Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/0086(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0410/2007

Testi mressqa :

A6-0410/2007

Dibattiti :

PV 12/11/2007 - 20
CRE 12/11/2007 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2007 - 3.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0509

Testi adottati
PDF 695kWORD 274k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
Il-Protezzjoni tal-ħamrija ***I
P6_TA(2007)0509A6-0410/2007
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat
 Anness
 Anness
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (COM(2006)0232 – C6-0307/2006 – 2006/0086(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2006)0232),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0307/2006),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0410/2007),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Pożizzjoni tal-parlament ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Novembru 2007 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija
P6_TC1-COD(2006)0086

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA" L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni║,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Il-ħamrija essenzjalment hija riżorsa li ma tiġġeddidx, minħabba li r-rati ta' tħarbit jistgħu jkunu rapidi ħafna, filwaqt li l-proċessi ta' formazzjoni u riġenerazzjoni jseħħu estremament bil-mod. Hija sistema dinamika ħafna li taqdi bosta funzjonijiet u tagħti servizzi li huma essenzjali għall-attivitajiet tal-bniedem u s-sopravivenza ta' l-ekosistemi. Dawn il-funzjonijiet tal-ħamrija huma li tipproduċi l-bijomassa, taħżen, tiffiltra u tittrasforma n-nutrijenti u l-ilma, tospita l-ġabra tal-bijodiversità, isservi bħala pjattaforma għall-parti l-kbira ta' l-attivitajiet tal-bniedem, tipprovdi l-materja prima, taħżen il-karbon u tikkonserva l-wirt ġeoloġiku u arkeoloġiku.

(2)  It-tħarbit jew it-titjib tal-ħamrija għandhom impatt kbir fuq oqsma oħra ta' interess Komunitarju, bħall-kwalità ta' l-ilmijiet tal-wiċċ u tal-pjan, is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem, il-bidla fil-klima, id-degradazzjoni jew il-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, u s-sikurezza alimentari.

(3)  Il-ħamrija hija riżorsa naturali li tinsab dejjem iktar taħt pressjoni ambjentali u għandha fiha nnifisha tiġi protetta mit-tħarbit. Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta" Azzjoni Ambjentali tal-Komunità(4) tinkludi l-għan tal-protezzjoni tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta' użu sostenibbli tal-ħamrija.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill "Lejn Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija"(5) tidentifika l-għaxar proċessi ewlenin tat-tħarbit li t-tipi differenti ta' ħamrija fl-UE huma esposti għalihom. Dawn huma l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kontaminazzjoni, is-salinizzazzjoni, il-kompattazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità, l-issiġillar, id-deżertifikazzjoni, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-għargħar. ▐

(5)  Fil-Komunità hemm varjabbiltà kbira bejn it-tipi ta' ħamrija, u hemm differenzi enormi fil-qagħdiet strutturali, fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi, sew fi ħdan profili individwali kif ukoll bejn tipi differenti ta' ħamrija. Dawn il-kundizzjonijiet u ħtiġijiet diversi fil-Komunità għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba li jirrikjedu soluzzjonjiet speċifiċi differenti biex jiġi indirizzat it-tħarbit tal-ħamrija.

(6)  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, pereżempju fl-oqsma ta' l-iskart, il-kimika, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis industrijali, il-bidla fil-klima, l-ilma, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, diġà qed tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħamrija u tista" tissupplimenta dan il-qafas, li jipprovdi prinċipji u miri komuni bil-għan tal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija fil-Komunità.

(7)  L-għan ta' din id-Direttiva huwa l-iżgurar tal-protezzjoni tal-ħamrija, fuq il-bażi ta' objettivi komuni u r-rispett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja eżistenti, sabiex il-ħamrija tintuża b'mod sostenibbli sabiex kemm il-ġenerazzjonijiet attwali kif ukoll dawk futuri jkunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom.

(8)  Qafas komuni jippermetti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipproteġu l-ħamrija tagħhom mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi. Fl-istess waqt, jagħti garanziji u trasparenza fi ħdan is-suq intern għall-ħamrija fl-Istati Membri. Qafas bħal dan għandu jiġi adottat fuq il-bażi ta' stħarriġ komprensiv ta' l-istatus tal-ħamrija u tal-miżuri meħuda diġà fl-Istati Membri.

(9)  Ġaladarba t-tħarbit tal-ħamrija jista' jkollu impatti serji fuq in-natura ▐, l-ilma, is-sikurezza alimentari, il-bidla fil-klima, l-agrikoltura u ▐s-saħħa tal-bniedem u ladarba, minkejja l-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, it-tħarbit tal-ħamrija probabbilment se jiżdied, hemm bżonn ta' direttiva li tippermetti l-ħarsien tal-ħamrija fl-Istati Membri kollha, għalkemm dan għandu jsir biss skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif jidher fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jidher f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(10)  Minħabba li xi politiki settorjali jistgħu jew jaggravaw jew itaffu l-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija, jeħtieġ li jkun hemm integrazzjoni ulterjuri ta' aspetti tal-protezzjoni tal-ħamrija f'dawn il-politiki. Din id-Direttiva għandha tipprovdi biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw u jevalwaw l-impatt ta' dawn il-politiki fuq il-prevenzjoni tal-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-funzjonjiet tagħha.

(11)  L-agrikoltura dejjem tat kontribut pożittiv għaż-żamma ta' l-istruttura tal-ħamrija u tal-karatteristiċi tagħha, u minn dejjem kienet il-mekkaniżmu indispensabbli għall-konservazzjoni tal-kwalità organika tal-ħamrija u għenet tippreżerva s-saff veġetali u tevita d-deżertifikazzjoni.

(12)   Ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-politika agrikola komuni għandha tistabbilixxi miżuri ta" miri għaż-żamma u t-titjib tal-fertilità tal-ħamrija, tal-kontenut ta" materja organika u tal-kapaċità ta" sekwestrar tal-karbonju.

(13)  Sabiex jiġi evitat kwalunkwe rduppjar ta' leġiżlazzjoni eżistenti fl-oqsma ta' l-agrikoltura u l-ambjent, u meta wieħed iqis il-prinċipju ta' sussidjarjetà relatat ma' l-ekokundizzjonalità, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi li jimplimenta l-ekokundizzjonalità, waqt li jqis il-klima, l-agrikoltura u l-karatteristiċi tal-ħamrija tiegħu.

(14)  B'kuntrast ma' l-arja u l-ilma, fil-Komunità, il-ħamrija fil-parti l-kbira tagħha hija proprjetà privata. Madankollu, hija riżorsa naturali ta' interess komuni, li jeħtieġ li tiġi protetta għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Fl-interess pubbliku għalhekk, l-utenti ta' l-art għandhom jiġu mħeġġa jieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex jevitaw it-tħarbit tal-ħamrija.

(15)  Il-fertilità tal-ħamrija hija l-bażi tal-ħajja. L-għan ta' kull attività agrikola jrid ikun li tinżamm u tittejjeb dik il-fertilità.

(16)  Is-siġillar qed joħloq dejjem aktar tħassib għaliex jista' jimpedixxi dawk il-funzjonijiet tal-ħamrija li jipprovdu servizzi vitali għall-attivitajiet umani u għas-sopravivenza ta' l-ekosistemi mingħajr ma jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli skond l-Istrateġija Mġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli kif adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15-16 ta' Ġunju 2006. Dan jirrikjedi użu aktar sostenibbli tal-ħamrija. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm miżuri adegwati biex jiġi limitat is-siġillar tal-ħamrija li joriġina minn proġetti ta' żvilupp li probabbilment jimpedixxu b'mod sinifikanti l-funzjonijiet tal-ħamrija u li ma jikkontribwixxux biex jinkiseb żvilupp sostenibbli. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inċentivi sabiex iseħħ l-iżvilupp ta" spazju industrijali u urban fuq siti li huma diġà użati għal skopijiet industrijali u urbani, u għandhom jillimitaw l-użu ta" l-artijiet naturali (greenfield sites). L-Istati Membri għandhom jaraw ukoll li l-oqfsa regolatorji għall-ippjanar ta" l-użu ta" l-art ikunu favur ir-rijabilitazzjoni u għandhom jikkonsidraw it-twaqqif ta' proċeduri ta" awtorizzazzjoni ta" l-ippjanar ta" malajr għat-tranġar. Fejn is-siġillar għandu jseħħ f'tali ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effetti tiegħu jkunu mtaffa, pereżempju billi jieħdu ħsieb li jkun hemm metodi ta' bini u drenaġġ li jikkonservaw l-ikbar għadd possibbli ta' funzjonijiet tal-ħamrija, u li dan ma jikkaġunax effetti ħżiena fuq l-ambjent li joħonqu l-benefiċċji.

(17)  L-aċidifikazzjoni tal-ħamrija hija problema importanti, f'ċerti partijiet tal-Komunità, li hemm bżonn li tiġi indirizzata. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri addattati sabiex jiżguraw li prattiki ta" l-użu ta" l-art li m'humiex xierqa ma jnaqqsux il-pH tal-ħamrija. Fl-istess ħin, il-karatteristiċi ta" ħmieri li huma aċidi b'mod naturali (eż. żoni tal-pit) jew li jiffurmaw ambjenti naturali speċifiċi m'għandhomx jiġu modifikati.

(18)  Politika mmirata u effiċjenti għall-protezzjoni tal-ħamrija tirrikjedi objettivi komuni għall-protezzjoni tal-ħamrija. Madankollu, fl-istess ħin jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jieħdu miżuri fil-livell xieraq u ta' l-iskala xierqa, u jidentifikaw żoni ta' prijorità fuq il-bażi ta' għarfien xjentifiku dwar il-karatteristiċi tal-ħamrija lokali, il-proċessi ta' tħarbit tal-ħamrija u ċ-ċirkostanzi ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Hemm bżonn ta' skambju effettiv ta' informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi xjentifiċi fl-Istati Membri, dwar l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni ta' żoni ta' prijorità u dwar il-kodiċi ta" prattika tajba.

(19)  Programmi bħal dawn ta' miżuri u kodiċi ta' prattika tajba għandhom jikkunsidraw ukoll l-impatt soċjali u ekonomiku tal-miżuri previsti; għandhom jiġu riveduti kull tant żmien u jistgħu jibnu fuq obbligi, pjanijiet u programmi li diġà huma stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni u finanzjament Komunitarji jew ftehimiet internazzjonali.

(20)  Din id-Direttiva għandha tagħti kontribut biex twaqqaf id-deżertifikazzjoni u t-tnaqqis tal-bijodiversità, u biex ittaffi l-bidla fil-klima u tiffaċilita l-adattazzjoni għaliha, kwistjonijiet li huma problemi ambjentali internazzjonali, b'impatti serji lokali u reġjonali, li fihom it-tħarbit tal-ħamrija għandu rwol sinifikanti; għandha wkoll ittejjeb il-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Bidla fil-Klima u l-Protokoll ta' Kyoto li l-Komunità hija parti fihom, u se ttejjeb l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet ambjentali internazzjonali.

(21)  F'konformità mal-prinċipju tal-prevenzjoni kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat tal-KE, din id-Direttiva għandha tagħti kontribut għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-introduzzjoni fil-ħamrija ta' sustanzi perikolużi, biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u jiġu kkonservati l-funzjonijiet tal-ħamrija.

(22)  L-industrijalizzazzjoni preċedenti, inkella prattiki ta' ġestjoni ħżiena jew mhux f'lokhom, ħallew warajhom mijiet ta' eluf ta' siti kkontaminati fil-Komunità, li jirrikjedu strateġija komuni għall-ġestjoni tal-kontaminazzjoni storika tal-ħamrija biex l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent jiġu prevenuti u mtaffija.

(23)  Biex b'suċċess jipprevjenu u jillimitaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżati mill-kontaminazzjoni tal-ħamrija, hu meħtieġ li tingħata prijorità lill-identifikazzjoni u t-tranġar tas-siti li, skond l-evalwazzjoni ta' l-Istati Membri, jirrappreżentaw riskji serji f'dan ir-rigward. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċess, inkluża skeda, għall-evalwazzjoni tar-riskji, l-identifikazzjoni tas-siti, l-informazzjoni għall-pubbliku, l-informazzjoni ta' xerrejja potenzjali fil-każ ta' tranżazzjonijiet dwar l-art, l-ordni ta' prijorità u l-fondi għat-tranġar. Dan il-proċess għandu jipprevjeni kwalunkwe koinċidenza ma' leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja eżistenti u għandu biss iżid rekwiżiti addizzjonali jekk il-leġiżlazzjoni kurrenti mhix biżżejjed skond l-evalwazzjoni ta' l-Istat Membru. Hemm bżonn ta' skambju ta' informazzjoni approfondit għall-promozzjoni ta' l-aħjar prattiki għall-evalwazzjoni tar-riskju, l-identifikazzjoni, l-informazzjoni tal-pubbliku u t-tranġar.

(24)  Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fil-politiki tal-Komunità, f'konformità mal-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(25)  Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta" l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(6),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu 1

Dispożizzjonjiet ġenerali

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.  L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, bbażat fuq il-bżonn li tiġi evitata d-degradazzjoni tal-ħamrija, b'mod partikulari minħabba l-bidla fil-klima, biex jittaffu l-konsegwenzi tagħha u għar-restawr u t-tranġar ta' ħamrija mħarbta, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sit, u jiġi rikonoxxut li l-ħamrija, bħall-ilma, hija riżorsa komuni ta' l-umanità, ekosistema, riżorsa li ma tiġġeddidx u bażi għall-funzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali li ġejjin:

   a) ta' bażi għall-ħajja u għall-bijodiversità;
   b) li taħżen, isservi ta" lqugħ, tiffiltra u tittrasforma n-nutrijenti, is-sustanzi u l-ilma, u tippreserva r-riżorsi ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' l-ilma ta' taħt l-art;
   c) ta' bażi għall-produzzjoni tal-bijomassa fl-agrikoltura u fil-kultivazzjoni tal-foresti;
   d) li tipprovdi ambjent fiżiku u kulturali għall-bnedmin u għall-attivitajiet tal-bniedem, inklużi għal bliet, għal infrastruttura, għal rikreazzjoni u kif ukoll għal forom oħra ta' użu pubbliku u ekonomiku;
   e) li tkun maħżen ta' materja prima;
   f) li sservi bħala ħażna tal-karbonju;
   g) li taqdi rwol ta' arkivju tal-wirt ġeoloġiku, kulturali, ġeomorfoloġiku u arkeoloġiku.

Għal dak il-għan, tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' tħarbit serju tal-ħamrija li jista' jiġi evitat, ikkawżat minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq ukoll il-kawżi naturali, li jnawru l-kapaċità tal-ħamrija biex taqdi dawk il-funzjonijiet. Fejn hu xieraq, din tistipula miżuri li jtejbu l-karatteristiċi u l-funzjonijiet tal-ħamrija. Il-miżuri jinkludu l-mitigazzjoni ta' l-effetti ta' dawk il-proċessi, u r-ristawr u t-tranġar ta' ħamrija mħarbta għal livell ta' funzjonalità li talanqas ikun konsistenti ma' l-użu sostenibbli tal-preżent u dak approvat għall-ġejjieni.

2.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħamrija li tifforma s-saff tal-wiċċ ta' l-art tad-dinja, inklużi l-komponenti likwidi u f'forma ta" gass, sakemm tkun twettaq il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.  Din id-Direttiva ma tapplikax għal dawk il-meded ta' art li fir-rigward tagħhom, qabel ...(7), kienu ttieħdu deċiżjonijiet ta' rijabilitazzjoni jew kienu ġew rijabilitati, bi qbil ma" l-awtoritajiet kompetenti, sabiex il-meded ta' l-art ikkonċernati ma jkunu ta' l-ebda periklu sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

   1) l-espressjoni 'siġillar' tfisser l-għata permanenti tal-wiċċ tal-ħamrija permezz ta' materjal impermeabbli;
   2) "sustanzi perikolużi' tfisser sustanzi jew preparazzjonijiet skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifika, l-ippakkettar u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi(8) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/45/KE tal-31 ta' Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward il-klassifika, l-ippakkettar u l-ittikkettar ta' preparazzjonijiet perikolużi(9), inklużi sustanzi li għandhom proprjetajiet persistenti u bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna u kif ukoll sustanzi radjoattivi li jista' jkollhom impatt ta' dannu fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq l-ambjent jew fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1);
   3) "aċidifikazzjoni" tfisser tnaqqis tal-pH tal-ħamrija kkawżat permezz ta" azzjoni mill-bniedem;
   4) "il-kompattazzjoni' tfisser proċess ta' densifikazzjoni li fih jitnaqqsu l-porożità u l-permeabilità totali jew bl-arja, li jwassal għal bidliet serji u li jdumu perjodu ta' żmien twil fl-istruttura tal-ħamrija;
   5) "ħamrija ta' valur' tfisser ħamrija li jistħoqqilha protezzjoni minħabba l-karatteristiċi speċifiċi , l-istrutturi, il-valur ekoloġiku, kulturali u/jew storiku eċċezzjonali tagħha jew minħabba l-użu li jsir minnha;
   6) "żoni ta' prijorità bi ħtieġa ta' protezzjoni speċjali' tfisser żoni fejn, minħabba l-vulnerabilità tagħhom ikkawżata mit-tipi ta' ħamrija, mill-kundizzjonijiet klimatiċi u prattiki ta' l-immaniġġjar ta' l-art, hemm provi deċisivi jew raġunijiet leġittimi għas-suspett li wieħed mill-proċessi ta' tħarbit imsemmija fl-Artikolu 6 seħħ jew hemm il-probabilità li jseħħ;
   7) "ħamrija kkontaminata b'mod ġeoġeniku' tfisser ħamrija fejn hemm presenza kkonfermata, ikkawżata minn sorsi ġeoġeniċi bħal materjal ġenitur u l-attività vulkanika, ta' sustanzi li huma ta' tali livell li l-Istati Membri jikkunsidraw li jistgħu jippreżentaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, meta jqisu l-użu attwali jew l-użu approvat għall-futur tal-ħamrija;
   8) "utenti ta" l-art tfisser persuni li jwettqu azzjonijiet li għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-ħamrija jew li jippjanaw jew jiddelegaw azzjonijiet li għandhom impatt fuq il-ħamrija;
   9) "wirt ġeoloġiku" jinkludi ħamrija, oġġetti ġeomorfoloġiċi u ġeoloġiċi u proċessi;
   10) "sit imniġġes' tfisser sit fejn hemm preżenza kkonfermata fuq jew fil-ħamrija, ikkawżata minn attivitajiet tal-bniedem, ta' sustanzi ta' tali livell li l-Istati Membri jqisu li l-ħamrija toħloq riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, meta jitqies l-użu attwali jew futur tas-sit;
  11) "tranġar' tfisser miżuri
   a) għat-tneħħija jew tnaqqis ta" sustanzi dannużi (miżuri ta" dikontaminazzjoni),
   b) għall-prevenzjoni jew tnaqqis ta" tifrix ta" sustanzi dannużi fuq tul ta" żmien, bla ma jitneħħew is-sustanzi dannużi (miżuri ta" sigurtà),
   c) għat-tneħħija jew tnaqqis ta" tibdil dannuż tan-natura tal-ħamrija li jista" jkun fiżiku, kimiku jew bijoloġiku;
   12) "miżuri ta" protezzjoni u ta" restrizzjoni' tfisser miżuri oħra, li jipprevjenu jew irażżnu l-periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, speċjalment restrizzjonijiet ta" użu;
   13) "telf ta" materjal organiku' tfisser tnaqqis kontinwu ta" ammonti organiċi fil-ħamrija permezz ta" mineralizzazzjoni għad-CO2.

Artikolu 3

L-integrazzjoni

Fl-iżvilupp ta' politiki settorjali li x'aktar li jaggravaw jew itaffu l-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw, jiddeskrivu, u jevalwaw l-impatti ta' dawn il-politiki fuq dawn il-proċessi, partikolarment fl-oqsma ta' l-ippjanar ta' l-ispazji reġjonali u urbani, it-trasport, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, il-kultivazzjoni tal-foresti, l-estrazzjoni tal-materja prima, il-kummerċ u l-industrija, il-politika dwar il-prodotti, it-turiżmu, il-bidla fil-klima, l-ambjent, in-natura u l-pajsaġġ.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw dawk ir-riżultati.

Fejn hu xieraq, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jintegraw miżuri jew politiki li jippreservaw jew itejbu l-funzjoni tal-ħamrija bħala ħażna tal-karbonju fil-politiki jew strateġiji futuri tagħhom dwar il-ħamrija, fuq il-bażi tar-riżultati tar-riċerka u t-titjib teknoloġiku l-aktar riċenti.

Artikolu 4

Miżuri ta' prekawzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe utent ta' l-art li l-azzjonijiet tiegħu jistgħu jikkawżaw danni fit-tul u sostanzjali lil waħda jew iktar mill-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1) ikollu l-obbligu li jieħu prekawzjonijiet proporzjonati biex dawn l-effetti ħżiena jevitahom, inaqqashom jew jikkontollahom, safejn dan ikun raġonevoli fid-dawl ta' l-iskop li għalih qed tintuża l-art u ta' l-użu approvat għall-futur.

2.  Għall-iskop tal-paragrafu 1 u sa...(10), l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kodiċi volontarji ta' prattika tajba rigward il-ħarsien tal-ħamrija għal dawk l-attivitajiet li b'mod raġonevoli wieħed jista' jistenna li jxeklu b'mod sinifikanti l-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1). Dawn il-kodiċi ta' prattika tajba jistgħu jibnu fuq kodiċi tal-Komunità jew nazzjonali eżistenti u jista' jkun fihom elementi li hemm dispożizzjoni għalihom fl-Anness I.

Sa ...(11)*, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-distribuzzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni jew kodiċi ta' prattika tajba li diġà jeżistu fl-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1), inklużi l-wirt kulturali, il-parki naturali u ż-żoni ta' valur ġeoloġiku.

Artikolu 5

Promozzjoni ta' ċerti prodotti

Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-użu ta' ċerti prodotti li jikkontribwixxu l-aktar għaż-żamma jew għaż-żieda tal-kontentut ta' materja organika tal-ħamrija u għall-prevenzjoni tad-deżertifikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll l-użu ta' fertilizzanti u kompost li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jżidu l-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija.

Artikolu 6

Is-siġillar

1.  Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jillimitaw is-siġillar, u biex jimminimizzaw l-effetti tiegħu, sal-punt neċessarju, b'mod partikulari meta proposta ta' proġett ta' żvilupp tkun tinvolvi s-siġillar tal-ħamrija, u meta:

   a) (a) il-proġett ikun tat-tip elenkat jew fl-Anness I jew fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent(12) u jkun jirrikjedi evalwazzjoni skond dik id-direttiva;
   b) (b) l-evalwazzjoni tkun tindika li huwa probbabli li jkun hemm impatti bħala riżultat tas-siġillar li jimpedixxu b'mod sinifikanti waħda jew aktar mill-funzjonijiet tal-ħamrija elenkati fl-Artikolu 1(1).

Dan jippermetti ż-żamma ta' l-akbar għadd possibbli ta' dawk il-funzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri li huma xierqa, b'mod partikulari dawk imsemmija fil-paragrafu 3, filwaqt li jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' tali miżuri.

3.   Minħabba li s-siġillar huwa proċess irriversibbli, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kodiċi ta' prattika tajba fir-rigward tas-siġillar li:

   jippreservaw il-baċini tax-xmajjar u l-kurrenti naturali ta' l-ilma;
   jipprevjenu ż-żieda fir-riskji ta' għargħar li tirriżulta mis-siġillar;
   jippromwovu aċċess kif xieraq għaż-żoni ta' ħdura fl-ibliet li qed jikbru;
   jippreservaw strutturi ġeomorfoloġiċi ta' valur tal-ħamrija, il-pajsaġġi karatteristiċi u ż-żoni tal-kosta;
   jippreservaw siti arkeoloġiċi, għerien preistoriċi u siti storiċi;
   jevitaw l-impatt viżiv ta' l-industriji ta' l-estrazzjoni;
   jiffaċilitaw pjanar spazjali industrijali u urban fuq żoni li diġà huma affettwati minn pjanar industrijali u urban; u
   jippromwovu investimenti f'siti industrijali żdingati (brownfields).

Artikolu 7

Metodoloġija

1.  L-istat tal-ħamrija għandu jkun immonitorjat filwaqt li titqies l-informazzjoni disponibbli u, fejn ikun meħtieġ, tiġi ġenerata informazzjoni ġdida permezz ta' l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurta') u l-INSPIRE(13). B'mod partikulari, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta' teknoloġiji diġitali u l-kartografija diġitali.

2.  Għall-identifikazzjoni ta' żoni ta' prijorità skond l-Artikolu 8, l-Istati Membri jistgħu joqogħdu fuq evidenza empirika eżistenti jew fuq il-mudelli. Jekk jintużaw il-mudelli, għandhom isiru sforzi biex dawn jiġu validati permezz tat-tqabbil tar-riżultati fuq il-bażi ta' data empirika, li ma tkunx intużat għall-iżvilupp tal-mudell innifsu. Għandu jkun permess li l-Istati Membri jużaw l-informazzjoni miġbura bit-teknoloġiji l-ġodda imsemmija fil-paragrafu 1 għall-identifikazzjoni ta' żoni ta' prijorità.

3.  L-iskala tal-monitoraġġ għandha tiġi determinata skond id-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri.

Kapitolu II

Il-prevenzjoni tar-riskju, il-mitigazzjoni u r-ristawr

l-ewwel sezzjoni

L-identifikazzjoni taż-żoni ta' prijorita'

Artikolu 8

L-identifikazzjoni taż-żoni ta' prijorità li għandhom bżonn ta' ħarsien speċjali kontra l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, it-telf tal-bijodiversità tal-ħamrija, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet, id-deżertifikazzjoni jew l-aċidifikazzjoni

1.  Sa...(14), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw iż-żoni ta' prijorità ▐fit-territorju nazzjonali tagħhom, iż-żoni ta' prijorità kif definiti fl-Artikolu 2(6), li skond stimi tagħhom jirrikjedu ħarsien speċjali kontra wieħed jew aktar mill-proċessi li ġejjin tat-tħarbit tal-ħamrija:

   a) erożjoni ▐;
   b) it-tnaqqis fil-materja organika ▐;

(c)  ▐żieda fid-densità tal-massa u tnaqqis fil-porożità tal-ħamrija (kompattazzjoni);

   ( d) is-salinizzazzjoni ▐;
   ( e) żerżiq minn ġnub l-għoljiet ▐;
   f) ċediment ta" l-art;
   g) deżertifikazzjoni;
   h) effetti ħżiena tal-bidla fil-klima fuq il-ħamrija;
   i) telf tal-bijodiverità tal-ħamrija;
   j) aċidifikazzjoni.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-livell amministrattiv u d-daqs ġeografiku xierqa, iwettqu evalwazzjonijiet, fejn xieraq skond l-evalwazzjonijiet tagħhom, skond il-kriterji fl-Anness II u jipprovdu informazzjoni dwar il-metodi ta" evalwazzjoni użati, permezz ta' proċedura skond l-Artikolu 19.

Fl-identifikazzjoni taż-żoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effetti ta' dawk il-proċessi ta' degradazzjoni tal-ħamrija, fl-iggravar ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra u d-deżertifikazzjoni, it-telf tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem u l-ħsara lill-wirt kulturali. Fl-identifikazzjoni ta' dawn iż-żoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prattiki attwali ta' l-użu ta' l-art li diġà qed jimmiraw li jiġġieldu dawn il-proċessi ta' tħarbit.

2.  Iż-żoni ▐identifikati skond il-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati u riveduti talanqas darba kull għaxar snin.

3.  Sa ...(15), il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija f'Artikolu 22(3), toħloq linji ta" gwida, bbażati fuq l-aqwa prattiki, għad-definizzjoni u l-identifikazzjoni ta' żoni ta' prijorità.

it-tieni sezzjoni

L-istabbiliment ta' miri u programmi ta' miżuri

Artikolu 9

Programmi ta' miżuri kontra l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet

1.  Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikoli 1(1), fir-rigward taż-żoni ta' prijorità li jkunu ġew identifikati skond l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom, fil-livell li jkun f'loku, jiżguraw li fejn huma jqisu l-aktar xieraq bħala livell ġeografiku u amministrattiv, jifformulaw miri għat-tnaqqis tar-riskju biex jiġġieldu kontra l-proċessi ta' degradazzjoni, u li l-miżuri meħtieġa jittieħdu, fosthom l-istrateġiji jew programmi ta' miżuri ta' kura integrata territorjali, u fejn huwa possibbli, miri ta' restawr fejn hemm raġunijiet leġittimi biex wieħed jissuspetta li proċess wieħed jew aktar ta' degradazzjoni qed iseħħ jew probabbli jseħħ fil-ġejjieni qrib, skeda għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u stima ta' l-allokazzjoni tal-mezzi privati jew pubbliċi għall-finanzjament ta' dawk il-miżuri.

2.  Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforzi, il-programmi ta' miżuri skond il-paragrafu 1 jistgħu jkunu mibnija fuq l-obbligi, il-pjanijiet u l-programmi diġà mwaqqfa skond leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja, inklużi dawk stipulati skond il-Politika Agrikola Komuni, inkluż Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa(16), u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)(17), jew ftehimiet internazzjonali, u jistgħu jqisu l-miżuri elenkati fl-Anness III għal din id-Direttiva.

3.  Għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu prijoritizzazzjoni ta' azzjoni skond l-iskala tal-proċess tad-degradazzjoni fit-territorju nazzjonali tagħhom u l-effetti ta' tali tħarbit fuq il-bidla fil-klima u d-deżertifikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri jkunu ta' spiża effikaċi u teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu evalwazzjonijiet ta' l-impatt, inkluża l-analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji, qabel l-introduzzjoni tal-programmi ta' miżuri.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni, skond l-Artikolu 19, dwar l-għanijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1) u dwar il-miżuri meħuda.

L-għażla tal-miżuri għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri.

4.  B'konformità mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lill-impatti soċjali u ekonomiċi

5.  Meta żoni li jkunu jeħtieġu ħarsien speċjali kontra proċessi differenti tat-tħarbit tal-ħamrija li jseħħu fl-istess ħin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tar-riskju ▐għar-riskji kollha li jkunu ġew identifikati, flimkien mal-miżuri xierqa għall-ilħiq ta' dawk il-miri.

6.  Il-programmi ta' miżuri għandhom jitfasslu sa...(18), u għandu jiġi applikat mhux aktar tard minn ...(19)*.

Il-programmi ta' miżuri għandhom jiġu ppubblikati u riveduti talanqas darba kull ħames snin.

7.  L-Istati Membri li diġà għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika fis-seħħ biex jipproteġu l-ħamrija tagħhom għandhom ikunu eżentati mill-obbligi skond dan l-Artikolu, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni tagħhom tiżgura mill-inqas livell ta" protezzjoni ekwivalenti.

Artikolu 10

L-użu agrikolu tal-ħamrija

1.  Kull Stat Membru, skond il-klima, il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-agrikoltura tiegħu, kif ukoll skond l-aqwa prattiki agrikoli tiegħu, għandu jiddeċiedi dwar il-politika agrikola tiegħu stess f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħamrija.

2.  Rigward l-użu agrikolu tal-ħamrija, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-għażla ta' l-uċuh tar-raba' u ta' metodi jew programmi ta' afforestazzjoni li għandhom effett ta' benefiċċju fuq il-materja organika fil-ħamrija u fuq il-fertilità tal-ħamrija u li jistgħu jevitaw żerżiq minn ġnub l-għoljiet u deżertifikazzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ukoll il-prattiki agrikoli li jiffavorixxu l-kapaċità tal-ħamrija li tiffiltra u żżomm l-ilma, bl-għan li tkun evitata l-kompattazzjoni u l-erożjoni.

4.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jisfruttaw ir-riċerka b'mod partikulari rigward il-funzjonijiet ta' l-uċuh tar-raba' differenti fir-rigward tal-bidla fil-klima u l-iżolament tal-karbonju bl-għan li jkun integrat dan l-għarfien b'bażi xjentifika fl-iżvilupp tal-politika dwar il-ħamrija.

5.  L-użu tal-kompost għandu jkun inkoraġġit bl-għan li tinżamm il-fertilità tal-ħamrija, jittejbu l-livelli ta' materja organika fil-ħamrija u tkun miġġielda l-erożjoni. Għal dak il-għan l-Istati Membri għandhom jadottaw standards ta' kwalità għall-kompost.

6.  6. Sa...(20), il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal direttiva dwar skart bijoloġiku fejn ikunu mfassla standards ta" kwalità għall-użu ta" l-iskart bijoloġiku sabiex tittejjeb il-ħamrija.

7.  L-iżvilupp ta' standards skond il-'cross compliance' u l-miżuri agri-ambjentali skond l-iżvilupp rurali li għandhom l-għan li jħarsu l-ħamrija fiż-żoni identifikati skond l-Artikolu 8 għandhom iqisu l-isforzi u l-piż possibbli li jistgħu jinvolvu.

Kapitolu III

Il-kontaminazzjoni tal-ħamrija

l-ewwel sezzjoni

il-prevenzjoni u l-inventarju

Artikolu 11

Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija

1.  Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu fil-livell amministrattiv xieraq miżuri xierqa u proporzjonati li:▐

   a) (a) għandhom l-għan li jevitaw l-introduzzjoni b'intenzjoni jew mingħajr intenzjoni ta' sustanzi perikolużi fuq jew fil-ħamrija permezz ta' rimi illegali, tnixxija jew ħruġ. Il-miżuri għandhom ikunu ibbażati fuq evalwazzjoni tal-probabiltà ta' jekk l-attivitajiet li jinvolvu sustanzi perikolużi fuq jew fil-ħamrija jistgħux iwasslu għall-kontaminazzjoni tal-ħamrija;
   b) (b) jillimitaw it-tqegħid b'mod intenzjonat jew mhux intenzjonat ta' sustanzi perikolużi fuq jew fil-ħamrija, ħlief għal dawk li jiġu ddepożitati mill-arja u dawk ikkawżati minn fenomeni naturali ta' karattru eċċezzjonali, inevitabbli u mhux reżistibbli, jew li jieħdu sehem fit-trattament jew fit-titjib tal-ħamrija, sabiex jevitaw l-akkumulazzjoni tant qawwija li ttelleff il-funzjonijiet tal-ħamrija jew twassal għal riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

2.  Biex ikunu konformi ma" dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jillimitaw it-tfigħ ta" sustanzi perikolużi fl-art permezz ta" ilma użat għat-tisqija, użu ta" fertilizzanti, u skart mifrux fuq l-art skond il-leġiżlazzjoni attwali Komunitarja f'dawn l-oqsma.

3.  Il-miżuri favur il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija adottati mill-Komunità jew minn proċeduri nazzjonali ta' approvazzjoni bil-għan li jħarsu l-ħamrija huma meqjusa bħala miżuri ta' prekawzjoni b'konformità mal-paragrafu 1.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħamrija kontaminata tiġi tranġata filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-prekawzjoni, tas-sostenibiltà, tal-proporzjonalità u li min iniġġes iħallas.

5.  Bil-għan li jiġu ppreservati l-funzjonijiet tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu żgurati l-ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, is-sikurezza ta' l-ikel, l-istandards ta' kwalità għolja u/jew prodotti tal-biedja u sistemi ta' produzzjoni ċertifikati, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex:

   a) (a) jippromwovu prattiki tal-ġestjoni ta' l-art xierqa u sostenibbli;
   b) (b) inaqqsu l-periklu tal-kontaminazzjoni fil-ħamrija tal-foresta u ta' l-għelieqi;
   c) (c) jintegraw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki;
   d) (d) jippromwovu kampanji speċifiċi ta' monitoraġġ f'żoni pilota li jirrappreżentaw sistemi speċifiċi ta' ħamrija u ta' produzzjoni.

6.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iwaqqfu ġerarkija ta' miżuri li jipproteġu l-ħamrija mit-tniġġis, u għandha tingħata l-prijorità lill-prevenzjoni.

Mhux aktar tard minn...(21), il-Kummissjoni għandha, b'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3), tadotta lista prijoritarja ta' sustanzi perikolużi fuq jew fil-ħamrija li jista' jkollhom proprjetajiet tossiċi persistenti u bijo-komulattivi, jew persistenti u bijo-kumilattivi ħafna, jista' jkollhom effetti negattivi fuq żmien twil u li ma jistgħux jitranġaw jew ifixklu l-funzjonijiet endokrini. Għandhom jiġu stabbiliti valuri ta' referenza Ewropej ibbażati fuq l-evalwazzjoni tar-riskju għal dawn is-sustanzi.

Artikolu 12

Proċedura għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-evalwazzjoni ta' siti potenzjalment kontaminati

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-siti kontaminati fit-territorji tagħhom jiġu identifikati.

Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom.

▐.

   a) jinnominaw awtorità jew awtoritajiet kompetenti biex ikunu responsabbli għall-identifikazzjoni kemm ta' siti kontaminati kif ukoll ta' siti li jistgħu jiġi kontaminati u għall-immaniġġjar ta' l-inventarju relatat;
  b) sa...(22),▐ ikunu identifikaw il-post talanqas ta' dawk is-siti li fihom ikunu qed isseħħu jew ikunu seħħew fl-imgħoddi l-attivitajiet li jniġġsu l-ħamrija li ġejjin:
   - stabbilimenti fejn ikunu jew kienu preżenti sustanzi perikolużi fi kwantitajiet daqs jew aktar mill-ammonti indikati fil-Partijiet 1 u 2, il-kolonna 2, ta' l-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll il-perikoli ta' aċċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi perikolużi(23) (Seveso),
   - l-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis(24). Dawn l-attivitajiet għandhom jitqiesu kif speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva ║96/61/KE, ħlief għall-attivitajiet imwettqa minn mikroimpriżi, kif definiti fil-punt 3 ta' l-Artikolu 2 ta' l-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ║(25), u dawk li jirrigwardaw it-trobbija tal-bhejjem;
   - stallazzjonijiet tal-minjieri, inklużi faċilitajiet għall-iskart ta' estrazzjoni kif kopert mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(26),
   - landfills ta' skart kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE(27).

Fit-twettiq ta' l-investigazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-proċeduri ta' identifikazzjoni stallazzjonijiet li jkunu qed joperaw li jkun inħarġilhom permess biex joperaw li jkun jinkludi obbligi għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u biex perjodikament jimmonitorjaw l-istat tal-ħamrija. Informazzjoni dwar dawn l-eżenzjonijiet għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

Għall-identifikazzjoni l-Istati Membri jistgħu wkoll jużaw il-lista ta" attivitajiet fl-Anness IV.

L-identifikazzjoni għandha tiġi aġġornata kull tant żmien;

   c) għas-siti identifikati skond il-punt (b), għandhom ikejlu l-livelli ta' konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi, li għandhom jiġu ristretti għal sustanzi ttrattati fis-siti, identifikati skond il-punt (b);
   d) iwettqu evalwazzjoni tar-riskju fuq is-siti fejn il-livelli ta' sustanzi perikolużi jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent filwaqt li jqisu l-użu attwali u l-użu approvat għall-ġejjieni tas-sit.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jibbażaw l-evalwazzjoni tar-riskji li s-sustanzi fuq jew fil-ħamrija jirrappreżentaw għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent fuq metodoloġiji li jqisu:

   - il-konċentrazzjoni ta' sustanzi perikolużi,
   - il-preżenza konfermata ta' rotta jew mod kif is-sustanza perikoluża tista' tilħaq lil xi ħadd jew lil xi ħaġa li tista' tikkawżalhom xi ħsara,
   - il-preżenza konfermata ta' riċevitur, li tista' ssirlu xi ħsara;
   e) jirrappurtaw dwar l-investigazzjoni u l-metodi ta' evalwazzjoni użati minnhom għall-evalwazzjoni tar-riskju skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18.

3.  Il-passi għall-identifikazzjoni stipulati fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu, jekk ikunu għadhom ma twettqux, skond l-iskeda li ġejja ▐:

   a) sa...(28), għal talanqas 10% tas-siti;
   b) sa...(29)*, għal talqas 60% tas-siti;
   c) sa...(30)**, għall-bqija tas-siti.

4.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarji nazzjonali jew reġjonali ta' siti kontaminati. L-inventarju għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u jiġi aġġornat mill-inqas kull seba" snin fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mogħtija lilhom jew iġġenerat f'isimhom, b'mod partikulari biex jinkludi siti kontaminati ġodda li ġew identifikati u biex jeskludi siti li ġew rimedjati u m'għadhomx ta' riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

Fit-tfassil ta' l-inventarju, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data u l-informazzjoni li hija diġà disponibli fuq livell nazzjonali.

5.  Fejn ikun jixraq, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lid-distinzjoni bejn it-tniġġis antropoġeniku u l-kontaminazzjoni ġeoġenika. It-tipi differenti ta" ħamrija li jkunu kkontaminati ġeoġenikament kif iddefinit fl-Artikolu 2(7) għandhom jiġu evalwati mil-lat tar-riskji li għandhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

6.  Fejn sit se jinbiegħ u fejn iseħħ tibdil fl-użu ta' l-art ta' sit li fih tkun qed titwettaq attività stipulata fil-paragrafu 2(b) jew li għalih id-dokumenti uffiċjali, bħal reġistri, juru li dan seħħ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

   a) il-pussessur jew ix-xerrej prospettiv għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti kif stipulat fil-paragrafu 2(a) u l-parti l-oħra fit-tranżazzjoni dwar l-attivitajiet attwali u dawk tal-passat fis-sit u jipprovdu kull informazzjoni fil-pussess tagħhom dwar il-livelli ta" konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi fil-ħamrija. L-Istati Membri jistgħu jitolbu analiżi kimika li tiddermina dawn il-livelli ta" konċentrazzjoni;
   b) l-investigazzjoni u l-evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi deċiż jekk sit huwa riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent huwa dejjem komplut qabel ma tibda l-kostruzzjoni ta' kwalunkwe żvilupp ġdid.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw l-informazzjoni li tirriżulta mill-paragrafi 4 u 5 sabiex jidentifikaw is-siti kontaminati.

Fejn mitlub, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu disponibbli lill-proprjetarju tas-sit jew lix-xerrej prospettiv l-informazzjoni diġa' eżistenti fuq is-siti msemmija fil-paragrafu 1.

7.  Ir-rapporti ta" l-investigazzjonijiet skond il-paragrafi 3 u 6(a) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta" l-awtorità kompetenti.

Artikolu 13

Rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija

1.  Meta jkun se jinbigħ sit li fih tkun qed isseħħ attività li potenzjalment tniġġes elenkata fl-Anness IV, jew li fih, skond ir-reġistri uffiċjali, bħalma huma reġistri nazzjonali, tkun seħħet fl-imgħoddi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarju tas-sit jew ix-xerrej prospettiv jagħmel disponibbli għall-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 12 kif ukoll għall-parti l-oħra fit-tranżazzjoni rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija.

2.  Ir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija għandu jinħareġ minn korp awtorizzat jew minn persuna maħtura mill-Istat Membru. Għandu jinkludi d-dettalji li ġejjin:

   a) l-isfond storiku tas-sit, kif ikun disponibbli mir-reġistri uffiċjali;
   b) analiżi kimika li tiddetermina l-livelli ta' konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi fil-ħamrija, li tillimita ruħha għal dawk is-sustanzi li jkunu marbuta ma' l-attività b'potenzjal ta' tniġġis fis-sit;
   c) il-livelli ta' konċentrazzjoni li fihom ikun hemm raġunijiet suffiċjenti għall-fehma li s-sustanzi perikolużi kkonċernati jkunu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

3.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodoloġija meħtieġa għad-determinazzjoni tal-livelli ta' konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b).

4.  L-informazzjoni fir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' l-identifikazzjoni tas-siti kontaminati skond l-Artikolu 12(1).

it-tieni sezzjoni

It-Tranġar

Artikolu 14

It-Tranġar

1.  L-Istati Membri għandhom sa ...(31), jiżguraw li strateġija jew strateġiji ta" tranġar jkunu mfassla u jkunu pubblikati fil-livell amministrattiv li huma jqisu li huwa xieraq, anke mill-inqas miri ta" tranġar ġenerali, sens ta" prijorità, kalendarju għal implimentazzjoni ta" miżuri ta" tranġar għas-siti kontaminati u l-mekkaniżmu ta" ffinanzjar skond il-paragrafu 6.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura fl-Artikolu 18 ta" l-istrateġija jew strateġiji ta' tranġar.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-siti kontaminati fit-territorju tagħhom jiġu rranġati, b'konformità mal-prijoritajiet li jridu jitwaqqfu, jew li diġà twaqqfu, mill-Istati Membri nfushom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li miżuri ta' sigurta' temporanji u urġenti huma adottati fejn hemm riskju serju ta' tixrid ta' kontaminazzjoni, li jhedded kemm is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

3.  It-tranġar għandu jikkonsisti f'azzjonijiet fuq il-ħamrija bil-għan tat-tneħħija, il-kontroll, it-trażżin jew it-tnaqqis ta' kontaminanti b'tali mod li s-sit kontaminat, fil-qies ta' l-użu kurrenti u dak futur approvat tiegħu, ma jibqax jirrappreżenta riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli għall-azzjoni ta' rranġar.

4.  L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-miżura adattata filwaqt li jqisu, inter alia, l-ispejjeż u l-benefiċċji ta" dik il-miżura.

5.  Jekk il-mezzi meħtieġa għat-tranġar m'humiex teknikament disponibbli, jew jirrappreżentaw spiża sproporzjonata fir-rigward tal-benefiċċji ambjentali mistennija, is-siti jistgħu jiġu kkundizzjonati b'tali mod li ma jippreżentawx riskju sinifikattiv lill-ambjent jew lis-saħħa umana, inkluż billi jiġi ristrett l-aċċess għalihom jew billi jitħalla li jseħħ l-irkuprar naturali. Jekk l-Istati Membri jagħżlu waħda minn dawn l-għażliet, għandhom jimmoniterjaw ir-riskju li jkun hemm għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

6.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa fuq livell nazzjonali (li jinkludu pereżempju fondi, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa, skemi ta' appoġġ dirett tal-prezz) biex jiffinanzjaw it-tranġar, jew jipprovdu għat-tranġar ta" dawk iż-żoni kkontaminati li għalihom, suġġett għall-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas, ma tkunx tista' tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis, jew ma tkunx tista' tinżamm responsabbli skond il-liġi tal-Komunità jew dik nazzjonali, jew ma tkunx tista' tiġi mġiegħla tħallas l-ispejjeż tat-tranġar. Bil-għan li jieħdu ħsieb it-tranġar, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li dawn il-mekkaniżmi jaħdmu kif xieraq sabiex iżommu l-fiduċja ta' l-investitur u jiksbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċessi biex jimmaniġġjaw każijiet fejn ir-responabiltà għall-iffinanzjar tat-tranġar (jew parti mit-tranġar) trid tiġi trasferita minn persuna li tkun potenzjalment responsabbli għal oħra. Il-mekkaniżmi eżistenti ta' ffinanzjar fl-Istati Membri għandhom jinżammu jekk kienu effettivi.

Artikolu 15

Strateġija Nazzjonali għat-Tranġar

1.  L-Istati Membri għandhom, fuq il-bażi ta' l-inventarju msemmi fl-Artikolu 12(4) u sa...(32), ifasslu Strateġija Nazzjonali għat-Tranġar, li jkunu jinkludu talanqas il-miri tat-tranġar, prijoritizzazzjoni, bl-ewwel dawk is-siti li jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, kalendarju għall-implimentazzjoni, u l-fondi allokati mill-awtoritajiet responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-baġit fl-Istati Membri skond il-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Meta jiġu applikati t-trażżin jew l-irkupru naturali, għandha tiġi ssorveljata l-evoluzzjoni tar-riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

2.  L-Istrateġija Nazzjonali għat-Tranġar għandha tiġi applikata u ppubblikata mhux sa...(33)*. Għandha tiġi riveduta talanqas darba kull ħames snin.

Kapitolu IV

It-tkattir tal-kuxjenza, ir-rappurtar u l-iskambju ta' l-informazzjoni

Artikolu 16

It-tkattir tal-kuxjenza u l-parteċipazzjoni pubblika

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex ikattru l-kuxjenza dwar l-importanza tal-ħamrija għas-sopravivenza tal-bniedem u ta' l-ekosistemi, u biex jippromwovu t-trasferiment ta' l-għarfien u l-esperjenza għall-użu sostenibbli tal-ħamrija.

2.  L-Artikolu 2(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tat-tfassil ta' ċerti pjanijiet u programmi li jirrelataw ma' l-ambjent(34) għandha tapplika għall-preparazzjoni, tibdil u reviżjoni tal-programmi ta' miżuri dwar iż-żoni ta' prijorita msemmija fl-Artikolu 9 u l-Istrateġiji ▐għat-Tranġar msemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 17

Koperazzjoni bejn l-Istati Membri

Fejn Stat Membru huwa konxju li xi wieħed mill-oqsma ta' prijorità jew mis-siti kontaminati tiegħu jista' jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor, jew f'każ li Stat Membru li għandu l-probabiltà li jiġi affettwat b'dan il-mod jitlob dan, l-Istat Membru li fih jinsabu ż-żoni ta' prijorita' jew is-siti kontaminati għandu jinforma lill-Istat Membru l-ieħor u jikkonsultah dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta' effetti negattivi ta' dan it-tip.

Artikolu 18

Ir-Rappurtar

1.  Permezz ta' proċedura b'konformità ma' l-Artikolu 19, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-possibiltà lill-Kummissjoni biex ikollha aċċess għal data li jkun fiha informazzjoni skond l-Artikoli 6, 8, 12 u 14, u għal sommarju ta' inizjattivi meħuda biex ikattru l-kuxjenza fuq il-bażi ta' l-Artkolu 16.

2.  L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll is-sistemi tagħhom stess biex jiġbru l-informazzjoni, b'konformità mal-paragrafu 1.

3.  Il-miżuri li jiksbu suċċess u l-programmi ta' miżuri evalwati u magħmula disponibbli skond dan l-Artikolu jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I.

Artikolu 19

L-iskambju ta' l-informazzjoni

1.  Sa...(35), il-Kummissjoni għandha tistabbilxxi pjattaforma għall-iskambju ta' l-informazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati dwar:

   a) (a) l-aħjar prattiki dwar il-preservazzjoni u t-titjib tal-funzjoni tal-ħamrija biex taġixxi bħala ħażna tal-karbonju, skond l-Artikolu 3;
   b) (b) l-identifikazzjoni ta' tipi prezzjużi ta' ħamrija u l-aħjar prattiki biex jiġu protetti, preżervati u mtejba l-karatterisitiċi u l-funzjonijiet tagħhom;
   c) (c) kodiċi ta' prattika tajba skond l-Artikolu 4(2), inklużi l-aħjar prattiki biex jiġu evitati u miġġielda l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kompatazzjoni, is-salinizzazzjoni, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet (valangi), l-effetti kuntrarji mill-bidla fil-klima, id-deżertifikazzjoni u t-tnaqqis tal-bijodiversità li tirriżulta mill-proċess tat-tħarbit tal-ħamrija;
   d) (d) id-diversi kodiċi ta' prattika tajba għas-siġillar skond l-Artikolu 6(3);
   e) (e) l-identifikazzjoni taż-żoni ta' prijorità skond l-Artikolu 8;
   f) (f) il-metodoloġiji għall-evalwazzjoni tar-riskji għas-siti mniġġsa li jkunu qed jintużaw jew qed jiġu żviluppati;
   g) (g) informazzjoni xjentifika dwar il-ħarsien tal-ħamrija minn, fost oħrajn, is-Seba' Programm ta' Qafas u programmi oħra, u fuq l-esperjenza tal-prevenzjoni tat-tħarbit tal-ħamrija u t-trattament tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, b'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3), linji ta' gwida għall-metodi ta' l-evalwazzjoni ta' riskji għas-siti kontaminati.

2.  Fit-twaqqif tal-pjattaforma, il-Kummissjoni għandha tqis is-sistemi eżistenti fl-Istati Membri u l-kompatibiltà mas-sistemi nazzjonali ta' informazzjoni. Ir-regoli tad-Direttiva 2007/2/KE m'għandhomx jinbidlu. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-Kummissjoni dwar il-kwalità tad-data u tal-metadata u l-użu tad-data mill-imgħoddi.

3.  Jekk ikun jidher ċar, fuq il-bażi ta' l-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, li l-metodi użati għall-evalwazzjoni tat-theddida tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija b'konformità ma' l-Artikolu 12 jridu jiġu armonizzati jew li d-Direttiva trid tiġi adattata skond l-avvanzi tekniċi u xjentifiċi, il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 251 tat-Trattat, tipproponi kriterji komuni għall-evalwazzjoni tar-riskju tal-kontaminazzjoni jew għall-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa.

Artikolu 20

Finanzjament

Il-miżuri li, skond din id-Direttiva, għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri. Il-kofinanzjament mill-Komunità għandu jkun possibbli biss meta dan ikun permess mill-kundizzjonijiet eżistenti tal-programmi attwali.

Kapitolu V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 21

L-implimentazzjoni u l-adattament għall-progress tekniku

1.  Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3), tadatta l-Anness II għall-progress tekniku u xjentifiku.

2.  Fejn, fuq il-bażi ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 19, tiġi identifikata ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija, il-Kumissjoni għandha tadotta kriterji komuni għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' kontaminazzjoni skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 22(3).

3.  Sa...(36), il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 22(2), id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kwalità tad-data u l-metadata, l-użu tad-data storika, il-metodi, l-aċċess, u l-formati għall-iskambju tad-data għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonjiet ta' l-Artikolu 18.

Artikolu 22

Il-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat, minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat".

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.  Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Ir-regoli għandhom iħallu lir-rappreżentanti tal-partijiet interessati jieħdu sehem fil-deliberazzjonijiet tal-Kumitat.

5.   Il-Kumitat għandu jikkonsulta lill-partijiet ekonomiċi interessati affettwati u lill-assoċjazzjonijiet ambjentali qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.

Artikolu 23

Ir-rapport tal-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fi żmien sentejn mill-wasla tal-programmi ta' miżuri u ta' l-Istrateġiji Nazzjonali għat-Tranġar.

Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti ulterjuri kull ħames snin.

Għandha tressaq ir-rapporti quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

2.  Ir-rapporti li dwarhom jipprovdi il-paragrafu 1 għandhom jinkludu reviżjoni tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fuq il-bażi ta' l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 18.

Artikolu 24

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ...(37) u, fejn dan ikun f'loku, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.

Artikolu 25

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data speċifikata fl-Artikolu 26, u jinnotifikawha wkoll bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 26

It-traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa ...(38)*. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkompanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif ikun għandha ssir din ir-referenza.

Fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti jibqgħu fis-seħħ mingħajr tibdil, avviż ta' konformità jkun biżżejjed.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 27

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 29.
(2) ĠU C 146, 30.6.2007, p.34.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2007.
(4) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(5) COM(2002)0179.
(6) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(7)* Data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
(8) ĠU 196, 16.8.1967, p. l. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 850).
(9) ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(10)* 7 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(11)** 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(12) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
(13) Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għal Informazzjoni Ġeografika fil-Komunita' Ewropea (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(14)* 7 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(15)* 4 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(16) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2007 (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 11).
(17) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).
(18)* 9 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(19)** 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(20)* Sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(21)* Tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(22)* 8 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(23) ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(24) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).
(25) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(26)3 ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(27)4 ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.
(28)* 9 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(29)** 17-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(30)*** 27 sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(31)* 9 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(32)* 9 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(33)** 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(34) ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.
(35)* Sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(36)* 4 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(37)* 15-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(38)** Sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

Elementi possibbli fil-kodiċijiet ta' prattika tajba għall-protezzjoni jew it-titjib tal-ħamrija

Kodiċijiet ta' prattika tajba għall-attivitajiet differenti ta' użu ta' l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2) jista' jkun fihom l-elementi li ġejjin:

   1. deskrizzjoni ta' l-impatti fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija li jistgħu jkunu mistennija (iridu jiġu kkunsidrati dawk il-funzjonijiet biss li x'aktarx jiġu mxekkla b'mod sinifikanti);
   2. tekniki, metodi u prattiki ta' ġestjoni ta' l-art li jistgħu jimminimizzaw it-tħarbit tal-funzjonijiet tal-ħamrija, filwaqt li jkun jista' jsir użu sostenibbli tal-ħamrija;
   3. lista ta' sorsi ta' informazzjoni u awtoritajiet kompetenti li jistgħu jagħtu pariri lill-utent ta' l-art dwar kif wieħed juża l-ħamrija bl-inqas tħarbit tal-ħamrija;
   4. lista ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità relevanti għall-ħarsien tal-ħamrija u applikabbli għall-attività speċifika;
   5. gwida għall-metodoloġiji ta' l-evalwazzjoni tar-riskju.


ANNESS II

SEZZJONI 1

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' EROŻJONI

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

In-nisġa (texture) tal-ħamrija

Id-densità u l-karatteristiċi idrawliċi tal-ħamrija (livell STU)

Kontentut tal-materja organika

It-topografija, bl-inklużjoni tal-grad u t-tul tal-pendil

Kopertura ta' l-art

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti)

Il-klima (inkluża d-distribuzzjoni tax-xita u l-karatteristiċi tar-rjieħ)

Il-kundizzjonjiet idroloġiċi u idroġeoloġiċi

Żona agroekoloġika

Fatturi antropoġeniċi (pereżempju xogħlijiet idrawliċi, eċċ.)

pH

SEZZJONI 2

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU

TA' TNAQQIS TAL-MATERJA ORGANIKA

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

In-nisġa (texture) tal-ħamrija/il-kontenut ta' tafal

Karbonju organiku fil-ħamrija (it-total u l-konċentrazzjoni tal-ħumus)

Karbonju organiku fil-ħamrija (stokk)

Il-klima (inkluża d-distribuzzjoni tax-xita u l-karatteristiċi tar-rjieħ)

It-topografija

Kopertura ta' l-art

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti)

SEZZJONI 3

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU

TA' KOMPATTAZZJONI

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

In-nisġa (texture) tal-ħamrija tal-wiċċ u tal-qiegħ (livell STU)

Id-densità tal-massa tal-ħamrija tal-wiċċ u tal-qiegħ (livell STU)

Il-materja organika fil-ħamrija (livell STU)

Il-klima

Kopertura ta' l-art

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti)

It-topografija

SEZZJONI 4

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU

TA' SALINIZZAZZJONI

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

In-nisġa (texture) tal-ħamrija

Il-karatteristiċi idrawliċi tal-ħamrija

Iż-żoni tas-saqi, il-karatteristiċi kimiċi ta' l-ilma tas-saqi u t-tipi ta' metodi ta' saqi użati

Qagħda qrib tat-toroq

Tagħrif dwar l-ilma tal-pjan

Il-klima

SEZZJONI 5

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU

TA' ŻERŻIQ MINN ĠNUB L-GĦOLJIET

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

Okkorrenza/densità taż-żerżiq eżistenti

Il-blat tal-qiegħa

It-topografija

Kopertura ta' l-art

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti)

Il-klima

Ir-riskju siżmiku

SEZZJONI 6

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' AĊIDIFIKAZZJONI

pH

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija)

In-nisġa (texture) tal-ħamrija

Il-klima

L-użu ta' l-art

Materja organika fil-ħamrija

Il-kapaċità ta' l-iskambju katjoniku (CEC)


ANNESS III

Miżuri possibbli skond l-Artikolu 9

MIŻURI POSSIBBLI KONTRA L-EROŻJONI

Bdil ta' art koltivabbli għal mergħat tal-ħaxix

Tħawwil ta' sisien tal-ħaxix, gruppi ta' siġar u afforestazzjoni

Restrizzjoni ta' xogħol ta' kostruzzjoni f'siti vulnerabbli ħafna

Newb adegwat tal-wiċċ/ ta' l-uċuħ tar-raba' u uċuħ tar-raba li jikbru bejn uċuħ oħra u uċuħ interim

Applikazzjoni tal-kompost

Tkabbir inqas ta' l-uċuħ

Kisi ta' l-għeruq tas-siġar bil-ħuxlief

Użu ta' koperturi għax-Xitwa, strixex marġinali ta' protezzjoni u sisien tal-ħaxix

Użu xieraq tal-makkinarju

Kostruzzjoni u żamma tal-wesgħat imtarrġa

Prevenzjoni ta' nirien

Restrizzjoni ta' prattiki mhux xierqa fuq il-ġnub ta' l-għoljiet

Tekniki ta' ġestjoni kostali

MIŻURI POSSIBBLI KONTRA T-TNAQQIS TAL-MATERJA ORGANIKA

Bdil ta' art koltivabbli għal mergħat tal-ħaxix

Tħawwil tas-siġar

Applikazzjoni tal-kompost

Restrizzjoni ta' xogħol ta' kostruzzjoni f'siti vulnerabbli ħafna

Newb adegwat tal-wiċċ/ ta' l-uċuħ tar-raba' u uċuħ tar-raba li jikbru bejn uċuħ oħra u uċuħ interim

Introduzzjoni mill-ġdid tar-residwi ta' l-uċuħ tar-raba fil-ħamrija

Tkabbir inqas ta' l-uċuħ

Kisi ta' l-għeruq tas-siġar bil-ħuxlief

Li jiġi evitat li jitneħħa l-ilma mill-artijiet mistagħdra sabiex tiġi mħarsa l-ħamrija tal-pit

MIŻURI POSSIBBLI KONTRA L-KOMPATTAZZJONI

Bdil ta' art koltivabbli għal mergħat tal-ħaxix

Tkabbir inqas ta' l-uċuħ

Applikazzjoni tal-kompost

Kultivazzjoni f'ħamrija bl-aqwa umdità

Restrizzjoni ta' l-użu ta' makkinarju kbir

Użu ta' tajers bi pressjoni baxxa ta' kuntatt u tajers bi pressjoni baxxa

Tneħħija xierqa ta' l-ilma

Rati xierqa ta' bhejjem u tat-tul tar-regħi

MIŻURI POSSIBBLI KONTRA S-SALINAZZJONI

Bdil ta' art koltivabbli għal mergħat tal-ħaxix

Newb adegwat tal-wiċċ/ ta' l-uċuħ tar-raba'

Applikazzjoni ta' tagħmir u tekniki ta' irrigazzjoni xierqa

Użu ta' ilma ta' kwalità xierqa

Tneħħija xierqa ta' ilma minn art saqwija

Użu ta' fertilizzanti organiċi (eż. kompost, demel)

Ħasil tal-ħamrija

MIŻURI POSSIBBLI KONTRA ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet

Restrizzjoni tal-kostruzzjonijiet li jżidu r-riskji ta' żerżiq minn ġnub l-għoljiet, speċjalment f'inħawi mżerżqa ħafna

Li tiġi evitata d-deforestazzjoni u li jitħawlu siġar biex il-ħamrija tinżamm f'posta

Prevenzjoni ta' l-abbandun ta' l-art

Twaqqif u żamma ta' elementi tal-pajsaġġ bħall-wesgħat imtarrġa, is-sisien tal-ħaxix, u l-ortijiet


ANNESS IV

L-Attivitajiet stipulati fl-Artikolu 12

1.  Żoni f'ajruporti fejn iseħħu jew fejn seħħew l-użu, l-immaniġġjar u l-ħażna ta' sustanzji perikolużi.

2.  Zoni bbażati fuq l-art f'portijiet fejn iseħħ jew fejn seħħew l-użu, l-immaniġġjar u l-ħażna ta' sustanzji perikolużi.

3.  Zoni f'siti li kienu militari fejn iseħħu jew ikunu seħħew l-użu, l-immaniġġjar u l-ħażna ta' sustanzji perikolużi.

4.  Stazzjonijiet tal-petrol u l-mili tal-fjuwil.

5.  Dry cleaners industrijali.

6.  Stallazzjonijiet tat-trattament ta' l-ilma ta' l-iskart "il fuq minn ekwivalenti ta" popolazzjoni ta" 2 000 ruħ.

7.  Pipelines għat-trasport tas-sustanzi perikolużi.

Avviż legali - Politika tal-privatezza