Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Pakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta" Lulju 2007(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni ta" l-24 ta" Novembru 2001 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan dwar Sħubija u Żvilupp,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar il-Kashmir(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Benazir Bhutto, il-President għal Ħajjitha tal-Partit tal-Poplu tal-Pakistan (PPP) irritornat fil-Pakistan fit-18 ta" Ottubru 2007; billi r-ritorn tas-Sinjura Bhutto f'Karachi kien immarkat b'attakk orribbli ta' bomba fejn mietu iktar minn 130 persuna u ndarbu iktar minn 500 persuna; u billi l-klima digà fraġli ta" qabel l-elezzjoni fil-Pakistan saħnet iktar minħabba dan l-attakk,
B. billi falla wkoll attentat minn Nawaz Sharif, il-President tal-Lega Musulmana tal-Pakistan, biex jirritorna fil-Pakistan, minħabba li hu kien imġiegħel iħalli l-pajjiż immedjatament kif wasal,
C. billi hemm sinjali ċari ta" militarizzazzjoni tal-Pakistan u ta' irwol dejjem jikber tas-servizzi sigrieti, li qed ikomplu jeżerċitaw influwenza konsiderevoli ħafna fuq il-politika, il-gvern u l-ekonomija tal-Pakistan,
D. billi l-leġiżlatura parlamentari ta' bħalissa tispiċċa fil-15 ta" Novembru 2007 u l-elezzjonijiet ġenerali ġew imħabbra fil-Pakistan għal nofs Jannar 2008,
E. billi biex terġa' tiddaħħal id-demokrazija hemm bżonn li l-poter ikun trasferit lura lil gvern ċivili,
F. billi fis-17 ta" Ottubru 2007 l-Qorti Suprema tal-Pakistan kompliet tisma" l-kwistjoni dwar jekk il-ħatra tal-President Musharraf hijiex konformi mal-Kostituzzjoni, u mistennija tgħaddi l-ġudizzju tagħha dalwaqt,
G. billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi finanzjament sinifikanti lill-Pakistan biex jittaffa l-faqar, għas-saħħa u għall-edukazzjoni pubblika,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk b'bomba suwiċida kontra l-mexxej ta" l-oppożizzjoni u n-nies ċivili; jitlob lill-gvern tal-Pakistan biex jieħu passi immedjati biex jagħmel investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti dwar dan l-attakk sabiex dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
2. Jestendi l-ikbar simpatija tiegħu lill-poplu tal-Pakistan u speċjalment lill-familji ta' dawk kollha maqtula u midruba b'dan l-att ta" min jistmellu;
3. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Pakistan li jaqsam l-objettivi ta" governanza demokratika u regoli trasparenti u ta" responsabilità u li jaġixxi b'kuraġġ u determinazzjoni quddiem vjolenza terroristika u kriminali;
4. Iħeġġeġ lill-Pakistan biex josserva l-prinċipji mħaddna fil-Ftehima ta" Koperazzjoni fuq imsemmija, b'mod partikulari l-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jikkundanna bil-qawwa t-tluq sfurzat tal-Prim Ministru preċedenti Nawaz Sharif lejn l-Għarabja Sawdija fl-10 ta' Settembru 2007 minkejja sentenza tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li tippermetti r-ritorn tiegħu fil-Pakistan;
6. Jitlob lill-gvern tal-Pakistan, bħala kundizzjoni minn qabel għal elezzjonijiet demokratiċi, biex jippermetti r-ritorn tal-mexxejja politiċi kollha biex jiġġieldu l-forzi estremisti fil-pajjiż u jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit gvern leġittimu permezz ta" elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li jieħu post id-dittatorjat militari attwali;
7. Itenni t-talba tiegħu li l-gvern proviżorju li se jkun hemm irid ikun newtrali u jerġa" jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kompożizzjoni tal-gvern proviżorju hi deċiża mill-President Musharraf waħdu;
8. Jiddeplora xi proċeduri reċenti tal-Qorti Superjuri fil-Pakistan li jagħtu lok għal tħassib serju dwar in-nuqqas ta" l-istat tad-dritt; jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex ma jindaħalx politikament u biex jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura;
9. Jiddeplora n-nuqqas tal-President Musharraf milli jħalli postu bħala Kap tal-Persunal ta' l-Armata qabel ma joħroġ bħala kandidat u jkun elett president, kif kien qabel li jagħmel f'wegħda lill-UE; itenni t-talba tiegħu li għandu jagħmel hekk qabel ma jieħu l-kariga; jinnota li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi kellu effett negattiv fuq il-kredibilità tal-Presidenza fil-Pakistan;
10. Jikkundanna l-arrest arbitrarju ta" membri ta" l-oppożizzjoni meta huma kkritikaw lill-President Musharraf u jħeġġeġ lill-gvern biex jaċċetta u jimplimenta d-direttiva tal-Qorti Suprema biex jieqaf l-għejbien ta" avversarji politiċi;
11. Iħeġġeġ li l-Pakistan jirritorna għal gvern demokratiku billi jkun hemm elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti f'Jannar 2008 u jwissi kontra l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza jew ta' miżuri oħra biex titrażżan il-libertà tal-kelma, ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea jew ta' moviment; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi lill-partijiet kollha aċċess ugwali għall-midja;
12. Iħeġġeġ lill-Pakistan biex jieħu azzjoni immedjata biex jirrestrinġi l-influwenza ta" l-armata fis-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Gvern Pakistan biex jirrispetta tranżizzjoni għal stat ċivili u biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi bħala l-uniku mod possibbli biex ikun hemm risposta għall-isfidi fis-soċjetà tal-Pakistan; jerġa" jħeġġeġ lill-gvern biex jillimita l-irwol u l-influwenza ta" l-armata u ta" gruppi oħra armati u biex jirritorna s-setgħa lill-istituzzjonijiet demokratiċi;
13. Hu mħasseb dwar ir-rapporti ta" oppressjoni kontinwa ta" minoritajiet reliġjużi bħal Kristjani, Buddisti, Hindus, Sikhs u Ahmadis u l-użu ta" liġijiet dwar id-dagħa kontrihom;
14. Jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni immedjata biex iwaqqaf tali repressjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon u biex jiżgura l-integrità u s-sikurezza tal-minoritajiet kollha billi jingħataw protezzjoni legali u politika ġenwina u effettiva; jistieden lill-Pakistan biex jirriforma l-liġijiet dwar id-dagħa, li huma użati ħażin b'mod wiesa"; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi protezzjoni xierqa għall-avukati u għal dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li jiffaċċjaw theddid minħabba li jkunu qed jiddefendu lil dawk akkużati b'dagħa; iħeġġeġ lill-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi protezzjoni xierqa lill-komunitajiet reliġjużi vulnerabbli u komunitajiet oħra f'minoranza li jiffaċċjaw theddid ta" konverżjoni sfurzata u intimidazzjoni vjolenti minn estremisti;
15. Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex jirrevokaw l-Ordinanzi Hudood, li wasslu għall-priġunerija ta" mijiet ta" nisa;
16. Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE se tagħmel monitoraġġ ta" l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan u li l-Parlament se jipparteċipa fil-missjoni ta" osservatur; hu mħasseb dwar il-possibilità li n-nisa Pakistani ma jkunux jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-proċess demokratiku minħabba li tkun meħtieġa kwalifika akkademika bħala kundizzjoni minn qabel biex wieħed joħroġ għall-elezzjoni, li se teskludi 70% tan-nisa Pakistani; jitlob li titneħħa din ir-restrizzjoni;
17. Jirrikonoxxi l-isforzi li l-Pakistan qed jagħmel biex jirreżisti l-qawmien ta" gruppi terroristiċi; juri dispjaċir li l-ftehima li ntlaħqet biex ikun evitat iktar konflitt fit-Tramuntana ta" Waziristan ma kinitx suċċess; jistieden lill-gvern biex jiġġieled il-vjolenza mill-ġdid relatata mar-ribelljoni permezz ta" miżuri proporzjonati u biex jimponi l-istat tad-dritt u jestendi drittijiet ċivili u politiċi għal din iz-zona;
18. Jitlob, b'attenzjoni partikulari għar-ribelljoni kontinwa f'Balochistan, li l-armata ma tappoġġjax partiti Islamiċi sabiex jiġu miġġielda l-forzi Baloch sekulari u Pashtun moderati; jitlob ukoll għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi dawk taħt il-kustodja ta" aġenziji ta" intelliġenza li tmur kontra l-liġi;
19. Jenfasizza l-importanza ta" aċċess universali għall-edukazzjoni pubblika u monitoraġġ effettiv tal-madrassas biex ikun evitat il-kontroll minn estremisti; jistieden lill-gvern tal-Pakistan biex jimplimenta l-wegħda preċedenti tiegħu fir-rigward ta" attendenza ta" studenti barranin fil-madrassas;
20. Jitlob lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-Kodiċi ta" Kondotta ta" l-UE dwar l-Esportazzjonijiet ta" Armi;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvern tal-Pakistan.