Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2007 dwar emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fid-dawl ta' l-Istatut tal-Membri (2006/2195(REG))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu tad-29 ta' Ġunju 2006 u t-tħabbira fis-seduta plenarja tas-7 ta' Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal- Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0368/2007),
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;
2. Jagħmilha ċara li l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tal-leġiżlatura tiegħu li tibda fl-2009;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikunu infurmati.
Test attwali
Emendi
Emenda 1 Artikolu 8
Ħlas ta' spejjeż u indennizzi
Implimentazzjoni ta' l-Istatut tal-Membri
Il-Bureau għandu joħloq regoli dwar il-ħlas ta' spejjeż u indennizzi lill-Membri.
Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, ir-regoli dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau.
Emenda 2 Artikolu 39, paragrafu 1
1. Il-Parlament jista' jagħmel talba lill-Kummissjoni sabiex tressaq quddiemu kull proposta xierqa skond l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE billi tadotta riżoluzzjoni fuq il-bażi ta' rapport fuq inizjattiva proprja li jsir mill-kumitat responsabbli. Ir-riżoluzzjoni għandha tiġi adottata mill-maġġoranza tal-Membri li jiffurmaw il-Parlament. Il-Parlament jista', fl-istess ħin, jistabbilixxi limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' din il-proposta.
1. Il-Parlament jista', billi jadotta riżoluzzjoni fuq il-bażi ta' rapport fuq inizjattiva proprja li jsir mill-kumitat responsabbli imħejji skond l-Artikolu 45,jagħmel talba lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE, sabiex tressaq quddiemu kull proposta xierqa sabiex jiġu adottati atti ġodda jew jiġu emendati atti eżistenti. Ir-riżoluzzjoni għandha tiġi adottata mill-maġġoranza tal-Membri li jiffurmaw il-Parlament. Il-Parlament jista', fl-istess ħin, jistabbilixxi limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' din il-proposta.
Emenda 3 Artikolu 39, paragrafu 1 a (ġdid)
1a.Kull Membru jista' jressaq proposta għal att Komunitarju fil-qafas tad-dritt ta' inizjattiva mogħti lill-Parlament skond l-Artikolu 192 tat-Trattat KE.
Emenda 4 Artikolu 39, paragrafu 1 b (ġdid)
1b.Il-proposta għandha tiġi ppreżentata lill-President, li għandu jirreferiha lill-kumitat responsabbli għall-kunsiderazzjoni. Qabel ma ssir din ir-riferenza, il-proposta għandha tiġi tradotta f'dawk il-lingwi uffiċjali li ċ-chairman ta' dak il-kumitat jikkunsidra meħtieġa biex issir possibbli kunsiderazzjoni sommarja. Il-kumitat għandu jieħu deċiżjoni dwar azzjoni ulterjuri fi żmien tliet xhur minn meta ssir ir-riferenza u wara li jkun instema' l-awtur tal-proposta.
Fejn il-kumitat jiddeċidi li jippreżenta proposta lill-Parlament skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 45, l-awtur tal-proposta għandu jissemma b'ismu fit-titolu tar-rapport.
Emenda 5 Artikolu 39, paragrafu 2
2.Qabel jagħti bidu għall-proċedura skond l-Artikolu 45, il-kumitat responsabbli għandu jistabbilixxi, fil-każi li ġejjin, li l-ebda proposta ta' dan it-tip m'hi qed tiġi ppreparata
imħassar
a) proposta ta' dan it-tip mhix inkluża fil-Programm Leġiżlattiv Annwali; jew
b) il-preparazzjonijiet ta' proposta ta' dan it-tip għadhom ma bdewx jew ġew imtawla iktar milli previst; jew
c) il-Kummissjoni ma rrispondietx pożittivament għal talbiet preċedenti magħmula mill-kumitat responsabbli jew li kienu f'riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament bil-maġġoranza tal-voti mixħuta.
Emenda 6 Artikolu 45, paragrafu 1
Kumitat li jkollu l-ħsieb li jħejji rapport u li jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-Parlament dwar xi suġġett li jaqa' fi ħdan il-kompetenza tiegħu, li dwaru la kien ikkonsultat u lanqas intalab jagħti opinjoni skond l-Artikolu 179(1), jista' jagħmel dan biss bl-awtorizzazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti. Meta din l-awtorizzazzjoni ma tingħatax, għandha dejjem tingħata raġuni.
Kumitat li jkollu l-ħsieb li jħejji rapport u li jippreżenta mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-Parlament dwar xi suġġett li jaqa' fi ħdan il-kompetenza tiegħu, li dwaru la kien ikkonsultat u lanqas intalab jagħti opinjoni skond l-Artikolu 179(1), jista' jagħmel dan biss bl-awtorizzazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti. Meta din l-awtorizzazzjoni ma tingħatax, għandha dejjem tingħata raġuni. Fejn is-suġġett tar-rapport ikun proposta mressqa minn Membru skond l-Artikolu 39(1a), l-awtorizzazzjoni tista' tiġi miċħuda biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl- Artikolu 5 ta' l-Istatut tal-Membri u l-Artikolu 192 tat-Trattat KE ma jiġux sodisfatti.
Emenda 7 Artikolu 150, paragrafu 6 subparagrafu 1
6. Emendi għandhom jitqiegħdu għall-vot biss wara li jkunu ġew stampati u mqassma fil-lingwi uffiċċjali kollha, ħlief jekk il-Parlament jiddeċiedi mod ieħor. Il-Parlament ma jistax jiddeċiedi mod ieħor jekk joġġezzjonaw mhux inqas minn erbgħin Membru.
6. Emendi għandhom jitqiegħdu għall-vot biss wara li jkunu ġew stampati u mqassma fil-lingwi uffiċċjali kollha, ħlief jekk il-Parlament jiddeċiedi mod ieħor. Il-Parlament ma jistax jiddeċiedi mod ieħor jekk joġġezzjonaw mhux inqas minn erbgħin Membru. Il-Parlament għandu jevita li jieħu deċiżjonijiet li jwasslu sabiex Membri li jużaw lingwa partikolari jkunu żvantaġġjati b'mod inaċċettabbli.
Emenda 8 Anness I artikolu 2 paragrafu 1 aa (ġdid)
aa) kull salarju li l-Membru jirċievi fit-twettiq ta' mandat f'Parlament ieħor,
Emenda 9 Anness I, Artikolu 4
Sakemm jiġi introdott statut għall-Membri tal-Parlament Ewropew sabiex jissostitwixxi d-diversi regoli nazzjonali, għal dak li għandu x'jaqsam ma' dikjarazzjoni ta' l-assi, il-Membri huma suġġetti għad-dmirijiet imposti fuqhom mil-liġijiet ta' l-Istat Membru li fih ikunu ġew eletti f'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjoni tal-assi.
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' dikjarazzjoni ta' l-assi, il-Membri huma suġġetti għad-dmirijiet imposti fuqhom mil-liġijiet ta' l-Istat Membru li fih ikunu ġew eletti f'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjoni tal-assi
Emenda 10 Anness VII, paragrafu C a (ġdid)
Ca.Kunflitti ta' interess personali
Bl-approvazzjoni tal-Bureau u fuq il-bażi ta' deċiżjoni motivata, Membru jista' jiġi mċaħħad mid-dritt li jispezzjoni dokument Parlamentari jekk, wara li jkun instema' l-Membru kkonċernat, il-Bureau jasal għall-konklużjoni li tali spezzjoni toħloq ħsara mhux aċċettabbli għall-interessi istituzzjonali tal-Parlament jew għall-interess pubbliku u li l-Membru kkonċernat ikun qed ifittex li jispezzjona d-dokument għal raġunijiet privati u personali. Il-Membru jista' jagħmel appell bil-miktub, li għandu jinkludi ir-raġunijiet kontra din id-deċiżjoni fi żmien xahar minn meta tiġi notifikata. Il-Parlament għandu jasal għal deċiżjoni dwar l-appell mingħajr dibattitu waqt is-sessjoni parzjali li tiġi wara li jkun tressaq l-appell.