CSPs) u fuq il-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali skond il-Ftehima ta' Cotonou u kif l-elementi ġodda li jistgħu joħorġu mill-istabbiliment ta' l-istrateġija konġunta l-ġdida f'Diċembru 2007 se jinfluwenzaw dawn id-dokumenti strateġiċi u programmi indikattivi;
10. Jisgħobbih li l-kontribut tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għall-istrateġija ma japprovax waħda mit-talbiet ewlenin ta' l-Afrika li l-Afrika titqies bħala waħda; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni li fil-livell tad-djalogu u n-negozjati politiċi għandu jkun applikat approċċ "kontinent-għal-kontinent", mingħajr, madankollu, ma jfixkel l-approċċ iddifferenzjat fil-livell ta' l-implimentazzjoni tal-politika; jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex jadattaw l-istrumenti tagħhom ta' koperazzjoni għall-iżvilupp għal dan il-bżonn politiku ġdid ta' l-UA, u sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ il-proċess ta' integrazzjoni politika u ekonomika ta' l-Afrika fuq livell kontinentali;
11. Isejjaħ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex joħolqu pakkett finanzjarju Pan-Afrikan ġdid li jkun programmabbli u li jista' jitbassar mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), l-istrumenti tematiċi tad-DCI u l-fondi ta' l-Istrument Ewropew tal-Politika tal-Viċinanzi (ENPI), sabiex tiġi ffinanzjata u appoġġjata l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija konġunta ġdida;
12. Jiddispjaċih għall-fatt li l-istrateġija konġunta ma tagħmel l-ebda referenza għall-Pjan Strateġiku 2004-2007 ta' l-AUC hawn fuq imsemmi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tidderiġi l-azzjonijiet li tipproponi, biex tappoġġja b'mod politiku, finanzjarju, loġistiku, tekniku u f'termini ta' riżorsi umani, lill-istituzzjonijiet ta' l-UA u l-inizjattivi u l-prijoritajiet li huma jfasslu, minflok tipproponi inizjattivi ġodda bbażati fuq id-donatur u strutturi paralleli;
13. Isostni li r-responsabilità hija meħtieġa miż-żewġ naħat, f'termini ta' kontribuzzjoni, djalogu u responsabilità reċiproka; f'dan ir-rigward, jinsisti li l-istrateġija konġunta għandha tqis ukoll il-fatt li l-imsieħba huma ugwali f'termini ta' drittijiet u responsbilitajiet iżda mhux rigward il-livell ta' integrazzjoni tagħhom u d-disponibilità u l-livell ta' żvilupp tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, u li l-istrateġija għandha tiġi implimentata b'mod realistiku, u li b'riżultat ta' dan huwa meħtieġ li l-"isħubija" u s-"sjieda" jiġu definiti fil-kuntest ta' din ir-realtà;
Struttura: l-erba' oqsma ta' prijorità biex issir azzjoni
14. Jinsisti li l-iżvilupp ġust u sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar għandhom ikunu impenn komuni u l-ogħla objettiv tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika u l-bażi għal kwalunkwe taħlita ta' politika, u jenfasizza l-irwol ċentrali ta' l-MDGs, li jipprovdu qafas miftiehem b'mod globali għal dan l-objettiv;
15. Huwa ta' l-opinjoni li l-istrateġija konġunta trid ukoll tenfasizza l-irwol tan-nisa, taż-żgħażagħ, u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' żvilupp ta' l-Afrika;
16. Isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-koerenza bejn din l-istrateġija l-ġdida u l-politiki Ewropej l-oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fil-promozzjoni ta' sħubija strateġika ġdida bejn l-UE u l-Afrika, b'mod partikulari il-politiki kummerċjali, ambjentali, ta' migrazzjoni u tal-biedja; jinsisti li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika għandu jkopri dawn il-kwistjonijiet;
Paċi u sigurtà
17. Jiffavorixxi approċċ komprensiv għall-kunflitti u għas-sitwazzjonijiet ta' kunflitti, ibbażat fuq il-kunċett tar-responsabilità għall-protezzjoni u inklużi l-prevenzjoni ta' kunflittti, ir-riżoluzzjoni, l-immaniġġjar u r-rikostruzzjoni;
18. Huwa konvint li l-paċi hija ferm importanti bħala l-ewwel pass lejn l-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali, u li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u ekwitabbli huwa prekondizzjoni meħtieġa għall-paċi dejjiema;
19. Huwa ta' l-opinjoni li l-prevenzjoni tal-kunflitt hija wkoll prekondizzjoni meħtieġa għall-paċi dejjiema u jappella għal strateġija komuni bejn l-UA u l-UE sabiex tindirizza l-kawżi strutturali tal-kunflitti billi tibda titħaddem politika ta' żvilupp sostenibbli, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni Afrikana u sabiex tiġġieled il-qgħad u l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi;
20. Ifakkar li s-sitwazzjoni ta' Stati fraġli trid tiġi indirizzata b'approċċ li jkun sensittiv għall-kunflitti u li jqis il-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, li jindirizza l-ekonomija politika tal-kunflitti u l-għejjun ta' l-inugwaljanza u tad-diskriminazzjoni, sabiex jintlaħqu paċi u sigurtà sostenibbli; jappella għal koerenza akbar tal-politiki ta' l-UE, eżempju billi timplimenta l-impenji attwali tagħha li tikkontrolla l-kummerċ ta' l-armi iżda wkoll billi tgħolli l-istejtus tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi għal Pożizzjoni Komuni tas-CFSP li torbot legalment u billi tħaffef l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE biex tiġġieled l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illegali ta' l-Armi Żgħar u Ħfief (SALW); f'dan il-kuntest, jenfasizza dwar kemm huwa importanti li l-kunflitti jiġu evitati aktar milli solvuti; jappella biex tingħata għajnuna internazzjonali għall-finijiet li jiġu stabbiliti ċentri reġjonali ta' monitoraġġ fuq bażi ġeografika li jkunu kapaċi jintebħu b'kull taħżin fit-tensjonijiet bejn il-gruppi etniċi, reliġjużi jew ta' lingwa, u jiġbdu l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali lejn sitwazzjonijiet fl-Afrika li jkunu jistgħu jsiru vjolenti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tagħha sabiex ikunu partikolarment pronti u sabiex iwissu lill-komunità internazzjonali minn kmieni dwar sitwazzjonijiet li jinvolvu tensjoni etnika u reliġjuża fil-kontinent;
22. Iqis li l-Kodiċi ta' Kondotta attwali ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi jeħtieġ li jsir aktar strett sabiex jiġġieled il-proliferazzjoni ta' l-SALW, li jżommu għaddejjin il-kunflitti mimlijin qtil f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-istrateġija konġunta se tkabbar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' l-armi;
23. Jirrikonoxxi li l-Istati li diġà huma fraġli se jkunu taħt aktar stress b'riżultat tal-bidla fi-klima; jisħaq, fir-rigward tas-sħubijiet dwar il-bidla fil-klima u dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Afrika, il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv għall-adattament għall-bidla fil-klima fejn jidħlu l-implikazzjonijiet ta' sigurtà tagħha, inkluża ż-żjieda fil-prevenzjoni tad-diżastri, governanza mtejba u prevenzjoni tal-kunflitti;
24. Jaqbel li hemm bżonn li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika tissaħħaħ u jħeġġeġ lil mekkaniżmi ċivili oħra biex jikkontribwixxu għaliha b'finanzjar flessibbli u sostenibbli akbar; jenfasizza li l-politika ta' żvilupp hija waħda mill-istrumenti ewlenin għall-indirizzar ta' l-għeruq tan-nuqqas ta' sigurtà iżda li m'għandiex tiġi subordinata għall-politika ta' sigurtà; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat ta' l-Għajnuna għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD/DAC) għall-eliġibilità bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fil-preżent huma wesgħin wisq sabiex jipprevjenu li ċerti tipi ta' nfiq jiġu assenjati lil ħtiġijiet li ma jkunux dawk strettament relatati mal-ġlieda kontra l-faqar, u l-għoti ta' għajnuna ġenwina, u jenfasizza li l-EDF mhuwiex sors adegwat għall-irkupru fil-ġejjieni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika;
25. Jenfasizza l-importanza ta' demokrazija sostenibbli, inkluża l-governanza tajba u elezzjonijiet demokratiċi, li jridu jinkludu appoġġ għall-bini ta' kapaċità parlamentari, u b'mod partikulari titħeġġeġ il-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-PAP u l-parlamenti reġjonali Afrikani, u l-appoġġ għall-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, u l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali fid-djalogu politiku, speċjalment fit-trawwim ta' koperazzjoni u skambji bejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Afrikana u Ewropea;
26. F'dan il-kuntest, jappella għat-tisħiħ ta' l-attivitajiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet mwettqa kemm mill-UE u mill-UA, kif ukoll minn entitajiet reġjonali Afrikani oħra, u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar koperazzjoni fost dawn il-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet;
27. Jenfasizza l-importanza ta' kontroll demokratiku tal-forzi armati; f'dan il-kuntest, jistieden lill-UE sabiex tħaffef l-isforzi tagħha fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR), l-aktar billi timplimenta bis-sħiħ id-dokumenti kunċettwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-SSR;
28. Jappella għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet fl-istrateġija konġunta biex tiġi indirizzata l-impunità; f'dan ir-rigward, jappella sabiex is-sistemi legali u ġuridiċi ta' l-Afrika u l-mekkaniżmi tagħhom ta' monitoraġġ jissaħħu b'konformità mad-drittijiet tal-bniedem, sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-qorti fl-Afrika stess dawk responsabbli minn reati serji kontra l-umanità; jiġbed l-attenzjoni għall-progress sinifikanti mwettaq wara t-twaqqif ta' ġurisdizzjoni internazzjonali;
29. Jistieden lill-atturi kollha involuti fit-tħeġġiġ tal-paċi u s-sigurtà fl-Afrika sabiex jadottaw perspettiva tal-ġeneru u sabiex iżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' sitwazzjonijiet ta' riżoluzzjoni ta' kunflitt, inkluż fil-missjonijiet kollha ċivili u militari għaż-żamma tal-paċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU sabiex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (S/RES/1325) tal-31 ta' Ottubru 2000;
30. Jinkuraġġixxi l-ħidma favur definizzjoni tan-NU dwar ir-riżorsi tal-kunflitti, sabiex jiġu miġġielda aħjar l-ekonomiji tal-gwerra;
31. Jappella sabiex is-sensitività għall-kunflitti tiddaħħal fl-objettivi kollha ta' l-istrateġija konġunta: mhux biss fi kwistjonijiet ta' paċi u sigurtà, iżda wkoll fil-kummerċ, fl-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, fil-bidla fil-klima u fi kwistjonijiet oħra ewlenin ta' żvilupp;
32. Jappella għall-inklużjoni fl-istrateġija komuni ta' impenn sabiex ikun hemm qbil dwar azzjoni internazzjonali sabiex tindirizza l-kummerċ illegali fir-riżorsi naturali bħala determinant tal-kunflitt, inkluża definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi 'riżors ta' kunflitt'; jappella għall-ħatra ta' grupp ta' esperti sabiex jiżviluppaw approċċi multilaterali għal din il-kwistjoni;
Il-Governanza, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u responsabilità reċiproka
33. Ifakkar li l-kunċett ta' governanza, u l-indikaturi li jintużaw sabiex jevalwawha, ma jistax jiġi impost minn atturi esterni, iżda għandu jiġi żviluppat fi sħubija ma' atturi lokali u bbażat fuq valuri komuni u standards rikonoxxuti internazzjonalment;
34. Jenfasizza l-importanza tal-governanza tajba u ta' l-elezzjonijiet demokratiċi; jappella għal appoġġ akbar għall-azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità mmirati għall-membri parlamentari u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-aktar bil-għan li jkun żgurat il-kontroll tal-baġit u biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni;
35. Itenni l-appoġġ tiegħu għat-talba ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA), li ġiet espressa fid-9 sessjoni tagħha f'April 2005, sabiex proporzjon xieraq ta' l-approprazzjonijiet ta' l-EDF jintużaw għall-edukazzjoni parlamentari u għat-taħriġ ta' parlamentari u mexxejja politiċi, ekonomiċi u soċjali, fl-interessi ta' tisħiħ sostenibbli ta' governanza tajba, ta' l-istat tad-dritt, ta' l-istrutturi demokratiċi, u ta' l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f'demokraziji pluralistiċi bbażati fuq elezzjonijiet ħielsa; huwa tal-fehma li dawn il-fondi għandhom jintużaw għat-twaqqif ta' kulleġġi ta' amministrazzjoni pubblika u għall-edukazzjoni politika tal-membri tal-parlament, ta' l-awtoritajiet lokali u ta' dawk li jinsabu f'pożizzjonijiet ta' responsabilità f'partiti u assoċjazzjonijiet politiċi;
36. Jaqbel li t-tisħiħ tal-governanza fil-pajjiżi Afrikani huwa prijorità; madankollu jinnota li l-governanza trid tittejjeb fuq iż-żewġ naħat - fuq in-naħa Ewropea l-aktar fir-rigward tal-governanza u r-responsabilità fir-rigward ta' l-impenji ta' għajnuna u koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi bil-ħsieb li jitqiesu aktar l-hekk imsejħa 'orfni ta' l-għajnuna'; jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali u kontinentali, l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali għandhom irwol importanti f'dan il-qasam;
37. Jilqa' t-tnedija ta' djalogu f'Settembru 2007 bejn l-UE u l-UA dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jittama li maż-żmien dan jiżviluppa fi pjattaforma effettiva li tindirizza l-kwistjonijiet urġenti tal-pajjiżi individwali u li, fl-istess ħin, tipprovdi l-opportunità għall-UE u għall-imsieħba Afrikani biex jidentifikaw l-oqsma ta' tħassib komuni u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u f'entitajiet oħra tan-NU;
38. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li huwa għandu jirċievi b'mod regulari informazzjoni dwar il-kontenut u r-riżultati tad-djalogi u konsultazzjonijiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'fokus speċjali fuq id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-UA;
39. Jenfasizza l-irwol ta' l-entitajiet interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti Afrikani - bħall-JPA ta' l-ACP-UE u l-JPA ta' l-Euromed - fit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, il-governanza tajba u d-demokrazija, kif ukoll billi jkunu pjattaformi effettivi għall-koperazzjoni u sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ta' interess komuni;
40. Jappella għal djalogu permanenti bejn l-UE u l-Afrika dwar governanza u t-twaqqif ta' pjattaformi ta' djalogu fuq diversi livelli, sabiex id-djalogu ma jiġix imwaqqaf f'każ ta' nuqqas ta' qbil jew kriżi politika;
41. Jenfasizza li l-NGOs huma atturi ta' żvilupp fihom infushom, u jagħtu kontributi sinifikattivi f'oqsma bħall-governanza, il-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-għoti ta' servizzi soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tal-faqar, u t-trasferiment ta' l-għarfien; jenfasizza li l-prinċipju tal-konsultazzjoni ma' l-NGOs fit-tfassil tal-politiki u fil-proċessi ta' implimentazzjoni kif ukoll fl-iffissar ta' l-aġenda għall-iżvilupp, għandu jiġi rrispettat mill-isħubija ta' bejn l-UE u l-Afrika;
42. Jappella għal aktar appoġġ għall-inizjattivi Afrikani eżistenti, bħalma huwa l-Mekkaniżmu Afrikan ta' Evalwazzjoni Inter Pares (APRM), li huwa l-aktar sforz serju s-issa mill-mexxejja Afrikani sabiex itejbu l-governanza fil-kontinent, u d-diversi strumenti mwaqqfa mill-UA, li għandhom iżidu s-sjieda Afrikana tal-proċess;
43. Jesprimi tħassib serju minħabba li l-'profili ta' governanza' żviluppati mill-Kummissjoni għall-kull pajjiż ta' l-ACP, li se jiggwidaw l-ipprogrammar għall-għajnuna għall-iżvilupp fir-rigward tat-EUR 2 700 000 000 ta' fondi addizzjonali skond l-għaxar EDF, ġew ippreparati mingħajr l-ebda element parteċipatorju; jirrimarka li l-eliġibilità ta' pajjiżi benefiċjarji għal fondi ulterjuri ġiet ivvalutata fuq il-bażi ta' sett ta' kriterji li jikkonċernaw kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u kriterju wieħed biss kien marbut direttament ma' l-MDGs; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-'profili' tal-Kummissjoni jirriskjaw li jneħħu kull sinifikat tal-proċess APRM u li jkun biss wara li jkun mitmum l-ipprogrammar tal-finanzjamenti ulterjuri li l-Kummissjoni tipproponi li tniedi "Forum Governattiv", li jkun barra l-proċess ta' l-APRM, u li "sabiex ikun iffaċilitat appoġġ aktar effettiv għall-arkitettura ta' governanza Pan-Afrikana (...) l-UE tesplora mogħdijiet ġodda sabiex tikseb finanzjamenti mill-Komunità u mill-Istati Membri"; isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkonsulta u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu u l-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi sabiex ikun żgurat li dawn jiġu allokati għall-inizjattivi ta' governanza, b'mod li jkunu ta' appoġġ għall-aġenda ta' governanza ta' l-UA u għall-proċess ta' l-APRM;
44. Jinsisti li r-responsabilità reċiproka tfisser ukoll li l-UE trid tindirizza l-inkoerenzi tagħha fid-diversi ftehimiet ta' koperazzjoni u strument finanzjarji ta' l-UE kif ukoll il-problema tan-nuqqas ta' armonizzazzjoni bejn id-diversi atturi ta' l-UE (l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-servizzi differenti tagħha) u li l-istituzzjonijiet ta' l-UE għandhom jirrappurtaw espliċitament fl-evalwazzjonijiet tagħhom tal-progress magħmul fir-rigward tal-koerenza tal-politiki interni u esterni;
45. Jinsisti li, bħala parti mir-relazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-imsieħba Afrikani u ta' l-UE għandhom it-tnejn li huma jirrikonoxxu l-obbligi tagħhom li jirrispettaw, jipproteġu u jħaddnu l-obbligi ta' drittijiet tal-bniedem fl-iżvilupp internazzjonali u l-politiki u prattiki ta' investiment tagħhom;
46. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu jaħdmu fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp relatati ma' politiki oħra ta' l-UE bħalma huma l-kummerċ, l-agrikultura, is-sajd, il-migrazzjoni ('brain drain'), il-kummerċ fl-armi, eċċ;
47. Jisħaq dwar l-importanza ta' l-iskrutinju parlamentari tad-dokumenti strateġiċi ġeografiċi; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jgħaddi l-abbozz tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi (CSPs) ta' l-ACP lill-JPA ta' l-ACP-UE 'għall-informazzjoni', iżda jinnota li dan huwa biss l-ewwel pass u li l-parlamenti għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju sħiħ fuq dawn id-dokumenti ta' programmar;
48. Jinnota li sħubija msaħħa bejn l-UE u l-Afrika għandha tinvolvi s-sostenn ta' l-iżvilupp ta' l-irwol ta' l-Afrika fix-xena globali u l-ħolqien ta' alleanzi Euro-Afrikani dwar kwistjonijiet bħall-bidla fil-klima u d-deżertifikazzjoni, il-kummerċ u l-governanza ta' l-arkitettura ta' żvilupp internazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
49. Jinnota li għandu jkun hemm koerenza bejn l-aspetti kollha ta' l-isħubija UE-Afrika u li l-objettivi ta' l-Isħubija Enerġetika għandhom ikunu żviluppati b'konformità ma' l-objettivi ta' l-Isħubija dwar il-Governanza Demokratika u l-Isħubijiet dwar il-Paċi u s-Sigurtà;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-AUC sabiex jużaw il-programm ta' appoġġ għall-UA sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-parlamenti Afrikani, l-awtoritajiet lokali u ta' l-atturi mhux statali għad-djalogu politiku li jseħħ fl-UA u sabiex jallokaw parti mill-EUR 55 000 000 speċifikament għat-tisħiħ tal-PAP;
51. Jaqbel mal-PAP dwar il-fatt li hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu l-irwol u l-kapaċitajiet, inkluża l-awtonomija finanzjarja, tal-Qorti tal-Ġustizzja Afrikana u tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u sabiex jiżdied in-numru ta' l-istati membri ta' l-UA li jirratifikaw il-Protokoll dwar it-twaqqif tal-Qorti, u dwar l-għan tiegħu li jagħti aċċess dirett għalih lill-individwi u lill-NGOs, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-AUC sabiex tressaq proposti li jistgħu jgħinu sabiex jiżguraw li din il-ħtieġa essenzjali tintlaħaq;
52. Jenfasizza li hemm ħtieġa qawwija li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fl-organi kollha ta' l-UA sabiex jiġi żgurat li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kollha biex jiġi indirizzat l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem;
53. Jitlob li fl-istrateġija konġunta jiddaħħlu punti t'azzjoni fl-oqsma tal-promozzjoni tal-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-ġustizzja internazzjonali u fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali b'konformità mal-liġi internazjonali, li jiddikjaraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jagħmlu sforzi sabiex jaqsmu ma' l-Istati Afrikani l-esperjenza tagħhom fl-adozzjoni ta' arranġamenti meħtieġa sabiex jaderixxu ma' l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u għalhekk jipprovdu għajnuna teknika u jistabilixxu koperazzjoni mill-qrib bil-ħsieb li tipprovdi l-emendi leġiżlattivi u kostituzzjonali meħtieġa għall-adeżjoni għall-Istatut ta' Ruma, u għall-impliemntazzjoni tiegħu;
54. Jenfasizza li l-isħubijiet maħsuba sabiex isaħħu l-governanza fuq il-livell lokali u nazzjonali għandhom jinkludu l-bini ta' kapaċitajiet li jqisu l-aspetti tal-bidla fil-klima fil-proċessi nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li jsaħħu l-parteċipazzjoni fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u fl-istituzzjonijiet multilaterali, u li jtejbu l-immaniġġjar tar-riskju u l-istrateġiji ta' prevenzjoni tad-diżastri;
Tkabbir ekonomiku, kummerċ u integrazzjoni reġjonali
55. Jenfasizza li l-għajnuna għall-iżvilupp hija kundizzjoni meħtieġa iżda insuffiċjenti għall-ġlieda kontra l-faqar, u li biss bi żvilupp ekwu u sostenibbli jista' pajjiż jibda tiela it-taraġ ta' l-iżvilupp u l-poplu tiegħu bil-mod jegħleb il-faqar, bil-kundizzjoni li t-tkabbir ikun marbut mal-politiki soċjali u ambjentali domestiċi u internazzjonali tajbin;
56. Jemmen li strateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika għandha tkun ibbażata fuq politika ta' żvilupp sostenibbli li tqis il-ħtieġa reali tal-popolazzjoni Afrikana u li għandha l-għan li tiggarantixxi dħul diċenti għall-bdiewa ż-żgħar, li titkabbar il-produzzjoni lokali, li tiggarantixxi s-sigurtà ta' l-ikel u ta' l-għajxien rurali u li tibni swieq domestiċi u reġjonali sabiex jiġi miġġieled il-faqar fl-Afrika;
57. Iqis li l-istrateġija konġunta għandha tqis l-impatt ferm qerriedi tal-bidla fil-klima fuq pajjiżi Afrikani u għaldaqstant jistieden lill-UA u lill-UE sabiex fil-qofol tagħha jpoġġu l-bidla fil-klima;
58. Jirrikonoxxi l-potenzjal ta' investimenti pubbliċi u privati barranin fit-trawwim ta' l-iżvilupp; jitlob li jkun hemm strateġija konġunta li tinkludi miżuri ta' għajnuna u bini ta' kapaċitajiet li tippermetti lill-pajjiżi Afrikani jiżviluppaw klima attraenti għall-investiment;
59. Jiddeplora l-fatt li - filwaqt li t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba ta' l-MDGs sa' l-2015 jibqgħu, kif xieraq, l-ewwel prijorità - il-punti ewlenin tat-Trojka hawn fuq imsemmija tal-15 ta' Mejju 2007 ma fihomx proposti konkreti sabiex jippromwovu t-tkabbir permezz tal-promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u ta' investiment barrani dirett, drittijiet imsaħħa ta' proprjetà, u t-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi;
60. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tiżgura li organizzazzjonijiet ta' self bħall-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' l-Intrapriżi (CDE), jassistu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Afrika, u li jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fl-Evalwazzjoni tal-Bank Dinji dwar l-Industriji Estrattivi ta' l-2004 li tikkonċerna l-governanza tajba fl-isfruttar tar-riżorsi naturali; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni għas-settur informali, u li l-prattika tal-mikrofinanzjament għandha tkun estiża u promossa bil-ħsieb li ssir ukoll strument għat-tisħiħ ta' l-irwol tan-nisa u għall-integrazzjoni soċjali tagħhom;
61. Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ hija waħda mill-aktar inċentivi effettivi għat-tkabbir ekonomiku u għall-progress politiku u soċjali; iqisha bħala indispensabbli għat-tnaqqis tal-faqar u bħala katalist importanti għal żvilupp sostenibbli madwar id-dinja;
62. Jirrimarka li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) iridu jkunu mfassla u negozjati bħala ftehimiet ta' żvilupp daqskemm huma l-ftehimiet kummerċjali, li jfisser li jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji ta' asimetrija favur ir-reġjuni ta' l-ACP, appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP, it-twaqqif ta' qafas sod u affidabbli għall-promozzjoni tal-kummerċ u ta' l-investiment fir-reġjuni ta' l-ACP, u t-twaqqif u l-konsolidazzjoni ta' swieq reġjonali qabel kwalunkwe ftuħ tas-swieq għall-UE; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex fejn ikun hemm bżonn ma tiftaħx swieq sakemm ma jintlaħqux livelli konkreti ta' żvilupp u biex issib soluzzjonijiet filwaqt li tkompli n-negozjati;
63. Jirrikonoxxi li l-EPAs jistgħu jsiru strument iktar importanti għall-kummerċ Afrikan u għall-integrazzjoni reġjonali, sakemm il-kontenut tagħhom jaqbel bis-sħiħ ma' l-objettivi tal-politika ta' żvilupp, u biss bil-kundizzjoni li jkunu "favur l-iżvilupp", li jippermettu eżenzjonijiet u perjodi ta' tranżizzjoni twal fejn ikun hemm bżonn sabiex il-produtturi domestiċi u l-industriji jadattaw għas-sitwazzjonijiet ġodda tas-suq;
64. Jemmen li l-istrateġija konġunta għandha tinkuraġġixxi d-djalogu filwaqt li jiġi eżaminat il-livell ta' koerenza bejn l-EPAs u l-Ftehima ta' Kummerċ mat-Tramuntana ta' l-Afrika, sabiex it-tnejn jistgħu jsiru sisien ta' l-integrazzjoni kontinentali Afrikana;
65. Jappella għal approċċ divrenzjat ibbażat fuq id-diversifikazzjoni li tkun ta' sostenn għall-aħjar prattiki eżistenti li jiggarantixxu kundizzjonijiet diċenti ta' xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħalma huma dawk tal-moviment internazzjonali tal-kummerċ ġust, li tappoġġja l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (RECs) eżistenti fl-Afrika u li tippermetti li l-integrazzjoni Pan-Afrikana ssegwi r-ritmu u l-aġenda tagħha nnifisha; jenfasizza li huwa ferm meħtieġ li jissaħħaħ il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ('South-South'), flimkien mal-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali u ż-żamma ta' livelli għoljin ta' investiment kemm minn ġo l-Afrika, kif ukoll minn barra l-Afrika; fid-dawl ta' dan, jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar appoġġ tekniku li jista' jwassal sabiex titkabbar il-kapaċità ta' l-Afrika li tipproduċi prodotti u servizzi aktar varjati;
66. Jinsisti li l-RECs għandhom ikunu l-pilastri tal-proċess ta' integrazzjoni Afrikana u l-istabbiliment ta' suq pan-Afrikan, u m#għandhomx ikunu jittrattaw direttament ma' l-Ewropa biss; jinsisti wkoll li l-EPAs m'għandhomx idgħajfu l-aġenda ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-Afrika, iżda li għandhom ikunu strumenti għall-integrazzjoni u l-kummerċ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar; għalhekk jistieden lill-UE sabiex tirrispetta l-proċess ta' integrazzjoni ta' l-Afrika, kif iddeterminat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Afrikana ta' Ġunju 1991 (it-Trattat ta' Abuja), li pprovda għat-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Afrikana permezz ta' proċess gradwali, miksub b'koordinazzjoni, armonizzazzjoni u integrazzjoni progressiva ta' l-attivitajiet ta' RECs eżistenti u futuri fl-Afrika;
67. Jinnota li l-faqar fl-Afrika huwa fenomenu l-biċċa l-kbira rurali - 'il fuq minn 70% ta' l-ifqar nies fl-Afrika jiddependu mill-agrikoltura għall-ikel u l-għajxien tagħhom - iżda, minkejja dan l-għajnuna għall-agrikoltura qed tonqos; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon kull inizjattiva ulterjura sabiex jitkabbar il-bini ta' kapaċità fis-settur agrikolu Afrikan, per eżempju billi jkun ta' sostenn għall-banek ta' żrieragħ u għar-riċerka fid-diversifikazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba'; u jappella għal esportazzjonijiet lokali ta' valur miżjud li jkunu konformi ma' l-inizjattiva 'Kollox Ħlief Armi';
68. Ifakkar fl-importanza tal-governanza tajba u tat-trasparenza fl-isfruttar ta' riżorsi naturali għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni li l-qasam tar-riżorsi jista' biss isir forza għall-iżvilupp sostenibbli jekk l-effetti soċjali u ambjentali negattivi tiegħu jitnaqqsu kemm jista' jkun u jekk il-benefiċċji u n-nefqa tiegħu jiġu maqsuma b'mod ġust fost il-popolazzjoni; jistieden lill-imsieħba kollha ta' l-UE, dawk Afrikani u imsieħba oħra bħaċ-Ċina, sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex jintlaħdu dawn l-għanijiet; jistieden lill-pajjiżi Afrikani sabiex jiżguraw li d-dħul jintuża wkoll sabiex issir diversifikazzjoni fl-ekonomija u sabiex jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi fuq livell aktar għoli fil-katina ta' produzzjoni, u 'l bogħod minn sempliċement l-isfruttar ta' riżorsi naturali;
69. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tniedi sħubija UE-Afrikana dwar l-enerġija, filwaqt li jirrikonoxxi li dħul użat sew minn sorsi ta' enerġija sostenibbli jista' jintuża bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp; jenfasizza li l-fokus primarju tas-sħubija għandu jkun il-provvista ta' enerġija bi prezz li jintlaħaq, sabiex jitnaqqas il-faqar, ibbażat fuq l-effiċjenza u fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, u mhux li tkun żgurata l-provvista ta' l-enerġija għall-Ewropa;
70. Jenfasizza li l-kisba ta' tkabbir ekonomiku għal żmien fit-tul u għall-iżvilupp, teħtieġ strateġija komprensiva għat-treġġiegħ lura tat-tnaqqis li qed iseħħ tar-riżorsi naturali ta' l-Afrika; jisħaq l-aktar fuq il-ħtieġa urġenti li tintemm id-deforestazzjoni li qed isseħħ u li jitneħħew l-inċentivi li jinkuraġġixxu l-qerda tal-foresti; f'dan il-kuntest, jistiden lill-UE sabiex, fl-iskema għall-Iskambju ta" Kwoti ta" Emissjonijiet (ETS) ta' l-UE, tintroduċi krediti tal-karbonju għall-foresti tropikali u għall-użu ta' l-art u sabiex tinċentivizza l-irkupru ta' ekosistemi degradati;
Investiment fin-nies
71. Jinnota li l-prijorità ta' l-Afrika fi kwalunkwe sħubija hija ffukata fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku ta' niesha;
72. Ifakkar li l-objettivi għall-iżvilupp mhux se jinkisbu jekk ma jitwettqux l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-mara; jinnota li f'dokumenti ta' politika ewlenin l-UE tenniet l-impenn tagħha lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li l-AU innifisha ħadet impenji ambizzjużi f'dan il-qasam, li għandhom jiffurmaw il-bażi għall-isħubija; għalhekk jisħaq li l-istrateġija konġunta għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri u għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi u konkreti mmirati biex isaħħu l-irwol tan-nisa;
73. Ifakkar li s-saħħa hija waħda mill-aktar muturi importanti għall-iżvilupp ekonomiku u li r-rata tal-mortalità tat-tfal b'mod partikolari hija indikatur importanti ħafna tal-povertà; għalhekk, jenfasizza l-importanza li t-tfal jiġu protetti mill-mard, b'mod partikolari minn dawk il-mardiet li jistgħu jiġu evitati permezz ta' vaċċini ġodda jew li mhumiex użati biżżejjed;
74. Jisħaq l-importanza li jitħarsu l-bniet u li titqajjem kuxjenza dwar iż-żwiġijiet kmieni, l-istupri, il-fastidju sesswali fl-iskejjel u l-vulnerabilità tal-bniet għall-HIV/AIDS;
75. Jenfasizza li hemm bżonn li l-impenji internazzjonali attwali lejn l-edukazzjoni u s-saħħa għall-kulħadd jiġi integrat b'mod espliċitu fl-istrateġija konġunta; jinnota li s-saħħa u l-edukazzjoni għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe strateġija għall-iżvilupp li tiffavurixxi l-fqar u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċess għas-servizzi, speċjalment għan-nisa, t-tfal, il-gruppi dgħajfin u l-persuni b'diżabilitajiet;
76. Iqis li d-dgħufija tas-sistemi għas-saħħa , inkluż minħabba l-kriżi tar-riżorsi umani, li hija xkiel ewlieni għall-kisba ta' l-MDGs relatati mas-saħħa, u jisħaq li t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa għandu jkun element essenzjali ta' l-istrateġija konġunta, inkluż ir-rikonoxximent ta' l-irwol importanti li għandhom dawk li jipprovdu kura tas-saħħa imma li mhumiex entitajiet statali, bħall-organizzazzjonijiet ibbażati f'komunità, fl-appoġġ għall-forniment tas-servizzi għas-saħħa, b'mod partikulari fl-inħawi fejn l-aċċess hu diffiċli u fost il-popolazzjonijiet l-aktar marġinalizzati u vulnerabbli;
77. Jinnota li 63% tan-niex kollha fid-dinja infettati bl-HIV jgħixu fl-Afrika, u li f'numru ta' pajjiżi Afrikani, il-medja ta' l-għomor tal-ħajja qed taqa' b'mod drammatiku bħala riżultat tal-pandemija ta' l-AIDS; jisħaq għalhekk li l-aċċess universali għas-servizzi għall-kura ta' l-HIV/AIDS, tat-tuberkolożi u tal-malarja, b'mod partikulari aċċess universali għall-mezzi ta' prevenzjoni, trattament, kura u appoġġ, fl-Afrika għandu jkun inkluż fl-istrateġija konġunta peress li dan il-mard għandu impatt enormi fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Afrika;
78. Jisħaq li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli għal infezzjonijiet trażmessi sesswalment, inklużi l-HIV/AIDS, u kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala li jirriżultaw f'mortalità materna u neonatali għolja; jitlob għalhekk li jiġu inklużi s-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi (SRHR) fl-istrateġija konġunta b'mod konformi mal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq dwar it-Tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010;
79. Jinnota li l-iffalsifikar ta' prodotti mediċinali fl-Afrika (li prinċipalment jikkonċerna kundizzjonijiet fatali bħall-malarja, it-tuberkolożi u l-HIV/AIDS) huwa pjaga dejjem tikber, u jhedded il-ħajja ta' miljuni ta' nies; iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi kkonċernati biex jiħdu azzjoni (b'mod partikulari miżuri legali u penali) biex tiġi miġġielda dik il-pjaga;
80. Jisħaq li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-popolazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni li ġew spustjati ġo pajjiżhom stess u r-refuġjati; jisħaq għalhekk li s-servizzi għas-saħħa, inklużi servizzi li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa riproduttiva u l-provvisti, għandhom jingħataw ukoll waqt kriżijiet umanitarji;
81. Jisħaq l-importanza li jissaħħaħ l-appoġġ għan-NEPAD (Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika) bħala l-inizjattiva Afrikana ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli;
82. Jinsisti li l-agrikoltura u s-sigurtà ta' l-ikel għandhom ikunu ta' importanza assoluta fl-istrateġija konġunta, u jisħaq li l-politiki ta' l-UE, inkluża l-politika ta' sussidji, m'għandhomx jagħmlu ħsara lill-qasam ta' l-agrikoltura u jipperikolaw is-sigurtà ta' l-ikel ta' l-Afrika; għalhekk jitlob biex l-istrateġija tappoġġja l-kompetittività u l-produttività miżjuda tal-qasam ta' l-agrikoltura Afrikana, anke fil-kuntest taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp; iħeġġeġ ulterjurment lill-UE biex toffri appoġġ finanzjarju għall-Programm Agrikolu Komprensiv għall-Afrika adottat mill-AU u n-NEPAD;
83. Jenfasizza, anke f'relazzjoni mad-deżertifikazzjoni, li hi fenomenu inkwetanti u li dejjem sejjer għall-agħar, il-bżonn li jiġu appoġġjati metodi ta' agrikoltura sostenibbli; iffakkar, f'dan ir-rigward, li biex it-tkabbir ikollu l-effett li jnaqqas il-faqar, hemm bżonn li jkun ġeneralizzat, orjentat lejn il-proprjetarji ż-żgħar u li jirriżulta f'opportunitajiet għax-xogħol akbar;
84. Jinsisti li l-kwistjoni tad-deżertifikazzjoni u l-aċċess għall-ilma għal kulħaff għandhom ikunu ta' importanza assoluta fl-istrateġija konġunta; juri tħassib partikolari dwar l-implikazzjoni negattivi multipli tad-deżertifikazzjoni fuq, fost l-oħrajn, is-sigurtà ta' l-ikel, il-migrazzjoni, ir-refuġjati u l-persuni li ġew spustjati ġo pajjiżhom stess;
85. Jirrimarka li l-Afrika hi l-kontinent li qed jitbassar se jbati l-aktar l-effetti tal-bidla fil-klima, għalhekk iħeġġeġ lill-UE, lill-AU u lill-Istati Membri tagħhom, u kif ukoll l-investituri u l-atturi kummerċjali, biex jirrikonoxxu r-responsabilità għall-bidla fil-klima u jistiedinhom biex jiżviluppaw strateġija għall-iżvilupp li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent sabiex is-sitwazzjoni tinqaleb, inkluż qafas finanzjarju għall-adattament ambjentali; jistieden ulterjurment lill-UE biex toffri appoġġ finanzjarju għall-Pjan ta' Azzjoni għall-Inizjattiva għall-Ambjent tan-NEPAD u d-deċiżjonijiet operazzjonali tagħha adottati mill-Konferenza Ministerjali Afrikana dwar l-Ambjent (AMCEN) fi Brazzaville, il-Kongo, fl-2006, u approvata mit-tmien Laqgħa Għolja ta' l-AU f'Addis Ababa, l-Etjopja, f'Jannar 2007;
86. Jilqa' bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniehed sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-bidla fil-klima u biex tniehed Alleanza Globali kontra l-Bidla fil-Klima; f'dan il-kuntest jisħaq li l-UE trid tqiegħed fondi sinifikanti għad-dispożizzjoni għal miżuri ta' adattament fil-pajjiżi Afrikani; jisħaq ukoll li l-adattament ma jridx jiġi ttrattat biss bħala kwistjoni umanitarja; jenfasizza li t-tnaqqis tar-riskji u l-miżuri għal reżistenza għall-impatt klimatiku jridu jiġu integrati fl-aġenda ta' żvilupp prijoritarju, inkluż fid-dokumenti ta' strateġija għat-tnaqqis tal-faqar u fid-dokumenti ta' strateġija skond il-pajjiż;
87. Jitlob biex l-istrateġija konġunta tindirizza l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni u biex tagħti attenzjoni partikulari għad-drittijiet u l-integrazzjoni tal-migranti u għall-kwistjoni tal-ħarba ta' l-aħjar imħuħ, partikularment fis-settur tas-saħħa, billi jiġu proposti soluzzjonijiet prattiċi għal migrazzjoni ċirkolari ta' suċċess; jenfasizza li l-limitazzjoni tal-migrazzjoni lejn l-UE m'għandiex titqies la bħala kundizzjoni għall-għajnuna u lanqas bħala strateġija ta' żvilupp;
88. Jikkunsidra li l-kultura hija fattur fundamentali għal djalogu interkulturali u għal fehim interreliġjuż, għal sensazzjoni ta' identità nazzjonali u reġjonali, għal bażi soċjali b'saħħitha u bħala pedament żgur għas-solidarjetà fost il-popli u bejnithom, u li għalhekk aġenda għall-iżvilupp sostenibbli trid tinkludi l-kultura;
89. Iqis li, ladarba f'numru ta' pajjiżi Afrikani d-dejn għadu piż tqil li jkollu effett kuntrarju fuq kwalunkwe sforz ta' żvilupp, kull każ ta' tnaqqis tad-dejn għandu jiġi kkunsidrat individwalment u għandu jseħħ bil-kundizzjoni li jkun hemm politiki ekonomiċi u governanza msaħħa, li jkun hemm immaniġġjar tad-dejn u b'mod partikulari li jiġi żgurat li d-djun ma jiġux sistematikament imġedda minn oħrajn li jselfu;
90. Jirrikonoxxi l-utilità u r-relevanza ta' appoġġ baġitarju, li b'mod partikulari jippermetti li jittejbu s-servizzi soċjali bażiċi, waqt li, fl-istess ħin, jgħin biex tissaħħaħ l-istruttura tal-pajjiżi Afrikani; jitlob, madankollu, għal prudenza fl-għoti ta' għajnuna fil-forma ta' appoġġ baġitarju; jinsisti li l-appoġġ baġitarju jiġi trattat b'mod separat għal kull pajjiż, skond is-sitwazzjoni partikulari tiegħu u jinsisti li dan m'huwiex xieraq għal Stati fraġli jew pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jitlob li jitwaqqfu indikaturi għall-iżvilupp uman u soċjali, għall-ibbaġitjar skond il-ġeneri u għall-edukazzjoni u s-saħħa; f'dan ir-rigward, jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tħejji l-proposta tagħha ta' "kuntratt MDG" ma' dawk li huma intenzjonati li jkunu l-benefiċjarji ta' l-appoġġ baġitarju; jinsisti li l-appoġġ baġitarju għandu jkun akkumpanjat bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-parlamenti, tal-qrati nazzjonali ta' l-awdituri, ta' l-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili li jiskrutiniaw il-proċess, sabiex jiġi evitat li s-servizzi soċjali bażiċi jkollhom nuqqas ta' riżorsi; jipproponi li l-appoġġ baġitarju m'għandux jissostitwixxi l-appoġġ għal ċertu setturi fundamentali għall-iżvilupp bħall-edukazzjoni u s-saħħa jew għal setturi li hemm ir-riskju li jiġu marġinalizzati mill-gvernijiet li jirċivuh;
91. Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli huwa possibbli biss jekk jirrapreżenta żvilupp għal kulħadd, inklużi n-nisa u l-gruppi minoritarji u/jew vulnerabbli;
92. Jisħaq l-imporanza li l-UE tagħti l-appoġġ tagħha għal strateġiji mmirati biex isaħħu l-irwol tan-nisa, inkluż permezz ta' appoġġ għall-mikrokreditu, u kif ukoll għall-programmi għas-saħħa sesswali u riproduttiva, li huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;
Implimentazzjoni u monitoraġġ
93. Isejjaħ lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill sabiex jibgħat ir-rapporti ta' progress kollha dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għall-Afrika lill-Parlament Ewropew ukoll; jitlob ukoll informazzjoni dwar il-ħruġ u l-użu tat-EUR 2.7 biljun f'fondi addizzjonali taħt l-għaxar EDF allokati għall-'inizjattivi' ta' governanza żviluppati mill-Kummissjoni għal kull pajjiż ACP;
94. Jitlob lill-Kummissjoni tindika kif id-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp intuża u ġie pprogrammat mill-ġdid biex jippermetti l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni indipendenti għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu konġunt għall-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' strateġija ġdida konġunta kemm fuq bażi teknika u kemm fuq bażi politika, inklużi l-istrumenti finanzjarji kollha ta' l-UE għall-iżvilupp fl-istadji kollha;
95. Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni ta' l-UE u ta' l-AU li jagħmlu abbozz ta' pjan ta' azzjoni għall-ewwel perjodu ta' l-istrateġija konġunta; jiġbed l-attenzjoni li dan il-pjan għandu jinkludi ffinanzjar konkret u indikaturi li jistgħu jitkejlu fil-livelli kollha ta' l-implimentazzjoni (lokali, reġjonali u kontinentali) u fl-istrumenti ta' koperazzjoni finanzjarja rilevanti kollha, li jagħmlu l-monitoraġġ aktar faċli u trasparenti; jenfasizza li l-monitoraġġ parlamentari, ta' l-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili għandu jkun parti mill-proċess ta' monitoraġġ uffiċjali;
96. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe qafas ta' monitoraġġ jinkludi l-monitoraġġ ta' impenji eżistenti mill-AU u l-UE, bħall-MDGs, il-Ftehima ta' Cotonou imsemmija hawn fuq, l-Appell ta' Abuja għal Azzjoni Aċċelerata msemmija hawn fuq, id-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
97. Jitlob li l-istrateġija konġunta tinkludi referenza espliċita għal strateġija komunikattiva, biex tinbena kuxjenza pubblika dwar dak li qed jagħmlu l-gvernijiet u biex tiġi pprovduta l-possibilita ta' reazzjoni biex ikun żgurat li gvernijiet ikollhom kuntatt dirett mal-bżonnijiet tal-kostitwenti tagħhom dwar dawn il-politiki;
98. Jinkoraġġixxi l-ħolqien, bħala parti mill-istrateġija konġunta, ta' spazju politiku għal djalogu ġenwin u effettiv bejn iċ-ċittadini, permezz ta' fondi xierqa u garanziji għal indipendenza politika, u biex twaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu, is-soċjetà ċivili u l-parteċipanti mhux statali jistgħu jikkontribwixxu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-gvern, liema mekkaniżmu jista' żżomm lill-awtoritajiet responsabbli vis-a-vis l-poplu;
99. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindika kif se tiffinanzja l-istrateġija l-ġdida u l-programm ta' azzjoni tagħha; jiġbed l-attenzjoni li l-10 Fond ta' l-Iżvilupp Ewropew, il-programm Ġeografiku għall-Afrika ta' Isfel u l-programmi tematiċi tad-DCI u l-ENPI huma l-uniċi fondi ewlenin disponibbli għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija konġunta; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura koerenza fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti ta' koperazzjoni u ta' l-istrateġija konġunta; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-PAP waqt l-istadji kollha tal-proċess (l-ipprogrammar, l-identifikar, l-istima, l-iffinanzjar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni);
100. Jitlob li l-ewwel pjan ta' azzjoni jinkludi pakkett finanzjarju speċifiku għall-istituzzjonijiet pan-Afrikan, attivitajiet li għandhom ikunu implimentati fuq livell pan-Afrikan u s-sħubijiet il-ġodda (inizjattivi ta' Liżbona); jinsisti wkoll li l-parlamenti nazzjonali, reġjonali u ta' madwar il-kontinent jiġu kkunsidrati b'mod espliċitu bħala benefiċjarji ta' l-għajnuna;
101. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill waqqaf grupp ta' ħidma ad hoc ma' esperti mill-Istati Membri interessati biex jikkoordina l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet koperti mill-istrateġija konġunta u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrapportaw fuq bażi regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma;
102. Jaffirma, bħala istituzzjonijiet importanti ta' governanza, li kemm il-PAP kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ikunu parteċipanti kruċjali fl-istrateġija konġunta' ta' segwitu u li l-awtoritajiet lokali u l-parteċipanti mhux statali, bħal dawk involuti fl-ECOSOCC ta' l-AU u l-kontroparti ta' l-UE tagħha l-ECOSOC għandhom ikollhom irwol;
103. Jinsab determinat għalhekk li jimmonitorja mill-qrib, flimkien mal-PAP, l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija konġunta u l-programmi ta' azzjoni; jitlob għalhekk it-twaqqif ta' delegazzjoni parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-PAP bħala forum biex il-kwistjonijiet li qed jaffetwaw ir-relazzjonijiet bejn il-popli ta' l-UE u ta' l-Afrika jiġu diskussi b'mod demokratiku;
104. Jinsab determinat, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet pan-Afrikani, li jiżgura koerenza bejn il-politika tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u oqsma oħra tal-politika ta' l-UE li kellhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika;
105. Jikkunsidra li l-iskrutinju parlamentari u l-approvazzjoni ta' pakketti ta' għajnuna għall-iżvilupp għandhom ikunu rekwiżit għall-ħruġ ta' fondi;
106. Jiddeċiedi li jorganizza, flimkien mal-PAP, attività Parlamentari Konġunta li tippreċedi t-tieni Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Afrika ppjanata li ssir f'Diċembru 2007 f'Liżbona;
o o o
107. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissjoni ta' l-AU, lill-Kunsill Eżekuttiv ta' l-AU, lill-PAP, lill-Kunsill tal-Ministri ta' l-ACP u lill-JPA ta' l-ACP-UE.