Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0462/2007

Dibattiti :

PV 13/11/2007 - 20

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 5.6
CRE 15/11/2007 - 5.6

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 252kWORD 55k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE
P6_TA(2007)0534RC-B6-0462/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-liberta' tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 13 u 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 61, 62, u 64 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 19, 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet tal-liberta' tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri(1),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-drittijiet tal-minoritajiet nazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-moviment ħieles tal- persuni, dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-moviment ħieles tal-persuni hija libertà fundamentali u inaljenabbli, rikonoxxuta għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni mit-Trattati kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li din il-libertà hija waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza Ewropea,

B.   billi għal din ir-raġuni, id-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-familji tagħhom li tipprevjeni l-possibilità għal Stat Membru li jbiegħed ċittadin ta' l-Unjoni, ipoġġi din il-possibilità f'limiti definiti sew, sabiex jiggarantixxi l-libertajiet fundamentali,

C.   billi s-sigurtà u l-libertà huma drittijiet fundamentali u billi l-Unjoni għandha l-objettiv li tiżgura livell għoli ta' sigurtà f'kuntest ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tagħha,

D.   billi l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin huma sfidi transkonfinali u li l-moviment ħieles f'kuntest Ewropew huwa bbażat ukoll fuq it-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fuq livell Ewropew f'inkjesti u attivitajiet ta' segwitu, bl-appoġġ tal-Eurojust u l-Europol,

E.   billi r-rispett tal-liġi fl-Istati Membri kollha hi kundizzjoni meħtieġa għall-koeżistenza u għall-inklużjoni soċjali fl-Unjoni; billi kull individwu huwa obbligat jirrispetta l-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membri fejn ikun jinsab; billi r-responsabiltà kriminali hija dejjem personali għall-individwu, billi ċ-ċittadini ta' l-Unjoni minbarra li jgawdu mid-drittijiet u mil-libertà mogħtija lilhom permezz tat-Trattat, għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti marbuta ma' dawn id-drittijiet, b'mod partikulari kif stipulat fil-liġi Ewropea u fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li qed jospitahom,

F.   billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha trid tirrispetta l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2004/38/KE;

G.   billi l-ġlieda kontra kull forma ta' razziżmu u ta' ksenofobija kif ukoll kontra kull forma ta' diskriminazzjoni tagħmel parti mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni,

H.   billi, b'konformità mal-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, iċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jgħixu b'mod liberu u legali fi Stat Membru għandhom jibbenefikaw minn trattament ugwali f'dan l-Istat meta mqabbel mat-trattament taċ-ċittadini nazzjonali,

I.   billi l-poplu Roma għadu jsofri minn diskriminazzjoni u abbuż fit-territorju ta' l-Unjoni u billi sfortunatament, l-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni ta' din il-minoranza għadhom objettivi li għad iridu jintlaħqu,

J.   billi kien hemm aggressjoni u qtil brutali ta' mara f'Ruma, li ġie akkużat bih ċittadin Rumen,

K.   billi dan l-avveniment kien segwit minn aggressjoni razzista kontra ċittadini Rumeni,

L.   billi l-personalitajiet pubbliċi huma mistennija li ma jagħmlux stqarrijiet li jistgħu jiġu mifhuma bħala inkoraġġiment sabiex ċertu gruppi tal-popolazzjoni jiġu stigmatizzati,

M.   billi ttieħdet inizjattiva konġunta mill-Prim Ministru Rumen u mill-President tal-Kunsill Taljan, kif ukoll saret ittra konġunta li huma ppreżentaw lill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tal-minoranza Rumena,

1.  Jesprimi s-sogħba kbira tiegħu għall-qtil tas-Sinjura Giovanna Reggiani, li ġara f'Ruma fil-31 ta' Ottubru 2007, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tagħha;

2.  Jenfasizza mill-ġdid il-valur tal-liberta? tal-moviment ta' persuni bħala prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni, aspett kostituzzjonali taċ-ċittadinanza Ewropea u element fundamentali tas-suq intern;

3.  Jenfasizza mill-ġdid l-għan li l-Unjoni ssir spazju fejn kull persuna tista' tgħix b'livell għoli ta' liberta?, sigurta? u ġustizzja;

4.  Ifakkar li d-Direttiva 2004/38/KE tinkludi l-possibilita? ta' tkeċċija ta' ċittadin mill-Unjoni f'limiti preċiżi ħafna u li b'mod speċjali:

   skond l-Artikolu 27 tagħha, fejn l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-liberta? tal-moviment u ta' residenza ħlief għal raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurta? pubblika jew saħħa pubblika u li dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu applikati għal skopijiet ekonomiċi; kull miżura għandha tkun proporzjonata u bbażata esklussivament fuq l-imġiba personali ta' l-individwu u fl-ebda każ fuq raġunijiet ta' prevenzjoni ġenerali;
   skond l-Artikolu 28 tagħha, hija meħtieġa evalwazzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni ta' tkeċċija sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni personali ta' l-individwu kkonċernat, b'mod speċjali kemm ilu residenti, l-età tiegħu, l-istat tas-saħħa tiegħu , is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu u dik ekonomika, l-integrazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti;
   skond l-Artikolu 30, kwalunkwe deċiżjoni ta' tkeċċija għandha tiġi notifikata bil-miktub lill-parti interessata f'kundizzjonijiet li jagħtuh iċ-ċans li jifhem sewwa l-kontenut u l-konsegwenzi, li l-parti interessata għandha tkun infurmata dwar ir-raġunijiet kollha u preċiżi tad-deċiżjoni, dwar il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista' jagħmel appell kif ukoll dwar l-iskadenza għall-appell u, jekk ikun il-każ, dwar iż-żmien stipulat sabiex iħalli t-territorju, skadenza li ma tistax tkun ta' inqas minn xahar;
   skond l-Artikolu 31, il-persuni konċernati għandu jkollhom aċċess għal proċeduri ta' rimedju ġudizzjarju u amministrattiv sabiex jappellaw id-deċiżjoni ta' tkeċċija fl-Istat Membru li qed jospitahom, u għandhom id-dritt sabiex jitolbu ordni temporanju biex jissospendu l-infurzar tad-deċiżjoni, talba li trid tintlaqa' ħlief f'każijiet speċifiċi eċċezzjonali;
   skond l-Artikolu 36, is-sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri għandhom ikunu effettivi u proporzjonati;
   skond il-premessa 16 u l-Artikolu 14, ċittadin jista' jitkeċċa jekk ikun ta' piż mhux iġġustifikat għall-assistenza soċjali, iżda bil-kundizzjoni li jsir eżami fil-fond tal-każ individwali u li fl-ebda każ din il-kundizzjoni waħidha ma tista' tiġġustifika it-tkeċċija awtomatika;

5.  Jafferma mill-ġdid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha għandha tirrispetta b'mod strett dawn il-limiti u dawn il-garanziji, inkluż ukoll l-aċċess għal rikors legali kontra t-tkeċċija u għall-eżerċitar tad-drittijiet ta' difiża u li l-eċċezzjonijiet kollha definiti mid-direttiva 2004/38/KE għandhom jiġu interpretati b'mod strett; ifakkar li l-espulsjonijiet kollettivi huma projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żjara tal-Prim Ministru Rumen fl-Italja u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Prim Ministri Romano Prodi u Călin Popescu-Tăriceanu; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-appel tal-President u tal-Prim Ministru għal impenn ta' l-Unjoni favur l-integrazzjoni soċjali tal-popolazzjonijiet żvantaġġati u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' ġestjoni taċ-ċaqliċ tal-popolazzjoni tagħhom, kif ukoll permezz ta' programmi ta' żvilupp u ta' għajnuna soċjali inklużi fil-Fondi Strutturali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mingħajr dewmien tippreżenta evalwazzjoni fid-dettall ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE u tat-traspożizzjoni korretta tagħha mill-Istati Membri kif ukoll proposti, b'konformita? ma' l-Artikolu 39 tagħha;

8.  Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Kummissjoni, jinkariga lill-kumitat parlamentari kompetenti tiegħu sabiex minn issa sa l-1 ta' Ġunju 2008, b'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, iħejji evalwazzjoni tal-problemi ta' traspożizzjoni ta' din id-direttiva sabiex jiġu enfasizzati l-aħjar prattiki kif ukoll il-miżuri li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjonijiet bejn ċittadini Ewropej,

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex jegħlbu kwalunkwe eżitazzjoni u biex jipproċedu kemm jista' jkun malajr fl-infurzar ta' strumenti ta' koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-qasam kriminali fuq livell ta' l-Unjoni, sabiex tkun garantita ġlieda effikaċi kontra l-kriminalita? organizzata u t-traffikar tal-bnedmin, fenomeni fuq dimensjoni trans-nazzjonali, filwaqt li jiġi assigurat qafas uniformi tal-garanziji ta' proċedura,

10.  Jiċħad il-prinċipju tar-responsabilita? kollettiva u jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' razziżmu u ksenofobija u kull forma ta' diskriminazzjoni u ta' stigmatizzazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalita? u ta' l-oriġini etnika, kif mitlub fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

11.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-urġenza li tiġi ppreżentata proposta ta' direttiva orizzontali kontra kull diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE, ippjanat fil-programm leġiżlattiv u ta' ħidma ta' l-2008;

12.  Jikkunsidra li l-protezzjoni tad-drittijiet tar-Roma u l-integrazzjoni tagħhom huma sfida għall-Unjoni sħiħa u jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi mingħajr dewmien billi tiżviluppa strateġija globali għall-inklużjoni soċjali tar-Roma, filwaqt li tuża b'mod speċjali il-linji baġitarji disponibbli, kif ukoll il-Fondi Strutturali għall-appoġġ ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-inklużjoni soċjali tar-Roma;

13.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' network ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-integrazzjoni soċjali tar-Roma kif ukoll it-titjib ta' strumenti bil-għan li jiżviluppaw is-sensibilizzazzjoni rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-komunità roma, fosthom l-iskambju ta' l-aħjar prattiki; f'dan il-kuntest, iqis li l-kollaborazzjoni strutturata u mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa hija importanti ħafna;

14.  Huwa tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni, Franco Frattini, lill-istampa Taljana fl-okkażjoni ta' l-episodji serji li seħħu f'Ruma, imorru kontra l-ispirtu u t-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE, direttiva li huwa mitlub jirrispetta bis-sħiħ;

15.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU L 158, 30.4.2004, p.77.
(2) ĠU C 45, 23.02.2006, p.129.

Avviż legali - Politika tal-privatezza