Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0472/2007

Dibattiti :

PV 14/11/2007 - 8
CRE 14/11/2007 - 8

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 5.8
CRE 15/11/2007 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0536

Testi adottati
PDF 211kWORD 48k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
Pakistan
P6_TA(2007)0536B6-0474/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar il-Pakistan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar Sħubija u Żvilupp ta' l-24 ta' Novembru 2001 u li daħlet fis-seħħ fl-2004 (imsejħa wkoll Ftehima ta' Koperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni), b'mod partikolari l-Artikolu 1 ta' din il-Ftehima li tistabbilixxi li 'ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi... jikkostitwixxu element essenzjali ta' dan il-ftehim',

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE/Pakistan tat-8 ta' Frar 2007 fir-rigward tal-ftehima ta' Koperazzjoni ta' l-2004, ftehima li fiha ż-żewġ naħat intrabtu li jiżviluppaw djalogu politiku wiesgħa u formalizzat li jinkludi fost l-oħrajn il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007 dwar l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza fil-Pakistan, kif ukoll l-isqarrijiet tar-Rappreżentant Għoli ta' l-UE Solana ta' l-4 ta' Novembru 2007 u dawk tal-Kapjiet tal-Missjonijiet u ambaxxati ta' l-UE f'Islamabad ta' l-4 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Novembru 2007 dwar id-detenzjoni fil-Pakistan ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-oppożizzjoni, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–   wara li kkunsidra t-tħabbira tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth fit-12 ta' Novembru 2007 li l-Pakistan ikun sospiż mill-Commonwealth jekk il-President Musharraf ma jkunx għadu rritorna lill-pajjiż għall-ordni kostituzzjonali sat-22 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Lulju(1) u tal-25 ta' Ottubru 2007(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi fit-3 ta' Novembru 2007 l-President Musharraf ħareġ 'Ordni Kostituzzjonali Proviżorja' (PCO), li biha ssospenda l-Kostituzzjoni u l-Istat tad-Dritt u ssotitwixxihom bl-Istat ta' Emerġenza, liġi marzjali de facto,

B.   billi din il-bidla seħħet ftit qabel id-deċiżjoni mistennija tal-Qorti Suprema dwar il-legalità tat-tielet mandat tal-President, filwaqt li jibqa' kap tal-forzi armati; u billi bosta avukati u ċittadini mħassbin rreaġixxew billi ħarġu jipprotestaw fit-toroq, u eluf minnhom ġew imsawta b'mod brutali u arrestati,

C.  C, billi l-azzjonijiet reċenti tal-President Musharraf jistgħu jwasslu għal instabilità akbar fil-pajjiż u b'hekk jinkoraġġixxu l-vjolenza u l-estremiżmu; billi huwa mħasseb ħafna dwar theddid għall-paċi u l-istabbilità fil-viċinat tal-Pakistan u fir-reġjun kollu kemm hu;

D.   billi l-Qorti Suprema tal-Pakistan għad trid tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar jekk l-elezzjoni tal-President Musharraf kinitx konformi mal-Kostituzzjoni;

E.   billi l-libertà ta' l-istampa, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assemblea u l-libertà ta' l-attività politika, li huma l-karatteristiċi ta' sistema politika ċivilizzata, kienu rrevokati,

1.  Jitlob b'mod ċar li l-istat ta' emerġenza jintemm għal kollox u li terġa' tiġi implimentata b'effett immedjat il-kostituzzjoni tal-Pakistan ta' l-1973;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-protesti leġittimi ta' eluf ta' avukati, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja politiċi eminenti; jikkundanna l-vjolenza mill-pulizija kontra d-dimostranti u l-arresti li seħħew fuq skala kbira mingħajr akkuża jew fuq akkużi ta' terroriżmu mingħajr ebda bażi fattwali;

3.  Huwa partikolarment imħasseb dwar l-arrest ta' aktar minn 3 000 ċittadin, inklużi l-mexxejja tal-partiti politiċi, avukati, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jitlob li jitwaqqaf immedjatament l-arrest domiċiljari ta' Benazir Bhutto, mexxej tal-PPP, ta'Asma Jahangir, Chairperson tal-Kummissjoni indipendemti għad-Drittijiet tal-Bniedem u rapporteur speċjali tan-NU tal-libertà tar-reliġjoni u t-twemmin u ta' I.A. Rehman, il-fundatur ta' dik l-organizzazzjoni; jinsab allarmat li għad hemm fis-seħħ ordni ta' detenzjoni kontra Hina Jilani, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jitlob li terġa' tieħu postha l-indipendenza ġudizzjarja billi terġa' tidħol il-ġudikatura; jitlob ir-rilaxx immedjat tar-rappreżentanti kollha ta' l-assoċjazzjonijiet tal-Kamra ta' l-Avukati tal-Qorti Suprema li ġew arrestati wara protesti paċifiċi fit-toroq; jiddenunċja b'mod partikolari l-arrest illegali tal-Prim Imħallef Chaudhry u l-arrest ta' Aitzaz Ahsan, President tal-Kamra ta' l-Avukati tal-Qorti Suprema;

5.  Jerġa' jitlob lill-President Musharraf biex jirrispetta l-verdett tal-Qorti Suprema - ladarba dan jerġa' jidħol fis-seħħ - dwar il-kostituzzjonalità tal-ħatra tiegħu bħala President; jitlob lill-President Musharraf biex jirrinunċja mill-kariga tiegħu bħala kap ta' l-armata qabel ma jieħu l-ġurament għal terminu presidenzjali ġdid u qabel ma' tiskadi, fil-15 ta' Novembru 2007, d-dispensa parlamentari biex ikollu kariga doppja ta' persuna pajżana u persuna militari;

6.  Ifakkar li minħabba s-sospensjoni tal-Qorti Suprema, is-seduti ta" smigħ dwar mijiet ta" każi ta" għajbien infurzat skedati għat-13 ta" Novembru 2007 twaqqfu u jinsisti li l-inkjesti dwar fejn jinstabu l-persuni li għebu għandha tkompli u dawk kollha li dwarhom hemm is-suspett li qed jinżammu f'ħabsijiet statali sigrieti għandhom jinġiebu quddiem il-qrati,

7.  Jitlob li jonqsu r-restrizzjonijiet kollha fuq il-midja u jitneħħew l-ordinanzi kollha li jirrestrinġu l-kopertura ħielsa ta' l-avvenimenti politiċi;

8.  Jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jimplimenta l-kondizzjonijiet neċessarji ħalli jiggarantixxi li jseħħu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti kif programmat; jinnota li f'dan il-kuntest it-tħabbira tal-President Musharraf tal-11 ta' Novembru 2007 li l-elezzjonijiet għall-assembleji provinċjali u l-assemblea nazzjonali se jintemmu sad-9 ta' Jannar 2008;

9.  Jitlob li jiġi ffurmat gvern proviżorju kompletament newtrali, b'konformità mal-kostituzzjoni u b'konsultazzjoni mal-partiti ta' l-oppożizzjoni kollha, sabiex jissorvelja l-elezzjonijiet u t-twaqqif mill-ġdid tal-kummissjoni ta' l-elezzjoni; jistieden li l-mexxejja tal-partiti politiċi kollha jkunu jistgħu jikkuntestaw dawn l-elezzjonijiet, inkluż l-ex Prim Ministru Nawaz Sharif, li għandu jitħalla jerġa' lura lejn il-Pakistan u jipparteċipa attivament fil-proċess ta' l-elezzjoni;

10.  Ifakkar li l-kredibilità tal-proċess ta' l-elezzjoni se tiddependi fuq ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi dawk f'kustodja illegali ta' aġenżiji ta' l-intelligence u fuq il-waqfien mill-għajbien tal-politiċi fl-oppożizzjoni, bi qbil mad-direttiva tal-Qorti Suprema; il-libertà tal-kelma, tal-moviment, ta' l-assoċjazzjoni u ta' l-assemblea jridu jiġu implimentati bis-sħiħ u jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-partiti politiċi li jimxu mal-liġi;

11.  Jenfasizza li l-fatt li tintbagħat delegazzjoni ta' osservazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex tosserva l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan, fil-qafas ta' missjoni għall-osservanza ta' l-UE, jiddependi mit-twettiq tal-prekundizzjonijiet bażiċi sabiex l-awtoritajiet Pakistani jorganizzaw elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jenfasizza, f'dan il-kuntest li elezzjonijiet li jkunu ppreparati u mwettqa taħt l-istat ta' emerġenza jkunu sinjal ċar ta' proċess mhux demokratiku;

12.  Isejjaħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra bir-reqqa li tibgħat missjoni esploratorja oħra f'każ li jitneħħa l-istat ta' emerġenza, sabiex tevalwa l-vijabilità li tintbagħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali ta' l-UE fit-tul taż-żmien;

13.  Jappoġġja bis-sħiħ il-punti ta' referenza ċari stipulati fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2007, li fuqhom se jiġi ġġudikat ir-ritorn ta' l-ordni kostituzzjonali fil-Pakistan;

14.  Isejjaħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinsistu li l-gvern tal-Pakistan jiddefendi l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Ftehima ta' Koperazzjoni, b'mod partikolari l-klawżola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Koperazzjoni;

15.  Isejjaħ - f'dan il-kuntest - lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra żżid l-għajnuna għall-edukazzjoni, għat-tnaqqis tal-faqar, għall-kura tas-saħħa u l-għajnuna umanitarja, biex twassal il-fondi permezz ta' NGOs sekulari;

16.  Isejjaħ lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw bis-sħiħ il-kodiċi ta' imġiba ta' l-UE dwar l-esportazzjoni ta' l-armi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(1) Testi Adottati P6_TA(2007)0351.
(2) Testi Adottati P6_TA(2007)0489.

Avviż legali - Politika tal-privatezza