Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0452/2007

Dibattiti :

PV 15/11/2007 - 9.2
CRE 15/11/2007 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 10.2
CRE 15/11/2007 - 10.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 206kWORD 42k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
Użbekistan
P6_TA(2007)0543RC-B6-0452/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Użbekistan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' qabel dwar l-Użbekistan tas-26 ta' Ottubru 2006(1),

–   wara li kkunsidra l-Karta Strateġika tal-Kummissjoni dwar l-Ażja Ċentrali (2007-2012),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Barranin tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra l-ittri, mibgħuta mill-President tiegħu Hans-Gert Pöttering lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Użbekistan, tal-15 ta' Mejju 2007 u tat-3 ta' Lulju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni li tistabilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' l-Użbekistan min-naħa l-oħra(2), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–   wara li kkunsidra l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehima fuq imsemmija,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-2005 u l-2006 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bnedmin fl-Użbekistan,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Barranin impona u estenda sanzjonijiet fuq l-Użbekistan wara l-ġrajjiet li seħħew f'Mejju ta' l-2005 f'Andijan,

B.   billi l-gvern Uzbek għadu ma indirizzax il-kundizzjonijiet kollha stipulati mill-Kunsill meta ġew applikati s-sanzjonijiet,

C.   billi l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Barranin fil-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2007 ġedded għal perjodu ta' tnax-il xahar l-embargo fuq l-armi, li kien stipulat fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/787/CFSP(3) u r-restrizzjonijiet fuq il-viżi għal individwi elenkati fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/338/CFSP(4),

D.   billi l-Kunsill, fl-istess okkażjoni, neħħa l-projbizzjoni fuq il-viżi għal uffiċjali mill-Użbekistan kif stipulatat fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/338/CFSP għal sitt xhur, sabiex jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' l-Użbekistan sabiex jieħdu passi pożittivi oħra biex itejbu l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem,

E.   billi matul l-2007 l-awtoritajiet Użbeki wrew ir-rieda li jidħlu fi djalogu ma' l-UE billi jniedu żewġ sensiliet ta' taħditiet minn esperti dwar il-ġrajjiet f'Andijan kif ukoll, għall-ewwel darba, rawnd ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Użbekistan;

1.  Jafferma mill-ġdid it-tħassib serju tiegħu dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan;

2.  Itenni mill-ġdid l-importanza tar-relazzjonjiet bejn l-UE u l-Użbekistan u jirrikonoxxi l-irwol kruċjali ta' l-Użbekistan fir-reġjun ta' l-Ażja Ċentrali, iżda jenfasizza li dawn ir-relazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq rispett reċiproku tal-prinċipji tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, kif stipulat b'mod ċar fil-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan;

3.  Jirrimarka li l-politika ta' sanzjonijiet immirati ma wasslitx għal riżultati pożittivi sa issa; għalhekk iqis li huwa ġustifikat li wieħed iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' l-Użbekistan billi jneħħi l-projbizzjoni fuq il-viżi għall-uffiċjali Użbeki kif stipulat fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/338/CFSP għal sitt xhur;

4.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex wara sitt xhur jissorvelja u jevalwa b'mod ċar l-effeti ta' din il-miżura fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Użbekistan u possibilment ifassal il-konklużjonijiet rilevanti fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni;

5.  Jilqa' bil-ferħ il-progress ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Użbekistan li sar matul l-2007;

6.  Jinnota b'mod partikulari r-rieda li wrew l-awtoritajiet Użbeki li jidħlu fi djalogu ma' l-UE billi jniedu żewġ sensiliet ta' taħditiet minn esperti dwar il-ġrajjiet f'Andijan kif ukoll, għall-ewwel darba, rawnd ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Użbekistan;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex jagħmlu aktar progress fil-qasam tad-drittjiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi internazzjoni tagħhom favur il-libertajiet fundamentali, il-libertà ta' l-istampa u tal-midja kif ukoll l-istat tad-dritt;

9.  Juri t-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut mill-Ministeru tal-Ġustizzja fl-Użbekistan li jirrikonoxxi uffiċjalment l-Uffiċċju tal-Human Rights Watch, u jitlob lill-awtoritajiet Użbeki biex iqisu din id-deċiżjoni mill-ġdid sabiex juru l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili f'pajjiżhom;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' l-Użbekistan biex jeħles il-ħmistax-il difensur Użbek tad-drittijiet tal-bniedem billi għall-UE l-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa kwistjoni ewlenija tal-politiki esterni tagħha, b'mod partikulari permezz tal-Linji ta' Gwida ta' l-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottati fl-14 ta' Ġunju 2004;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għall-Ażja Ċentrali, lill-Gvern u lill-Parlament ta' l-Użbekistan u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p.466.
(2) ĠU L 229, 31.8.1999, p.3.
(3) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/787/CFSP tat-13 ta' Novembru 2006 li ġġedded ċerti miżuri restrittivi kontra l-Użbekistan (ĠU L 318, 17.11.2006, p.43).
(4) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/338/CFSP ta' l-14 ta' Mejju 2007 li ġġedded ċerti miżuri restrittivi kontra l-Użbekistan (ĠU L 128, 16.5.2007, p.50).

Avviż legali - Politika tal-privatezza