Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0514/2007

Testi mressqa :

B6-0514/2007

Dibattiti :

PV 10/12/2007 - 13

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2007 - 3.13
CRE 12/12/2007 - 3.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0612

Testi adottati
PDF 332kWORD 103k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu
P6_TA(2007)0612B6-0514/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-25 u s-26 ta' Marzu 2004, b'mod partikulari d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2004 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kienet tinkludi klawżola ta' solidarjetà,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli'Alleanza ta' Ċiviltajiet" preżentat lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi,

   it-theddida terroristika mhux biss għandha impatt dirett fuq is-sikurezza taċ-ċittadini tal-pajjiżi li huma vittmi ta' l-attakki terroristiċi, imma wkoll għandha l-potenzjal li tissottovaluta s-sigurtà ta' kulħadd; għal din ir-raġuni, hi meħtieġa reazzjoni globali sabiex tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta' sigurtà - filwaqt li jingħataw lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi r-riżorsi u l-qafas legali neċessarji filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, u wkoll jiġu żgurati s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data,
   it-terroriżmu huwa theddida komuni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll is-sikurezza taċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni u għalhekk għandha ssir reżistenza għalih b'mod sod, filwaqt li fl-istess ħin għandu jiġi muri rispett bla kundizzjoni għad-drittijiet fundamentali,
   bis-saħħa ta" l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat ta' l-UE, l-UE għandha tkun zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja skond il-prinċipji li fuqhom hi msejsa l-UE, dawk tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, u billi bis-saħħa ta" l-Artikolu 29 ta" dak it-Trattat "l-objettiv ta' l-Unjoni għandu jkun li jipprovdu liċ-ċittadini b'livell għoli ta" sigurtà" b'mod partikulari permezz tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-ġlieda kontrih,
   l-UE għandha l-intenzjoni soda li tevalwa l-kisbiet, il-limiti u l-prospetti tal-politika ta" l-Unjoni Ewropea kontra t-terroriżmu wara l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001, tal-11 ta' Marzu 2004 u tas-7 ta' Lulju 2005 fi żmien meta t-theddida terroristika ħadet dimensjoni dinjija u għalhekk tirrikjedi reazzjoni fl-istess livell,
   l-Unjoni hija impenjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, kemm jekk l-oriġini jew l-attivitajiet tiegħu jseħħu fit-territorju tagħha jew lil hinn mill-fruntieri tagħha, filwaqt li taġixxi fil-limiti stipulati mill-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, u partikularment fil-ġlieda kontra t-terrur m'għandu jkun hemm ebda oqsma fejn id-drittijiet fundamentali ma jitħarsux,
   kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu trid tkun limitata fiż-żmien u fil-kamp ta' applikazzjoni, prevista mil-liġi, suġġetta għal skrutinju demokratiku u ġudizzjarju sħiħ, u tkun meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika,
   it-terroriżmu jista' jinqered, u tista' titnaqqas t-theddida tat-terroriżmu billi naffrontaw il-kawżi tiegħu,

B.   jiddispjaċih li l-Istituzzjonijiet ta' l-UE irrispondew għall-pressjonijiet eċċezzjonali li rriżultaw mill-attakki terroristiċi billi addottaw atti legali li ma ġewx diskussi bir-reqqa mal-Parlament u mal-parlamenti nazzjonali u li kienu jiksru d-dritt għal proċess ġuridiku ġust, għall-ħarsien tad-data jew għall-aċċess għad-dokumenti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li bħala konsegwenza ġew ġustament annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

C.   wara li kkunsidra partikularment il-vittmi tat-terroriżmu u l-esperjenzi ta' qsim il-qalb tagħhom u l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-ħarsien tad-drittijiet tagħhom u lill-miżuri li jfittxu li jtuhom ħarsien u rikonoxximent, filwaqt li dejjem jitqies li meta l-vittmi jitkellmu u s-soċjetà ttihom ċans u tismagħhom, it-terroristi jibdew jiddgħajfu,

D.   billi hu imħasseb dwar il-konsegwenzi b'effetti kbar ta' l-użu ta' databases fuq skala kbira għall-immigrazzjoni u l-ażil fil-livell ta' l-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b'mod partikulari dwar l-għoti ta' aċċess għall-database Eurodac lill-awtoritajiet tal-pulizija u ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-Europol waqt li kienu qed iwettqu dmirijiethom dwar il-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2007,

E.   huwa konxju għalhekk li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija kwistjoni kumplessa ħafna u tirrikjedi aktar minn qatt qabel strateġija fuq diversi livelli u multi-dixxiplinari kif previst f'livell internazzjonali,

   mill-Istrateġija tan-NU kontra t-Terroriżmu adottata fit-8 ta" Settembru 2006(2) u mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu konkluża fis-16 ta' Mejju 2005(3),
   mill-Kunsill Ewropew meta adotta Strateġija Kontra t-Terroriżmu(4) f'Diċembru 2005, sfortunatament bl-ebda involviment sostanzjali tal-Parlament u parlamenti nazzjonali,
   u mill-Kummissjoni li ppreżentat il-pakkett tagħha kontra t-terroriżmu fis-6 ta' Novembru 2007,

F.   filwaqt li jqis li kull wieħed mill-aspetti ta' l-istrateġija ta' l-UE - il-prevenzjoni, il-protezzjoni, it-tiftix, ir-reazzjoni - jeħtieġ l-involviment sħiħ tal-Parlament u l-parlamenti nazzjonali, li għandhom jingħataw informazzjoni kompleta u regolari permezz ta' evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni kull sentejn u jridu jkunu jistgħu jivverifikaw l-effett reali tal-miżuri li ttieħdu, inkluż l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, jekk kinux implimentati l-objettivi inizjali u l-ispiża reali ta' l-inizjattivi,

G.   filwaqt li jiddispjaċih li hemm nuqqas sostanzjali ta" trasparenza, sorveljanza demokratika, responsabilità u reviżjoni ġudizzjarja u filwaqt li jinnota li l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji ta' l-UE bħall-Europol u l-Eurojust għadhom qed jibdew jiġbru l-informazzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom b'mod iktar strutturat,

H.   waqt li hu xxukkjat dwar ir-rifjut ta' xi gvernijiet ta' l-Istati Membri u tal-Kunsill li jwieġbu għall-allegazzjonijiet ta' abbuż ta' setgħat bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikulari fil-każ tal-konsenji straordinarji u l-ħabsijiet sigrieti tas-CIA,

I.   imħasseb li ntużaw tekniki estremi ta' interrogazzjoni fuq persuni suspettati b'terroriżmu,

J.   waqt li hu tal-fehma li l-koperazzjoni transkonfinali bejn is-servizzi sigrieti ta' informazzjoni u s-servizzi ta' sigurtà għandha tkun suġġetta għal skrutinju aktar bir-reqqa u sistematiku,

K.   filwaqt li huwa imħasseb ferm dwar it-tgħawwiġ fil-funzjonijiet ta' ħafna miżuri introdotti taħt il-kappa tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li madankollu, fil-prattika jintużaw għal għadd wiesa' ta' skopijiet,

L.   filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li, fl-istrateġija ta' l-UE kontra t-terroriżmu, tingħata ħafna aktar attenzjoni għall-kawżi tat-terroriżmu u għall-irwol ta' l-UE f'dan ir-rigward,

M.   ifakkar li, permezz tat-Trattat ta' Liżbona, l-irwol ta" l-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jitfassal b'mod iktar trasparenti, iktar simplifikat u li jista' jingħata rendikont dwarha , is-solidarjetà ta" l-Istati Membri għandha tissaħħaħ u l-Parlament u l-parlamenti nazzjonali għandhom jingħaqdu fl-evalwazzjoni tal-politiki marbuta ma" l-FSJA, filwaqt li jiddispjaċih li għal dawn il-politiki mhux se jkun hemm kontroll ġudizzjarju sħiħ fil-livell ta' l-UE għal-leġiżlazzjoni adottata qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikawh sabiex il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li hija meħtieġa li tikkumplimenta l-istrateġija ta' l-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, tkun torbot,

F'dak li għandu x'jaqsam mal-"prevenzjoni":

2.  Iqis li l-UE għandha tappoġġja azzjonijiet fil-livelli ta' l-UE, dawk nazzjonali u dawk lokali mmirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenta, billi jitrawmu l-integrazzjoni tan-nies permezz tad-djalogu interkulturali u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem bħala l-valuri universali li fuqhom hi msejsa s-soċjetà tagħna, waqt li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali; iqis ukoll li hemm bżonn ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenta, inkluż l-inċitament biex jitwettqu azzjonijiet vjolenti;

3.  Jitlob li finalment tiġi projbita l-ġustifikazzjoni tat-terroriżmu fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea fil-forom kollha tagħha;

4.  Barra minn hekk, jemmen li element importanti fil-prevenzjoni tat-terroriżmu hija politika ta' l-UE u ta' l-Istati Membri dwar l-għajnuna għall-iżvilupp li sservi wkoll bħala politika ta' sigurtà; iqis li l-promozzjoni tas-soċjetà ċivili u l-għajnuna sabiex jintlaħqu l-paċi u l-prosperità soċjali huma mezzi xierqa sabiex in-nies jintwerew l-opportunitajiet tagħhom u sabiex titrażżan il-firxa ta' ideoloġiji fundamentalisti; jemmen għalhekk li l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni, tas-saħħa u ta' sistemi tas-sigurtà soċjali, f'pajjiżi li fihom hu meqjus li joriġinaw l-attivitajiet terroristiċi, għandu jsir prijorità ħafna akbar minn qabel fil-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp;

5.  F'dan ir-rigward, iqis li l-UE għandha tiffavorixxi l-aħjar prattiki u t-tixrid tagħhom fl-UE, u jinnota li l-Parlament dalwaqt se jagħmel rakkomandazzjonijiet f'dan il-qasam filwaqt li jitqiesu l-kontributi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

6.  Jemmen li każijiet bħar-rifjut ta' l-appell dwar tortura tal-Qorti Suprema ta' l-Istati Uniti ta' Khalid Al-Masri għandhom it-tendenza li jsaħħu l-impressjoni, l-aktar fost il-minoranzi Musulmani fl-UE, li l-miżuri kontra t-terroriżmu joħolqu standards doppji; għalhekk jistieden lill-UE sabiex tinvolvi ruħha b'aktar saħħa fil-ġlieda sabiex jitħares l-istat tad-dritt fi ħdan l-UE u fil-kuntest internazzjonali, b'mod partikulari billi tiddefendi liċ-ċittadini tagħha stess fil-prosekuzzjonijiet legali f'pajjiżi terzi li jikkonċernaw ċittadini ta' nisel Musulman b'mod mhux proporjzonat;

7.  Iqis li l-prevenzjoni tat-terroriżmu titlob politika barranija ta' l-UE li tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kemm fil-pajjiżi ġirien ta' l-UE kif ukoll f'dawk imbiegħda;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex iniedu inizjattiva fuq livell Ewropew u dak internazzjonali sabiex il-priġunieri ta" Guantánamo minn pajjiżi terzi li ma jistgħux jerġgħu jintbagħtu lejn pajjiżhom minħabba riskji ta" persekuzzjoni jew tortura jerġgħu jiġu ssetiljati;

9.  Itenni l-importanza tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-livell ta' l-UE, l-aktar fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni u ta' analiżi, u jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-koperazzjoni ta' bejniethom bil-koordinazzjoni u s-sostenn tal-Europol;

10.  Jitlob li l-kompetenzi ta' l-Europol jissaħħu u jqis li dan l-organiżmu għandu jkollu poteri ta' investigazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob ukoll, f'dan ir-rigward, li l-Europol iwaqqaf fi ħdanu grupp ta' azzjoni kontra t-terroriżmu magħmul minn esperti nazzjonali;

11.  Iqis li sabiex inżidu l-effettività ta' l-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwaqqfu network permanenti ta' skambju ta' informazzjoni bejn iċ-ċentri ta' l-UE ta' kontra t-terroriżmu;

12.  Itenni l-importanza li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi sigrieti, kemm fil-livell ta' l-UE u fost is-servizzi ta' l-Istati Membri, u jtenni l-ħtieġa ta' regoli uniformi fil-livell ta' l-UE li jiżguraw li jkun hemm il-kontroll u l-iskrutinju demokratiku u parlamentari meħtieġ;

F'dak li għandu x'jaqsam mal-"protezzjoni":

13.  Iqis li sabiex "iċ-ċittadini, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-infrastruttura jkunu mħarsa u sabiex titnaqqas il-vulnerabilità ta" l-UE għall-attakki, anke permezz ta" titjib fis-sigurtà tal-fruntieri, tat-trasport u ta" l-infrastruttura kritika" huwa essenzjali li l-UE:

  a) twaqqaf, bil-koperazzjoni ta" l-Istati Membri u madwar l-UE kollha
   sistema ta" twissija u skoperta ta" kriżi, ibbażata wkoll fuq skemi nazzjonali ta' protezzjoni, li taħdem sebat ijiem fil-ġimgħa u 24 siegħa kuljum għall-katastrofi kawżati min-natura jew mill-attività tal-bniedem,
   pjan ta" infrastrutturi u networks kritiċi, filwaqt li titqies id-Direttiva futura tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni u l-ħatra ta' Infrastruttura Kritika Ewropea u l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jittejjeb il-ħarsien tagħhom,
   mekkaniżmu ta" solidarjetà effettiv bejn l-Istati Membri li jista" jagħti aċċess immedjat għal riżorsi rari disponibbli f'livell nazzjonali (l-hekk imsejħa "beni" bħat-tilqim jew it-teknoloġiji sofistikati),
   b) tirrendi d-databases SIS II u VIS f'qagħda li jkunu jistgħu jaħdmu b'mod sħiħ, inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi; jindika li dawn id-databases m'għandhom l-ebda skop primarju ta' infurzar tal-liġi u li għaldaqstant l-aċċess għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi ġie limitat għal każijiet speċifiċi, meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat f'soċjetà demokratika; iqis li l-ġbir bil-massa ta' data personali u l-ipproċessar tad-data sabiex jinħolqu profili permezz ta' tekniki ta' għażla ta' informazzjoni mid-data (data-mining), kif previst fil-proposta riċenti għal direttiva dwar sistema Ewropea tal-PNR, m'humiex permessi f'livell ta' l-UE;
   c) tikkoordina aħjar, bis-saħħa ta' l-Istati Membri, ix-xogħol tas-servizzi sigrieti ta' informazzjoni tagħha sabiex tiżgura li l-ostakli li hemm bħalissa għall-iskambju ta' informazzjoni, bħalma huwa n-nuqqas ta' fiduċja, jitneħħew malajr, peress li "gżejjer individwali ta' tagħrif" u l-issiġillar ta' informazzjoni mis-servizzi sigrieti ta' informazzjoni nazzjonali jmorru kontra l-istrateġija Komunitarja biex tiġġieled it-terroriżmu;
   d) tirrazzjonalizza u ttejjeb iċ-ċarezza, it-trasparenza u l-applikabilità tal-leġiżlazzjoni tagħha ta' kontra t-terroriżmu;

14.  Jenfasizza li kull monitoraġġ ta' l-internet sabiex ma jħallix li jsiru attakki terroristiċi m'għandu bl-ebda mod jinkludi restirzzjonijiet tal-libertà tal-kelma li ma tkunx maħsuba sabiex tħajjar atti terroristiċi u li b'mod raġonevoli minnha nnifisha ma tistax twassal għal azzjonijiet bħal dawn;

15.  Ifakkar lill-Kunsill dwar il-wegħdiet tiegħu lill-Parlament u jistiednu sabiex finalment jadotta d-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni ta' data personali proċessata fil-qafas tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja f'affarijiet kriminali waqt li jiġi provdut livell xieraq ta' protezzjoni tad-data u d-deċiżjoni qafas dwar ċerti drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali madwar l-UE, qabel ma jiġu introdotti miżuri ulterjuri li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

16.  Ifakkar li l-għan primarju tal-Eurodac bħala database ta' l-ewwel pilastru huwa li tiġi faċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin II biex jiġi stabbilit liema Stat Membru jkun responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni ta' ażil, u li kwalunkwe proposta sabiex din tinbidel f'miżura ta' sigurtà u f'għodda ta' investigazzjoni kriminali aktarx ma tkunx legali skond il-liġi ta' l-UE u dik internazzjonali;

17.  Jinnota bi tħassib li l-aċċess mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u l-Europol għad-database tal-Eurodac jista' jwassal għall-istigmatizzazzjoni ta' persuni li jitolbu ażil, kif ukoll għal diskriminazzjoni kontrihom u possibilment għal periklu għalihom;

18.  Jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu biex jorganizza laqgħa li għandha qabel Ġunju 2008 dwar il-miżuri proposti u adottati, fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tagħhom, b'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali;

19.  Iqis li l-ebda forma ta' 'profiling' fil-miżuri ta' kontra t-terroriżmu m'hija aċċettabbli; iqis li mhux aċċettabbli li ssir ħidma sabiex ikun hemm sistema tal-PNR ta' l-UE mingħajr ma jkun hemm evalwazzjoni kompleta tal-ftehimiet dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti u bejn l-UE u l-Kanada, b'mod partikulari ta' l-impatt tagħhom fit-tnaqqis tat-theddida u fiż-żieda tas-sigurtà, kif ukoll ta' l-impatt fuq il-privatezza u l-libertajiet ċivili;

20.  Juri tħassib dwar il-fatt li l-aċċess ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u tal-Europol għad-database Eurodac jista' jdgħajjef l-effettività ta' l-għan ewlieni tad-database Eurodac;

F'dak li għandu x'jaqsam mat-"tfittxija":

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ma jaħsbuhiex darbtejn u jsaħħu l-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fil-livell ta' l-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob sabiex jiġi mgħarraf mingħajr dewmien dwar l-effettività tal-koperazzjoni attwali u dwar x'riżultati ħarġu mill-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta' l-UE;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-irwol ta' koordinazzjoni u ta' ħidma tal-Eurojust u tal-Europol, li huma għodda essenzjali għal koperazzjoni reali u effettiva fil-prosekuzzjoni u fit-tfittxija f'livell ta' l-UE; fl-istess waqt itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm kontroll demokratiku sħiħ fil-livell ta' l-UE;

23.  Itenni b'mod deċiż il-ħtieġa urġenti li tkun adottata deċiżjoni qafas dwar il-ħarsien tad-data fit-tielet pilastru biex jiġi żgurat livell għoli ta' salvagwardji għaċ-ċittadini ta' l-UE, li bħalissa huwa nieqes fil-livell ta' l-UE;

24.  Għalhekk, jitlob,

   a) lill-Kummissjoni biex qabel ma tintemm is-sena, tgħaddi lill-Parlament it-tweġibiet li ngħataw għall-kwestjonarji tagħha dwar l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, b'mod partikulari tad-deċiżjoni qafas dwar it-terroriżmu u dwar il-mandat ta' arrest Ewropew, u tad-direttiva dwar iż-żamma tad-data, u dwar l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali u dwar id-differenzi li jista' jkun hemm fuq l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri, flimkien ma' evalwazzjoni u kwalunkwe proposti dwar kif jista' jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni u użu aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   b) lill-Kummissjoni sabiex tgħarraf lill-Parlament dwar jekk l-atti kollha adottati kontra t-terroriżmu ġewx implimentati mill-Istati Membri, u jekk dan ma jkunx il-każ, sabiex tgħarraf lill-Parlament dwar liema pajjiżi jinsabu lura, u għal liema raġuni;
   c) lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, billi tkejjel l-effettività ta' din il-leġiżlazzjoni, u billi tinvestiga l-effetti pożittivi u negattivi ta' dawn il-liġijiet, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet taċ-ċittadini;
   d) lill-Kummissjoni sabiex tgħarraf lill-Parlament dwar jekk il-liġijiet kollha li jiksru d-drittijiet taċ-ċittadini jagħtux il-possibilità liċ-ċittadini li jikkoreġu d-data dwarhom, li jikkontestaw il-fatti u li jilmentaw dwar il-proporzjonalità tal-miżuri;
   e) lill-Koordinatur Kontra t-Terroriżmu biex qabel Ġunju 2008 jirraporta lill-Parlament dwar l-effettività tal-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri u mill-Europol u l-Eurojust; iqis li huwa essenzjali wkoll li jkun eżaminat liema tip ta" miżuri jkunu l-aktar xierqa għall-koperazzjoni bejn numru limitat ta" Stati Membri u liema miżuri għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha bi qbil mal-prinċipju ta" solidarjetà;
   f) lill-Kunsill sabiex jieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijet tal-Parlament li jikkonċernaw il-programm ta' konsenja tas-CIA;
   g) lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħtu l-ħarsa ġenerali, li ntalbet għadd ta' drabi mill-Parlament, tal-kumpaniji li huma mġiegħla minn pajjiżi terzi (l-aktar l-Istati Uniti) li jissottomettu d-data dwar il-klijenti tagħhom lill-awtoritajiet;

25.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw fit-twaqqif ta" mekkaniżmu ta" feedback reali dwar l-effettività ta" miżuri Ewropej u nazzjonali f'dan il-qasam, filwaqt li jitfasslu progressivament indikaturi newtrali dwar l-iżvilupp tat-theddida terroristika għall-UE (eż. statistika dwar in-numru ta" inkjesti u proċeduri ġudizzjarji, analiżi ta" kriżijiet reġjonali li jistgħu jseħħu, evidenza ta" koperazzjoni li rnexxiet jew li ma rnexxietx, eċċ.) sabiex il-Parlamenti u l-parlamenti nazzjonali jingħataw stampa iktar ċara talanqas ta' l-effettività u ta' xi nuqqasijiet jew aspetti pożittivi ta' politiki pubbliċi f'dawn l-oqsma;

26.  Jipproponi li l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u, minflok jieħdu l-approċċ tekniku li s'issa ġie ppreferut, jenfasizzaw l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-individwi u bejn l-istaff; iqis, f'dan ir-rigward, li għandu jkun hemm spinta akbar biex jitħeġġu l-iskambji bejn is-servizzi nazzjonali ta' emerġenza u sabiex jiġu eliminati l-ostakoli, pereżempju, bħala prijorità, it-tneħħija ta' barrieri lingwistiċi bis-saħħa ta' korsijiet fil-lingwi; iqis, barra minn hekk il-miżuri ta' taħriġ tal-pulizija għandhom jiġu adattati għar-realtajiet tas-soċjetà Ewropea, b'tali mod, pereżempju, li t-tagħlim dwar il-kulturi differenti li jiffurmaw ir-realtà Ewropea għandu jiġi inkluż fit-taħriġ fil-ġejjieni;

27.  Jinnota l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' miżuri ġodda li b'mod partikulari jikkonċernaw emenda għad-deċiżjoni qafas dwar it-terroriżmu u dwar proposta għal sistema tal-PNR ta' l-UE; jesprimi x-xewqa tiegħu li jeżamina dawn il-miżuri bir-reqqa u jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-proposta għal sistema tal-PNR ta' l-UE, speċjalment fejn tidħol il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-iskema ta' 'profiling' proposta li fuqha tidher li hija bbażata;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li jkun hemm użu aktar effettiv tal-mekkaniżmi eżistenti għall-koperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri, bħalma huwa l-mandat ta' arrest Ewropew;

29.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li l-politika titfassal skond l-evidenza; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex il-proposti kollha li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-ġejjieni jkunu akkumpanjati minn studju jew evalwazzjoni ta' impatt fil-fond li juru l-ħtieġa u l-utilità tal-miżuri li jkunu se jittieħdu.

30.  Itenni l-importanza tal-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-prevenzjoni tat-terroriżmu u fil-ġlieda kontrih, u jirrimarka li l-Istati Uniti huma sħab ferm meħtieġa f'dan il-qasam; iqis li qafas legali komuni għall-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja b'enfasi speċjali fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, l-aktar tad-data personali, għandu jkun definit bejn l-UE u l-Istati Uniti, permezz ta' ftehima internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm skrutinju demokratiku u parlamentari xieraq fuq livell nazzjonali u ta' l-UE;

31.  Huwa mħasseb dwar l-attitudni ta' reazzjoni spontanja mill-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, li fiha x-xewqa li jinbagħat messaġġ politiku spiss tieħu preċedenza fuq il-kunsiderazzjonijiet serji u kuxjenzjużi tal-limiti ta' x'inhu possibbli u utli, li jinkludi l-kunsiderazzjoni dejjem anqas xierqa tal-prinċipji ta' l-istat tad-dritt, bħalma huwa l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-preżunzjoni ta' l-innoċenza;

F'dak li għandu x'jaqsam mar-"reazzjoni":

32.  Iqis li huwa ta" l-akbar importanza li, fil-każ ta" attakk terroristiku, l-Istati Membri għandhom juru spirtu ta" solidarjetà, billi jimmaniġġjaw u jimminimizzaw il-konsegwenzi ta" attakk terroristiku l-aktar għall-pajjiżi ta" l-UE li m'għandhomx biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji jew teknoloġiċi biex jimmaniġġjaw il-konsegwenzi, jikkoordinaw ir-reazzjoni u jgħinu lill-vittmi;

33.  Ifakkar fl-importanza ta' l-għaqda bejn il-forzi demokratiċi kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

34.  Iqis li l-istabbiliment ta' strumenti meħtieġa, effettivi u pproporzjonati għas-sostenn tal-ġlieda globali kontra t-terroriżmu huwa fattur fundamentali fir-reazzjoni għall-attakki terroristiċi, u jqis li jkun daqstant importanti li jitħarsu, fl-aspetti kollha tagħhom, l-istat tad-dritt, id-drittijiet ċivili taċ-ċittadini, is-salvagwardji ġudizzjarji u legali tal-persuni ssusspettati u l-kontroll u l-iskrutinju demokratiku fuq il-leġiżlazzjoni kollha introdotta, kemm fuq livell Ewropew, u kemm fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kontroll parlamentari fuq l-attivitajiet sigrieti konġunti u kkoordinati fuq livell ta' l-UE;

Sa fejn għandhom x'jaqsmu l-egħruq tat-terroriżmu:

36.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ifasslu pjan ta' azzjoni għat-tixrid tad-demokrazija fid-dinja u għat-tisħiħ tal-koperazzjoni ekonomika u politika mal-pajjiżi Islamiċi billi

   a) jiġu appoġġjati l-movimenti demokratiċi,
   b) jiġu promossi skambji ta' studenti u forom oħra ta' edukazzjoni,
   c) jiġu ffinanzjati stazzjonijiet tal-midja li jxerrdu ideat demokratiċi u li jikxfu attivitajiet terroristiċi u dawk li jsostnuhom,

37.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi miżuri li jiżguraw li jkun hemm ħarsien tal-vittmi tat-terroriżmu u appoġġ għalihom, anke billi jiġi promoss l-iskambju ta' l-aħjar prattiki u sett uniformi ta' garanziji fuq livell ta' l-UE;

Il-ħtieġa ta" koperazzjoni interparlamentari iktar b'saħħitha u iktar effikaċi għall-istrateġija l-ġdida kontra t-terroriżmu:

38.  Iqis li minnufih wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona, il-Parlament u l-parlamenti nazzjonali għandhom iniedu eżerċizzju konġunt ta' evalwazzjoni ta" l-Istrateġija Ewropea Kontra t-Terroriżmu, sabiex iħejju forma ġdida ta" "djalogu ta" livell għoli" f'dan il-qasam flimkien mar-rappreżentanti taċ-ċittadini fil-livelli ta' l-UE u nazzjonali;

Koperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Kunsill

39.  Filwaqt li jitqies li t-Trattat ta' Liżbona se jidħol fis-seħħ fl-2009, u li l-Istituzzjonijiet ta' l-UE sa mill-2008, għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jidħol fis-seħħ, iqis li l-proposti li jaqgħu taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni u li ma jiġux adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, fl-2008 jiġu trattati bħala "quasi-kodeċiżjoni";

40.  Jinnota l-pakkett il-ġdid ta' proposti għal leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li jikkonċernaw id-deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-dettalji tal-passiġġieri (PNR) għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, id-direttiva dwar l-isplussivi u r-rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; huwa ddeterminat li jwettaq evalwazjoni bbażata fuq il-fatti tal-proposti;

41.  Jemmen li l-koordinatur ta' l-UE kontra t-terroriżmu għandu jkollu rwol importanti fl-istrateġija Komunitarja u jixtieq li jikkjarifika r-responsabilitajiet u l-istrutturi ta" responsabilità tiegħu;

42.  Jistenna li, b'koperazzjoni mal-Parlament, tiġi żviluppata strateġija għall-politika ta' l-UE kontra t-terroriżmu li mhux biss ikollha approċċ integrat u tema ċentrali, iżda, fuq kollox, tistipula miżuri ċari għall-ġejjieni qarib u fuq żmien medju u fit-tul;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta" l-Ewropa, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p.309.
(2) Ara http://www.un.org/terrorism/strategy-counter-terrorism.html
(3) Ara http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/QueVoulezVous.asp? NT=196&CM=2&DF=&CL=ENG (diġà ratifikat minn BG, DK, RO, SL, SK).
(4) Ara http://register.consilium.eu.int/pdf/en/05/st14/st14469-re04.en05.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza