Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2132(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0392/2007

Testi mressqa :

A6-0392/2007

Dibattiti :

PV 13/11/2007 - 22
CRE 13/11/2007 - 22

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2007 - 3.23
CRE 14/11/2007 - 3.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0529

Testi adottati
PDF 233kWORD 75k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
Rapport dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet matul is-sena 2006
P6_TA(2007)0529A6-0392/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet matul is-sena 2006 (2007/2132(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 194 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 192(6) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet (A6-0392/2007),

A.   billi d-dritt ta" petizzjoni hu dritt fundamentali marbut maċ-ċittadinanza ta" l-Unjoni Ewropea, b'mod li ma jistax jinħall.

B.   billi d-dritt ta" petizzjoni ġie mħaddan fit-Trattat KE sa mill-1992 u huwa kkonfermat fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 191 tar-Regoli ta" Proċedura tal-Parlament Ewropew,

C.   billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma kollha marbuta bid-dispożizzjonijiet fit-Trattati dwar id-dritt ta" petizzjoni u qablu li jiggarantixxu s-segwitu interistituzzjonali għall-petizzjonijiet,

D.   billi l-eżerċitar ta" dan id-dritt jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-isforzi ta" l-Unjoni Ewropea biex jerġa" jkun hemm kollegament maċ-ċittadini tagħha u toffri għarfien rigward l-aspettattivi tal-pubbliku Ewropew,

E.   billi l-petizzjonijiet huma mezz li bih iċ-ċittadini jistgħu jagħmlu l-kontribut tagħhom għall-monitoraġġ tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali,

F.   billi l-petizzjonijiet jirrappreżentaw għodda biex ikun evalwat l-impatt tal-liġijiet u l-politiki Ewropej fuq individwi u biex twissi lill-Parlament Ewropew rigward l-ambigwitajiet u l-applikazzjonijiet ħżiena ta" dawn il-liġijiet u l-politiki b'impatt dirett fuq l-għanijiet proprji tagħhom,

G.   billi l-għadd ta" petizzjonijiet iddikjarati bħala inammissibbli baqa" kostanti fl-2006, f'livell ta" kważi terz ta" l-ammont totali, li jirrifletti bżonn kontinwu li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta" l-UE jkunu infurmati sew dwar il-kompetenzi ta" l-Unjoni Ewropea u dawk ta" l-istituzzjonijiet tagħha,

H.   billi jrid ikun indikat li, naturalment, mhux il-petizzjonijiet ammissibbli kollha li jkunu waslu u jkunu ġew investigati jagħtu sodisfazzjon liċ-ċittadini ta" l-UE iżda li proporzjon raġonevoli ta" petizzjonijiet fil-fatt iwasslu għas-soluzzjoni ta" problema partikulari, jew jenfasizzaw tħassib partikulari li iktar tard jista" jservi lill-Parlament meta jinnegozja leġiżlazzjoni Komunitarja ġdida,

I.   billi l-eżami tal-petizzjonijiet baqa' juri nuqqasijiet persistenti fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri, u billi jidher li hemm problemi strutturali relatati ma" l-implimentazzjoni ta" ċerti normi ambjentali, partikolarment, l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora(1) salvaġġi (id-Direttiva dwar il-Habitats) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni ta" l-effetti li ċerti proġetti pubbliċi u privati għandhom fuq l-ambjent(2), kif emendat mid-Direttiva 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997(3),

J.   billi s-segwitu għal petizzjonijiet kontra ċerti proġetti infrastrutturali ewlenin urew il-bżonn għal konsistenza akbar fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni għall-konformità ta' l-Istati Membri mad-Direttiva dwar il-Habitats, b'mod partikulari f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 6(4) ta' din id-Direttiva u biex żoni protetti jkunu salvagwardjati meta jeżistu alternattivi għal proġetti li, skond l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, x'aktarx se jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq l-integrità ta' sit protett mid-Direttiva dwar il-Habitats jew mid-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta" l-għasafar salvaġġi(4),

K.   billi, f'każijiet oħra, il-passi meħuda mill-Kummissjoni fit-twettiq tad-doveri tagħha skond l-Artikolu 211 tat-Trattat KE bħala 'gwardjana tat-Trattati' - bħad-deċiżjoni f'waqtha li tiftaħ proċedimenti kontra Spanja għall-ksur tar-regoli tal-liġi Komunitarja dwar ix-xiri pubbliku u l-azzjoni pronta meħuda biex tiġi evitata ħsara irriversibbli għall-ambjent fil-Polonja - kienu ta' min ifaħħarhom,

L.   billi l-koperazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea tibqa" kruċjali biex il-petizzjonijiet ikunu ttrattati b'mod effettiv u biex min ressaq il-petizzjoni jingħata l-aħjar rimedju għall-problemi tiegħu,

M.   billi rimedju immedjat f'każijiet ta" applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità hija importanti ħafna u billi għandha titqies l-ispeċifiċità ta" kull każ meta jiġu rakkomandati soluzzjonijiet,

N.   billi, skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, il-Parlament għandu d-dritt li jressaq azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-Kunsill u l-Kummissjoni, u billi skond l-Artikolu 201 tat-Trattat KE, il-Parlament għandu s-setgħa li jeżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni u b'hekk għandu disponibbli l-istrumenti legali u politiċi meħtieġa biex jirreaġixxi b'mod iktar effettiv għat-tħassib leġittimu taċ-ċittadini,

O.   billi l-Parlament, madankollu, dejjem ippromwova koperazzjoni leali, partikolarment mal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati, bħala mezz effettiv biex ikun hemm rimedju għall-problemi li wasslu liċ-ċittadini biex ifittxu l-għajnuna tiegħu,

P.   billi l-Parlament baqa" jirċievi petizzjonijiet li jallegaw ksur persistenti mill-Istati Membri tad-drittijiet umani u fundamentali ta' min ressaq il-petizzjonijiet, billi skond l-Artikolu 6(1) tat-Trattat ta" l-UE l-Unjoni hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, u billi l-Artikolu 7(1) tat-Trattat UE jagħti lill-Parlament id-dritt li jibda proċedura biex jiddetermina jekk ikunx hemm riskju ċar ta" ksur serju minn Stat Membru tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6(1),

Q.   billi l-Parlament jirrikonoxxi s-sensittività ta" ċerti każijiet u hu determinat li jieħu l-passi neċessarji kollha biex ikunu protetti d-drittijiet ta' min iressaq l-petizzjoni u l-kunfidenzjalità tad-dejta personali tagħhom mingħajr ma tkun mhedda t-trasparenza tal-proċess stess tal-petizzjonijiet,

1.  Jenfasizza l-importanza tal-proċess tal-petizzjonijiet li jiżgura li t-tħassib individwali taċ-ċittadini Ewropej dwar ir-rispett għad-drittijiet tagħhom skond it-Trattat u l-leġiżlazzjoni tal-Komunità jirċievi risposti u soluzzjonijiet xierqa;

2.  Jenfasizza l-kontribut ewlieni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-ħidma tal-Parlament Ewropew bil-għan li jkun ta' kollegament mill-ġdid maċ-ċittadini ta' l-UE u jsaħħaħ il-leġittimità, it-trasparenza u r-responsabilità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE;

3.  Jemmen li l-petizzjonijiet joffru strument li bih jista' jitkejjel x'jistenna l-pubbliku Ewropew mill-Unjoni Ewropea u kemm jirnexxielha tirrendi l-Unjoni Ewropea;

4.  Ifakkar fl-irwol tal-petizzjonijiet bħala għodda li tippermetti liċ-ċittadini ta' l-UE kemm sabiex iwissu dwar xi vojt fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità li minnha wieħed ikun jista' jaħrab mil-liġi u kemm sabiex iwissu lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar kwalunkwe ksur jew applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni;

5.  Jenfasizza l-opportunità li l-petizzjonijiet joffru lill-Parlament Ewropew sabiex jevalwa u, jekk meħtieġ, jieħu azzjoni sabiex jegħleb, l-ambigwitajiet fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.  Jenfasizza l-importanza ta" koperazzjoni mal-Kummissjoni biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjonijiet ta' tħassib li ċ-ċittadini Ewropej iressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, peress li huma jirriflettu l-impatt dirett tal-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-attivitajiet tal-Komunità fuq l-individwi;

7.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas komuni mill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod korrett in-normi ambjentali tal-Komunità u jqis li hemm bżonn ta" konsistenza aħjar fil-monitoraġġ partikolarment tar-rispett tar-regoli tal-liġi Komunitarja dwar il-ħarsien tal-bijodiversità u dwar l-evalwazzjoni ta" l-impatt ta" ċerti proġetti u pjanijiet pubbliċi u privati fuq l-ambjent;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (COM(2006)0416), li jagħraf l-irwol tal-proċedura tal-petizzjonijiet biex jiġu identifikati l-vjolazzjonijiet;

9.  Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni biex tinnotifika d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur hekk kif tieħu din id-deċiżjoni, u anki deċiżjonijiet rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikulari meta l-Parlament ikun irċieva petizzjonijiet rigward il-kwistjoni kkonċernata, u josserva li l-Kummissjoni ma ħaditx passi dwar sejħiet ripetuti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'dan il-qasam;

10.  Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jinnotifika, bil-miktub u fi żmien qasir, id-deċiżjonijiet tiegħu relatati ma" petizzjonijiet li hu jittratta fil-laqgħat tiegħu, sabiex jiġu evitati nuqqas ta" ftehim u interpretazzjonijiet ħżiena mill-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa u minn min iressaq il-petizzjoni;

11.  Itenni l-importanza tal-kordinazzjoni fit-trattament ta' kwistjonijiet li huma suġġetti kemm għal petizzjoni lill-Parlament kif ukoll għal ilment lill-Kummissjoni, ladarba d-dritt li wieħed jippreżenta petizzjoni huwa dritt fundamentali, issalvagwardjat mit-Trattat, li l-Parlament jipprovdi qafas trasparenti għal dibattiti, li huwa prerekwiżit għal responsabilizzazzjoni pubblika msaħħa, u li f'dan il-kuntest il-prijorità trid tingħata lill-proċess tal-petizzjonijiet;

12.  Jerġa′ jfisser it-tħassib tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-ammont mhux ġustifikat u eċċessiv ta' żmien - li spiss ikun ta′ diversi snin - sabiex il-Kummissjoni tmexxi u tikkonkludi proċeduri ta' ksur u d-diżappunt tiegħu għall-eżempji frekwenti ta' nuqqas ta' konformità min-naħa ta' l-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja; iqis li dan l-aġir idgħajjef il-kredibilità tat-tfassil u l-applikazzjoni koerenti tal-liġi tal-Komunità u li jservi sabiex jiskredita l-għanijiet ta' l-UE;

13.  Jerġa' jafferma l-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-possibilità li ttella' lill-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, sabiex multi fil-forma ta' somom f'daqqa u ħlasijiet ta' penali jkunu jistgħu jiġu imposti kull darba li Stati Membri jdumu ma jimplimentaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri ta' ksur;

14.  Huwa ta' l-opinjoni li, sabiex tkun żgurata l-kredibilità tal-liġi Komunitarja u jkun hemm kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern, jeħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni soda kontra l-ksur tal-liġi Komunitarja, mill-anqas f'każijiet ta' importanza nazzjonali li joħolqu preċedent fil-każistika nazzjonali, u li tali azzjoni tista' tnaqqas b'mod sinifikanti kwalunkwe bżonn sussegwenti taċ-ċittadini li jressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-Kummissjoni u jagħmlu petizzjonijiet fil-Parlament dwar kwistjonijiet analogi;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu kostanti bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman Ewropew; jirrimarka li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet appoġġja r-Rapporti Speċjali dwar l-Iskejjel Ewropej u dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-Kunsill, u laqa" b'sodisfazzjon is-soluzzjoni b'suċċess dwar il-mod kif il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-ilmenti li jallegaw xi vjolazzjoni, u appoġġja t-talba ta' l-Ombudsman għal żieda fil-baġit tiegħu;

16.  Jinnota li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza ta' l-4 ta' Ottubru 2006 fil-każ T-193/04 Tillack vs Kummissjoni(5) li ddeċidiet li ma kienx hemm l-ebda ksur tal-liġi fir-rigward ta' l-azzjoni meħuda mill-OLAF, il-proċedimenti tal-Parlament dwar ir-Rapport Speċjali, li għadu pendenti, ta' l-Ombudsman li jagħmel referenza għall-ilment 2485/2004/GG, jeħtieġ li jingħalqu;

17.  Jikkonferma l-ħtieġa għal aktar involviment min-naħa tal-Kunsill, bħala Istituzzjoni, fl-attivitajiet tal-Kumitat, u jinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat tal-kumitat fil-livell xieraq, kif imsemmi fil-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(6), adottata fis-16 ta' Diċembru 2003 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;

18.  Itenni l-proposta li l-Kunsill jaħtar uffiċjal għoli biex jikkordina l-kwistjonijiet marbuta mal-petizzjonijiet, peress li ħafna petizzjonijiet jinvolvu kwistjonijiet politiċi sensittivi li jikkonċernaw it-traspożizzjoni mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

19.  Għal darb'oħra jenfasizza l-irwol importanti ta' l-Istati Membri li jimplimentaw b'mod korrett il-leġiżlazzjoni Komunitarja, u jenfasizza li l-applikazzjoni prattika tagħha hija deċiżiva għall-għanijiet taż-żieda tar-relevanza ta' l-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar parteċipazzjoni mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u tal-parlamenti tagħhom fid-dibattiti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

20.  Ifakkar li t-Trattat dwar l-UE jagħti lill-Parlament is-setgħa li jagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-UE, li jista' jwassal għall-ħatra ta' persuni indipendenti biex jirrappurtaw dwar ir-riskju ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-prinċipji li fuqhom hija mwaqqfha l-Unjoni Ewropea, inkuż b'mod partikulari l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attività tal-Kumitat Temporanju ta' Inkjesta fil-Kriżi ta' l-'Equitable Life Assurance Society' u tal-kontribut magħmul mill-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u s-segretarjat tiegħu li ħadu sehem dirett fil-ħidma tiegħu; iqis li d-deċiżjoni li jitwaqqaf dan il-kumitat bħala segwitu għall-petizzjonijiet li waslu żiedet l-isforzi sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri kollha;

22.  Jinkuraġġixxi l-prattika li jintbagħtu missjonijiet ta' tiftix ta' fatti skond l-Artikolu 192 tar-Regoli ta' Proċedura lil diversi Stati Membri ta' l-UE sabiex jinvestigaw kwistjonijiet imqajma minn min iressaq il-petizzjoni bħala mezz kif ikunu ffaċilitati soluzzjonijiet effettivi u pragmatiċi, fl-interess taċ-ċittadin;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' dawn il-missjonijiet fl-isforzi sabiex titjieb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini u sabiex iqajmu kuxjenza fl-Istati Membri dwar l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, b'mod ġenerali, u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'mod partikolari;

24.  Jenfasizza li fehim aħjar tal-funzjoni tal-petizzjonijiet bħala għodda li tippermetti liċ-ċittadini li jfittxu rimedju hija marbuta mill-qrib mal-kwalità ta' l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-Ewropa dwar il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-objettivi tal-Komunità;

25.  Jinnota li, matul it-tieni sena mit-tkabbit ta' l-UE għal 25 Stat Membru, in-numru ta' petizzjonijiet li rċieva l-Parlament baqa' relattivament kostanti; josserva, madankollu, li l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija f'Jannar 2007 x'aktarx se twassal għal għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet miċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim fi ħdan il-kumitat li wassal għal żieda fil-membri tiegħu għal 40 membru sħiħ, u jqis li dan x'aktarx jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej u n-nies li qed jgħixu fit-territorju ta' l-UE jiksbu saħansitra fehim aħjar tal-każ tagħhom fil-kumitat, u b'hekk jippermetti lill-Parlament biex jirrispondi aħjar għall-aspettattivi ta' min iressaq il-petizzjoni;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ is-segretarjat tal-kumitat sabiex tiġi koperta l-ħtieġa għal kompetenza lingwistika, legali u politika, biex iż-żmien għal risposta jiqsar u l-investigazzjonijiet isiru aktar effettivi u biex is-servizz li huwa jipprovdi jkun disponibbli b'mod indaqs għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE;

28.  Itenni l-ħtieġa li jinstabu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-sistema tas-softwer għall-petizzjoni elettronika (E-petition software system), li tiffunzjona kemm bħala bażi ta" dejta kif ukoll bħala għodda ta' mmaniġġjar li tipprovdi informazzjoni dwar il-fluss tal-petizzjonijiet, b'hekk issaħħaħ it-trasparenza u l-effiċjenza ta' l-attività tal-Kumitat;

29.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex iwettaq reviżjoni urġenti tal-"portal taċ-Ċittadini" fil-websajt tal-Parlament Ewropew bil-għan li tiżdied il-viżibilità tal-portal relatat mad-dritt tal-petizzjonijiet, u li titjieb il-preżentazzjoni tiegħu sabiex ikunu żgurati l-komparabilità u l-kompatibilità tiegħu mal-websajt ta" l-Ombudsman Ewropew li, b'kuntrast mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, hu kkonċernat speċifikament ma" l-ilmenti taċ-ċittadini rigward allegazzjonijiet ta" amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet jew fl-entitajiet ta" l-UE;

30.  Ifakkar li l-Parlament ilu mill-1998 jitlob għal reviżjoni tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-tisħiħ tad-dritt għall-petizzjoni(7); itenni t-talbiet urġenti tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu din ir-reviżjoni bil-għan li jistabbilixxu mezz aktar effettiv ta' rimedju u sabiex jiddefinixxu qafas ċar u koerenti għall-koperazzjoni essenzjali bejn l-Istituzzjonijiet fil-qasam ikkonċernat;

31.  Jilqa b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ssir reviżjoni tar-regoli attwali li jirregolaw il-proċedura tal-petizzjonijiet sabiex ikun hemm kjarifika fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-ammissibilità tal-petizzjonijiet u sabiex jissaħħu l-proċeduri relatati mal-protezzjoni tad-dejta u l-kunfidenzjalità mingħajr ma tiddgħajjef it-trasparenza essenzjali tal-proċess tal-petizzjonijiet innifsu;

32.  Jenfasizza l-importanza li jitħarsu d-drittijiet ta' min iressaq il-petizzjoni, bħala element fundamentali tal-proċess tal-petizzjonijiet, u jilqa' b'sodisfazzjon il-qbil fi ħdan il-kumitat dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-petizzjonijiet pendenti dwar Lloyd's, speċjalment fir-rigward ta' l-għoti ta' appoġġ sħiħ lis-Sinjura X, li isimha ġie ppubblikat kontra x-xewqa tagħha;

33.  Jenfasizza l-importanza li jitħares l-ambjent u jilqa" b'sodisfazzjon l-interess intensiv tal-Kumitat fil-petizzjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent li hu jittratta fil-laqgħat tiegħu;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(2) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
(3) ĠU L 73, 14.3.1997, p 5.
(4) ĠU L 103, 25.4.1979, p 1.
(5) [2006] ECR II-3995.
(6) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(7) ĠU C 120, 16.5.1989, p. 90.

Avviż legali - Politika tal-privatezza