Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2006 (2007/2131(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fl-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 195, 230 u 232 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom, tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 dwar il-modifika ta' l-Artikolu 3 ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 dwar 'Setgħa li jkunu adottati u trasmessi komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u awtorità lill-impjegati ċivili li jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew (SEC(2005)1227),
– wara li kkunsidra l-ittra ta' l-Ombudsman tal-11 ta' Lulju 2006 indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, bil-għan li tippromwovi l-proċedura ta' reviżjoni ta' l-istatut ta' l-Ombudsman,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0301/2007),
A. billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombudsman Ewropew fis-sena 2006 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-12 Marzu 2007 u billi l-Ombudsman, Is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-2 Mejju 2007 fi Brussell,
B. billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipula li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni",
C. billi l-Artikolu 195(1) tat-Trattat KE u l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipulaw li 'kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fl-irwol ġudizzjarju tagħha',
D. billi, fil-kuntest taż-żieda tad-demokrazija parteċipatorja fl-Ewropa u ta' komunikazzjoni aħjar ta' l-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini tagħha, huwa essenzjali li ċ-ċittadini jirċievu risposti immedjati u sostanzjali għall-mistoqsijiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, u billi huwa essenzjali li dawk l-istituzzjonijiet u korpi jirċievu r-riżorsi meħtieġa tal-baġit biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tali tweġibiet fil-ħin u jkunu sostanzjali,
E. E billi, minkejja li għaddiet leġiżlatura mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tas-6 ta' Settembru 2001, li fiha l-Parlament approva l-Kodiċi ta' l-Ombudsman Ewropew dwar il- Prattiki Tajba fl-aAmministrazzjoni u minkejja li l-leġiżlatura segwenti għaddiet diġà nofs it-terminu tagħha, l-istituzzjonijiet prinċipali l-oħra ta' l-Unjoni għadhom ma laqgħux l-istedina, li qed issir b'ċertu enfasi, biex iġibu l-prassi tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-istess kodiċi,
F. billi fl-2006 in-numru ta' ilmenti stabbilizza ruħu fil-livell diġà għoli ta' l-2004, aktar minn tliet kwarti ta' tali ilmenti għadhom qed ikunu barra mill- kompetenza ta' l-Ombudsman l-aktar għaliex mhux qed jitressqu kontra istituzzjoni jew entità tal-Komunità,
G. billi f'95 każ (jiġifieri 26% tal-każijiet eżaminati) l-investigazzjonijiet ta' l-Ombudsman ma sabux amministrazzjoni ħażina,
H. billi l-attivitajiet ta' l-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u, bħala regola ġenerali, sabiex ikunu evitati kunflitti f'dak li jirrigwarda l-prerogattivi tagħhom, għandhom jinkludu rinviji reċiproċi tal-fajls rispettivi tagħhom b'effett definittiv,
I. billi fl-2006 kien hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li ssolvew bonarjament, kif ukoll żieda daqstant sinjifikanti ta' investigazzjonijiet li ngħalqu b'kumment kritiku, u rata aktar baxxa ta' aċċettazzjoni ta' l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet ta' l-Ombudsman mill-istituzzjonijiet u entitajiet ta'l-Unjoni Ewropea,
J. billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li għalqu każijiet bla rimedju ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti speċjali ta' l-Ombudsman m'għandhom effett vinkolanti, peress li l-poteri tiegħu ma jestendux għall-għoti ta' rimedju dirett ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, imma huma intenzjonati biex jinkoraġġixxu l-awtoregolamentazzjoni fl-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea,
K. billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament Ewropew jibqa' l-mezz aħħari ta' l-Ombudsman sabiex jieħu azzjoni meta istituzzjoni tirrifjuta li tikkonforma ma' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman,
L. billi mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza il-Parlament gawda mill-istess dritt bħall-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex iressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi ta' inkompetenza, ksur ta' rekwiżit essenzjali ta' proċedura, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew użu ħażin ta' poteri,
M. billi, fl-2006 l-Ombudsman għamel użu għaqli mill-poteri tiegħu, meta ppreżenta lill-Parlament żewġ rapporti speċjali(3) wara ċ-ċaħda, min-naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ta' l-abbozz ta' rakkomandazzjoni relevanti,
N. N billi l-approċċ il-ġdid ta' l-Ombudsman fir-rigward tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fil-promozzjoni ta' kultura ta' servizz bħala parti integrata tal-prattiki ta' amministrazzjoni tajba u rimedju importanti sabiex azzjonijiet jew imġieba żbaljati jkunu korretti, għandu jkun imwettaq b'mod miftuħ fuq bażi kunsenswali,
O. billi l-kummenti kritiċi magħmula mill-Ombudsman Ewropew rigward il-41 każ ta' amministrazzjoni ħażina msemmija fir-rapport ta' l-2006 (osservazzjonijiet kritiċi, rakkomandazzjonijiet u rapporti speċjali) jistgħu jservu bħala bażi sabiex fil-futur tkun evitata r-ripetizzjoni ta' żbalji u tħaddim ħażin billi jittieħdu u jiġu implimentati miżuri xierqa mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra ta' l-UE,
P. billi l-koperazzjoni volontarja stabbilita mill-Ombudsman fin-Network Ewropea ta' l-Ombudsman ħadmet għal aktar minn għaxar snin bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika u bħala mezz sabiex isiru lmenti lill-Ombudsman u lill-korpi simili oħra li huma l-aktar kapaċi jindirizzawhom,
Q. billi l-irwol ta' l-Ombudsman bħala tutur taċ-ċittadin Ewropew żviluppa wara aktar minn għaxar snin ta' attività, wara l-ħolqien ta' l-Uffiċċju tiegħu, grazzi għall-indipendenza tiegħu u għall-iskrutinju fuq it-trasparenza ta' l-operat tiegħu, mwettaq b'mod demokratiku mill-Parlament Ewropew,
R. billi l-Ombudsman iddikjara li għandu l-volontà li juża l-poteri tiegħu ta' inizjattiva proprja meta jsir ilment lilu minn ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti barra l-UE li f'oqsma oħra jkunu fl-ambitù tal-mandat tiegħu,
S. billi fit-30 ta' Novembru 2006 l-Ombudsman u l-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data iffirmaw Memorandum ta' Ftehim rigward il-koperazzjoni u l-modalitajiet ta' l-eżerċizzju tal-poteri rispettivi tagħhom,
T. billi fost il-prinċipji kardinali ta' l-integrazzjoni Ewropea hemm dak ta' l-ugwaljanza demokratika taċ-ċittadini Ewropej kollha, mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità jew lingwa, u li r-rapporti għadhom numerużi min-naħa taċ-ċittadini, ta' l-assoċjazzjonijiet jew l-impriżi li ma kisbux l-informazzjoni mitluba fil-lingwa tagħhom rigward proċedura komunitarja ta' appalt jew ta' kompetizzjoni,
U. billi f'Lulju 2006 l-Ombudsman tenna t-talba tiegħu biex jikseb emendament ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman u billi waħda mit-talbiet tiegħu, rigward l-emenda ta' l-Artikolu 3 ta' l-istatut diġà kienet approvata mill-Parlament Ewropew fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 msemmija hawn fuq,
1. Japprova r-rapport annwali għall-2006 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew u japprova il-forma li fih ġie ppreżentat, fejn ġew ikkombinati sommarju ta' l-attivitajiet tas-sena u flimkien ma' analiżi tematika tad-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman u tal-problemi imqajjma fil-fażijiet differenti tal-proċedura; madankollu jistieden lill-Ombudsman sabiex jintroduċi bidliet tekniċi sabiex il-qari tal-kapitli varji, bħal tabelli għall-istatistika u sommarji għas-sezzjoni analitika jkun aktar faċli;
2. Jistieden sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha jingħataw r-riżorsi meħtieġa tal-baġit sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġibiet immedjati u sostantivi għall-mistoqsijiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;
3. Jikkunsidra li l-Ombudsman kompla jeżerċita l-poteri tiegħu b'mod bilanċjat u dinamiku, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżaminazzjoni u t-trattament ta' l-ilmenti, kif ukoll it-tmexxija u l-konklużjoni ta' l-investigazzjonijiet, u fiż-żamma ta' relazzjonijiet kostruttivi ma' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u t-tħeġġiġ liċ-ċittadini sabiex jisħqu fuq id-drittijiet tagħhom quddiem l-amministrazzjoni pubblika Komunitarja;
4. Jinkoraġġixxi lill-Ombudsman Ewropew sabiex ikompli bl-isforzi tiegħu u jippromwovi l-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv u flessibbli sabiex f'għajnejn iċ-ċittadin huwa jkun jirrappreżenta l-gwardjan ta' amministrazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet Ewropej;
5. Jenfasizza li l-objettiv prinċipali ta' l-intervent ta' l-Ombudsman huwa li jilħaq riżoluzzjoni amikevoli bejn ir-rikorrent u l-istituzzjoni, biex b'hekk jevita kawża fil-qrati;
6. Jaqbel li t-terminu 'amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta'l-istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Komunità' għandu jkun interpretat b'mod wiesa' biex jinkludi mhux biss atti amministrattivi illegali jew ksur ta' regoli jew prinċipji legali mandatorji, imma jinkludi wkoll, bħala eżempju, każijiet fejn l-awtoritajiet amministrattivi tgħażżnu, kienu negliġenti jew urew nuqqas ta' trasparenza jew kisru prinċipji oħra ta' amministrazzjoni tajba;
7. Jinkoraġġixxi lill-Ombudsman sabiex ikompli jippromwovi kultura ġenwina ta' servizz bħala komponent integrali ta' prattika amministrattiva tajba sabiex jiżgura li l-amministrazzjoni pubblika ta' l-Unjoni Ewropea tkun immirata lejn il-ftuħ u d-djalogu mal-membri tal-pubbliku li jużaw is-servizzi tagħhom, jirrikonoxxu u jiskużaw ruħhom għal żbalji u jfittxu soluzzjonijiet sodisfaċenti għal ilmenti;
8. Jikkunsidra li mhux biżżejjed li wħud mill-istituzzjonijiet jew entitajiet Komunitarji oħra, primarjament il-Kummissjoni u l-Kunsill, adottaw kodiċijiet separati ta' mġieba amministrattiva tajba: fil-każ tal-Kummissjoni, il-kodiċi tat-13 ta' Settembru 2000 għar-relazzjonijiet ta' l-istaff tagħha mal-pubbliku, u fil-każ tal-Kunsill, il-kodiċi tal-25 ta' Ġunju 2001għar-relazzjoni professjonali ta' l-istaff tiegħu mal-pubbliku;
9. Jinnota li l-"Kodiċi Ewropew ta' Mġieba Amministrattiva Tajba" propost mill-Ombudsman Ewropew u approvat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001 jkopri l-istaff ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji kollha, u b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra, ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-website ta' l-Ombudsman;
10. Jenfasizza li l-effikaċja tiegħu ġiet spjegata erga omnes lill-President tal-Parlament mill-Ombudsman b'ittra tal-11 ta' Marzu 2002 li ġiet ukoll ippublikata fuq il-website ta' l-Ombudsman; għalhekk jikkunsidra li ebda kodiċi ieħor applikabbli f'ambitu ristrett ma jista jissostitwixxi jew jidderoga mill-kodiċi ta' mġieba "Ewropew";
11. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha sabiex jikkoperaw b'mod kostruttiv ma' l-Ombudsman fil-fażijiet kollha tal-proċeduri, u sabiex jonoraw soluzzjonijiet amikevoli, ikun hemm segwitu għall-kummenti kritiċi, u japplikaw l-abbozzi ta' rakkomandazzjoni tiegħu;
12. Jinkuraġġixxi lill-Ombudsman sabiex kull sena jagħmel lista ta' l-aħjar prattiki amministrattivi u lista ta' dawk li ma jikkonformawx mad-deċiżjonijiet tiegħu, u biex jippreżenta studju dwar ir-riżultat tal-kummenti kritiċi;
13. Iħeġġeġ lil dawk suġġetti ta' kummenti kritiċi sabiex jirrispettaw u jikkunsidraw dawk il-kummenti fl-azzjonijiet futuri tagħhom, sabiex ikunu evitati kwalunkwe każijiet ta' inkonsistenza bejn id-dikjarazzjonijiet uffiċjali u l-azzjonijiet jew in-nuqqas amministrattivi;
14. Ifakkar lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet komunitarji kollha dwar l-obbligi tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(4), li għandu jkun applikat b'mod effettiv minn ta' l-inqas sabiex il-proposta ta' reviżjoni li bħalissa qed tiġi eżaminata, tkun kredibbli, kif ukoll dawk li joħorġu mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(5) ;
15. Jerġa' jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew biex tipproponi penali skond l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li tevita b'attenzjoni kbira dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li mhux ġustifikata, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja;
16. Jikkunsidra li, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni f'rapport speċjali ta' l-Ombudsman minkejja li l-Parlament kien approva dik ir-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista', b'mod leġittimu, juża l-poteri tiegħu biex iressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward att jew nuqqas li kien suġġett ta' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman;
17. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji kollha kif ukoll lir-rappreżentanti permanenti ta' l-Istati Membri sabiex jikkoperaw biex ikun hemm trasparenza u rispett tar-regoli ta' amministrazzjoni tajba msemmija f'dan ir-rapport, mingħajr ma jitfgħu r-responsabbilità fuq iċ-ċentri ta' poter, bħall-Presidenza tal-Kunsill jew ta' Kunsill Superjuri ta' l-Iskejjel Ewropej, li huwa diffiċli li jiġu kkontrollati mill-Ombudsman;
18. Jitlob lill-Uffiċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex jassigura r-rispett effettiv u sħiħ tar-regoli u l-prattiċi stabbiliti fir-rigward tat-trasparenza tal-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-aċċess tal-kandidati għal informazzjoni li tirrigwardhom dwar l-eżamijiet ikkoreġuti, dwar l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni lingwistika u sabiex ma jaħarbux mir-responsabbilitajiet tagħhom billi jirriferu għad-deċiżjonijiet meħuda mil-bordijiet ta' l-għażla;
19. Jilqa' tajjeb id-dikjarazzjoni ta' l-Ombudsman Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jittratta l-attivitajiet ta' self tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) barra l-UE billi juża l-poteri tiegħu ta' inkjesta, u jinnota li l-Ombudsman se jkollu bżonn jevalwa u jiżgura l-kapaċità interna li jaffronta l-ilmenti f'dak ir-rigward;
20. Jistieden lill-Ombudsman sabiex jikkunsidra l-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim mal-Bank Ewropew ta'l-Investiment (BEI) dwar il-metodi ta' koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet f'dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-poteri ta' l-Ombudsman li jinvestiga lmenti rigward każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-BEI, u huwa tal-fehma li l-BEI huwa l-aħjar pożizzjoni biex b'mod attiv jinforma liċ-ċittadini affettwati mill-proġetti ffinanzjati mill-Bank dwar il-possibilità li jsir ilment lill-Ombudsman, inkluż fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti barra l-UE;
21. Jilqa' l-fatt li l-Ombudsman jista' jmexxi inkjesti rigward l-imġieba ta' korpi li qed joperaw taħt it-tielet pilastru ta' l-UE,
22. Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta żewġ rapporti speċjali hawn fuq imsemmija, li minnhom wieħed diġà kellu effett utli u l-ieħor se jiġi eżaminat fil-Parlament; jappoġġa l-konklużjonijiet indirizzati mill-Ombudsman lill-Presidenza tal-Kunsill rigward il-ħtieġa li jkunu applikati regoli konsistenti dwar il-lingwi użati mill-Presidenzi tal-Kunsill u dwar il-ħtieġa li jkun iċċarat l-istatus tal-Presidenza bħala parti mill-Kunsill bħala istituzzjoni;
23. Kieku jilqa' l-issikkar tal-proċeduri parlamentari interni sabiex fil-futur jiggarantixxu pproċessar mħaffef tar-rapport annwali ta' l-Ombudsman mill-Kumitat Parlamentari għall-Petizzjonijiet;
24. Iħeġġeġ lill-Ombudsman sabiex jippreżenta lill-Parlament it-talbiet li jqis xierqa biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi reċiproki u tissaħħaħ il-koperazzjoni, fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Qafas dwar il-koperazzjoni tal-15 ta' Marzu 2006, b'referenza partikolari għas-settur tal-komunikazzjoni, ta' l-informazzjoni teknoloġika u tat-traduzzjoni;
25. Jinsab kuntent li nżammu relazzjonijiet kostruttivi mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, kemm fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' l-Ombudsman fil-laqgħat tal-Kumitat kif ukoll fir-rigward tar-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi; għalhekk jistieden lill-Ombudsman sabiex jippreżenta, fil-ħin, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-pożizzjoni tiegħu dwar l-investigazzjonijiet l-aktar importanti, mibdija mill-uffiċju tiegħu, sabiex jintlaħqu sinerġiji utli;
26. Jikkonferma l-parir favorevoli tiegħu, li esprima fl-2001, dwar it-talba għall-emendament ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman fir-rigward ta' l-aċċess għad-dokumenti u s-smiegħ tax-xhieda, billi jilqa' l-prinċipju li t-tibdil mitlub sussegwentement iservi sabiex ikunu ċċarati l-poteri ta' l-Ombudsman, fid-dawl ta' l-eżigenzi li dejjem qed jikbru fil-qadi ta' dmirijietu u l-fatt li fil-prattika, l-istituzzjonijiet prinċipali Ewropej diġà aċċettaw il-biċċa l-kbira minnhom;
27. Jenfasizza li dawn il-bidliet m'għandhomx jaffettwaw il-bażi u n-natura ta' l-irwol ta' l-Ombudsman bħala gwardjan ta' l-interessi taċ-ċittadin fir-rigward ta' l-amministrazzjoni pubblika ta' l-Unjoni Ewropea;
28. Jirrikonoxxi l-kontribut utli tan-Network Ewropew ta' l-Ombudsman, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, fl-iżgurar ta' rimedji extra-ġudizzjarji;
29. Jinkoraġġixxi l-konsultazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'mod konġunt man-Network Ewropew ta' l-Ombudsman, sabiex ikunu risolti l-kwistjonijiet li diġà ġew trattati bħala suġġett ta' petizzjonijiet;
30. Jilqa' l-partiċipazzjoni li dejjem qed tikber tal-midja fl-ippubblikar tal-ħidma ta' l-Ombudsman, u jfaħħar l-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman bl-użu ta' mezzi varji biex iċ-ċittadin ikun infurmat u titqajjem kuxjenza, billi jkun hemm għajnuna fl-istabbilizzazzjoni ta' varjetà ta' forom ta' djalogu sabiex iċ-ċittadini jitressqu aktar qrib ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni Ewropea, li għalhekk, fuq medda ta' żmien, għandha twassal għal aktar għarfien tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal aktar fehim ta' l-ambitu ta' kompetenza ta' l-Ombudsman;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Ombudsman tagħhom u lill-korpi kompetenti simili.
Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbożż ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta'l-Unjoni Ewropew fir-rigward ta'l-ilmenti 1487/2005/GG u Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbożż ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta'l-Unjoni Ewropew fir-rigward ta'l-ilmenti 289/2005/(WP)GG.