Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0454/2007

Dibattiti :

PV 15/11/2007 - 9.3
CRE 15/11/2007 - 9.3

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 10.3

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 212kWORD 51k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2007 - Strasburgu
Somalja
P6_TA(2007)0544RC-B6-0454/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar is-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni, Javier Solana, u tal-Kummissarju Louis Michel,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija ta' Tħassib rigward il-katastrofi umanitarja li qed tinfirex fis-Somalja ffirmata minn 40 NGOs internazzjonali u nazzjonali.

–   wara li kkunsidra l-pjan tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali mressaq fir-Riżoluzzjoni 1744 (2007), adottata mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU fl-20 ta' Frar 2007, wara r-rebħa ta' l-Etopja fuq l-Unjoni tal-Qrati Iżlmiċi,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa Għolja UE-Afrika li se ssir fl-Liżbona fit- 8 u d-9 ta' Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi nqatlu mill-inqas 80 persuna fil-ġlied reċenti bejn ir-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u t-truppi alleati ta' l-Etjopja u tal-Gvern Federali ta' Tranżizzjoni (TFG),

B.   waqt li jfakkar li s-Somalja ilu ma jkollha gvern li jiffunzjona sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Siad Barre u minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni politika hija waħda ta' anarkija, ikkaratterizzata bi ġlied bejn gruppi interni u brigantaġġ,

C.   billi l-Kommissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jikkalkula li mill-inqas 100,000 ruħ kienu spustati minħabba l-ġlied reċenti bejn l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u t-truppi alleati ta' l-Etjopja u t-TFG; billi dan il-ġlied ikkawża t-telf ta' ħajjiet ta' bosta nies ċivili; billi s-sigurtà tal-bqija tal-popolazzjoni qiegħda tikkawża tħassib kbir,

D.   billi l-istat tas-sigurtà fil-belt kapitali tas-Somalja, Mogadishu, li sejjer mill-ħażin għall-agħar, żamm lill-NGOs nazzjonali u internazzjonali milli jlaħħqu mal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ kif ukoll milli jirreaġixxu għall-emerġenzi,

E.   billi skond l-Unità ta' l-Analiżi tas-Sikurezza ta' l-Ikel, madwar 38 000 tifel u tifla taħt il-ħames snin fost il-popolazzjoni rurali huma stmati li huma nieqsa mill-ikel b'mod gravi u madwar 10,000 huma stmati li huma nieqsa mill-ikel b'mod serju u jinsabu fir-riskju tal-mewt jekk ma tingħatalhomx il-kura xierqa,

F.   billi kienu kkonfermati każijiet ta' kolera fir-reġjun; u għalhekk huwa kruċjali li jkun hemm miżuri urġenti biex jiġi provdut ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet ta' sanità għall-persuni spustati internament biex jitrażżan it-tixrid tal-marda,

G.   billi skond l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni ta' l-Affarijiet Umanitarji (OCHA) fis-Somalja - madwar 450 000 ruħ ġew spustati minħabba l-ġlied fl-2007, biex b'hekk it-total tal-persuni spustati fis-Somalja huwa ta' aktar minn 850 000, fosthom madwar 400 000 persuna minn meta bdiet il-gwerra ċivili fis-snin 90,

H.   billi minn popolazzjoni ta' 10 miljun abitant, madwar 1.5 miljun Somali jeħtieġu għajnuna internazzjonali,

I.   billi hu mħasseb bil-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u l-proċess ta' rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll bis-sigurtà u bl-istabilità tal-Qarn ta' l-Afrika kollu kemm hu,

J.   billi Ali Mohammed Gedi, il-Prim Ministru tas-Somalja, irriżenja wara ġlieda mal-President, Abdullahi Yusuf Ahmed; billi dan ħarrax l-intopp politiku fil-pajjiż,

K.   billi r-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi bbojkotjaw laqgħa ta' rikonċiljazzjoni mnedija mill-gvern tranżizzjonali x-xahar li għadda; billi l-Prim Ministru ta' l-Etjopja, Meles Zenawi, qal li t-truppi ta' l-Etjopja jirtiraw meta membri ta' l-Unjoni Afrikani għaż-żamma tal-paċi jaslu f'Mogadishu,

L.   billi r-ribelli ta' l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi jeskludu kull kuntatt politiku mat-TFG sakemm l-armata ta' l-Etjopja tibqa' fis-Somalja, billi t-tul ta' l-intervent ta' l-Etjopja qiegħed ikompli jikkomplika l-qagħda fir-reġjun, l-istess bħal ma qiegħed jagħmel l-appoġġ allegat ta' pajjiżi oħra għall-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi - b'referenza speċifika għall-Eritrea,

M.   billi dawk li wettqu l-biċċa kbira tal-qtil ta' ġurnalisti individwali fl-2007 għadhom mhux magħrufa u sa llum uffiċjali tal-gvern tas-Somalja baqgħu ma kkundannawx dan il-qtil, inqas u inqas investigaw, arrestaw jew ipproċedew kontra xi ħadd b'rabta mal-qtil,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-liġijiet umanitarji internazzjonali u tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt tas-Somalja; jitlob biex ikun hemm waqfien tal-ġlied minnufih; jitlob li l-fazzjonijiet kollha mdaħħla fil-ġlied jieqfu milli jagħmlu attakki bla distinzjoni fuq nies ċivili u jitlob biex ikun hemm bord indipendenti biex jinvestiga r-reati tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandhom r-responsabilità li jħarsu n-nies ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza, u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; jesiġi, għalhekk, li mill-aktar fis jinħolqu l-kundizzjonijiet tajba biex ikun hemm rispons adegwat għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

3.  Iwissi li sakemm ma jittiħdux miżuri ibsin u f'waqthom mill-komunità internazzjonali bil-qagħda tistabilizza ruħha u titjieb bil-mod il-mod, hemm riskju ċar li l-kunflitt fis-Somalja jeskala għal gwerra reġjonali li teffettwa l-Qarn ta' l-Afrika kollu kemm hu;

4.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex iżżid u ssostni l-isforzi diplomatiċi biex tintemm il-vjolenza li għadha għaddejja u tipproponi li jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti biex jiġi nnegozjat u mmonitorjat waqfien mill-ġlied immedjat;

5.  Jistieden lit-TFG biex jikkomunika mal-partijiet ewlenin Somali interessati u jibda proċess konsultattiv li jwassal għall-ħatra ta' Prim Ministru ġdid; iħeġġeġ lill-partijiet Somali interessati kollha biex iġeddu l-isforzi tagħhom għal djalogu politiku u biex jibqgħu ffukati ħalli jinbeda l-proċess imfassal mill-Karta Federali ta' Tranżizzjoni tar-Repubblika Somala fl-2004; jenfasizza li djalogu u rikonċiljazzjoni li jirnexxu huma kruċjali sabiex ikun żgurat li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti fl-2009 biex jiġu stabbiliti paċi u stabilità dejjiema fis-Somalja;

6.  Jitlob il-waqfien ta' kull intervent militari barrani fis-Somalja;

7.  Jitlob tisħiħ ta' l-irwol tas-soċjetà ċivili - partikolarment tan-nisa - fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

8.  Jilqa' l-isforzi ta' l-Unjoni Afrikana biex tgħaqqad forża għaż-żamma tal-paċi sabiex tgħin fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali iżda jiddeplora l-fatt li s'issa ntbagħtu 1600 biss mit-8000 suldat li l-Unjoni Afrikana kienet ftiehmet li tibgħat; għaldaqstant jistieden lill-Unjoni Afrikana sabiex tħeġġeġ il-membri tagħha ħalli jżommu l-impenji li ħadu għall-kontribuzzjoni tal-forza għaż-żamma tal-paċi; f'dan ir-rigward jistieden lill-UE sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi l-appoġġ politiku, finanzjarju u loġistiku neċessarju għat-tqassim tat-truppi taż-żamma tal-paċi ta' l-Unjoni Afrikana, kif ukoll biex tieħu l-passi kollha l-oħra li jwasslu għall-iffaċilitar tal-proċess ta' paċi;

9.  Jistieden lill-komunità internazzjonali sabiex issaħħaħ l-isforzi diplomatiċi tagħha lejn il-paċi u l-istabilità fis-Somalja u biex tevita perċezzjonijiet simpliċistiċi tad-theddid terroristiku fil-Qarn ta' l-Afrika, li ġieli ntużaw sabiex titwarrab l-attenzjoni mill-problemi interni u biex titwitta t-triq għall-intervent militari barrani;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Grupp ta" Kuntatt Internazzjonali għas-Somalja, li hu magħmul mill-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Italja, it-Tanzanija u oħrajn, sabiex iħeġġeġ żviluppi politiċi pożittivi u parteċipazzjoni mal-partijiet interessati fis-Somalja, bil-għan li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-Karta Federali ta" Tranżizzjoni u l-Istituzzjonijiet, biex tiġi stabbilita governanza u stabblità effettivi u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet internazzjonali tal-komunità fir-rigward tat-terroriżmu;

11.  Jitlob lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE sabiex iżidu d-dispożizzjoni ta' l-għajnuna umanitarja għall-persuni internament spustjati u dawk fil-bżonn;

12.  Iħeġġeġ l-applikazzjoni stretta u mġedda u l-monitoraġġ ta' l-embargo fuq l-armi kontra s-Somalja, impost min-NU fl-1992, u li ftit li xejn jiġi rispettat; jitlob li dawk li jiksru l-embargo ta' l-armi fis-Somalja jibdew jitqiesu responsabbli;

13.  Jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn urġenti li jiġu protetti l-ġurnalisti u jikkundanna t-tkasbir sistematiku tat-TFG fir-rigward tal-ġurnalisti, l-għeluq tal-positjiet tal-midja tiegħu u l-falliment tiegħu fir-rigward ta' l-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalisti, li kollha kemm huma għamlu ħsara kbira lir-rappurtaġġ indipendenti fis-Somalja; jistieden lit-TFG biex jinvestiga dawn l-attakki kif ukoll biex iwaqqaf it-tkasbir minnu stess tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

14.  Isejjaħ lil-Laqgħa Għolja UE-Afrika biex jagħti konsiderazzjoni urġenti lis-sitwazzjoni gravi li teżisti bħalissa fis-Somalja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali ta' l-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-Awtorità Intergovernamentali għall-Iżvilupp (IGAD), lill-President tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja, lill-Gvern ta' l-Etopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza