Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2109(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0467/2007

Testi mressqa :

A6-0467/2007

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 12/12/2007 - 3.7
CRE 12/12/2007 - 3.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0606

Testi adottati
PDF 247kWORD 75k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu
Organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura
P6_TA(2007)0606A6-0467/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura (2007/2109(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura(1),

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-29 ta' Settembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 (COM(2006)0558),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 1998 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsilll u lill-Parlament Ewropew dwar il-futur tas-suq tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni Ewropea: responsabilità, sħubija u kompetittività(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 1998 dwar l-industrija tal-priserv tal-prodotti tal-ħut u ta' l-akwakutlura fl-Unjoni Ewropea(3),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 1999 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2002 dwar l-industrija ta' l-ipproċessar tal-ħut(5),

-   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad- 9 ta' Marzu 2006 dwar it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd (COM(2006)0103),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar it-titjib tal-qagħda ekonomika ta" l-industrija tas-sajd(6),

-   wara li kkunsidra d-dokument ta" ħidma tal-Kumitat għas-Sajd tal-5 ta" Ġunju 2007(7) dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 104/2000,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0467/2007),

A.   filwaqt li jafferma mill-ġdid l-importanza strateġika tas-settur tas-sajd għas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, għal fornimenti regolari tal-ħut u għall-bilanċ ta' l-ikel ta' numru ta' Stati Membri u ta" l-Unjoni Ewropea nfisha; filwaqt li jfakkar il-kontribuzzjoni kruċjali li s-settur tas-sajd għamel għall-koeżjoni ekonomika u soċjali billi ta spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet kostali u ppreserva u ħoloq attività ekonomika u impjiegi kemm upstream u kif ukoll downstream, speċjalment f'reġjuni u komunitajiet anqas iffavoriti, kif ukoll għall-preservazzjoni ta' tradizzjonijiet kulturali lokali,

B.   billi l-organizzazzjoni komuni tas-suq (COM) tal-prodotti tas-sajd kienet l-ewwel element tal-politika komuni tas-sajd (CFP) li nħoloq, fl-1970, u minn dak iż-żmien saret waħda mill-erba' pilastri tagħha, flimkien mal-politika strutturali, il-preservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi,

C.   billi l-COM tal-prodotti tas-sajd għaddiet minn żewġ reviżjonijiet ewlenin, l-ewwel fl-1981 - li naqqset ir-rimi tal-ħut u introduċiet għajnuniet għall-carry-overs - u t-tieni fl-2000 - li skoraġġiet b'mod sinifikanti r-rimi tal-ħut u saħħet l-irwol ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-immaniġġjar tal-produzzjoni u l-intervent fis-suq,

D.   billi l-għanijiet ewlenin - li għadhom ma ntlaħqux - tal-COM tal-prodotti tas-sajd u l-akwakultura għandhom jiżguraw swieq stabbli għall-prodotti tas-sajd u għandhom jiżguraw dħul ġust għall-produtturi,

E.   billi l-COM tal-prodotti tas-sajd trid tipprovdi reazzjoni għal suq ikkaratterizzat minn żbilanċi strutturali ewlenin fil-kumerċjalizzazzjoni, fid-distrubuzzjoni u l-ipproċessar, fil-prezzijiet u fid-drawwiet tal-konsumatur,

F.   billi s-sistema eżistenti fejn l-ewwel bejgħ tal-ħut isir bl-irkant, kif ipprattikat fil-parti l-kbira ta" l-Istati Membri, għandha t-tendenza li tiżvantaġġja lill-produtturi, li jistgħu jispiċċaw ikollhom qligħ li jkun għaxar darbiet inqas minn dak tad-distributuri finali,

G.   billi l-COM tal-prodotti tas-sajd stabbiliet serje ta' mekkaniżmi ta" intervent fis-suq għall-appoġġ fil-prezzijiet u r-regolazzjoni tal-fornimenti tal-ħut, bil-għan ikun li l-konċentrazzjoni tal-forniment tiġi promossa permezz ta" appoġġ għall-ħolqien ta' organnizzazzjonijiet tal-produtturi, li l-irwol tagħhom fl-intervent fis-suq ġie msaħħaħ anke jekk il-miżura ma ġietx akkumpanjata mill-appoġġ finanzjarju meħtieġ,

H.   billi l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u l-introduzzjoni ta' sistema għall-kummerċ ma' pajjiżi terzi bil-għan li tiġi fornuta l-industrija ta' l-ipproċessar tal-ħut fl-Unjoni Ewropea rriżultaw fl-espressjoni ta' dubji fil-preferenza Komunitarja u f'żieda fil-pressjoni kompetittiva li laqtet il-prodotti Komunitarji, b'konsegwenzi diretti fuq id-dħul tas-settur,

I.   billi l-istrumenti tal-COM tal-prodotti tas-sajd ġew mibdula progressivament, filwaqt li tilfu l-importanza b'kuntrast ma' pilastri u prijoritajiet oħrajn tas-CFP, bħall-konservazzjoni ta' stokkijiet tal-ħut u t-tnaqqis fl-isforz tas-sajd, li sar wieħed mill-objettivi ewlenin tas-CFP,

J.   billi l-COM tal-prodotti tas-sajd ma kkontribwietx biżżejjed għaż-żieda fil-prezzijiet fil-punt inizzjali tal-bejgħ jew għat-titjib fid-distribuzzjoni ta' valur miżjud mifrux matul il-katina tal-valur fis-settur tas-sajd, fejn, flimkien mad-distributuri kbar stabbiliti, is-supermarkets attivi fid-distribuzzjoni għandhom rwol dejjem aktar importanti,

K.   billi l-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet fil-punt inizjali tal-bejgħ tal-ħut evita li t-tlugħ u l-inżul fil-fatturi ta" l-ispejjeż ta' produzzjoni jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ħut,

L.   billi l-prezzijiet medji fil-punt inizjali tal-bejgħ staġnaw jew waqgħu mill-2000 'l hawn, iżda dan ma ġiex rifless b'mod sinifikanti fi tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi finali ta' ħut frisk, u dawk il-prezzijiet, pjuttost, baqgħu telgħin b'mod kostanti,

M.   billi, skond ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-EAGGF, l-ispiża reali mill-1974 sa l-2005 ammontat għal ftit anqas minn EUR 550 000 000, li tfisser medja annwali ta' EUR 17 000 000, fi kliem ieħor baġit aktar minn modest għat-twettiq ta' l-objettivi stipulati fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE,

N.   billi, fil-konklużjoni 5 tar-rapport tagħha fuq imsemmi tad-29 ta' Settembru 2006, il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultà li l-prijoritajiet il-ġodda tal-COM tal-prodotti tas-sajd jiġu rikonċiljati ma' l-objettivi tagħha - bħall-garanzija ta" qligħ imsemmija fl-Artikolu 33 tat-Trattat - filwat li tisħaq, b'mod partikolari, li l-'prezzijiet tas-suq ma segwewx l-ispejjeż ta' produzzjoni',

O.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tad-28 ta' Settembru 2006, il-Parlament ikkonkluda li l-opportunitajiet fil-COM eżistenti tal-prodotti tas-sajd għat-titjib tal-kompetittività ma ġewx sfruttati biżżejjed,

P.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tat-2 ta' Diċembru 1999, il-Parlament ippropona kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta" intervent fis-suq, speċjalment fir-rigward tar-rimi tal-ħut u l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, iżda l-Kunsill ma laqax dawn il-proposti,

Q.   billi l-industrija issa qed turi li qed isserraħ aktar fuq l-importazzjoni, għad-dannu tal-produzzjoni interna,

R.   wara li kkunsidra l-eżistenza ta' defiċit ta' ikel fir-rigward tal-proteini tal-ħut u d-dipendenza attwali fuq importazzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-konsumatur, fi żmien meta l-produzzjoni tal-Komunità nieżla sew filwaqt li l-produzzjoni dinjija qed tkompli tiżdied,

S.   billi l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li daħlu prodotti fis-suq Komunitarju li ma jirrispettawx id-daqsijiet minimi stipulati fl-Unjoni Ewropea, primarjament minħabba l-falliment ta' l-implimentazzjoni tar-regoli ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ffriżati,

T.   billi, fil-komunikazzjoni tagħha fuq imsemmija tad-9 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni tisħaq dwar il-bżonn ta' reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 104/2000,

U.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tat-28 ta' Settembru 2006, il-Parlament jesprimi ruħu favur ir-reviżjoni, bħala kwistjoni ta" urġenza, tal-COM tal-prodotti tas-sajd, bil-għan li tingħata spinta lill-kontribut tagħha sabiex jiġu żgurati prezzijiet ogħla fil-punt inizjali tal-bejgħ u jkun hemm titjib fid-distribuzzjoni tal-valur miżjud fis-settur,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni profonda tal-COM eżistenti tal-prodotti tas-sajd u l-akwakultura, iżda jesprimi dispjaċir għad-dewmien ta' kważi sena biex jiġi ppreżentat r-rapport ta' evalwazzjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000;

2.  Jemmen li huwa meħtieġ, b'urġenza, li titwettaq reviżjoni mifruxa tal-COM tal-prodotti tas-sajd sabiex tingħata spinta lill-kontribuzzjoni tagħha ħalli jiġi ggarantit il-qligħ fis-settur, tiġi żgurata l-istabilità tas-suq, jitjiebu l-prodotti tas-sajd u jiżdied il-valur miżjud iġġenerat;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, komunikazzjoni dwar il-linji gwida u proposta għar-reviżjoni tal-COM fil-prodotti tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-proposti stipulati f'din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-aġenti ekonomiċi ewlenin fis-settur, speċjalment is-sajjieda u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, jiġu involuti fil-proċess ta' reviżjoni tal-COM tal-prodotti tas-sajd, speċjalment waqt il-perjodu attwali ta' l-evalwazzjoni;

5.  Jenfasizza li s-settur tnaqsitlu l-kontribuzzjoni tal-COM tal-prodotti tas-sajd, speċjalment minn meta saret ir-reviżjoni ta' l-2000; jemmen li wieħed mill-objettivi ewlenin ta' reviżjoni futura tal-COM tal-prodotti tas-sajd għandu jkun li din it-tendenza titreġġa' lura, partikolarment biż-żieda sinifikanti tar-riżorsi finanzjarji, biex b'hekk ikun possibbli li jiġi garantit finanzjar Komunitarju f'livell xieraq għall-ħtiġijiet tas-settur tas-sajd sabiex l-objettivi stipulati fit-Trattat jiġu milħuqa;

6.  Jinnota li l-mekkaniżmi eżistenti ta' intervent huma karatterizzati minn livell għoli ta' konċentrazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk dawn il-mekkaniżmi humiex l-aktar adattati u jekk dawn humiex flessibbli biżżejjed sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' l-istrutturi eżistenti ta' produzzjoni/kummerċjalizzazzoni fl-Istati Membri, sabiex titjieb il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut u jiġi żgurat dħul ġust għall-produtturi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'rabta ma' dan, sabiex tiddetermina jekk il-prodotti inklużi fil-varji annessi għar-Regolament (EC) Nru 104/2000, speċjalment fir-rigward ta' carry-overs u irtirar indipendenti, humiex l-aktar xierqa u jekk il-lista għandhiex tiġi emendata u mkabbra;

8.  Jemmen li l-ħlas b'kumpens għat-tonn għandu jiġi estiż, u jfakkar fil-proposti dwar dan fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tad-19 ta' Ġunju 1998 dwar l-industrija tal-priserv ta' prodotti tal-ħut u l-akwakultura fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi ħlas b'kumpens għas-sardin, kif propost fil-paragrafu 14(b) ta' dik ir-riżoluzzjoni;

9.  Jisħaq dwar l-importanza ta' l-ittikkettar u ta' informazzjoni preċiża għall-konsumatur, bil-għan li l-kwalità u l-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd jingħataw spinta; jemmen li denominazzjonijiet kummerċjali, speċjalment għall-prodotti impurtati, hemm bżonn li jiġu eżaminati u ċċekkjati bir-reqqa kollha sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jitqarraq;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħaffef il-proċess ta" ċertifikazzjoni ekoloġika ta" prodotti tas-sajd, billi dan huwa vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u b'saħħitha bejn aġenti ekonomiċi sew fl-Unjoni Ewropea u sew lilhinn minnha;

11.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u l-ħolqien ta' infrastrutturi ta' appoġġ għall-produtturi fil-kuntest tal-produzzjoni/kummerċjalizzazzjoni, unitajiet koperti għar-refriġerazzjoni, ipproċessar, trasport u kummerċjalizzazzjoni/distribuzzjoni;

12.  Jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' intervent għandhom iqisu li prodotti tas-sajd jeħżienu malajr;

13.  Jitlob għal appoġġ akbar għat-titjib tat-trattament tal-ħut abbord, speċjalment investiment f'sistemi ta' refriġerazzjoni u ppakkettar u t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza abbord;

14.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li l-mekkaniżmi jiġu ppriservati u msaħħa bħala mezz ta' appoġġ speċjalment finanzjarju, għall-promozzjoni tal-konċentrazzjoni tal-forniment, speċjalment permezz ta' appoġġ ġenwin għall-ħolqien u l-iffinanzjar ta' l-organizzazzjonijiet tal- produtturi, u fuq kollox għal impriżi tas-sajd kostali u tradizzjonali fuq skala żgħira, kif rikonoxxut taħt ir-Regolament (KE) Nru 104/2000;

15.  Jemmen li l-programmi operattivi għandhom jiżguraw - b'appoġġ finanzjarju xieraq - il-possibilità ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi li jikkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom direttament, bħala mezz sabiex isaħħu l-valur tal-produzzjoni tagħhom u jagħtu spinta lill-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd; jitlob, għalhekk, sabiex jiġi emendat l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, kif propost fil-pożizzjoni tiegħu fuq imsemmija tat-2 ta' Diċembru 1999;

16.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tinżamm ir-rabta diretta ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-baġit tal-Komunità, filwaqt li tinfetaħ il-possibilità ta' għajnuniet kumplimentari b'appoġġ għall-programmi operattivi min-naħa ta' l-Istati Membri, kif propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 1999; jitlob sabiex l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 jiġi emendat f'dan is-sens;

17.  Iqis bħala neċessarju t-twettiq ta' studju dwar ir-raġunijiet tal-falliment tal-possibilità li jinħolqu organizzazzjonijiet interprofessjonali introdotta fir-reviżjoni tal-COM tal-prodotti tas-sajd li saret fl-2000, u kif imsemmija fil-konklużjoni 4 tar-rapport tal-Kummissjoni fuq imsemmi tad-29 ta' Settembru 2006;

18.  Jappoġġja l-inizjattiva li jiġi introdott kodiċi ta' kondotta li jkopri prodotti tas-sajd fl-Unjoni Ewropea li jkun ikopri lill-parteċipanti kollha fis-settur, bil-għan li jiddefinixxi regoli volontarji sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tqassim aktar ġust tal-valur miżjud u tar-regoli ta' kummerċjalizzazzjoni matul il-katina tal-valur;

19.  Jisħaq dwar l-importanza li jinħolqu swieq ta' l-oriġini u ta' prodotti tradizzjonali ta' kwalità partikolari, li jkunu appoġġjati minn fieri, minn negozji żgħar u mill-industrija ta' l-ikel, bħala mezz ta' kif tingħata spinta lill-valur miżjud ta' prodotti lokali u jiġi promoss l-iżvilupp lokali;

20.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa l-konsegwenzi tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, u partikolarment l-impatt ta' l-importazzjoni fuq il-prezzijiet fil-punt inizjali tal-bejgħ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu pożizzjoni aktar soda fl-evalwazzjoni tagħha ta' relazzjonijiet kummerċjali esterni speċjalment meta tattiva l-mekkaniżmi ta' salvagwardja tad-WTO imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) 104/2000, sabiex ma jiġux ipperikolati l-objettivi ta' l-Artikolu 33 tat-Trattat;

21.  Jemmen li huwa vitali li għal prodotti tas-sajd impurtati u mibjugħa u kkumerċjalizzati fis-suq intern jiġu applikati l-istess regoli u rekwiżiti li japplikaw għall-prodotti tas-sajd Komunitarji, per eżempju f'termini ta' tikkettar, regoli ta' ndafa u saħħa jew il-projbizzjoni tad-dħul fis-suq Komunitarju ta' prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu awtorizzat għall-prodotti Komunitarji;

22.  Jemmen li huwa essenzjali li jiġu pprovduti aktar fondi għall-COM fil-prodotti tas-sajd fir-reviżjoni li jmiss;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.
(2) ĠU C 210, 6.7.1998, p. 292.
(3) ĠU C 210, 6.7.1998, p. 295.
(4) ĠU C 194, 11.7.2000, p. 87.
(5) ĠU C 47 E, 27.2.2003, p. 601.
(6) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 417.
(7) http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2004_2009/organes/pech/pech_20070627_0900.htm.

Avviż legali - Politika tal-privatezza