Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2196(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0454/2007

Testi mressqa :

A6-0454/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2007 - 9.15
CRE 11/12/2007 - 9.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0592

Testi adottati
PDF 241kWORD 68k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu
Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi
P6_TA(2007)0592A6-0454/2007

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar Green Paper: Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi (2007/2196(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Novembru 2006 dwar il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2006)0712),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0454/2007),

A.   billi r-rappreżentazzjoni ta' l-Istati Membri fil-pajjiżi terzi hija inugwali ħafna;

B.   billi tliet pajjiżi biss mid-dinja kollha (iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti) jiddisponu minn rappreżentazzjoni diplomatika u konsulari għal kull Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, u billi massimu ta'10 Stati Membri huma rappreżentati f'107 pajjiż, u billi f'ċerti destinazzjonijiet iffrekwentati minn ħafna nies bħalma huma l-Maldives, din ir-rappreżentazzjoni hija non-eżistenti,

C.   billi madankollu, minħabba l-isplużjoni tan-numru ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jivvjaġġaw - 180 miljun biljetti tat-trasport mibjugħa fl-2006 - jew li joqogħdu barra mill-Unjoni, il-preżenza Ewropea permezz tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tista' tiġi meqjusa fi sforz komuni ta' reċiprokar ta' riżorsi sabiex jiġu kumpensati l-limitazzjonijiet tan-networks konsulari u diplomatiċi fl-Istati Membri,

D.   billi f'dan il-qasam l-acquis communautaire huwa ftit żviluppat u hu limitat għad-Deċiżjoni 95/553/KE tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, fil-laqgħa fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea mir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari(1) u għall-iskambji ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-COCON, il-grupp ta' ħidma fi ħdan il-Kunsill ta' l-Unjoni inkarigat mill-koperazzjoni konsulari u li għandu bħala objettiv l-iskambji ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki nazzjonali,

E.   billi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, fil-forma ta' Green Paper, hija intenzjonata li tikkonkretizza l-Artikolu 20 tat-Trattat KE (li ġeneralment mhuwiex meqjus ) skond liema, fl-assenza ta' ambaxxata jew post konsulari ta' l-istess Stat Membru ta' ċittadin f'pajjiż terz, kull ċittadin ta' l-UE għandu jinqeda mill-protezzjoni diplomatika u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor rappreżentat f'dak il-pajjiż tertz, bi qbil mal-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u taħt l-istess kundizzjonijiet bħala ċittadini ta' dak l-Istat,

F.   billi jekk tagħmel dan, il-Kummissjoni:

   - tkun qed tirrifletti l-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea li stabbiliet id-dritt tal-protezzjoni konsulari u diplomatika bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni,
   - tkun qed tilħaq l-obbligu għal reviżjoni mistennija wara 5 snin mid-Deċiżjoni 95/553/KE li daħlet fis-seħħ f'Mejju 2002,
   - tkun qed tantiċipa l-pubblikazzjoni tal-Ħames Rappport tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza fl-Unjoni, okkażjoni tajba biex jiġu mħabbra inizjattivi li permezz tagħhom il-protezzjoni konsulari tkun tista' titmexxa 'l quddiem.

G.   billi madanakollu l-qafas legali eżistenti s'issa kien qed jiġi interpretat b'mod ristrett, fejn il-protezzjoni diplomatika jew konsulari kienet tinsab fil-qasam strett tar-relazzjonijiet intergovernattivi rregolat mill-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1963 iżjed milli mill-Artikolu 20 tat-Trattat,

H.   billi l-protezzjoni diplomatika u konsulari m'għandhiex titħawwad b'mod partikolari mal-funzjonijiet tar-reġistrar pubbliku jew tan-nutar li ħafna drabi jaqgħu taħt ir-responsabilità tar-rappreżentanti konsulari,

I.   billi fil-fatt hemm differenzi fin-natura, fl-istruttura u relatati ma' l-implimentazzjoni ta' dawn il-proċeduri bejn il-protezzjoni diplomatika u dik konsulari, peress li jekk dik konsulari tista' tkun, għallinqas f'ċerti każi, obbligatorja, il-protezzjoni diplomatika dejjem kienet regolata minn setgħa diskreta, u għalhekk għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-protezzjoni konsulari u diplomatika fl-istrumenti legali rispettivi,

J.   billi, bil-kontra, it-Trattat ta' Maastricht ħoloq ċittadinanza Ewropea derivata miċ-ċittadinanza ta' l-Istati Membri, u sabiex jiġi organizzat dak il-kunċett, ikun mixtieq li tintlaħaq protezzjoni komparabbli għaċ-ċittadini kollha nisa u rġiel indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom,

K.   billi minn dan il-lat, għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet għal reviżjoni tad-Deċiżjoni 95/553/KE bil-għan li tiġi estiża mingħajr telf ta' żmien u l-protezzjoni diplomatika għandha tiġi inkluża fl-iskop ta' din id-Deċiżjoni b'mod mhux ambigwu,

L.   billi l-Istati Membri diġa qed jieħdu inizjattivi - bħalma huma "l-Istat Pilota" u eżerċizzji konġunti ta' simulazzjoni - li jippermettu rispons aħjar fl-eventwalita ta' kriżi u/jew ċirkostanzi eċċezzjonali u li għalihom tista' tikkontribwixxi l-Kummissjoni permezz ta' evalwazzjonijiet,

M.   wara li kkunsidra l-eżistenza ta' networks li għadhom ġew esplojtjati ftit - bħalma hija dik tal-Konsli Onorarji - li xorta waħda jirrappreżentaw riżors sinifikanti li għalihom għandha tiġi allokata l-għajnuna meħtieġa,

N.   billi permezz tat-Trattat ta' Liżbona jinħoloq Servizz ta' l-Affarijiet Barranin Ewropew bil-kompentenzi u r-responsabilitajiet tiegħu stess,

1.  Japprova bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrifjuta interpretazzjoni mhux qawwija ta' l-Artikolu 20 tat-Trattat KE u li hija maħsuba biex tħejji l-pediment għal dritt armonizzat u ġenwin għal protezzjoni diplomatika u konsulari għal kull ċittadin Ewropew;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lis-Servizz Legali tagħha jittratta l-kwistjoni dwar jekk it-Trattat KE jew it-Trattat UE jinkludux bażi legali għall-approssimazzjoni tar-regolamenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni diplomatka u konsulari;

3.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex twaqqaf strateġija ambizzjuża fuq perjodu twil ta' żmien fejn l-informazzjoni u l-komunikazzjoni se jkunu elementi ewlenin;

4.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha, mingħajr ebda telf ta' żmien, tipproponi lill-Kunsill - lil hinn mill-kundizzjoni li tirraporta darba kull tliet snin dwar iċ-ċittadinanza ta' l-UE, skond l-Artikolu 22 tat-Trattat KE - li jiġu adottati kunċetti komuni u linji gwida li jorbtu li jippermettu li jinħolqu standards komuni fil-qasam tal-protezzjoni konsulari;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issa stess tibda l-ħidma fuq struttura razjonalizzata li tippermetti r-reċiprokar immedjat ta' riżorsi kif ukoll intensifikazzjoni fl-iskambju ta' l-aħjar prattiki permezz ta' twettiq immedjat ta' inventorju dwar ir-riżorsi relevanti kollha, pubbliċi u privati, li huma disponibbli u li jistgħu jiġu direzzjonati, u permezz tat-twaqqif ta' forom varji ta' koperazzjoni bejn il-ħafna partijiet li fir-rispons tagħhom għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, taw il-kontribut tagħhom volontarjament għall-proġett (Stati Membri kif ukoll Konsli Onorarji, awtoritajiet lokali u NGOs);

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni, b'mod partikulari billi:

   • tistabbilixxi numru tat-telefown ta" emerġenza Ewropew li jkun uniku li jkun jidher fil-passaport taċ-ċttadini ta" l-Unjoni flimkien ma" l-Artikolu 20 tat-Trattat KE u li jippermetti lil kwalunkwe ċittadin Ewropew jkun konness ma' ċentru ta' l-informazzjoni li jipprovdi lilu tagħrif sħiħ fil-każ ta' sitwazzjoni kritika li tibda tmexxi l-proċess ta' protezzjoni konsulari - b'mod partikulari lista aġġornata ta' l-ambaxxati u l-konsulati ta' l-Istati Membri li huwa intitolat li jikkuntattja; dan in-numru jista" jkun ċentralizzat fi Brussell u ġestit mill-Kummissjoni;
   · tqajjem kuxjenza fost il-professjonisti involuti fiż-żjarat (għal perjodu ta' żmien qasir jew twil) ta' ċittadini ta' l-UE f'pajjiżi terzi billi tqassam fuljetti imfassla speċifikament skond il-qasam ta' l-attivita tagħhom;
   · tat-tfassil ta" rakkomandazzjoni dwar il-prattiki tajba fil-qasam tal-kitba ta" avviżi lill-vjaġġaturi, sabiex dawn ikunu miktuba b'mod ċar u mingħajr ambigwità;
   · toħloq u tkun responsabbli għal website armonizzata li tinkludi informazzjoni għal dawk li jivvjaġġaw u li tiġbor u/jew tissintesizza l-pariri minn kull Stat Membru għal min qed jivvjaġġa;
   · titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta" l-Unjoni li jkunu qed jivvjaġġaw barra l-Unjoni, b'mod partikulari fl-ajruporti, fil-portijiet, permezz ta" aġenti u operaturi ta" l-ivvjaġġar, għal biljetti tas-safar u permezz ta' aġenziji nazzjonali involuti fl-ivvjaġġar u fit-turiżmu;
   · tal-ħolqien ta' grupp ta" ħidma, kompost minn rappreżentanti ta" l-isitituzzjonijiet Ewropej u ta'diplomatiċi bi kwalifiki għolja minn kull Stat Membru li jippermetti l-iskambji ta' informazzjoni dwar l-evalwazzjoni, minn kull Stat Membru, tar-riskju ta" l-ivvjaġġar f'pajjiżi terzi u sabiex jaħdem għal approċċ komuni fil-qasam ta" l-avviżi lill-vjaġġaturi;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fejn titlobhom biex jirriproduċu l-Artikolu 20 tat-Trattat KE fil-passaporti taċ-ċittadini tagħhom;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, ladarba t-Trattat ta' Liżbona jiġi rratifikat, tippreżenta proposta għall-emendi għad-Deċiżjoni 95/553/KE lill-Parlament Ewropew sabiex din id-Deċiżjoni tinkludi:

   - il-protezzjoni diplomatika,
   - l-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet tal-mejtin,
   - simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti bil-quddiem ta' flus;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex testendi l-protezzjoni konsulari lill-membri tal-familji ta' ċittadini Ewropej li jkunu ċittadini ta" pajjiżi terzi, kif ukoll lil refuġjati rikonoxxuti u persuni bla ċittadinanza u persuni oħra li m'għandhomx nazzjonalità ta" ebda pajjiż li jgħixu fi Stat Membru u li għandhom dokument tas-safar maħruġ minn dak l-Istat Membru;

10.  Jitlob li jittieħdu l-miżuri adegwati sabiex tiġi żgurata u msaħħa l-effettività ta" l-assistenza ġuridika liċ-ċittadini Ewropej f'każ ta" arrest jew detenzjoni f'pajjiż terz;

11.  Japprova bis-sħiħ l-inizjattiva li diġa ġiet imħabbra fir-rapport Barnier rigward it-twaqqif ta' "uffiċċji konġunti" fl-erba' zoni ta' "eżaminazzjoni" (il-Karibew, il-Balkani, l-Oċeanu Indjan u l-Afrika tal-Punent) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-istess żmien li jiġu mwaqqfa l-"uffiċċji konġunti", tniedi kampanja ta' informazzjoni mmirata lejn iċ-ċittadini ta' l-UE li joqogħdu f'dawn iz-zoni sabiex ikun żgurat li dawn jagħmlu r-reġistrazzjonijiet formali kollha meħtieġa;

12.  Jikkunsidra li, sakemm jitwettqu dawn l-uffiċċji konġunti li se jirriformaw il-ħidmiet konsulari kollha li huma l-aktar importanti (ħruġ ta' visas, leġiżlazzjoni ta' dokumenti, eċċ.) il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-isforzi li qed isiru mill-Istati Membri sabiex tikber il-koperazzjoni tagħhom, b'mod partikulari:

   · fil-qasam ta" l-evalwazzjoni u l-analiżi ta' eżerċizzji u simulazzjonijiet realizzati fi ħdan il-patronaġġ ta' Stati "pilota" sabiex jinkiseb aktar titjib fil-kapaċitajiet tagħhom ta' koordinament u reazzjoni fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, b'ħidma favur viżibilità aħjar tal-proċeduri applikabbli fil-qasam ta" l-implimentazzjoni ta" din l-inizjattiva ta" Stat pilota kif ukoll favur konsultazzjoni akbar mal-partijiet terzi interessati, b'mod partikulari l-persuni li jaħdmu fil-qasam tat-trasport u tat-turiżmu;
   · fil-qasam tal-koordinament u l-provvediemnt ta' kapaċita loġistika u riżorsi ta' protezzjoni ċivili;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fejn ikun possibbli tirrikorri għat-taħriġ u t-teknoloġija sabiex tirranġa ċertu nuqqasijiet u/jew sabiex tagħmel l-aħjar użu minn ċerti riżorsi li s'issa għadhom mhux esplojtjati biżżejjed; minn dan il-lat, il-Kummissjoni għandha b'mod partikulari tiddirezzjona r-riżorsi tagħha sabiex tiffinanzja korsijiet speċifiċi ta' taħriġ mogħtija minn diplomatiċi u persunal konsulari ta' esperjenza mill-Istati Membri għall-benefiċċju ta' Konsli Onorarji li diġa huma stabbiliti f'pajjiżi terzi; dan it-tip ta' taħriġ għandu mbagħad jingħata lill-persunal ta' l-Unjoni ukoll malli l-"uffiċċji konġunti" u d-delegazzjonijiet ta' l-Unjoni ikunu verament responsabbli għax-xogħlijiet konsulari li bħalissa huma esklussivament f'idejn ir-rappreżentazzjonijiet ta' l-Istati Membri;

14.  Jinnota li f'diversi okkażjonijiet il-proċeduri għall-għoti ta" għajnuniet ekonomiċi jiġu mxekkla mid-diversi konsultazzjonijiet li jkollhom isiru, u dan joħloq diffikultà oħra għall-faċilitazzjoni ta" għajnuna ċara għaċ-ċittadini ta" l-Unjoni li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni ta" emerġenza f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja l-possibilità ta" simplifikar u unifikazzjoni ta" dawk il-proċeduri ta" għotja ta" għajnuniet;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilitajiet u l-implikazzjonijiet li l-ħolqien ta' Servizz ta' l-Affarijiet Barranin Ewropew, kif inhu previst fil-qafas tat-Trattat ta' Liżbona, jista' jkollu fuq il-protezzjoni konsulari u diplomatika;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.

Avviż legali - Politika tal-privatezza