Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2007/2088(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-iżviluppi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) sa mill-2004, u b'mod partikulari r-Rapporti ta' Progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ENP ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (SEC(2006)1504/2, SEC(2006)1505/2, SEC(2006)1506/2, SEC(2006)1507/2, SEC(2006)1508/2, SEC(2006)1509/2, SEC(2006)1510/2, SEC(2006)1511/2, SEC(2006)1512/2),
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni li ġew adottati flimkien ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, kif ukoll ma' l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija,
– wara li kkunsidra l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI), marbut mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt, u li jieħu post l-għajnuna teknika li s'issa kienet provduta minn TACIS u minn MEDA,
– wara li kkunsidra n-Non-Paper tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006,intitolata " X' tista' toffri l-UE lill-Belarus",
– wara l-kkunsidra l-Istrateġija rigward is-Sigurtà Ewropea, intitolata 'Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar', approvata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (COM(2006)0726),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' April 2007, intitolata "Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – Inizjattiva ta' Koperazzjoni Reġjonali Ġdida" (COM(2007)0160),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 u tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, u r-Rapport tal-Progress tal-Presidenza Ġermaniża tal-15 ta' Ġunju 2007 intitotlata "Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Ewropa Usa' u dwar l-ENP, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tad-19 ta' Jannar 2006(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi u r-reġjuni tal-viċinat ta' l-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-ENP u l-istrateġija tat-tkabbir ta' l-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-futur tad-Dimensjoni tat-Tramuntana(2) u tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku rigward id-Dimensjoni tat-Tramuntana,(3),
–wara li kkunsidra r-riżultati miġbura fir-Rapport tal-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem fid-Dinja Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Konferenza dwarl-ENP, organizzata mill-Kummissjoni u li saret fit-3 ta' Settembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0414/2007),
A. billi t-tisħiħ tas-sigurtà, l-istabilità demokratika u l-prosperità, u l-promozzjoni ta' governanza tajba u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-viċinat ta' l-UE, huma kruċjali għall-istabilità u l-prosperità tal-kontinent Ewropew kollu,
B. billi l-ENP tibqa' prijorità ewlenija tal-politika barranija ta' l-UE,
C. billi l-ENP għandha tibqa' distinta mill-proċess tat-tkabbir; billi l-parteċipazzjoni fl-ENP ma tipprekludix, għall-ġirien tal-Lvant, li jistgħu bla diffikultà jiġu identifikati bħala pajjiżi Ewropej, xi perspettiva konnessa mas-sħubija possibbli fl-UE fil-futur imbiegħed; billi l-ENP hija opportunità għall-pajjiżi involuti kollha biex jintegraw iżjed mill-qrib ma' l-UE,
D. billi, minkejja s-suċċess fit-tnedija ta' l-aġendi ta' riforma f'numru ta' pajjiżi tal-viċinat, l-ENP għadha ma ssodisfatx kompletament l-aspettattivi sabiex tqanqal u ssaħħaħ l-impenn tal-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ENP biex jaslu għal riformi politiċi u ekonomiċi,
E. billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar inċentivi sabiex l-imsieħba jiġu motivati biex javvanzaw fit-triq tar-riforma; billi l-ENP teħtieġ li tissaħħaħ b'mod sostanzjali sabiex jitħaffef dan il-proċess, inkluża l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet u l-objettivi ddikjarati tagħha,
F. billi kunflitti miftuħa u ffriżati għadhom jirrapreżentaw xkiel ewlieni għall-issodisfar ta' l-għanijiet ta' l-ENP; billi l-istabilità tista' tinkiseb biss permezz ta' soluzzjonijiet komprensivi u dejjiema ta' kunflitti eżistenti,
G. billi l-aspetti speċifiċi tal-politika ta' l-UE fir-rigward ta' l-Istati tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, u ta' l-approċċ reġjonali ta' l-UE fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, qegħdin jiġu ttrattati f'rapporti separati li tħejjew mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament,
1. Jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi ewlenin ta' l-ENP immirati lejn l-iżvilupp ta' ċirku ta' prosperità, stabilità u sigurtà, sabiex jinħolqu rabtiet mill-qrib ma' u bejn l-istati ġirien tagħna u lejn l-impenn tagħhom ħalli jagħmlu riformi li jwasslu għad-demokrazija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza aħjar u l-iżvilupp sostenibbli, ekonomiku, u soċjali ; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet ugwali, b'mod partikulari t-titjib tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll għal dak li għandu x'jaqsam mal-minoranzi u l-kapaċità tal-pajjiżi ġirien biex jegħlbu kunflitti etniċi, reliġjużi jew soċjali b'mezzi paċifiċi;
2. Jesprimi dubji rigward is-sens tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' l-ENP, billi din tinvolvi pajjiżi li ġeografikament huma Ewropej flimkien ma' pajjiżi Mediterranji li m'humiex Ewropej; madankollu jinnota li attwalment ma jkunx realistiku li jsir tibdil radikali f'dan il-qafas ta' politika komprensiva; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa għal iżjed sforz biex jiġu ddefiniti l-objettivi u l-istrumenti multilaterali ta' din il-politika sabiex l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha jkunu jistgħu jiffaċċjaw sfidi komuni, u fl-istess ħin biex jiġu rispettati l-kundizzjonijiet differenti u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni u l-pajjiżi involuti;
3. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni kollha tal-politika kemm jista' jkun għandha tieħu kont ta'l-identitajiet differenti tal-pajjiżi kollha koperti mill-ENP, sabiex jiġu żviluppati l-inċentivi l-aktar xierqa u tanġibbli għal żmien medju u fit-tul għar-riforma u sabiex jissaħħaħ l-impenn ta' dawn is-soċjetajiet lejn il-proċess ta' modernizzazzjoni u tal-koperazzjoni u l-integrazzjoni ma' l-UE;
4. Jinnota li l-kundizzjonalità ddikjarata fl-approċċ ta' l-ENP hija ispirata mill-esperjenza pożittiva tat-tkabbir; jikkunsidra li l-kundizzjonalità tista' tikkostitwixxi inċentiv xieraq sabiex jitħaffu l-proċessi ta' riforma fil-pajjiżi ta' l-ENP lejn il-konverġenza tagħhom ma' l-UE, jekk din tkun mifhuma b'mod pożittiv u ddiferenzjata skond il-ħtiġijiet u l-kapaċita' speċifiċi tal-pajjiż inkwistjoni, u akkumpanjata bl-iżvilupp ta' viżjoni maqsuma bejn l-imsieħba fl-aspetti politiċi, istituzzjonali u ekonomiċi kollha tagħha;
5. Jenfasizza bis-saħħa li l-prinċipju ewlieni tal-politika ta' l-UE huwa r-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem; jisħaq li, immaterjalment mill-grad ta' volontà tal-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba li jikkoperaw u li jaqsmu dawn il-valuri, is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kollha ta' l-ENP għandha tiġi appoġġjata bis-sħiħ u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess tar-riforma u tad-demokratizzazzjoni għandha titħeġġeġ, u għandu jitħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta' media ħielsa u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja t-twaqqif ta' sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem flimkien mal-pajjiżi ta' l-ENP kollha sabiex jiġi żgurat djalogu politiku effettiv f'dan il-qasam;
6. Jenfasizza l-importanza li l-UE żżid il-kuntatti tagħha mal-parlamenti, il-partiti politiċi, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati l-oħrajn ta' l-ENP, bi ħsieb ta' l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni; għalhekk iħeġġeġ biex il-fora ta' sħubija jittellgħu fuq bażi perjodika;
7. Jenfasizza l-importanza kbira ta' djalogu wiesa' mas-soċjetà ċivili u tal-kuntatti intensifikati bejnpersuna u oħra, li jikkontribwixxu għal ftehim aħjar bejn is-soċjetajiet ta' l-UE u tal-pajjiżi ta' l-ENP u jikxfu l-benefiċċji tal-koperazzjoni taż-żewġ naħat; jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-iskambji kulturali u ta' riċerka u lil dawk ta' bejn l-istudenti; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twaqqaf aġenziji Komunitarji u programmi għall-pajjiżi ta' l-ENP, u jappoġġja b'mod partikulari l-involviment ulterjuri tal-pajjiżi ta' l-ENP kollha fil-programm Erasmus Mundus;
8. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jistabbilixxu programmi ta' ġemellaġġ bejn l-ibliet u r-reġjuni, u biex jipprovdu appoġġ adegwat għal programmi bħal dawn, sabiex jirrinfurzaw il-kapaċità lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-viċinat, u biex jippromwovu programmi ta' skambju għas-soċjetà ċivili u għall-inizjattivi ta' proġetti fuq skala żgħira;
9. Jenfasizza l-bżonn ta' impenn politiku b'saħħtu min-naħa ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sabiex l-ENP ikollha suċċess sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex kemm jista' jkun possibbli jallinjaw il-politiki tagħhom stess fil-pajjiżi ta' l-ENP mal-prijoritajiet stipulati fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi ta' l-ENP, sabiex jiġu garantiti l-kumpatibilità, il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-politiki;
10. Jappoġġja l-approfondiment ta' djalogu politiku regolari bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-ENP; jilqa' l-fatt li l-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Armenja jikkonformaw mal-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni (PESK) ta' l-UE, u jappoġġja d-deċiżjoni li bl-istess mod jiġi involut l-Ażerbajġan; huwa konvint li din il-konformità mal-politika barranija ta' l-UE għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi l-oħra kollha ta' l-ENP;
11. Jilqa' l-mira fit-tul taż-żmien li tiġi stabbilita zona ta' kummerċ ħieles mal-viċinat kollu, kif ġie mfassal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2006 msemmija hawn fuq; jappoġġja n-negozjati għal ftehim bilaterali ta' kummerċ ħieles fil-fond bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi ta' l-ENP, li għandhom, b'konformità ma' l-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji, imorru lil hinn mit-tariffi u jħaddnu s-servizzi u l-ħarsien ta' investimenti; jisħaq li meta jiġu nnegozjati dawn il-ftehim, iridu jieħdu kont ta'l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt soċjali u ambjentali; jiddispjaċih li l-UE għadha ma kkunsidrathiex possibbli li tiftaħ is-suq tagħha għal prodotti li l-pajjiżi ta'l-ENP jinsabu f'qagħda partikularment tajba li jipprovduhom bi prezzijiet kompetittivi, u li huma ta' kwalità li tilħaq l-istandards ta' l-UE;
12. Jappoġġja l-iżvilupp ta' koperazzjoni multilaterali kumplimentarja bejn l-UE u l-imsieħba tagħha f'temi settorjali, sabiex ikomplu jissaħħu r-rabtiet reġjonali u transkonfinali li jeżistu, f'oqsma bħall-ambjent, is-sigurtà ta' l-enerġija, il-kultura, it-trasport u l-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni; jappoġġja, kull fejn ikun possibbli, in-negozjati ta' ftehim settorjali li jorbtu legalment u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' politiki komuni; jisħaq fuq il-bżonn partikulari li jissaħħu l-investimenti bl-estensjoni tan-networks ta' l-enerġija u tat-trasport trans-Ewropew lejn il-pajjiżi ta' l-ENP;
13. Jenfasizza l-bżonn li jintużaw l-organizzazzjonijiet multilaterali li diġà jeżistu sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-ENP; jisħaq b'mod partikulari fuq l-irwol tal-Kunsill ta' l-Ewropa u ta' l-Organiżazzjoni għas-Sigurta' u għall-Koperazzjoni fl-Ewropa fl-oqsma tal-kontrolli fuq l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
14. Huwa favur in-negozjati ta' ftehim għat-tħaffif tal-viża u għar-rijammissjoni mal-pajjiżi ta' l-ENP kollha; jenfasizza l-bżonn li titjieb il-kapaċità tal-pajjiżi ta' l-ENP fl-immaniġġjar tal-flussi ta' migrazzjoni, fil-ġlieda effettiva kontra l-migrazzjoni illegali u biex jiżguraw li qed jiġu rispettati l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lill-UE u lill-pajjiż kollha ta' l-ENP biex jintensifikaw il-koperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, l-ittraffikar tal-bnedmin u l-ittraffikar tad-droga transkonfinali; jappoġġja l-interess tal-viċinat fl-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operattiva mal-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (Frontex) u l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Europol); jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' rijamissjoni bħal dawn tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipju tan-''non-refoulement'', u l-bżonn li jiġi żgurat l-aċċess għall-proċedura ta' asil ġust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex torganizza kontrolli effettivi fuq it-trattament tal-persuni rritornati skond il-ftehim tar-rijammissjoni stabbilit mal-pajjiżi ta' l-ENP, b'mod partikulari fir-rigward tal-possibilità ta' "chain refoulement";
15. Ifakkar li l-ENP tipprovdi qafas eċċellenti għal koperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali; jitlob sabiex ikun hemm koperazzjoni reġjonali mtejba fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u b'mod partikulari il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-persuni, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi kif ukoll il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; jikkunsidra li l-koperazzjoni reġjonali u l-bini ta' kollegamenti dwar tali kwistjonijiet jistgħu jibnu fuq l-esperjeza miksuba inter alia, fil-qafas tal-"Proċess ta' Söderköping", li jinkludi l-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina u, fuq in-naħa ta' l-UE, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Islovakkja u l-Iżvezja;
16. Jitlob b'urġenza lill-Istati Membri sabiex itejbu l-ipproċessar tal-viżi ħalli titħaffef il-mobilità u sabiex l-ivvjaġġar leġittimu fl-UE jkun anqas diffiċli, b'mod partikulari għall-gruppi bħalma huma l-istudenti, ix-xjenzati, in-negozjanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw b'mod effiċjenti l-problemi li jiffaċċjaw fis-servizzi konsulari tagħhom; iħeġġeġ it-twaqqif ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni ta' viża Schengen fil-pajjiżi ta' l-ENP;
17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fejn ikun xieraq, jidħlu f'negozjati bil-għan li jikkonkludu l-ftehim bilaterali mal-pajjiżi ta' l-ENP sabiex jiġi implimentat ir-reġim dwar it-traffiku fil-fruntiera lokali li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru. 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen (4);
18. Jilqa' b'interess il-proposta tal-Kummissjoni biex tfassal studju dwar il-vijabilità ta' 'Ftehim ta' Viċinanza dwar l-Enerġija' possibbli u għal dak il-għan iħeġġeġ lis-sħab ta' l-ENP sabiex jirrispettaw il-liġi internazzjonali u l-impenji li ħadu fis-swieq dinjija;
19. Jappoġġja djalogu u koordinazzjoni aħjar u iżjed azzjonijiet konġunti bejn l-UE u l-Istati Uniti fit-tmexxija 'l quddiem ta' għanijiet komuni bħall-promozzjoni tad-demokrazija, it-titjib tas-sigurtà ta' l-enerġija u t-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali fil-viċinat ta' l-UE;
20. Jenfasizza wkoll il-bżonn ta' l-involviment u l-ħidma mill-qrib mal-pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Liechtenstein) u l-Isvizzera u biex jagħmel użu sħiħ mill-esperjenza tagħhom ta' ħidma ma' l-Unjoni Ewropea;
21. Jenfasizza l-bżonn ta' livelli ta' finanzjament xierqa u koperazzjoni mill-qrib ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra sabiex il-politika tal-viċinat ikollha suċċess, u huwa tal-fehma li għandu jittieħed vantaġġ mir-reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013 ppjanata għall-2008-2009 sabiex jiżdied il-baġit ta' l-ENPI; jilqa' l-introduzzjoni tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat li tgħin biex jiġu mmobilitati l-fondi għall-imsieħba ta' l-ENP; jisħaq bis-saħħa fuq il-bżonn li jinżamm bilanċ ġenerali bejn il-partijiet tal-Lvant, tan-Nofsinhar ta' l-ENP, li jirrifletti l-ambizzjonijiet u l-objettivi ta' l-UE fir-reġjuni, l-effettività ta' l-għajnuna preċedenti u l-qies tal-popolazzjoni kkonċernata;
22. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkoordina r-riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet analitiċi fil-politika tagħha ma' dawk ta' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (il-Bank Ewropew ta'l-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji), sabiex toħloq sinerġiji bil-għan li jippromwovu u jistimulaw riformi fuq il-linji tal-pjanijiet ta' azzjoni ta' l-ENP;
23. Jilqa' l-kunċett motivanti tal-Faċilità tal-Governanza sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju ulterjuri lil dawk il-pajjiżi bl-aħjar rendiment; jinsisti li dan għandu jippremja l-progress reali li jsir f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika, ikun ibbażat fuq kriterji ta' allokazzjoni trasparenti, u jintuża biex ikompli jiġi appoġġjat il-proċess ta' riforma;
24. Jirrakkomanda sorveljanza mill-qrib u kostanti fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi stess, u li r-riżultati ta' din is-sorveljanza jintużaw bħala bażi biex jiġu determinati l-livelli ta' l-għajnuna;
Il-Viċinat tal-Lvant ta' l-Ewropa
25. Jinnota li, skond l-Artikolu 49 tat-Trattat Dwar l-Unjoni Ewropea, l-pajjiżi ġirien demokratiċi li jistgħu bla diffikultà jiġu identifikati bħala pajjiżi Ewropej u li jirrispettaw l-istat tad-dritt jistgħu, fil-prinċipju, japplikaw biex jissieħbu ma' l-UE, u li l-pass u l-profondità tal-proċess komuni Ewropew għandu jikkorrispondi kemm jista' jkun mal-kapaċitajiet ta' rigward l-implimentazzjoni tar-riformi adegwati u s-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet (il-Kriterji ta' Kopenħagen) fil-pajjiżi msieħba u fl-UE;
26. Itenni, filwaqt li jżomm dan f'moħħu, l-istqarrija ta' l-opinjoni fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2007 dwar mandat għan-negozjati għall-ftehim ġdid msaħħaħ bejn il-Kommunita' Ewropea u l-Istati membri tagħha fuq naħa u l-Ukraina fuq in-naħa l-oħra(5) li n-negozjati attwali ma' l-Ukraina għandhom jintemmu bil-konklużjoni ta' ftehim ta' assoċjazzjoni li tikkontribwixxi b'mod effettiv u kredibbli għall-prospettivi ta' l-Ukraina fl-Ewropa u tħejji l-proċess korrispondenti, inkluża l-possibiltà ta' sħubija fl-UE; huwa tal-fehma li għandu jittieħed approċċ korrispondenti fir-relazzjonijiet mal-Moldova, ladarba l-perjodu inizjali ta' għaxar snin tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ma dak il-pajjiż se jiskadi f'Ġunju 2008;
27. Jinnota l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistieden lill-Belarus sabiex jattendi għall-Konferenza ta' l-ENP fit-3 ta' Settembru 2007 bħala osservatur; madankollu, jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' reazzjoni pożittiva min-naħa tal-gvern tal-Belarus għall-offerta ta' koperazzjoni b'kundizzjoni maħluqa mill-Kummissjoni non-paper tagħha msemmija hawn fuq ta l-21 ta' Novembru -2006; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kontinwi li jitwettqu fil-Belarus, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jimponi l-piena kapitali, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet mill-awtoritajiet tal-Belarus, u jistidinhom biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha u biex iwaqqfu kwalunkwe oppressjoni tal-forzi demokratiċi, sabiex in-nies tal-Belarus ikunu jistgħu jibbenefikaw mil-libertà, id-demokrazija u l-integrazzjoni u mill-opportunitajiet kollha li jinħolqu permezz ta' integrazzjoni aktar mill-qrib ma' l-UE; jenfasizza li l-UE għandha tipprovdi mill-aktar fis appoġġ aktar effettiv għas-soċjetà ċivili, media ħielsa u partiti politiċi impenjati għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Belarus sabiex japplika moratorju fuq il-piena kapitali bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħija tal-piena kapitali, u sabiex jirratifika t-tieni Protokoll Mhux Obligatorju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli rilevanti tagħha; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tuża l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) b'mod iktar effettiv, u biex tiżgura li l-mezzi mogħtija mill-istrumenti finanzjarji ta' l-UE ma jistgħux jintużaw ħażin mill-gvern Belarussu kontra ċ-ċittadini Belarussi u s-soċjetà ċivili Belarussa;
28. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi kuntatt dirett fost in-nies billi tnaqqas l-ispejjeż attwali tal-viżi għall-Belarus, speċjalment għall-istudenti, l-istudjużi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bil-għan li dawn l-ispejjeż jiġu konformi ma' dawk tal-pajjiżi l-oħra ta' l-ENP bħall-Ukraina u r-Russja;
29. Jikkunsidra li l-Belarus għandu l-istess vokazzjoni u prospettivi Ewropej bħal dawk ta' l-Ukraina u l-Moldova, ladarba jħaddan id-demokrazija, jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jsaħħaħ l-istat tad-dritt;
30. Huwa konvint li għandu jitwaqqaf qafas motivanti b'miri ta' implimentazzjoni għal perjodu medju ta" żmien, ibbażat fuq ġenerazzjoni ġdida ta' ftehim ta' assoċjazzjoni li jridu jiġu nnegozjati mal-pajjiżi ta' l-ENP li jirrispettaw il-valuri fundamentali Ewropej, li huma lesti li jintegraw aktar mill-qrib ma' l-UE u li juru rendiment oġġettiv fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-ENP;
31. Huwa tal-fehma li dawk il-ftehim għandhom jaħsbu għall-iżvilupp tar-relazzjoni bilaterali ma' l-UE fi stadji progressivi, filwaqt li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet konkreti u skadenzi li jridu jiġu rrispettati, jiġu inklużi punti ta' riferenza li jorbtu għar-rendiment u li jridu jiġu speċifikati fil-pjan ta' azzjoni adottat b'mod konġunt, flimkien ma" proċess ta' monitoraġġ regolari; itenni l-proposta preċedenti tiegħu biex jiġu żviluppati ma" dawk il-pajjiżi identifikati b'mod ċar bħala Ewropej, ftehim dettaljati ta" kummerċ ħieles fil-kuntest ta" "Zona Ekonomika Ewropea Plus";
32. Ifaħħar il-konklużjoni tal-ftehim dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi u dwar ir-rijammissjoni ma' l-Ukraina, kif ukoll il-bidu ta' proċess bħal dan mal-Maldova, u jħeġġeġ li ftehim simili jiġi negozjat mal-pajjiżi fil-Kawkasu t'Isfel; huwa konvint li l-prospett ta' sistema li ma tirrikjedix il-viżi għandha tkun maħsuba fil-futur imbiegħed, u għandhom jiġu mfassla l-passi meħtieġa biex dan iseħħ; jenfasizza li fil-każ tal-Ġeorġja, il-progress tar-riformi u l-impatt negattiv mhux maħsub tal-ftehim dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi bejn l-UE u r-Russia fuq it-tmiem tal-kunflitti fir-reġjuni dissidenti Ġeorġjani ta' l-Ossetia t'Isfel u ta" l-Abkhazia jirrikjedi konklużjoni mgħaġġla tal-ftehim dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi bejn il-Ġeorġja u l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħloq mekkaniżmi ta' monitoraġġ effiċjenti, b'mod speċjali fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem suġġetti għal ftehim ta' rijammissjoni; jenfasizza l-importanza li jkun hemm garanziji xierqa ta' aċċess għal proċedura ta' kenn ġusta għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari meta jiġu applikati "l-proċeduri mgħaġġla ta' rijammissjoni" għal persuni li jiġu interċettati fir-reġjuni tal-fruntieri, kif imsemmi fil-ftehim ta' rijammissjoni ma' l-Ukraina u fil-proposta għal-ftehim ta' rijammissjoni mal-Moldova;
33. Jenfasizza l-importanza ta' l-implimentazzjoni intensiva tal-proġetti għat-trasport fir-reġjun li diġà jeżistu u li huma appoġġjati mill-UE, b'mod partikolari l-Medda ta' 'Trasport Ewropa-Kawkasu-Asja(TRASECA), il-proġett ta' trasport li jgħaqqad l-Ewropa, il-Kawkasu u l-Asja, filwaqt li jintuża l-potenzjal kollu tat-tranżitu tal-pajjiżi konċernati;
34. Jemmen li għandha sseħħ integrazzjoni gradwali tal-ġirien tal-lvant ta' l-UE fil-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija, u jħeġġeġ li riformi fis-setturi ta' l-enerġija jiġu implimentati bħala prijorità, filwaqt li jiġu infurzati l-prinċipji ta' ekonomija ta' suq miftuħ u tat-trasparenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet, l-aċċess għan-networks u l-effiċjenza ta' l-enerġija; jilqa" b'sodisfazzjon l-isforzi li saru sabiex tiġi inkluża s-sigurtà ta' l-enerġija b'konformità mal-PESK bħala wieħed mill-pedamenti ta' l-ENP;
35. Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni politika ta' l-ENP; huwa favur appoġġ aktar b'saħħtu għall-proġetti reġjonali ta' koperazzjoni politika bħall-Komunità ta' Għażla Demokratika, il-GUAM (Georgia, Ukraina, Azerbaijan u Moldova) u l-Organiżżazzjoni tal-Koperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC) sabiex jiġu promossi d-demokrazija, il-fiduċja, l-koperazzjoni multilaterali u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan ir-reġjun b'mod aktar effiċjenti;
36. Jenfasizza l-bżonn ta' parteċipazzjoni aktar b'saħħitha ta' l-UE fis-soluzzjoni ta' dawk li jissejħu konflitti ffriżati, inter alia permezz ta' programmi li jsaħħu l-kunfidenza, l-immaniġġjar ta' konflitt u ta' proġetti dwar l-edukazzjoni, il-kultura u l-bini ta' soċjetajiet ċivili f'territorji dissidenti; ifaħħar ix-xogħol tal-Missjoni ta'l-UE ta' assistenza lill-Ukraina u l-Moldova fuq il-Fruntieri (EUBAM) mal-fruntiera bejn; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw li bil-parteċipazzjoni fl-ENP, il-pajjiżi kkonċernati jimpenjaw ruħhom f'relazzjonijiet tajba mal-ġirien u li, sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal kollu ta' l-ENP, jorbtu lill-pajjiżi kkonċernati sabiex jagħmlu sforzi ġodda, friski u ġenwini ħalli jsibu soluzzjonijiet dewwiema u sostenibbli għall-kunflitti fir-reġjun u jżommu lura minn stqarrijiet li jqanqlu l-ġlied, it-theddid u l-azzjonijiet li jistgħu jkomplu jiddeterjoraw is-sitwazzjoni u jdgħajfu l-isforzi tal-komunità internazzjonali;
37. Jinkuraġġixxi lill-Ukraina, fi ħdan il-qafas tal-konformità tagħha mad-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-PESK ta' l-UE, biex tingħaqad mal-miżuri restrittivi li ħadet l-UE kontra t-tmexxija tar-reġjun tat-Transnistrija tal-Moldova, u b'hekk tagħti kontribut aktar sinifikanti għall-waqfien paċifiku tal-kunflitt fit-Transnistrija;
38. Jilqa" b'sodisfazzjon l-għajnuna mogħtija mill-ENPI għal miżuri biex tinbena l-fiduċja fil-Ġeorġja u fir-reġjuni dissidenti tagħha ta' l-Abkhazia u l-Ossetia t'Isfel; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra il-possibiltà li tingħata l-għajnuna, permezz ta' proġetti lokali għall-bini tal-fiduċja u għar-rijabilitazzjoni ekonomika, lin-Nagorno Karabakh bil-għan li tingħata għajnuna sabiex jintemm il-kunflitt f'dawk l-inħawi;
39. Jistieden lit-Turkija biex tibni relazzjonijiet diplomatiċi normali u biex terġa' tiftaħ il-fruntiera terrestri tagħha ma' l-Armenja bħala parti mill-miżuri għall-bini tal-fiduċja meħtieġa għall-paċi dejjiema u l-integrazzjoni ekonomika fir-reġjun; jitlob lit-Turkija u lill-Armenja biex jibdew diskussjoni sinċiera dwar il-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti;
40. Jenfasizza l-importanza li titfassal politika aktar sofistikata għaz-zona tal-Baħar l-Iswed, li tikkomplementa l-ENP, u jisħaq fuq l-importanza li t-Turkija u r-Russja jkunu msieħba fl-iżvilupp ta' strateġija vijabbli għal dak ir-reġjun;
41. Jikkunsidra li huwa importanti li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari ta" l-isħubija politika bejn il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi involuti fil-parti tal-lvant ta" l-ENP; għalhekk, jissuġġerixxi li titwaqqaf Assemblea Parlamentari ta" l-UE għall-Viċinat tal-Lvant (EURO-NEST), skond l-eżempju ta' l-assemblej parlamentari multilaterali li diġà twaqqfu bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, u li tinvolvi lill-Parlamenti ta" l-Ukraina, tal-Moldova, ta" l-Armenja, tal-Ġeorġja u ta" l-Azerbajġan, kif ukoll lil osservaturi favur id-demokrazija mill-Belarus;
42. Bil-ħsieb li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari, jinkoraġġixxi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw, b'koperazzjoni mal-gvernijiet tal-pajjiżi involuti fil-parti tal-lvant ta' l-ENP, pjattaforma għall-koperazzjoni multilaterali reġjonali fil-livell ministerjali, sabiex tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni politika ta' l-ENP fil-lvant ta' l-Ewropa;
43. Huwa konvint li tali assemblea u koperazzjoni ministerjali jikkontribwixxu b'mod utli għall-implimentazzjoni ta' l-ENP msaħħa u jġibu magħhom valur miżjud għall-ħidma tad-delegazzjonijiet bilaterali interparlamentari, billi jippermettulill-partijiet kollha interessati li jsaħħu l-koperazzjoni, is-solidarjetà u l-fiduċja f'xulxin, li jagħtu kontribut biex jintemmu l-kunflitti pendenti,u li jsaħħu d-djalogu regolari multilaterali dwar suġġetti ta' interess komuni b'dimensjoni reġjonali ċara, bħall-enerġija, l-ambjent, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, eċċ.;
44. Jenfasizza l-bżonn li tintuża sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja sabiex issir insistenza fuq il-fatt li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, il-liġi internazzjonali, l-għażla demokratika u l-istat tad-dritt jiġu rrispettati bħala prinċipji li jmexxu l-approċċ taż-żewġ imsieħba għall-viċinat komuni; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jassumu r-responsabiltà tagħhom li jgħinu fir-restawr ta' l-integrità territorjali tal-pajjiżi ta" l-ENP, biex ikunu konformi ma" l-obbligu tar-Russja li tħares l-minoranzi f'zoni fejn hija involuta f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi, u biex ma jopponux l-involviment Ewropew li huwa possibbli f'operazzjonijiet ċivili u militari għaż-żamma tal-paċi fiz-zoni ta" kunflitti li għadhom ma ssolvewx, kif mitlub minn xi partijiet konċernati; jiddispjaċih li r-riżorsi ta" l-enerġija jintużaw bħala għodda biex jintlaħqu objettivi politiċi; jistieden lir-Russja biex tibda djalogu kostruttiv ma" l-UE u mal-ġirien komuni tagħha dwar il-possibiltajiet ta" koperazzjoni multilaterali akbar fiz-zona tal-Baħar l-Iswed;
45. Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva sabiex jissaħħu strateġikament ir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-pajjiżi ta' l-ENP tal-Lvant, b'mod partikolari l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istrateġija adottata riċentement fl-Asja Ċentrali; iqis f'dan il-qafas li għandha tkun żviluppata koperazzjoni partikulari u b'kamp ta' applikazzjoni wiesa' bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali; jenfasizza li, minħabba l-irwol ewlieni fil-politika, l-ekonomija u l-enerġija tal-Kazakhstan f'dan ir-reġjun, kif ukoll l-istrutturi multi-entiċi, sekulari, distinti u ta' suċċess tiegħu, dan il-pajjiż għandu jkun l-eżempju ewlieni ta' relazzjoni msaħħa bejn dawk il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea, madankollu suġġett għall-kundizzjoni li Kazakhstan jwettaq riformi politiċi estensivi, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi;
46. Jinsisti li l-implimentazzjoni ta' l-ENP għandha tibqa' ħidma politika komuni għall-Istati Membri kollha ta' l-UE; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha titqies l-esperjenza unika tar-riformi marbuta mat-tranżizzjoni ta' dawk l-Istati Membri li ssieħbu ma' l-Unjoni Ewropea fis-seklu 21, sabiex jiġu żviluppati u rfinati iżjed il-mekkaniżmi l-ġodda li qed jaħdmu attwalment, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiżi ta' l-ENP;
Il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran
47. Jenfasizza r-rabtiet b'saħħithom u dejjiema bejn l-UE u l-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran u jisħaq fuq il-koperazzjoni mill-qrib li hija fl-interess taż-żewġ naħat;
48. Ifakkar li l-Ujoni Ewropea għandha tappoġġja u tinkoraġġixxi b'mod attiv il-proċess ta" riforma fil-pajjiżi tan-Nofsinhar imsieħba fil-ENP, minħabba li l-benefiċċji potenzjali tar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali profondi huma ħafna akbar mill-ispejjeż tagħhom; ifakkar ukoll li dan hu proċess gradwali, li jiddependi wkoll mill-involviment tal-pajjiżi msieħba sabiex iwettqu r-riformi;
49. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tesplora aktar fill-fond l-għażliet differenti possibbli għall-ġenerazzjoni li ġejja ta' ftehim b'miri wiesgħa mal-pajjiżi ta' l-ENP tan-Nofsinhar; jisħaq li f'dan il-ftehim għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi għat-twettiq tal-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinnota li dan il-ftehim bilaterali m'għandhux iwaqqaf aktar koperazzjoni multilaterali fir-reġjun, u b'mod partikolari s-segwitu ta" l-objettivi tal-Proċess ta' Barċellona, fosthom il-ħolqien ta' zona ta" kummerċ ħieles; jitlob lill-Istati Membri sabiex jirriflettu fuq il-metodi possibbli ta' kif jistgħu isaħħu l-koperazzjoni, anke permezz ta' aktar flessibilità bil-ftuħ tas-swieq tal-biedja u tax-xogħol fil-futur, b'mod kompatibbli mal-protezzjoni soċjali u l-ekwità; jistieden lill-pajjiżi ta' l-ENP tan-Nofsinhar biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ftuħ ta' sistemi ekonomiċi u fl-armonizzazzjoni tar-regoli ekonomiċi tagħhom ma" l-aspetti relevanti ta' l-acquis ta' l-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi Mediterranji jingħataw id-dritt li jikkontrollaw ir-ritmu li bih jinfetħu s-swieq tagħhom u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jikkunsidra li użu iżjed effettiv ta' l-ENPI għal proġetti reġjonali għandu jagħmel possibbli titjib fis-sitwazzjoni sabiex tiffavorixxi spazju ekonomiku reali reġjonali u integrat;
50. Ifakkar li d-drittijiet universali tal-bniedem huma fil-qalba tal-valuri ta' l-UE; jiddispjaċih għall-fatt li, sa mill-bidu tas-sħubija Ewro-Mediterranja (EMP), il-progress, minkejja li kien sostanzjali f'termini ta" demokrazija u drittijiet tal-bniedem ma kienx biżżejjed, u jitlob lill-Kummissjoni li tkompli bil-koperazzjoni tagħhom mal-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi konċernat; jenfasizza l-importanza tal-libertà ta' l-espressjoni fil-bini ta' kultura demokratika u fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi djalogi reali f'dan il-qasam u sabiex tiżviluppa b'mod attiv politiki u programmi edukattivi komuni għall-promozzjoni ta' l-għarfien reċiproku, it-tolleranza u d-drittijiet tann-isa, b'mod partikulari fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda; l-imsieħba tan-Nofsinhar għandhom, għal dan il-għan, ikunu aktar trasparenti u miftuħa għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; madankollu, huwa konvint, li d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem m'għandhomx iwaqqfu lill-UE milli tagħmel kritika pubblika u li tadotta miżuri oħra fil-każ ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali;
51. Jirrikonoxxi ċ-ċirkustanzi, l-interessi u l-prijoritajiet differenti ta' kull pajjiż tan-nofsinhar, li jitkkunsidrau fin-negozjati u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni; jenfasizza l-importanza kbira taż-żieda fil-koperazzjoni reġjonali fi ħdan il-qafas ta' l-EMP; jenfasizza li l-ENP bl-ebda mod ma jbiddel jew jikkompeti ma' l-EMP, imma li ż-żewġ politiki huma kumplimentari u jagħmluha possibbli li jgħaqqdu l-approċċ multilaterali tal-Proċess ta' Barċellona mal-prospettiva bilaterali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħha ħalli tiċċara r-rabta bejn iż-żewġ politiki, kemm mal-pajjiżi msieħba kif ukoll mal-pubbliku Ewropew;
52. Ifakkar li tinħtieġ rieda politika b'saħħitha min-naħa ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sabiex jipparteċipaw b'mod attiv fis-soluzzjoni tal-konflitt fir-reġjun, filwaqt li jevitaw li dawn il-kunflitti ixekklu l-iżvilupp ta' l-ENP; jenfasizza li l-ENP mhux se tilħaq il-potenzjal kollu tagħha jekk ma tinstabx soluzzjoni għall-konflitti li qed jagħmlu l-koperazzjoni reġjonali diffiċli jew impossibbli; ifakkar li jaqbel li t-tisħiħ ta" l-attivitajiet ta' l-ENP ikun jista" jwassal għal soluzzjoni tal-kunflitti u li l-attivitajiet jikkonċentraw fuq miżuri li bihom tinbena l-fiduċja, bħall-immaniġġjar tal-fruntieri, l-appoġġ għall-proċessi ta' rikonċiljazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-irwol importanti ta" l-istrument li jiffaċilita l-governanza fil-prevenzjoni u fit-tiftix ta" soluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn għall-koerenza u l-komplimentarjetà bejn l-ENP u strumenti oħra u oqsma oħra ta" azzjoni, kif ukoll analiżi tal-kunflitti strutturata u sensittività lejn il-kunflitti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l'-monitoraġġ tal-programmi;
53. Ifakkar li l-ENP, flimkien ma' l-EMP, tikkostitwixxi l-qafas għall-oqsma kollha ta' koperazzjoni; huwa tal-fehma li koperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet interessati għandha tkun possibbli u faċilitata; josserva li l-kunsiderazzjoni ta" inizjattivi ġodda għat-tisħiħ tal-koperazzjoni fil-Mediterran għandha, f'kull każ, timplika l-għotja ta' impetu ġdid lill-EMP, li teħtieġ riflessjoni serja dwar il-limiti u d-diffikultajiet esperjenzati f'dawn l-aħħar snin; jinsisti li l-Mediterran għandu jibqa' kwistjoni ta' interess politiku komuni għall-Istati Membri kollha; ifakkar dwar l-importanza ta" l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja; jenfasizza l-isperanza tiegħu li għad ikun possibbli li din l-istituzzjoni tiġi involuta fl-evalwazzjoni ta'l-iżvilupp tal-politiki Ewro-Mediterranji;
54. Jikkunsidra li huwa importanti li jiġu stabbiliti relazzjonijiet iżjed mill-qrib, anke permezz ta' relazzjonijiet ġodda, mal-pajjiżi li huma ġirien tal-ġirien tagħna, bħal ma huma l-pajjiżi tal-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf;
L-irwol tal-Parlament Ewropew
55. Itenni d-determinazzjoni tiegħu sabiex ikompli jagħmel kontroll profond ta" l-implimentazzjoni ta' l-ENP, billi juża s-setgħat tiegħu, inkluża s-setgħa baġitarja tiegħu, u billi jfittex id-djalogu mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-ENPI, kif ukoll ma' l-EIDHR, djalogu li beda fl-2007 u li għandu jkompli b'reviżjoni ppjanata għall-2009; għandu l-intenzjoni li jevalwa regolarment ir-rapporti tal-progress ta' l-ENP; madankollu jiddispjaċih bil-fatt li ma ġeix ikkonsultat dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' l-ENP, dwar l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħhom u dwar il-progress fid-diskussjonijiet fis-sottokumitati tad-drittijiet tal-bniedem;
56. Huwa konxju mill-irwol tiegħu li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta' l-opinjonijiet u bħala forum għad-dibattitu pubbliku, u bi ħsiebu jsaħħaħ il-koperazzjoni tiegħu mal-parlamenti u mas-soċjetajiet ċivili fil-pajjiżi ta' l-ENP; għalhekk jinpenja ruħu li juża d-delegazzjonijiet tiegħu għall-korpi interparlamentari b'mod iktar effettiv; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tad-dimensjoni mhux governattiva, b'mod partikolari tal-pjattaforma tas-soċjetà ċivili Ewro-Mediterranja, biex tissaħħaħ id-dinamika politika fil-pajjiżi msieħba tan-nofsinhar;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi kollha ta" l-ENP u tat-Turkija u l-Federazzjoni Russa.