Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2186(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0463/2007

Testi mressqa :

A6-0463/2007

Dibattiti :

PV 13/12/2007 - 5
CRE 13/12/2007 - 5

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0629

Testi adottati
PDF 396kWORD 74k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu
Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Korea
P6_TA(2007)0629A6-0463/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Korea (2007/2186(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Qafas dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, fuq in-naħa l-oħra(1),

–   wara li kkunsidra l-istudju 'L-Impatt Ekonomiku ta' Ftehima ta' Kummerċ Ħieles (FTA) Potenzjali Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea tan-Nofsinhar" mill-Copenhagen Economics & Prof. J. F. Francois,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem ta' "Ewropa Globali: Tikkompeti fid-Dinja. Kontribuzzjoni għall-Istrateġija ta" Tkabbir u ta" l-Impjiegi ta" l-UE" (COM(2006)0567),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-data ta" 13 ta" Ottubru 2005 dwar 'Prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina(2) u t-28 ta" Settembru 2006 dwar "Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta" l-Unjoni Ewropea ma" l-Indja'(3),

–   wara li kkunsidra l-Linjigwida ta" l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) dwar Intrapriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji bejn Tliet Partijiet ta" l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Rigward Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-Istatistiċi ta' l-Impjiegi ta' l-OECD ta' l-2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Progress tar-Relazzjonijiet bejn il-Korea tat-Tramuntana u l-Korea tan-Nofsinhar, Paċi u Prosperità adottata fl-4 ta' Ottubru 2007, mir-Repubblika tal-Korea (sussegwentement msejħa l-"Korea" u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (sussegwentement imsejħa "Korea tat-Tramuntana"),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0463/2007),

A.   billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz ta" l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tkompli tirrappreżenta l-aktar qafas xieraq għar-regolazzjoni u l-promozzjoni ta" kummerċ ġust u bilanċjat bl-iżvilupp ta" regoli xierqa u l-iżgurar tal-konformità ma" dawn ir-regoli,

B.   billi l-UE għandha tkompli tagħti prijorità għall-kisba ta" riżultat bilanċjat ta" l-Aġenda ta" l-Iżvilupp ta" Doha (DDA), li għandu jassisti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikollhom parti sħiħa fis-sistema ta' kummerċ internazzjonali,

C.   billi ftehimiet kummerċjali bilaterali u bejn ir-reġjuni jistgħu madankollu jikkumplimentaw ir-regoli stabbiliti tad-WTO billi jkopru kwistjonijiet bħal standards soċjali u ambjentali fejn huwa diffiċli fil-preżent li jintlaħaq qbil multilaterali,

D.   billi l-ftehima mal-Korea tista" tindirizza wkoll kwistjonijiet ta" investiment u ta" kummerċ fis-servizzi, iżda għandha twettaq dan b'mod li jiżgura li l-ftuħ tas-suq ma jikkompromettix la r-regoli Ewropej u lanqas dawk Koreani għall-ħarsien tas-servizzi pubbliċi u d-diversità kulturali, u lanqas tissottovaluta s-servizzi pubbliċi fil-pajjiżi msieħba ta" l-UE għal ftehimiet bħal dawn, jew l-ispazju tal-politika meħtieġ biex ikunu attwati politiki soċjali, ekonomiċi u ambjentali sostenibbli fl-UE kif ukoll fil-Korea,

E.   billi l-Korea hija waħda mill-ekonomiji ewlenin tad-dinja bi dħul ras għal ras li huwa ekwivalenti għal Stat Membru ta' l-UE ta' livell medju,

F.   billi l-faqar jibqa" problema mhux solvuta u li dejjem qed tinfirex fil-Korea li, skond l-istatistika ta" l-OECD, hija klassifikata fost it-tliet membri ta" l-OECD bl-akbar qasma fid-dħul u li qed jesperjenzaw l-akbar tifrix tal-qasma tad-dħul; billi l-Korea hija klassifikata l-aħħar fost il-pajjiżi ta" l-OECD b'inqas minn 5% ta" l-infiq tad-dħul tat-taxxa fuq is-sikurezza soċjali, meta mqabbla mal-medja ta" l-OECD ta" 43%,

G.   billi l-Korea hija r-raba" fost l-akbar imsieħba kummerċjali ta" l-UE barra l-Ewropa u l-UE kienet l-akbar investitur barrani fil-Korea fl-2006,

H.   billi l-Korea iffirmat Ftehimiet ta" Kummerċ Ħieles (FTAs) ma" l-Istati Uniti u ma" numru ta" imsieħba kummerċjali ewlenin oħrajn u għandha ftehimiet oħrajn f'fażi ta" negozjar,

I.   billi l-aċċess għas-suq qed ikun ostakolat aktar b" tipi varji ta" ostakoli mhux tarrifarji (NTB), inkluż il-falliment ta' l-adozzjoni ta' normi u standards internazzjonali, li huma responsabbli b'mod parzjali tad-defiċit strutturali ta' l-UE fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali,

J.   billi l-istudji juru li ftehima bejn l-UE u l-Korea tista" tipproduċi gwadanni ekonomiċi sostanzjali għaż-żewġ partijiet, iżda li, fi kwalunkwe possibilità meqjusa, il-Korea għandha tirċievi żewġ terzi tal-benefiċċji,

Kwistjonijiet ġenerali

1.  Iqis li riżultat b'suċċess tad-DDA jibqa" l-prijorità kummerċjali ta" l-UE u jkun imħasseb jekk in-negozjati bilaterali mal-Korea jew ma" msieħba oħrajn iwasslu għal distrazzjoni minn dan l-objettiv;

2.  Jemmen li negozjati bilaterali ma" msieħba jew reġjuni kummerċjali ewlenin jistgħu jissupplimentaw b'mod utli r-regoli stabbiliti multilaterali dejjem jekk dawn jipproduċu ftehimiet ambizzjużi u ta" kwalità għolja li jmorru lil hinn mit-tnaqqis tat-tariffi;

3.  Iqis li d-daqs u tkabbir mgħaġġel ta" l-ekonomija Koreana jikkontribwixxu biex il-Korea tkun kandidat adattat għal ftehima bħal din iżda jiġbed l-attenzjoni għall-problemi sinifikattivi – inklużi NTBs sostanzjali – li se jeħtieġu li jkunu indirizzati biex tintlaħaq ftehima sodisfaċenti;

4.  Jemmen li ftehima limitata għal tnaqqis ta" tariffi għandha tipproduċi biss benefiċċji fuq perjodu ta" żmien qasir u għalhekk jitlob it-tneħħija ta" l-NTBs kif ukoll il-ftuħ tas-settur tas-servizzi fil-Korea;

5.  Iqis li kwalunkwe FTA mal-Korea għandha tqis l-erba" "l hekk imsejħa Kwistjonijiet ta" Singapore (kummerċ u investiment, politika dwar il-kummerċ u l-kompetizzjoni, trasparenza fl-akkwist pubbliku u faċilitar tal-kummerċ);

6.  Jikkonkludi li l-kontenut ta" benefiċċju reċiproku tal-ftehima huwa ħafna aktar importanti minn kalendarju rapidu u għalhekk ikun imħasseb jekk skadenzi artifiċjali jwasslu għal ftehima li ma tkunx b'miri wiesgħa, ambizzjuża u ekwilibrata b'mod xieraq;

Żvilupp sostenibbli

7.  Iqis li prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent għandu jkollhom tariffi mnaqqsa aktar malajr u b'ammont akbar minn prodotti oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lin-negozjaturi Koreani biex jipproduċu definizzjoni ċara ta" prodotti bħal dawn; jirrakkomanda b'mod qawwi li, f'definizzjoni bħal din, jitqiesu b'mod xieraq il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-prodotti;

8.  Jiddispjaċih li l-Analiżi ta" l-Impatt tas-Sostenibilità (SIA) ma ġietx imwettqa fi stadju minn qabel minkejja l-kalendarju ta' negozjar pjanat; iqis li huwa importanti ħafna li r-riżultati ta" l-SIA ikunu pubblikati ferm qabel l-iffirmar tal-ftehima u li jkun permess biżżejjed żmien għal konsultazzjoni sħiħa pubblika biex ir-riżultati ta" l-SIA ikunu jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat tan-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-Parlament, lill-Kunsill u lis-soċjetà ċivili jekk l-istudju ta" l-SIA jissuġġerixxi li hemm rekwiżiti ta" tnaqqis u biex tkun negozjata l-FTA finali b'mod xieraq;

9.  Jemmen li l-livell ta" ambizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda ta" l-aċċess għas-suq għandu jkun bilanċjat b'approċċ ambizzjuż ukoll għall-iżvilupp sostenibbli; jinsisti wkoll li m'għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni għar-regola li l-aċċess għas-suq intern Ewropew huwa bil-kundizzjoni fuq il-konformità ma" l-istandards ta" protezzjoni ambjentali;

10.  Jilqa" l-introduzzjoni ta" klawsoli soċjali u ambjentali aktar b'saħħithom fl-FTA li ġiet konkluża reċentement bejn l-Istati Uniti u l-Korea bħala r-riżultat minn pressjoni min-naħa tal-Kungress ta' l-Istati Uniti;

11.  Iqis li n-negozjaturi ta" l-UE jridu jaraw dan bħala bażi li minnha jista" jsir aktar progress, b'mod partikulari fir-rigward tar-ratifika u l-infurzar ta' standards ewlenin ta" l-ILO u l-involviment tal-Korea f'reġim ta" wara l-2012 għal ġlieda tal-bidla fil-klima u r-rikonoxximent ta" l-istandards u l-leġiżlazzjoni ambjentali attwali ta" l-UE;

12.  Jistieden għal kwalunkwe ftehima kummerċjali mal-Korea biex tinkorpora klawsoli soċjali u ambjentali li jorbtu;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, waqt in-negozjati bilaterali mal-Korea, biex jappoġġjaw u jippromwovu l-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva u Responsabbilta' Soċjali Korporattiva ta' l-OECD, kemm għall-kumpaniji Koreani li joperaw fl-Ewropa u l-kumpaniji Ewropej stabbiliti fil-Korea;

14.  Iqis kapitolu ambizzjuż ta' Żvilupp Sostenibbli bħala parti essenzjali ta' kull ftehima iżda jfakkar li l-objettiv aħħari huwa l-infurzar ta' standards li seħħ qbil dwarhom; huwa tal-ħsieb li dan jeħtieġ biex il-kapitolu ikun suġġett tal-mekkaniżmu standard tas-soluzzjoni ta' konflitti;

15.  Jemmen li l-Forum tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, magħmul minn rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta" dawk li jimpjegaw u minn NGOs jista" jkollu l-irwol essenzjali fl-iżgurar li aktar ftuħ tas-suq ikun akkumpanjat minn standards ambjentali u soċjali dejjem jogħlew;

16.  Jipproponi li jkun stabbilit mekkaniżmu fejn organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta" min iħaddem ta" l-UE u tal-Korea rikonoxxuti għandhom ikunu jistgħu jressqu talbiet għal azzjoni li jkunu trattati fi ħdan perjodu ta" żmien speċifiku u jistgħu jirriżultaw f'dispożizzjonijiet ta" segwitu kontinwu u reviżjoni, biex tinżamm pressjoni kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-ħaddiema;

Kwistjonijiet settorjali

17.  Jitlob li tintlaħaq FTA mal-Korea, li tkopri l-kummerċ ta' oġġetti u servizzi, tirrappreżenta element essenzjali tan-negozjati bilaterali fil-qasam tal-koperazzjoni xjentifika u teknika u tal-proprjetà intelletwali, tħeġġeġ il-koperazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika, tfittex li tiġġieled il-bidla fil-klima u tiġbor fiha dispożizzjonijiet dwar aspetti esterni oħra tal-politika għall-enerġija, l-enerġija nukleari, kif ukoll is-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-programm Galileo;

18.  Iqis li d-diverġenza tal-Korea min-normi internazzjonali u mir-rekwiżiti ta" tikkettar jiffurmaw NTBs maġġuri li jirrappreżentaw problemi partikulari għall-industriji tal-vetturi, dawk farmaċewtiċi, dawk tal-kosmetiċi u dawk ta" l-elettronika; jistieden lill-gvern Korean biex jipprovdi spjegazzjonijiet sodisfaċenti għal diverġenzi bħal dawn jew, mod ieħor, biex jimpenja ruħu biex ineħħihom waqt in-negozjati ta" l-FTA;

19.  Jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni biex tassisti l-esportaturi ta" l-UE ta" prodotti farmaċewtiċi u apparati mediċi billi tkun żgurata aktar trasparenza fis-sistema tal-kura tas-saħħa Koreana iżda jinsisti li l-Ftehima m'għandhiex toħloq xi ostakolu legali jew prattiku għal kumpaniji Koreani bl-użu ta" l-elementi flessibbli stipulati fil-paragrafi 4 u 5 tad-dikjarazzjoni dwar il-ftehima TRIPs u s-saħħa pubblika, adottata mill-Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-14 ta" Novembru 2001 f'Doha, biex tippromwovi l-aċċess għal mediċini f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

20.  Jenfasizza li ftehima ta" rikonoxximent reċiproku (MRA) għandha tkun inkorporata fl-FTA UE-Korea biex telimina aktar ostakoli kummerċjali kkawżati bi proċeduri doppji mhux meħtieġa mwettqa mill-awtoritajiet Koreani li jippreżentaw ostakoli għal kumpaniji ta" l–UE fi ħdan industriji varji li jkunu jridu jbigħu il-prodotti tagħhom fil-Korea;

21.  Jiddispjaċih li l-falliment Korean biex ikunu segwiti normi internazzjonali iwassal biex l-annimali jkunu suġġetti għal testijiet mhux meħtieġa u doppji; iqis li l-Ftehima għandha tfittex li tiżgura li alternattivi validati xjentifikament għal testjar ta" l-annimali li kienu approvati minn parti waħda għandhom ikunu meqjusa bħala aċċettabbli mill-parti l-oħra;

22.  Huwa mħasseb li l-FTA UE-Korea jista' jkollha impatt negattiv serju fuq l-industrija tal-vetturi Ewropea; għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tqis strateġija li telimina b'salvagwardji t-tariffi ta" importazzjoni ta" l-UE; jirrakkomanda li din l-eliminazzjoni għandha tkun konnessa mat-tneħħija ta" NTBs maġġuri min-naħa tal-Korea;

23.  Jinnota, fir-rigward ta" l-industrija tal-vetturi, li l-Korea iffirmat u rratifikat il-Ftehima tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar it-Twaqqif ta" Regolamenti Tekniċi Globali għal Vetturi bir-Roti, Apparat u Partijiet li jistgħu jkunu stallati u/jew użati fuq Vetturi bir-Roti, u għalhekk impenjat ruħha biex timplimenta r-regolamenti standard; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti dwar l-implimentazzjoni rapida tagħhom; fl-istess waqt jistieden lill-Kummisjoni biex tinsisti li l-vetturi ta" l-UE li jikkonformaw ma" l-istandards ta" l-UNECE jkunu jistgħu jiġu impurtati fil-Korea mingħajr testjar jew omologazzjoni; jopponi dispożizzjonijiet li jeżentaw il-vetturi Koreani minn standards ta" emissjoni kontra t-tniġġis;

24.  Iqis li, fir-rigward ta" l-esperjenzi problematiċi ta" l-UE ma" l-industrija tal-bini tal-vapuri Koreana, trid tingħata attenzjoni speċjali lil dan is-settur fin-negozjati;

25.  Iqis li waqt in-negozjati l-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-ħsibijiet tas-setturi ta" l-agrikoltura kemm Koreani u kemm Ewropej, b'mod partikulari fir-rigward ta" l-effetti negattivi possibbli ta" l-FTA fuq prodotti sensittivi kkonċernati;

26.  Iqis il-punt massimu tat-tariffi u r-rekwiżiti tat-tikkettar eċċessiv iffaċċjati mill-industrija tax-xorb distillat bħala prijorità għan-negozjati; jistieden għal miżuri biex jittieħdu immedjatament fil-ġlieda kontra l-NTBs li jaffettwaw frott u ħxejjex u t-tariffi għoljin b'mod eċċessiv applikati għal frott fil-bottijiet; iqis bħala importanti ħafna l-kisba ta" riżultat sodisfaċenti b'rispett għal Indikaturi Ġeografiċi;

27.  Huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet ta" kumpaniji barranin biex ikollhom aċċess għas-suq Korean għal servizzi inklużi dawk bankarji, l-assigurazzjoni u l-parir legali;

28.  Jagħti prijorità għolja għall-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, anke permezz ta" l-introduzzjoni ta" pieni xierqa għal prodotti foloz u l-piraterija; iqis li mekkaniżmi speċjali ta" soluzzjoni ta" konflitt malajr u effiċjenti, fil-kuntest tar-regoli eżistenti tad-WTO, għandhom ikunu inklużi biex dawn u prattiki kompetittivi mhux ġusti oħrajn ikunu jistgħu jiġu indirizzzati b'mod xieraq; isostni li n-negozjar attwali mal-Korea dwar il-protezzjoni IPR m'għandux jissottovaluta miri ta" politika leġittimi bħal aċċess għal mediċini billi jmur lil hinn mill-obbligi tal-Ftehima TRIPs, iżda li minflok għandu jinkoraġġixxi l-użu ta" l-elementi flessibbli tat-TRIPs;

29.  Iħeġġeġ lill-Korea biex tintroduċi drittijiet ta" prestazzjoni pubblika għal produtturi ta' rekordjar tal-ħoss f'konfomita' mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Prestazzjonijiet, il-Produtturi ta' Fonogrammi u l-Organizzazzjonijiet tax-Xandir (Konvenzjoni ta' Ruma) ta' l-1961, it-Trattat ta" Prestazzjonijiet u Fonogrammi (WPPT) ta" l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjeta' Intellettwali (WIPO) ta' l-1996 u d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta" Diċembru 2006 dwar id-dritt tal-kera u tas-self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-dritt ta" l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali(4).;

30.  Jistieden lill-Korea biex tikkonforma b'mod sħiħ mat-"Trattati ta" l-Internet" tad-WIPO (it-Trattat dwar id-Dritt ta' l-Awtur tad-WIPO (WCT) ta' l-1996 u d-WPPT) inklużi: appoġġ legali sħiħ għal miżuri ta" protezzjoni teknoloġika użati mill-pussessuri tad-dritt ta" l-awtur, inkluża projbizzjoni kontra l-att tal-possibilità li wieħed jaħrab mil-liġi; provvediment ta" proċeduri ta" reġistrar sodi bi drittijiet esklussivi fuq il-forom kollha ta" tifrix ta" l-internet; twaqqif ta" avviż u proċedura 'takedown' effettivi; rikonoxximent tal-protezzjoni għal kopji temporanji u limitar ta" l-eċċezzjoni ta" kupjar privat fil-qasam diġitali;

31.  Iħeġġeġ lill-Korea tan-Nofsinhar biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-piraterija ta" l-internet billi: ittejjeb l-inċentivi għal koperazzjoni mill-fornituri tan-netwerk fil-ġlieda kontra l-piraterija; tinkoraġġixxi ċ-Ċentru għall-Protezzjoni tad-Dritt ta" l-Awtur biex jiżgura l-protezzjoni tal-pussessuri tad-dritt barranin kontra l-piraterija online; tinvestiga u tressaq entitajiet involuti ma' siti ta' l-internet illegali, servers, servizzi ta' ħażna u servizzi ta' qsim ta' fajls;

32.  Jenfasizza li kull FTA mal-Korea għandha tiżgura dan li ġej:

   · it-titjib u s-simplifikazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini tal-Komunità,
   · armonizzazzjoni mwessgħa tan-normi u l-istandards internazzjonali li jeżistu diġà minflok l-introduzzjoni ta" standards ġodda,
   · rekwiżiti ta" żvelar aktar stretti u l-promozzjoni ta" l-aqwa prattiki fir-regolamentazzjoni,
   · it-trasparenza tal-mekkaniżmi ta' appoġġ nazzjonali u t-tneħħija ta' l-NTBs attwali;

Il-Korea tat-Tramuntana u l-Kaesong

33.  Jilqa" l-irwol tal-Kumpless Industrijali Kaesong fil-kontribuzzjoni tal-paċi u tas-sigurtà reġjonali; madankollu jemmen li l-inklużjoni tal-prodotti mill-Kumpless Industrijali tal-Kaesong tqajjem problemi legali u tekniċi;

34.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex teżamina b'mod serju sa liema punt ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Korea tat-Tramuntana u l-Korea tan-Nofsinhar jistgħu jkunu assistiti permezz ta" FTA ma' l-UE;

35.  Jenfasizza li kull ftehima għandha tinkludi impenn biex l-istandards tax-xogħol ma jitbaxxewx biex jinġibed l-investiment barrani f'kull parti tat-territorju tal-partijiet inklużi zoni ta' proċessar ta' esportazzjoni;

Kwistjonijiet oħrajn

36.  Jemmen li, biex juri impenn kontinwu għal negozjati multilaterali, il-Korea għandha tkun lesta li toffri aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għal Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs), fuq l-eżempju ta" l-iskema ta" l-UE Kollox Minbarra Armi (EBA), taħt kondizzjonijiet li jirrispettaw l-istandards tax-xogħol u ambjentali ekwivalenti;

L-irwol tal-Parlament

37.  Iqis li l-leġittimità u l-fatt li ftehima tkun aċċettata mill-pubbliku jeħtieġu li l-Parlament ikun involut mill-qrib f'kull stadju tan-negozjati u jingħata l-possibilità li jesprimi l-ħsieb tiegħu dwar il-fatt li t-test negozjat ikun aċċettat; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill ifittxu li jippreżentaw il-ftehima f'forma li tkun teħtieġ il-kunsens tal-Parlament skond l-Artikolu 300(3) it-tieni sub paragrafu tat-Trattat KE;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika tal-Korea.

(1) ĠU L 90, 30.3.2001, p. 46.
(2) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p.103.
(3) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p 400.
(4) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.

Avviż legali - Politika tal-privatezza