Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2093(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0520/2007

Testi mressqa :

A6-0520/2007

Dibattiti :

PV 15/01/2008 - 15
CRE 15/01/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2008 - 4.3
CRE 16/01/2008 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0012

Testi adottati
PDF 491kWORD 279k
L-Erbgħa, 16 ta' Jannar 2008 - Strasburgu
Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal
P6_TA(2008)0012A6-0520/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2008 'Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal' (2007/2093(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-21 u tat-22 ta' Ġunju 2007 dwar il-proċess tat-trattat ta' riforma,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 ġdid tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, kif introdott permezz ta' l-Artikolu 1(4) tat-Trattat ta' Liżbona, fejn ġie ddikjarat li "l-Unjoni tiġġieled kontra [...] d-diskriminazzjoni u tippromwovi [...] l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal", u huwa speċifikat li "anki fir-relazzjonijiet tagħha mal-kumplament tad-dinja, l-Unjoni [...] tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet tat-tfal",

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvernijiet li għalqet il-Konferenza Intergovernattiva f'Liżbona tad-19 ta' Ottubru 2007 sabiex il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jkollha valur legali li jorbot(1), fejn l-Artikolu 24 tagħha fih dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-"Drittijiet tat-Tfal" u, b'mod partikolari jiddikjara li "fl-atti kollha li jirrigwardaw it-tfal, kemm jekk magħmula minn awtoritajiet pubbliċi u kemm jekk minn istituzzjonijiet privati, l-interessi tat-tfal għandhom jingħataw prijorità",

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' l-Unjoni li taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ta' l-1950 (ECHR), li taħseb għal mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' rispett ta' l-ECHR,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Protokolli Fakultattivi tagħha adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tan-NU, adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, fil-Kajr, f'Settembru 1994,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 dwar it-twaqqif ta' Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Lulju 2006 ''Lejn Strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal'' (COM(2006)0367),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għall-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal mill-Ġenituri ta' l-1 ta' Marzu 2007 li javża lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lil istituzzjonijiet oħra dwar iż-żieda drammatika fil-każijiet ta' ħtif tat-tfal mill-ġenituri,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni immexxija minn Save the Children u mill-Pjan Internazzjonali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq bit-titolu ''Lejn Strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal'' (3),

–   wara li kkunsidra l-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal stabbilit mill-Kummissjoni wara pubblikazzjoni ta' dik il-Komunikazzjoni, liema Forum iltaqa' għall-ewwel darba f'Berlin fl-4 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika adottata f'Berlin fl-4 ta' Ġunju 2007 matul l-ewwel Forum, li fiha hemm imtennija r-rieda li jittieħed kont b'mod sistematiku tad-Drittijiet tat-Tfal fil-politiki interni u esterni ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar strateġija ta' qafas għan-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd(4),

–   wara li kkunsidra l-osservazzjoni tematika Nru 4 tal-25 ta' Mejju 2006 "L-Implimentazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fl-Unjoni Ewropea" min-Network ta' Esperti Indipendenti ta' l-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali(5),

–   wara li kkunsidra l-Istudju dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, li ġie ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-11 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Linjigwida tal-UNICEF dwar il-Protezzjoni ta' Tfal Vittmi tat-Traffikar ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li tikkonċerna l-protezzjoni tat-tfal minn kull forma ta' sfruttament sesswali u ta' abbuż sesswali u tfittex li tipprevjeni l-ħtif, il-bejgħ u t-traffikar tat-tfal,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2007 "Lejn politika ġenerali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità elettronika" (COM(2007)0267),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0520/2007),

A.   billi l-ewwel objettiv tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq "Lejn strateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal" huwa li tippromwovi affermazzjoni pożitiva tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari d-dritt għal identità tagħhom, id-dritt għal trobbija f'kundizzjonijiet siguri/id-dritt għall-kura, id-dritt għal familja, id-dritt għall-imħabba u l-logħob, u d-dritt għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, għal opportunitajiet indaqs, għall-isport u għal ambjent nadif u protett u d-dritt li tinkiseb informazzjoni dwar tali kwistjonijiet, bil-għan li tinħoloq soċjetà li tilqa' t-tfal, fejn it-tfal jistgħu jħossuhom protetti u l-protagonisti,

B.   billi l-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) tiddikjara illi "kull minorenni għandu jkollu d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett fuq bażi regolari maż-żewġ ġenituri tiegħu/tagħha, sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tiegħu/tagħha.",

C.   billi skond l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, huwa importanti li t-tfal kollha jingħataw il-garanzija tad-dritt għal ''parteċipazzjoni'' sabiex dejjem jittieħed kont ta' l-esperjenzi tagħhom u ta' l-opinjoni tagħhom dwar kwalunkwe kwistjoni li tikkonċernahom, billi jingħata l-piż xieraq skond l-età, il-maturità u l-iżvilupp intellettwali tat-tifel/tifla; billi dak id-dritt huwa assolut u m'għandux ikun limitat, u billi għandhom jinsabu mezzi sabiex ikun hemm komunikazzjoni mat-tfal kollha, anke mat-tfal li jesprimu ruħhom b'mod li ma jinftiehemx faċilment mill-adulti, pereżempju tfal żgħar ħafna, tfal b'diżabilità u tfal li jitkellmu b'lingwa oħra,

D.   billi huwa fundamentali li d-drittijiet tat-tfal ikunu mdaħħlin u rrappreżentati fil-politiki kollha ta' l-Unjoni Ewropea li jirrigwardawhom b'mod dirett jew indirett,

E.   billi għat-tfal, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-ġenituri tagħhom jirrappreżentaw ostakli gravi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, u billi hemm ukoll bosta fatturi li ma jippermettux li t-tfal jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, bħal pereżempju ġenituri li ma jwettqux dmirijiethom b'mod adegwat, il-bżonn li t-tfal jiġu rappreżentati minn adulti fi kwistjonijiet legali, jew il-fatt li d-dritt għall-kura tas-saħħa jista' jiġi eżerċitat biss bil-kunsens tal-persuna li jkollha l-kustodja tat-tifel/tifla;

F.   billi l-adulti għandhom jipprovdu lit-tfal b'kundizzjonijiet favorevoli biex dawn ikunu jistgħu jitkellmu, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jinstemgħu;billi l-adulti għandhom jippromwovu l-azzjonijiet ta' paċi u ta' ħbiberija min-naħa tat-tfal u jħejjuhom biex jassoċjaw ma' tfal oħra;billi ż-żmien jikkostitwixxi fattur importanti fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal imġieba u biex it-tfal jingħataw rwol, u mhux biss f'avvenimenti speċifiċi, u billi l-iffinanzjar ta' programmi pubbliċi għandu jikkunsidra dan;

G.   billi l-abbuż tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra t-tfal u t-traffikar tat-tfal għal adozzjoni illegali, prostituzzjoni, xogħol illegali, żwieġ sfurzat, it-tallaba fit-toroq, jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jibqgħu jikkostitwixxu problema fi ħdan l-UE,

H.   billi hemm numru dejjem jikber ta' tfal li jbagħtu minn mard kroniku bħan-newrodermatite u l-allerġiji, u minn mard respiratorju u ħsejjes,

I.   billi d-drittijiet ambjentali tat-tfal huma mniżżlin fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

J.   billi l-ambjent tal-familja jikkostitwixxi qafas propizju għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, u jiżgura l-iżvilupp tajjeb tal-personalitajiet tagħhom u tal-ħiliet tagħhom u jippermettilhom li jiskbu t-tagħrif neċessarju biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex ikunu konxji minn dmirijiethom, u għalhekk, għandu jsir kull sforz biex ikunu appoġġjati l-familji permezz ta' politiki pubbliċi xierqa, iżda, billi fin-nuqqas ta' qafas bħal dan, it-tfal kollha inklużi l-orfni, it-tfal bla dar u r-rifuġjati, b'konformità mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu jkollhom aċċess għal qafas sostituttiv ta' ħarsien li jippermettilhom li jikbru mingħajr l-ebda tip ta' diskriminazzjoni kontrihom,

K.   billi l-istrateġija ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

L.   billi d-drittijiet tat-tfal bħala persuni li għandhom personalità legali awtonoma għandhom ikunu rikonoxxuti, iżda, minkejja l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, il-bniet u n-nisa huma ta' sikwit vittmi ta' nuqqas ta' ugwaljanza legali, soċjali u ekonomika, li jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet pożittivi u fundamentali tagħhom bħall-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kura tas-saħħa, ikel sigur u ilma nadif u d-drittijiet riproduttivi għall-adoloxxenti,

M.   billi d-drittijiet u l-valuri fundamentali, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, għandhom ikunu element essenzjali fl-edukazzjoni matul it-tfulija u għandhom jifformaw il-bażi ta' kull stadju ieħor tal-ħajja,

N.   billi l-integrazzjoni sistematika tas-sessi għandha tkun applikata għall-politiki kollha li jaffettwaw lit-tfal, peress li l-ugwaljanza bejn is-sessi tibda mir-rikonoxximent ta' drittijiet indaqs ta' tfal subien u bniet sa mill-ewwel snin tal-ħajja,

O.   billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra n-nisa u l-bniet immigranti fil-forma ta' reati ta' l-unur, żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali, jew ksur ieħor ma jista' jkun iġġustifikat taħt ebda raġuni kulturali jew reliġjuża u m'għandu jkun ittollerat fl-ebda ċirkostanza,

P.   billi t-tfal fl-Ewropa huma esposti minn età żgħira għal xeni ta' orrur, pornografija u vjolenza fil-media, u billi dawn jista' jkollhom effetti psikoloġiċi u soċjali devastanti fuq it-tfal, bħall-ansjetà, id-depressjoni, żieda fl-aggressività u problemi fl-iskola,

Ħarsa ġenerali lejn l-istrateġija

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tagħmilha pjuttost ċara li l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem japplikaw kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, hekk kif jagħmlu wkoll numru ta' drittijiet addizjonali, inklużi dawk imniżżla fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet abbozzata b'referenza partikolari għas-sitwazzjoni speċifika tat-tfal u taż-żgħażagħ;

2.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Konferenza Intergovernattiva tad-19 ta' Ottubru 2007 li d-drittijiet tat-tfal jiddaħħlu bħala wieħed mill-objettivi ta' l-UE fit-Trattat ta' Liżbona, u b'hekk jiġi provdut qafas legali ġdid għad-drittijiet tat-tfal;

3.  Jilqa' l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tfal fir-Relazzjonijiet Esterni, li se jitniżżel taħt il-qafas u l-impenji approvati ta' l-istrateġija ta' l-UE fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal;

4.  Jinnota li numru dejjem jikber ta' oqsma ta' kompetenza ta' l-UE jaffettwaw, b'mod dirett jew indirett, id-drittijiet tat-tfal u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora taqsima ddedikata għall-konsiderazzjoni tad-drittijiet tat-tfal, fuq livell legali, fl-istudju ta' evalwazzjoni ta' l-impatt tagħha previst mill-komunikazzjoni tas-27 ta' April 2005 dwar ''Ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni - Metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż'' (COM(2005)0172);

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-ħolqien ta' linja tal-baġit speċifika għad-drittijiet tat-tfal, sabiex tiġi ffinanzjata ħidma għall-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq bit-titolu ''Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal'', u proġetti speċifikament relatati mat-tfal, bħas-sistema Ewropea ta' twissija bikrija dwar ħtif ta' tfal, u korp ta' koordinazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet prinċipali ta' l-Istati Membri bil-mandat li jnaqqsu n-numru ta' każijiet ta' ħtif tat-tfal; il-linja tal-baġit għandha tinkludi sussidji għal networks ta' NGOs li jaħdmu f'dan il-qasam u għandha tassigura li jkun hemm parteċipazzjoni min-naħa tat-tfal fil-ħidma għall-implimentazzjoni ta' dik il-komunikazzjoni u ta' dawk il-proġetti;

6.  Jitlob li jkun hemm sistema effettiva ta' monitoraġġ appoġġjata minn mezzi finanzjarji u rapporti annwali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' l-impenji mniżżla fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq ''Lejn strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal'' u fl-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal;

7.  Ifakkar li s-suċċess ta' l-istrateġija futura jirrikjedi impenn u azzjoni fuq tul ta' żmien, iktar sorveljanza effettiva ta' l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal permezz ta' l-iżvilupp ta' indikaturi u l-involviment ta' NGOs u ta' assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u assoċjazzjonijiet edukattivi, u koordinazzjoni ma' inizjattivi u politiki nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tabbozza Rapport Komprensiv ta' l-Unjoni Ewropea dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ kull sentejn, li jibda mill-2008;

9.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta linja tat-telefon ta' għajnuna madwar l-UE għat-tfal u jirrimarka li hemm bżonn li dan is-servizz ikun bla ħlas u jaħdem lejl u nhar; jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw lit-tfal, permezz ta' miżuri ta' informazzjoni, dwar il-possibiltà li jużaw dan is-servizz;

10.  Jistenna b'interess ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni ta' Qafas imsemmija hawn fuq ta' l-2003 rigward il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;

11.  Jitlob li l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, hekk kif imniżżla fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jagħmlu parti mill-Qafas Multiannwali ta' prijoritajiet ta' l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (''l-Aġenzija''), u li din twaqqaf, mill-aktar fis possibbli, network ta' koperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari ma' l-ombudsman għat-tfal u ma' l-ONGs attivi f'dan il-qasam, sabiex tkun tista' tapprofitta bis-sħiħ mill-esperjenza tagħhom u mill-informazzjoni li huma għandhom;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu f'koperazzjoni ma' l-aġenziji rilevanti tan-NU, ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali u maċ-ċentri ta' riċerka ħalli jtejbu l-ġbir ta' data statistika rigward is-sitwazzjoni tat-tfal fi ħdan l-UE, u jekk ikun il-każ billi jestendu l-mandat tal-Eurostat, bil-għan li jiġi żviluppat u inkluż numru ikbar ta' indikaturi relatati speċifikament mat-tfal, bħal pereżempju, dwar il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; għandha tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ġbir tad-data;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi data mqassma skond is-sess u l-età dwar kull tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra t-tfal, biex tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-istrumenti kollha ta' l-istrateġija futura tagħha, inklużi l-attivitajiet tal-Forum dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u biex issegwi u tevalwa dawn il-politiki, fost oħrajn permezz ta' bbaġitjar skond is-sessi;

14.  Jitlob biex id-drittijiet tat-tfal jiddaħħlu fil-politiki esterni u fl-azzjonijiet ta' l-UE, inkluża l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Isħubija Strateġika mar-Russja, hekk kif tgħid il-karta ta' ħidma futura ta' l-istaff tal-Kummissjoni dwar ''Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal fir-Relazzjonijiet Esterni'', u fil-proċess tat-tkabbir, billi jiġi rikonoxxut li dawn il-politiki jikkostitwixxu għodda b'saħħitha li tipprovdi opportunitajiet għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal; jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex li dawn l-opportunitajiet isiru objettivi speċifiċi fix-xogħol estern tal-Komunità u ta' l-Istati Membri;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport dwar il-possibiltà li fil-ftehimiet internazzjonali kollha li l-KE tikkonkludi ma" pajjiżi terzi, tiġi inkluża klawżola speċifika li tkun torbot legalment dwar ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal kif huma definiti fil-livell internazzjonali;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex idaħħlu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

17.  Jitlob illi tiġi kkunsidrata l-adeżjoni ta' l-UE għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċernaw id-Drittijiet tat-Tfal u ż-żewġ protokolli fakultattivi tagħha, kif ukoll għall-konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluża l-ECHR, u dawk dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-tfal, dwar l-adozzjoni, dwar l-isfruttament u l-abbużi sesswali, u jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta pożizzjoni ta' prinċipju li tippermetti lill-UE li, fil-ġejjieni, tipparteċipa fin-negozjati dwar konvenzjonijiet relatati b'mod partikolari mad-drittijiet tat-tfal;

18.  Jirrimarka li kwalunkwe strateġija rigward id-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u fuq l-erba' prinċipji ewlenin tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal: protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni; l-aħjar interessi tat-tfal bħala l-iktar kunsiderazzjoni importanti; id-dritt għall-ħajja u għall-iżvilupp u d-dritt għall-espressjoni ta' opinjoni u li din l-opinjoni jittieħed kont tagħha, fi kwalunkwe kwistjoni jew proċedura li taffettwa lit-tifel jew tifla;

19.  Jiddispjaċih li mhux l-Istati Membri kollha stabilixxew ombudsman għad-drittijiet tat-tfal, hekk kif jitlob il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għall-promozzjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jieħdu dan il-pass mill-aktar fis; huwa ta' l-opinjoni li l-UE għandha tagħmel disponibbli appoġġ finanzjarju għan-Network Ewropew ta' Ombudsman għat-Tfal (ENOC), sabiex in-network ENOC ikun jista' jindirizza b'mod iktar intensiv u madwar l-UE il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal;

20.  Jinnota li l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità(7) tal-ġenituri qed tagħti lok għal numru ta' interpretazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tabbozza linji gwida u lista ta' l-aħjar prattiki bil-għan li tiċċara u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa mill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati ta' impenji internazzjonali eżistenti, b'mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għal tfal b'diżabilità, u l-konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar ix-xogħol tal-minorenni;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta" l-Aja tad-19 ta" Ottubru 1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni relatati mar-Responsabiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal sabiex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex jippromwovu r-ratifika min-naħa ta' pajjiżi terzi ta" l-istrumenti internazzjonali ewlenin għall-protezzjoni tat-tfal, speċjalment dawk li jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni ta" immigranti minorenni;

23.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex tieħu parti attiva fil-promozzjoni ta' qawmien ta' kuxjenza u ta' tixrid tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġewwa u barra mill-UE permezz ta' l-użu ta' ''soft power'';

24.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-bżonn li jikkonformaw immedjatament ma' l-impenji Ewropej u internazzjonali tagħhom rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu programmi ta' skambju għal għalliema u studenti ma' pajjiżi lil hinn mill-UE, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex ixerrdu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, billi jiġbed l-attenzjoni għad-dritt għal edukazzjoni u għal ugwaljanza bejn is-sessi;

26.  Jenfasizza l-importanza ta' kunsiderazzjoni differenzjata għall-bżonnijiet tat-tfal; eżempju tajjeb għal skala differenzjata bħal din hija l-Karta ta' Rapport 7 miċ-Ċentru ta' Riċerka ta' UNICEF INNOCENTI, b'sitt dimensjonijiet ta' benessri tat-tfal, inkluż benessri materjali, saħħa u sigurtà, benessri edukazzjonali, relazzjonijiet mal-familja u mat-tfal, imġieba u riskji u benessri suġġettiv;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta' tfal b'diżabilità mentali, b'referenza partikolari għad-dritt tagħhom għal-libertà, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-qrati, u biex dawn it-tfal jiġu protetti mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti;

28.  Jitlob lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw illi t-tfal ikollhom rappreżentazzjoni effettiva u indipendenti f'kull proċedura ġudizzjarja jew kważi-ġudizzjarja relatata magħhom u li jkollhom persuni maħtura bil-liġi biex tieħu ħsiebhom f'każ illi ma jkunx hemm membru adult tal-familja responsabbli, kompetenti u adegwat biex iwettaq tali responsabiltajiet;

29.  Jenfasizza illi, peress li l-maġġoranza l-kbira tat-tfal, speċjalment tfal żgħar, jieħdu ħsiebhom il-familji tagħhom, strateġija dwar id-drittijiet tat-tfal għandha tinkludi dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-benessri tal-familji;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politiki u twettaq azzjoni komprensiva u trasversali bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal sabiex jintlaħaq bilanċ inter-territorjali u opportunitajiet indaqs għat-tfal;

31.  Jipproponi li l-UE tiddefinixxi bħala ''tfal f'riskju'' dawk it-tfal kollha li huma vittmi ta' sitwazzjoni soċjali li hija ta' theddida għas-saħħa mentali jew fiżika tagħhom u/jew tesponihom għal riskji ta' delinkwenza, kemm bħala atturi kif ukoll bħala vittmi;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu iktar miżuri (kampanji ta' informazzjoni, skambji ta' l-aħjar prattika eċċ) biex jipprevjenu li t-tfal jitqiegħdu ''f'riskju'', inkluża l-prevenzjoni ta' delinkwenza taż-żgħażagħ;

33.  Ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ huwa dritt soċjali bażiku, u jitlob lill-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi kandidati biex jiggarantixxu dan id-dritt, ikunu xi jkunu l-isfond soċjali jew etniku, il-kundizzjoni fiżika jew l-istat legali tat-tfal;

34.  Jitlob li l-istrateġija futura ta' l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal tinkludi miżuri għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru billi jkun hemm iffukar, fost affarijiet oħra, fuq kampanji biex titqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li jkunu mmirati lejn bniet u subien, ġenituri, edukaturi u komunitajiet vulnerabbli, u li jkollhom l-għan ta' l-emanċipazzjoni tal-bniet, li jiggarantixxu l-opportunitajiet indaqs tagħhom u jtejbu d-difiża tad-drittijiet tagħhom; jitlob li ssir promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tas-subien u l-irġiel fil-miżuri preventivi msemmija hawn fuq; jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed bħala kundizzjoni għall-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tagħha l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-abolizzjoni ta' kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, tinkoraġġixxi r-ratifika tat-Trattati internazzjonali biex tintemm id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, u b'hekk jittejjeb il-benesseri tat-tfal tagħhom;

Parteċipazzjoni tat-tfal

36.  Jilqa' t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' Forum li jiġbor flimkien rappreżentanti ta' l-Istati Membri, tal-Parlament u tal-Kummissjoni, ta' NGOs, ta' organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali attivi fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, u tat-tfal; jemmen li l-parteċipazzjoni tat-tfal għandha tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Forum; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-parteċipazzjoni tat-tfal kif ukoll ta' l-ombudsman għad-drittijiet tat-tfal fl-Istati Membri, kif ukoll ta' l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-familji;

37.  Jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta" interservizzi u ħatret koordinatur għad-drittijiet tat-tfal u jitlob li tinħoloq unità għall-koordinazzjoni anke fi ħdan il-Parlament bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta" Liżbona, sabiex taġixxi f'kooperazzjoni mal-grupp ta" interservizzi tal-Kummissjoni u sabiex tgħaqqad flimkien u tirrazzjonalizza l-inizjattivi u l-attivitajiet Parlamentari kollha relatati mad-drittijiet tat-tfal; huwa ta" l-opinjoni li entitajiet bħal dawn għandhom jipprovdu network għall-iskambju ta" informazzjoni u prattiki tajbin, fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għat-tfal li qed jiġu implimentati minn xi Stati Membri; jitlob li dawn l-entitajiet jistabbilixxu kuntatt dirett ma' organizzazzjonijiet immexxija mit-tfal u miż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmoniterjaw u jiżguraw il-parteċipazzjoni kostruttiva u effettiva tat-tfal fil-proċess ta" teħid ta" deċiżjonijiet kollha li jaffetwawhom;

38.  Ifakkar li t-tfal u ż-żgħażagħ, mingħajr distinzjoni ta' età, għandhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom; iqis li l-bniet u s-subien huma intitolati daqs xulxin li jgħidu tagħhom u li dak id-dritt għandu jiġi garantit fix-xogħol li jsir għall-iżvilupp ta' strateġija ta' l-UE għad-drittijiet tat-tfal, u li għandha tkun żgurata l-parteċipazzjoni indaqs tal-bniet u s-subien;

39.  Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni attiva hija marbuta mill-qrib ma" l-informazzjoni; jilqa" b'sodisfazzjon il-ħolqien ta" strateġija ta" komunikazzjoni u ta" informazzjoni li ser tippubblika l-miżuri ta" l-UE b'mod li jifhmuhom it-tfal u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

40.  Jistenna b'interess il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fl-2008 ta" l-istudju tagħha li jevalwa l-impatt ta" azzjonijiet eżistenti ta" l-UE li jaffettwaw id-drittijiet tat-tfal u dokument ta' konsultazzjoni li ser ikun maħsub li jistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin ta' l-azzjoni ta" l-UE fil-ġejjieni fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, bil-għan li tiġi adottata White Paper; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni imsemmija hawn fuq li saret fil-bidu ta" l-2007 mis-Save the Children and Plan International fost madwar elf tifel u tifla, li wrew li l-kwistjonijiet ta' prijorità, fl-opinjoni tagħhom, huma l-vjolenza fuq it-tfal, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u r-razziżmu, l-effetti tad-droga, l-alkoħol u t-tipjip, il-prostituzzjoni, l-ittraffikar tat-tfal u l-ħarsien ambjentali; jemmen li, flimkien ma" dawn il-kwistjonijiet prijoritarji speċifiċi, il-miri komprensivi ta" l-istrateġija għandhom ikunu d-drittijiet tat-tfal għall-parteċipazzjoni u l-influwenza; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa proċess li permezz tiegħu il-partijiet kollha involuti, inklużi t-tfal, ikunu kapaċi jieħdu sehem fil-konsultazzjoni li twassal għad-definizzjoni ta" l-istrateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal;

41.  Iqis li huwa importanti ferm li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal tinxtered fost it-tfal b'mod li tinftiehem mit-tfal u permezz tal-mezzi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni biex:

   tiżviluppa għoddod effettivi ta' komunikazzjoni, inkluża website adattata għat-tfal, sabiex tippromwovi x-xogħol ta" l-UE dwar id-drittijiet tat-tfal;
   twaqqaf sistema ta" informazzjoni permanenti u kondiviża sabiex iżżid l-għarfien tas-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE;
   toħloq u tippromwovi kanali ta" informazzjoni perjodiċi u regolari dwar is-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE, bħal rapporti statistiċi, studji u skambju ta" informazzjoni u prattiki tajbin;

Il-Prijoritajiet ta" l-Istrateġija ta" l-UE għad-drittijiet tat-tfal
Vjolenza

42.  Jafferma li ebda forma ta" vjolenza fuq it-tfal fi kwalunkwe ambjent, inkluż dak tad-dar, ma tista" tiġi ġustifikata u għandha tiġi kkundannata; għalhekk jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni Komunitarja li tipprojbixxi kull forma ta" vjolenza, abbuż sesswali, kastig degradanti u prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara; jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal inkluża vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali, bħat-tortura, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal, il-ħtif tat-tfal, l-ittraffikar jew il-bejgħ tat-tfal u l-organi tagħhom, il-vjolenza domestika, il-pornografija bit-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal, il-pedofilija, jew prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, żwiġijiet sfurzati u delitti ta' l-unur;

43.  Ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Istudju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal imsemmi hawn fuq dwar il-prevenzjoni u r-reazzjoni għal kull forma ta" vjolenza kontra t-tfal – b'mod partikulari, jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-politiki preventivi jingħataw prijorità u li s-servizzi soċjali jissaħħu, b'referenza speċjali għas-servizzi ta' medjazzjoni familjari, li jitjieb l-appoġġ offrut lill-vittmi ta" vjolenza, sabiex il-ħatja jinżammu responsabbbli u sabiex il-ġabra u l-analiżi tad-data dwar din il-problema moħbija jissaħħu; jitlob għall-promozzjoni, fi ħdan il-qafas tal-politiki għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq it-tfal, ta" qawmien ta" kuxjenza fost it-tfal, kampanji ta" informazzjoni u ta" edukazzjoni u attivitajiet ta" bini ta" kapaċità għal gruppi professjonali li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal;

44.  Jistieden lill-Istati Membri biex jew jimplimentaw dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili jew jadottaw liġijiet li taħt liema kull persuna li tipprattika l-multilazzjoni ġenitali tista' tiġi imħarrka;

45.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni dwar id-delitti ta" l-unur, irrispettivament mir-raġuni, kemm jekk marbutin ma" l-omosesswalità, ir-reliġjon jew l-identità sesswali, żwiġijiet irranġati jew żwiġijiet ma" minorenni;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqajmu l-kuxjenza fost it-tobba dwar prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara u biex jiżguraw li r-reati kriminali jkunu kkastigati konsistentement skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b'attenzjoni partikulari għall-gruppi vulnerabbli li jinkludu bniet u nisa immigranti, dawk minn minoranzi etniċi u bniet b'diżabilità;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu r-reġistrazzjoni obbligatorja mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-każijiet kollha ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, u wkoll biex jirreġistraw każijiet fejn ikun hemm suspett li tista' ssir mutilazzjoni ġenitali;

48.  Jitlob lill-Istati Membri biex jitkellmu kontra l-vjolenza fuq in-nisa bbażata fuq it-tradizzjoni, biex jikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniet immigranti li jkun ġej mill-familja, u biex jiċċekkjaw liema liġijiet jistgħu jiġu applikati biex il-membri tal-familja jinżammu responsabbli, speċjalment fil-każ ta' l-hekk imsejħa reati ta' l-unur;

49.  Isostni li, jekk il-vjolenza u l-abbuż tat-tfal għandu jinqabad u jkun ikkonfrontat f'fażi bikrija, irid jiġi introdott protokoll proċedurali speċifiku għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta' inċidenti bħal dawn, flimkien ma' miżuri ta' taħriġ għall-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa responsabbli minn kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

50.  Jappoġġja l-ħatra ta" Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra t-Tfal, bil-mandat u r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu infurzati impenji globali sabiex tintemm il-vjolenza fuq it-tfal;

51.  Jisħaq li għandu jiġi stabbilit qafas legali dwar l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-abbuż tat-tfal u li l-koperazzjoni ġudizzjarja għandha tissaħħah bejn l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust u l-entitajiet internazzjonali kollha kompetenti;

52.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jallokaw il-fondi għal kampanji edukattivi u tal-media li jimmiraw li jilħqu lill-ġenituri u lill-professjonisti u sabiex jiżguraw il-provvediment ta" servizzi legali, mediċi u psikoloġiċi adattati għat-tfal;

53.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha sabiex jieħdu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal, l-ittraffikar tat-tfal, il-pedofilija, l-abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' l-Internet, il-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali li jinvolvi t-tfal, filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlesta l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq prinċipji minimi komuni adottati fid-Deċiżjoni Qafas imsemmija hawn fuq 2004/68/JHA, u wkoll fi strumenti legali oħrajn li jipprevedu l-involviment tal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq bit-titolu " Lejn politika ġenerali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika';

54.  Jafferma li l-isfruttament sesswali tat-tfal għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-istupru fir-rigward ta" sanzjonijiet penali; iqis li ċirkustanzi aggravanti għandhom jitqiesu meta tifel jew tifla jkunu vittma ta" sfruttament jew abbuż sesswali;

55.   Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw leġiżlazzjoni li tkun newtrali fil-konfront tas-sessi differenti fir-rigward tal-vjolenza sesswali u sabiex jikkunsidraw li x-xiri ta" sess mingħand tfal (i.e. minorenni) għandu jitqies bħala reat skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ, il-Prostituzzjoni u l-Pornografija tat-Tfal adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta" Mejju 2000; jisħaq li l-għarfien pubbliku huwa kruċjali sabiex tkun miġġielda l-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal u titnaqqas it-talba għalihom;

56.   Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006 lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ittraffikar ta' bnedmin - approċċ integrat u proposti għal pjan t'azzjoni(8), li l-premessa E tiegħu tipproponi l-mira li n-numru ta" vittmi ta" traffikar tal-bnedmin jonqos bin-nofs fl-għaxar snin li ġejjin, bil-għan ġenerali li din l-attività kriminali tinqered kemm jista" jkun malajr u bl-aktar mod komprensiv possibbli;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jkunu effettivi, inkluż il-ġbir ta' data mqassma skond l-età u s-sess sabiex tkun evitata u eliminata kull tip ta' vjolenza mwettqa fit-territorji tagħhom, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata;

58.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja r-ratifika mgħaġġla tal-Protokol tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv ta" l-istess Konvenzjoni dwar l-involviment tat-Tfal f'Kunflitt Armat;

59.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw ħarsien sħiħ u għajnuna sħiħa għall-vittmi tat-traffikar, b'mod partikolari fir-rigward tas-sejba ta" soluzzjoni xierqa fit-tul għall- tfal vittmi tat-traffikar;

60.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha u lill-Istati Membri sabiex jieħdu parti attiva fil-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal għall-forom kollha ta' sfruttament inklużi x-xogħol (eż. tħaddim tat-tfal(9), xogħol sfurzat, servitù domestika, skjavitù, xogħol marbut u tallaba fit-toroq), żwieġ sfurzat, adozzjoni illegali u attivitajiet illeċiti (eż traffikar tad-drogi, pick pocketing), sfruttament sesswali u prostituzzjoni, eċċ.;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi immedjatament b'evalwazzjoni tal-miżuri ta" implimentazzjoni nazzjonali meħuda skond id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA bil-għan li ssir proposta għall-emenda immedjata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dik id-Deċiżjoni, u jappoġġja l-impenn li qed turi l-Kummissjoni li, flimkien mal-kumpaniji prinċipali tal-karti ta" kreditu, qed tesplora l-fattibilità teknika li websites involuti f'bejgħ online ta' materjal pornografiku li jinvolvi t-tfal jiġu esklużi mis-sistemi ta" ħlas online jew li tiġi introdotta sistema oħra ta" restrizzjonijiet; bl-istess mod jistieden lill-partijiet ekonomiċi l-oħra involuti, bħall-banek, exchange bureaux, fornituri ta" l-internet u operaturi ta" search engines sabiex jieħdu sehem attiv fl-isforzi sabiex tkun miġġielda l-pornografija tat-tfal u kwalunkwe forma oħra ta' sfruttament kummerċjali tat-tfal; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fir-rigward tad-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinament ta' ċertu dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet tax-xandir bit-televiżjoni(10) sabiex tipprojbixxi l-pornografija tat-tfal u l-vjolenza kontra t-tfal fis-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva; iqis li waħda mill-prijoritajiet bażiċi tal-Kummissjoni għandha tkun li ssaħħaħ l-operazzjonijiet transkonfinali kontra websites ta' pornografija tat-tfal u li ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi tas-settur privat bl-għan li jkun hemm impenn biex jingħalqu l-websites illegali;

62.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isfruttament tat-tfal u l-minorenni fil-moda, fil-mużika, fl-industrija tal-film u fl-isport;

63.  Isejjaħ għall-ħolqien, fl-interess tad-difiża tad-drittijiet tat-tfal, ta" sistema regolatorja xierqa, effettiva u proporzjonata fi djalogu mal-fornituri, mal-media (kumpaniji tat-televiżjoni pubbliċi u privati, kumpaniji ta" riklamar, l-istampa, logħob tal-kompjuter, operaturi tat-telefown portabbli u l-Internet) u industriji, immirati, fost affarijiet oħra, lejn il-projbizzjoni ta" stampi li jagħmlu l-ħsara u l-kontenut (inkluż il-bullying ċibernetiku) u l-kummerċjalizzar ta" logħob tal-kompjuter vjolenti, li, billi jinkoraġġixxu l-vjolenza u s-sessiżmu, jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-iżvilupp fiżiku u psikoloġiku tat-tfal; barra minn dan, bi tħassib, jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta" skambju ta" stampi pornografiċi jew relatati ma" l-abbuż tat-tfal permezz ta" l-MMS; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal Programm Plus ta" l-Internet aktar Sikur permezz ta" l-implimentazzjoni ta" miżuri operattivi u tekniċi speċjalment għall-protezzjoni tat-tfal; fi ħdan dan il-qafas, jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi ta" l-Internet, f'kollaborazzjoni mal-kumpaniji li joffru search engines u mal-pulizija, sabiex jimplimentaw teknoloġija li timblokka lill-utenti ta' l-Internet milli jaċċessaw websites illegali relatati ma" l-abbuż tat-tfal u li tipprevjeni lill-pubbliku milli jaċċessa materjal li juri abbuż sesswali tat-tfal;

64.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni ta" Qafas Ewropew għall-użu aktar sikur tat-telefowns portabbli minn adoloxxenti u tfal, li ġie adottat bħala kodiċi ta" awtoregolazzjoni bejn il-kumpaniji ewlenin f'dan is-settur fl-UE u li ser jiġi segwit mill-adozzjoni ta" kodiċi ta" awtoregolazzjoni nazzjonali korrispondenti; jenfasizza li dan il-qafas jikkostitwixxi l-ewwel pass importanti lejn l-assigurazzjoni tal-ħarsien tal-minorenni minn perikli speċifiċi li huma riżultat ta" l-użu tat-telefowns portabbli, iżda li huwa essenzjali li l-Kummissjoni timmoniterja u tevalwa b'mod kostanti l-implimentazzjoni tiegħu fuq livell nazzjonali bil-għan li jiġu evalwati r-riżultati tiegħu u li tiġi eżaminata l-ħtieġa li tiġi adottata inizjattiva leġiżlattiva Komunitarja;

65.  Jappoġġja l-ħolqien ta" sistema uniformi ta" klassifikazzjoni u ttikettar fl-UE għall-bejgħ u d-distribuzzjoni ta" kontenut awdjoviżiv u logħob tal-kompjuter maħsubin għall-minorenni, sabiex l-istandard Ewropew iservi ta' mudell għall-pajjiżi barra mill-UE;

66.  Ifakkar li tikketta speċjali għall-logħob online żdiedet riċentement mas-sistema Ewropea eżistenti għall-klassifikazzjoni skond l-eta" tal-logħob tal-kompjuter u dak elettroniku (PEGI); huwa ta" l-opinjoni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu li jagħtu appoġġ akbar lill-awtoregolazzjoni ta" dan it-tip fl-ittikkettar tal-logħob, sabiex tingħata protezzjoni minn kontenut mhux xieraq aħjar lill-minorenni u sabiex il-ġenituri jiġu infurmati dwar ir-riskji possibbli marbuta mal-logħob, kif ukoll sabiex ikunu esposti għal eżempji tajbin;

67.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jissikkaw il-kontrolli tagħhom fuq il-kontenut ta" programmi televiżivi li jintwerew waqt ħinijiet meta jkun hemm l-akbar numru ta" tfal jaraw it-televiżjoni u sabiex jgħinu fil-kontroll min-naħa tal-ġenituri billi jipprovdu informazzjoni xierqa u omoġenika dwar il-programmi televiżivi; jenfasizza li t-teknoloġija ta'l-informatika toffri aktar possbilitajiet lit-tfal biex jaċċessaw il-programmi tat-televiżjoni fi kwalunkwe ħin, minn kwalunkwe kompjuter li jkollu konessjoni ma' l-internet; jirrimarka li hemm bżonn ta" aktar kunsiderazzjoni għar-reviżjoni tad-dritt mhux ristrett tal-mass media li jkollha aċċess għat-tfal u d-dritt tat-tfal li jaċċessaw il-mass media mingħajr restrizzjoni;

68.  Jirrimarka li kien hemm żieda allarmanti fl-Istati Membri kollha tal-kriminalità minorenni li tinvolvi atti kriminali magħmula minn persuni minorenni u – f'ħafna mill-każi – vittmi minorenni, sitwazzjoni li titlob politika integrata, mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell Komunitarju; jirrakkomanda għalhekk, bħala miżura neċessarja, li jsir stħarriġ awtoritarju tal-problema mingħajr dewmien u li mbagħad jitfassal programm ta" qafas integrat fuq livell komunitarju, li jiġbor flimkien il-miżuri madwar tliet linjigwida: miżuri preventivi, miżuri ta'integrazzoni għall-persuni minorenni li wettqu reat u miżuri ġudizzjarji u extraġudizzjarji ta" intervenzjoni;

69.  Jenfasizza li l-promozzjoni ta" "kultura tat-tfal" mill-Programmi Ewropej tal-Media u l-Kultura għandhom jiżdiedu u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jużaw proġetti innovattivi f'forma adattata għat-tfal sabiex jinkoraġġixxu interess fil-kultura Ewropea u l-lingwi Ewropej u jistimulaw ir-rieda tat-tfal li jitgħallmu minn età żgħira; jenfasizza wkoll l-importanza tal-litteriżmu tal-media sabiex tippromwovi użu aktar infurmat tat-tipi varji ta' media permezz ta" l-introduzzjoni ta" kontenut edukattiv;

70.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-istrateġja tagħha għall-ġejjieni, sabiex ifasslu pjan preventiv komprensiv kontra l-kriminalità fost iż-żgħażagħ u l-bullying fl-iskejjel u atteġġjament ieħor li jagħmel il-ħsara u l-problema speċifika ta' gangs ta' żgħażagħ li jinvolvu familji u skejjel partikolari, is-servizzi soċjali li jaħdmu għall-appoġġ tal-familji, iċ-ċentri sportivi u dawk taż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ infushom, b'attenzjoni speċjali fuq il-provvediment ta" opportunitajiet u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, jirrakkomanda li l-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom ma" xulxin;

71.  Jitlob li jkun hemm ħolqien ta" mekkaniżmi sikuri, riklamati tajjeb, kunfidenzjali u aċċessibbli għat-tfal, ir-rappreżentanti tagħhom u oħrajn li jirrappurtaw vjolenza fuq it-tfal kollha, inklużi dawk f'istituzzjonijiet ta' kura u ġudizzjarji, għandhom ikunu konxji mill-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' ilment;

72.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jintroduċu sistema ta' aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundanni li jirriżultaw minn abbuż fuq it-tfal sabiex jiġi żgurat li persuni li, minħabba kundanna għal abbuż sesswali, għandhom jiġu meqjusa bħala mhux adattati biex jaħdmu mat-tfal ikunu jistgħu jiġu esklużi, fl-aħħarnett madwar l-Unjoni kollha, mill-aċċess għal ċerti professjonijiet, li jinvolvu kuntatt mat-tfal bi qbil mal-pożizzjoni tiegħu ta" l-1 ta" Ġunju 2006 dwar l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fl-Unjoni Ewropea ta' projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtija ta' reati sesswali mwettqa fuq tfal (11) iqis li huwa meħtieġ li jiġu introdotti miżuri sabiex jiġu evitati reati oħrajn, pereżempju, meta persuna li ġiet ikkundannata minħabba abbużi sesswali kontra t-tfal tivvjaġġa; fir-rigward ta' dan, jilqa' b'sodisfazzjon il-progress miksub fi ħdan il-Kunsill fil-qasam ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-kundanni penali nazzjonali u jixtieq illi l-Kunsill iwettaq mill-aktar fis possibli interkonnessjoni bejn il-fajls ġudizzjarji nazzjonali permezz ta' networks Ewropew;

73.  Jitlob li jkun hemm sforz sabiex jiġu ttrattati l-bejgħ u l-konsum ta" drogi u alkoħol fl-istabbilimenti ta" edukazzjoni u fid-dawra tagħhom, u għat-tfal sabiex jiġu pprovduti b'informazzjoni dwar il-perikli li dawn jirrappreżentaw;

74.  Jitlob li l-Istati Membri jiddeterminaw ftehim komuni ta' x'jikkostitwixxi abbuż tat-tfal, minħabba li għandhom leġiżlazzjoni li tvarja dwar, pereżempju, l-eta' tal-kunsens;

75.  Jitlob li jkun hemm ħarsien effettiv tat-tfal kontra l-isfruttament sesswali inkluż billi t-turiżmu sesswali li jinvolvi t-tfal jiġi meqjus bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha u billi jagħmlu suġġett għal liġijiet kriminali extraterritorjali; jitlob li kull ċittadin ta' l-Unjoni li jwettaq reat kriminali f'pajjiż terz jiġi ttrattat skond ġabra waħda ta' liġijiet kriminali extraterritorjali li japplikaw madwar l-UE kollha kemm hi, skond il-Protokol Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-Bejgħ ta' Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal;

76.  Jitlob li l-Europol ikollha mandat kif jixraq sabiex tikkopera mal-forzi tal-pulizija ta" l-Istati Membri u l-pajjiżi affettwati minn dan it-tip ta" turiżmu sabiex jitwettqu investigazzjonijiet bil-għan li jiġu identifikati dawk responsabbli ta' atti kriminali simili u għal dan il-għan jitlob li jinħolqu l-postijiet ta" Uffiċjal Ewropew ta" Kooperazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri adattati għar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali tal-vittmi ta' sfruttament soċjali li jkunu nħelsu minn dawk li kienu jisfruttawhom; jitlob ukoll għal informazzjoni aktar komprensiva dwar it-turiżmu sesswali tat-tfal fl-Istati Membri;

77.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas leġiżlattiv biex jippenalizzaw it-turisti tas-sess mat-tfal u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jesploraw il-possibilità li jadottaw strateġija waħda ta' l-UE kontra t-turiżmu għas-sess mat-tfal u biex jiffirmaw u jippromwovu kodiċi ta' kondotta fl-industrija tal-lukandi u t-turiżmu, bħal pereżempju l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali fl-Ivvjaġġar u t-Turiżmu ta' l-ECPAT(12) tal-21 t'April 2004;

78.  Jenfasizza l-fatt li l-parti l-kbira tal-vittmi tfal tat-traffikar għal raġunijiet ta' sfruttament sesswali kummerċjali bħall-prostituzzjoni u l-produzzjoni tal-pornografija bit-tfal, kif ukoll fil-każ taż-żwiġijiet sfurzati, huma tfajliet, u bħala konsegwenza it-traffikar tal-persuni għandu importanza kbira fil-kwistjoni tad-differenzi bejn is-sessi; jenfasizza, barra minn hekk, li anke fi ħdan gruppi involuti fi sforzi biex it-traffikar tal-persuni jiġi kkontrollat u mwaqqaf, għadhom preżenti attitudnijiet konvenzjonali dwar ir-relazzjoni bejn is-sessi u perċezzjonijiet tradizzjonali dwar l-irwoli tan-nisa u l-bniet;

79.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex iqisu tifel jew tifla li jkunu xhieda ta" vjolenza domestika bħala vittmi ta" reat kriminali;

80.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Kkastigar tat-Traffikar ta' Persuni, Speċjalment Nisa u Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottat min-NU f'Palermo fl-2000 biex jagħmlu dan u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprovdu ħarsien għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-persuni, fost l-oħrajn billi jippermettu lill-vittmi tat-traffikar biex jibqgħu fit-territorji tagħhom fuq bażi temporanja jew permanenti;

81.  Jirrakkomanda li l-istrateġija futura ta' l-UE għandha tagħti importanza partikulari lill-kura medika, psikoloġika u soċjali tat-tfal li huma vittmi ta' negliġenza, abbuż, trattament ħażin, sfruttament u vjolenza diretta jew indiretta, b'mod li jitqies l-aħjar interess tat-tifel jew tifla u d-dimensjoni tal-ġeneru; ifakkar li l-impatt tal-vjolenza indiretta fuq il-benesseri tat-tfal u l-prevenzjoni ta' vjolenza bħal din għandhom ikunu parti mill-ħidma tal-Kummissjoni; jisħaq li dawn il-kwistjonijiet huma ta' spiss marbuta mal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-familji, u li politiki soċjali ġodda b'enfasi akbar fuq is-solidarjetà huma meħtieġa jekk dawn il-problemi iridu jiġu affaċċjati;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinvestigaw l-irwol li għandha d-domanda tas-suq kemm għall-isfruttament sesswali tat-tfal u kif ukoll għal forom oħrajn ta" sfruttament tat-tfal; ġaladarba dan ikun konstatat, jitlob li jittieħdu miżuri sabiex din id-domanda titnaqqas, inter alia permezz ta" kampanji diretti lejn il-pubbliku; iħares lejn l-ittraffikar tat-tfal bħala kriminalità organizzata, u għalhekk jitlob li jkun hemm sforzi konġunti bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra reati kriminali bħal dawn; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità lid-dritt tat-tfal għall-protezzjoni;

83.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jirrikonoxxu li t-tfal bniet huma sproporzjonalment rappreżentati fost dawk sesswalment sfruttati u li l-isforzi kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal għandhom għalhekk jimplimentaw perspettiva tal-ġeneru;

84.  Huwa tal-fehma li r-relazzjonijiet bejn is-sessi, bejn il-bniet u s-subien fl-istadji bikrija tal-ħajja iwittqu t-triq ta" l-ugwaljanza bejn is-sessi f'fażijiet oħrajn tal-ħajja;

85.  Jitlob li jkun hemm alternattivi għall-priġunerija fir-rigward tal-minorenni, filwaqt li titqies kif jixraq il-gravità tar-reat kriminali imwettaq, u sabiex miżuri ta" rijedukazzjoni, bħal m'hu s-servizz komunitarju fost iż-żgħażagħ, jiġu garantiti għar-reintegrazzjoni soċjali u tax-xogħol fil-futur ta' persuni bħal dawn, filwaqt li titqies kif jixraq il-ħtieġa li t-tfal jitgħallmu li huma għandhom id-drittijiet, iżda wkoll id-dmirijiet, filwaqt li josserva li d-detenzjoni ta" persuni minorenni li jwettqu reati kriminali għandha tkun biss l-aħħar għażla u għall-iqsar żmien possibbli; jitlob ukoll għal miżuri edukattivi sabiex tiġi assigurata r-reintegrazzjoni soċjali u vokazzjonali; huwa tal-fehma li miżuri ta' rijedukazzjoni għandhom jimmiraw inter alia li jipprovdu lill-persuni żgħażagħ bl-għerf u bl-għodda meħtieġa sabiex jitrattaw is-sitwazzjoni reali li jgħixu fiha, li jfisser li jkun ċar għalihom li huma għandhom ir-responsabilità li jirrispettaw lil ħaddieħor, kif ukoll ir-responsabilità li jirrispettaw il-liġijiet u r-regoli stabbiliti mis-soċjetà; iqis li l-iżvilupp possibbli taż-żgħażagħ f'individwi responsabbli huwa essenzjali sabiex dawn ikunu involuti u jkollhom id-dritt li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħhom stess u l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom;

86.  Jinnota li l-età tar-responsabilità kriminali attwali mhix l-istess fl-Istati Membri kollha u jitlob li l-Kummissjoni twettaq studju dwar l-opinjonijiet differenti fost l-Istati Membri dwar l-età tar-responsabilità kriminali; it-trattatment ta" persuni li jwettqu reati u l-istrateġiji effettivi tagħhom rigward il-prevenzjoni ta" kriminalità fost iż-żgħażagħ;

87.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li professjonisti legali li jaħdmu fis-settur tal-ġustizzja taż-żgħażagħ (imħallfin, avukati, social workers u uffiċjali tal-pulizija) jiġu pprovduti b'taħriġ speċifiku;

88.  Jesprimi x-xewqa li titwaqqaf taqsima speċjalizzata dwar id-drittijiet tat-tfal fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

89.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw miżuri serji sabiex jipprojbixxu l-forom kollha ta" sfruttament tat-tfal inklużi l-isfruttament għall-prostituzzjoni jew forom oħra ta" sfrtuttament sesswali, xogħol jew servizzi sfurzati, skjavitù jew prattiki simili, l-użu tat-tfal biex jittalbu l-flus fit-toroq, attivitajiet illegali, sport u attivitajiet relatati, adozzjoni illeċita, żwieġ sfurzat jew kwalunkwe forma oħra ta" sfruttament;

90.  Jitlob li tittieħed azzjoni dwar il-problema tal-ħtif internazzjonali tat-tfal, li spiss ikun hemm ġlieda dwarhom minn ġenituri wara separazzjoni jew divorżju, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni ewlenija fiċ-ċirkustanzi kollha lill-aħjar interess tat-tifel jew tifla;

91.  Jisħaq li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tgħid li "Fl-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw lit-tfal, kemm jekk ikunu azzjonijiet meħuda minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta" welfare soċjali, qrati tal-ġustizzja, awtoritajiet amministrattivi jew entitajiet leġiżlattivi, l-aħjar interessi tat-tfal għandu jingħata kunsiderazzjoni ewlenija"; taħt il-Konvenzjoni ta" l-Aja ta' l-1980 dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal (Il-Konvenzjoni ta' l-Aja) l-interessi tat-tfal huwa mifhum li jfissru r-ritorn mill-aktar fis possibbli wara l-ħtif; madanakollu, l-interessi tat-tfal jiġbru fihom aktar minn sempliċi ritorn malajr, pereżempju ambjent fiżiku dirett sikur, klima ta" affezzjoni, struttura familjari ta" appoġġ u flessibbli, ġenituri li jservu ta" mudell xieraq, kontinwità fit-trobbija u kura, kif ukoll kundizzjonijiet ta" għixien diċenti; il-Konvenzjoni ta' l-Aja ma tqisx dawn il-kriterji, pereżempju, ma tqisx liema ġenitur ikun ħataf lit-tfal, jekk dak il-ġenitur ikollux responsabbiltà ta' ġenitur, kemm għandhom żmien it-tfal, kemm it-tfal qattgħu żmien fil-pajjiż l-ieħor, jekk it-tfal imorrux l-iskola u għamlux ħbieb eċċ, jista' jkun konkluż li minkejja l-intenzjonijiet 'tajbin' tal-Konvenzjoni ta' l-Aja u r-Regolament (KE) Nru 2201/2003, id-drittijiet tat-tfal spiss mhumiex imħarsa tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal aħjar hawnhekk ukoll, u jħeġġiġha sabiex tagħmel proposti għal dak il-għan;

92.  Jistieden sabiex ikunu introdotti miżuri xierqa u b'ħeffa għat-tfittxija u s-sejbien ta' tfal irrapurtati nieqsa inkluż l-użu tas-Sistemi ta" Informazzjoni Schengen sabiex ma jitħallewx jaqsmu l-fruntieri; jilqa" b'sodisfazzjoni il-komunikazzjonijiet hotline Ewropej għat-tfal irrapurtati neqsin u l-azzjoni korrispondenti ta" NGOs u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-ħolqien ta" aġenzija telefonika Ewropea għat-tfal u ż-żgħażagħ bi problemi;

93.  Jistieden lill-Istituzzjonijiet ta" l-UE u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw ir-riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/46/121, A/RES/47/134 u A/RES/49/179 dwar id-drittijiet tal-bniedem u faqar estrem, A/RES/47/196 dwar osservanza ta" ġurnata internazzjonali għall-qerda tal-faqar u A/RES/50/107, dwar l-osservazzjoni tas-Sena Internazzjonali għall-Qirda tal-Faqar u l-proklamazzjoni ta" l-ewwel Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Qirda tal-Faqar, and dokumenti Ekonomiċi u tal-Kunsill Soċjali tan-NU E/CN.4/Sub.2/1996/13, E/CN4/1987/NGO/2, E/CN4/1987/SR.29 u E/CN.4/1990/15, dwar id-drittijiet tal-bniedem u faqar estrem, E/CN.4/1996/25, dwar id-dritt għall-iżvilupp u E/CN.4/SUB.2/RES/1996/25 dwar il-realizzazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u drittijiet kulturali;

Faqar/Diskriminazzjoni

94.  Ifakkar li 19% tat-tfal fl-UE jgħixu taħt il-linja tal-faqar u għalhekk għandhom jittieħdu miżuri xierqa ta" għajnuna mmirati lejn il-ħtiġijiet tat-tfal, inklużi miżuri sabiex jappoġġjaw il-familji tagħhom u jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw miri ambizzjużi u li jistgħu jintlaħqu għat-tnaqqis – u maż-żmien il-qirda – tal-faqar tat-tfal;

95.  Huwa favur il-ħolqien ta' strutturi xierqa fl-Istati Membri biex jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri jadattaw irwieħhom għal ċirkustanzi tal-familja mibdula;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi sabiex tippermetti lit-tfal li jgawdu s-snin tat-tfulija tagħhom u jieħdu sehem fl-attivitajiet tat-tfal mingħajr ma" jsofru minn diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex l-integrazjoni ta" strateġija li speċifikament jindirizzaw il-faqar tat-tfal, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tal-minorenni fil-ħdan l-istrateġiji inkluża fid-Dokumenti ta" Strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Programmi Indikattivi;

98.  Jistieden lill-istituzzjonijiet involuti sabiex jipprovdu lit-tfal bl-opportunità li jagħtu kontibuzzjoni reali għall-ġlieda kontra l-faqar; Jitlob, bil-għan li l-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal tkun aktar effettiva, sabiex il-partijiet kollha konċernati, inklużi l-ifqar tfal, sabiex jingħataw parti attiva fl-ippjanar , fil-ħolqien u fl-evalwazzjoni ta" proġetti bħal dawn għall-qerda tal-faqar estrem;

99.  Jisħaq li l-azzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal għall-kummerċ – i.e. l-ittraffikkar tat-tfal għal raġunijiet ta" sess, il-pornografija tat-tfal u t-turiżmu għas-sess mat-tfal għandhom isiru waħda mill-objettivi ta" azzjoni ewlenin ta" l-istrateġija kemm fi ħdan u kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs); jirrimarka li l-faqar huwa spiss wieħed mill-ħafna kawżi ta" l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u l-periklu tat-tfal u jkompli jsaħħaħ dawn il-fatturi; huwa ta" l-opinjoni, għalhekk, li l-isfruttament sesswali tat-tfal għall-kummerċ għandu l-bidu veru tiegħu fit-talba għas-sess mat-tfal u fil-kriminalità organizata, li hija ppreparata li tisfrutta sitwazzjonijiet li jpoġġu t-tfal fir-riskju;

100.  Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-provvediment ta" kura psikosoċjali u appoġġ emozjonali għat-tfal li jgħixu f'sitwazzjonijiet diffiċli bħal kunflitt bl-armi u sitwazzjonijiet ta" kriżi, tfal imċaqalqa minn arthom jew tfal li jgħixu f'faqar estrem;

101.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jaqdu d-dmir tagħhom li jgħinu u jħarsu lit-tfal kollha kontra r-riskji tal-malnutrizzjoni, il-mard, it-trattament ħażin u l-abbuż, lilhinn mill-istatus soċjali u/jew l-istatus legali tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

102.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva li tkopri l-forom kollha ta'diskriminazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE u s-setturi kollha msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(13);

103.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni lill-forom kollha ta" diskriminazzjoni kontra t-tfal, inkluża diskriminazzjoni kontra tfal li jsofru minn diffikultajiet biex jitgħallmu (eż. dyslexia, dyscalculia, dyspraxia) jew minn diżabilitajiet varji oħrajn;

104.  Jilqa" b'sodisfazzjoni l-eżistenza ta" ħafna NGOs u ħaddiema voluntarji, li joħolqu rabtiet ta" ħbiberija u ta" solidarjetà fost it-tfal l-anqas favoriti u t-tfal minn sfondi soċjali differenti sabiex tkompli l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-istituzzjonijiet ta" l-UE u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li anke l-ifqar tfal ikunu jistgħu jibbenefikaw minn proġetti Komunitarji u li l-proġetti tas-Servizzi Volontarji Ewropej jipprovdu organizzazzjonijiet bħal dawn b'aktar opportunitajiet sabiex idaħħlu magħhom ħaddiema volontarji żgħażagħ;

105.  Jitlob li t-tfal Roma u tfal li jappartienu għal minoritajiet nazzjonali oħrajn b'mod partikulari jibbenefikaw minn miżuri mmirati, speċjalment bil-għan li tintemm id-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni, l-esklużjoni soċjali u skolastika kif ukoll l-isfruttament li ta' spiss huma jkunu vittmi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi sabiex jeliminaw ir-reppreżentanza żejda ta" tfal Roma f'istituzzjonijiet għal persuni b'diżabilità mentali; jitlob ukoll li jiġu promossi kampanji li jħeġġu t-tagħlim ta" l-iskola, miżuri biex jiġu miġġielda l-livelli għolja ta" tluq bikri mill-iskola u proġetti ta" ħarsien u ta" għajnuna fil-qasam tas-saħħa preventiva, inkluż it-tilqim;

106.  Hu tal-fehma li l-UE għandha tagħmlu l-objettiv tagħha li tiżgura li ma jkunx hemm tfal mingħajr dar jew tfal jgħixu fit-triq fl-UE; jitlob li jittieħdu miżuri xierqa u mmirati biex jiġu mgħejuna t-tfal li m'għandhomx dar u t-tfal li jgħixu fit-triq, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom huma ttrawmatizzati bl-ikreh u mħollija barra soċjalment, ma jirċevux edukazzjoni formali jew kura tas-saħħa, huma partikularment vulnerabbli li jsiru vittmi ta" l-ittraffikar tal-bnedmin (bħal m'huma l-prostituzzjoni, l-ittraffikar ta" l-organi u l-adozzjoni illegali), id-dipendenza mid-droga u l-kriminalità jew inkella huma spiss imġiegħla jittallbu;

107.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu lill-eluf ta' tfal li jgħixu fit-triq u tfal li huma mġiegħla jittallbu bħala kwistjoni serja soċjali u għad-drittijiet tal-bniedem li tikser il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u jistieden ukoll lill-Istati Membri jdaħħlu sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għad-degradazzjoni tat-tfal li huma mġiegħla jittallbu;

108.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili biex jiżguraw li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità li jiffurmaw parti minn grupp jew assoċjazzjoni tat-tfal sabiex jiltaqgħu ma' tfal oħra u jiskjambaw ideat magħhom; jitlob, fuq din il-bażi, li jiġu adottati miżuri ta' appoġġ li jittieħdu minn persuni adulti li jkollhom il-għan li jiżguraw li kull tifel u tifla jħossuhom parti mill-grupp u li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fi ħdanu; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali relevanti biex jinkuraġġixxu proġetti li jkunu mmirati biex iħallu lit-tfal ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b'dan il-mod, bħal m'huma l-kunsilli lokali tat-tfal jew il-parlamenti tat-tfal, filwaqt li jiżguraw li jkunu involuti t-tfal l-aktar imwarrba;

109.  Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni lill-possibilità li jiġi inventat strument Komunitarju dwar l-adozzjonijiet, li jkun żviluppat f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u standards internazzjonali relevanti oħra, li jtejjeb il-kwalità tal-kura fir-rigward tas-servizzi ta" informazzjoni, it-tħejjija ta" adozzjonijiet internazzjonali, l-ipproċessar ta" applikazzjonijiet ta" l-adozzjonijiet internazzjonali u s-servizzi ta" wara l-adozzjoni, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfat abbandunati u ta' l-orfni li jkollhom familja u li jkunu mħarsa;

110.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiggarantixxu d-dritt bażiku tat-tfal li jkollhom familja; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jieħdu azzjoni sabiex jidentifikaw soluzzjonijiet effettivi biex jiġi evitat l-abbandun tat-tfal u sabiex jikkumpensaw għat-tqegħid ta' tfal abbandunati u orfni f'istituzzjonijiet; meta tkun qed tinstab soluzzjoni għal tifel jew tifla, l-aħjar interess tat-tifel jew tifla, kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għandu dejjem ikun il-kunsiderazzjoni fundamentali;

111.  Hu tal-fehma li l-adozzjoni tista" sseħħ fi ħdan il-pajjiż tan-nazzjonalità tat-tifel jew tifla, jew billi tinstab familja permezz ta" adozzjoni internazzjonali, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali, it-tqegħid f'istituzzjonijiet għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja; soluzzjonijiet alternattivi ta" kura minn familja jistgħu jkunu l-familji tar-rispett ("foster families"); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni mal-Konferenza ta" l-Aja, lill-Kunsill ta" l-Ewropa u lill-organizzazzjonijiet tat-tfal, biex jistabbilixxu qafas biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-immoniterjar effettiv ta" l-iżvilupp ta" tfal adottati u biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiġi impedit l-ittraffikar tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jagħtu konsiderazzjoni speċjali lit-tfal bi bżonnijiet speċjali, e.g. tfal li jkunu jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;

112.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri, sabiex idaħħlu miżuri favur l-adulti żgħażagħ li jkunu ħarġu minn orfanatrofji jew minn stabbilimenti għall-kura tat-tfal sabiex jibbenefikaw minn miżuri ta' akkompanjament biex jgħinuhom jagħmlu pjanijiet għall-ġejjieni professjonali tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

113.  113 Jenfasizza l-esklużjoni soċjali esperjenzata miż-żgħażagħ delinkwenti, li f'ħafna każijiet tagħmilha impossibbli li jkollhom rijintegrazzjoni soċjali faċli; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jiddefinixxu strateġiji ta' akkumpanjament ta' dawn il-minuri jew adulti żgħażagħ f'riskju, sabiex jiġu megħjuna jelaboraw proġetti għall-ġejjieni professjonali tagħhom u biex tiġi faċilitata ir-rijintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

114.  Josserva li dawk it-tfal li qed jagħmluha ta" responsabbli tal-kura ta" ġenituri jew ta" aħwa bi bżonnijiet speċifiċi għandhom ikunu intitulati għal appoġġ speċifiku immirat;

115.  Jirrimarka li l-istrateġija futura ta' l-UE għandha tirrikonoxxi l-irwol importanti tal-familja bħala l-istituzzjoni bażika fis-soċjetà għas-sopravivenza, il-ħarsien u l-iżvilupp tat-tifel/tifla; huwa tal-fehma li d-drittijiet tat-tfal għandhom jitqiesu bis-sħiħ fi kwistjonijiet rigward il-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u l-ħin tax-xogħol, b'enfasi partikulari fuq iċ-ċirkustanzi ta' ommijiet b'diżabilità u ommijiet ta' tfal b'diżabilità, kif ukoll fil-formulazzjoni ta' politiki għall-appoġġ pubbliku u/jew privat tat-tfal u l-ġenituri tagħhom sabiex iż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jieħdu u jaqsmu r-responsabilità għat-trobbija u l-kura tat-tfal tagħhom; huwa tal-fehma li għandu jingħata rikonoxximent lill-fatt li numru dejjem jikber ta' nies issa jgħix fi strutturi ta' familja alternattivi li ma jikkorrispondux għall-familja nukleari tradizzjonali, li tikkonsisti f'omm u missier u t-tfal bijoloġiċi tagħhom;

116.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha minn fuq id-dritt tal-ġenituri li jkollhom kuntatt ma" wliedhom liema restrizzjonijiet ikunu jirriżultaw minn differenzi fin-nazzjonalità, b'mod partikulari f'rabta ma" l-għażla li jitkellmu lingwa li ma tkunx il-lingwa uffiċjali fi ħdan pajjiż partikulari; hu tal-fehma li t-tneħħija ta" restrizzjonijiet minn fuq familji multinazzjonali li fihom ikun hemm kunflitt bejn il-ġenituri għandha tinvolvi l-ħelsien mingħajr restrizzjoni li wieħed jitkellem bil-lingwa magħżula mit-tifel/tifla u l-ġenitur, bir-rispett xieraq għar-rekwiżiti li setgħu ġew imposti mill-qrati biex il-laqgħat ikunu ssorveljati;

117.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta" ombudspeople għad-drittijiet tat-tfal u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffaċilitaw introduzzjoni bħal din kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak lokali;

Xogħol tal-minorenni

118.  Jisħaq li huwa essenzjali li jkun żgurat li dawk it-tfal li legalment ikollhom età biżżejjed biex ikollhom impjieg ikunu mħallsa fuq il-bażi ta" xogħol ugwali għal paga ugwali;

119.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-deliberazzjonijiet minn kumitati tad-drittijiet tal-bniedem u sottogruppi imwaqqfa skond ftehimiet ta" kummerċ u koperazzjoni jiffukaw fuq il-problema tax-xogħol tal-minorenni u l-ħarsien tat-tfal minn kull forma ta" abbuż, sfruttament u diskriminazzjoni;

120.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-politiki kollha, kemm dawk interni u kemm dawk esterni, kemm fuq livell ta" Stat Membru u kemm fuq il-livell ta" l-Unjoni Ewropea, għandhom ikollhom konsiderazzjoni għall-eliminazzjoni tax-xogħol tal-minorenni fil-forom kollha tiegħu; jemmen li l-edukazzjoni "full-time" hija l-aħjar mezz biex tiġi megħluba l-problema, kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien, kemm f'dik li hi l-prevenzjoni ta" abbuż bħal dan kif ukoll fit-tkissir taċ-ċirku ta" l-illitteriżmu u l-faqar milli jkompli fil-ġejjieni;

121.  Jikkundanna bil-qawwa kull sura ta" xogħol tal-minorenni, skjavitù u xogħol b'rahan u suriet oħra ta" xogħol li jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tat-tfal b'mod negattiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex il-kummerċ li għandha l-Unjoni Ewropea ma" pajjiżi terzi u l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lill-pajjiżi terzi mill-Unjoni Ewropea jorbtuhom aktar mill-qrib ma" l-implimentazzjoni li jagħmlu dawn il-pajjiżi tal-Konvenzjoni ta" l-ILO dwar il-Projbizzjoni ta" u Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni ta' l-Agħar Forom ta" Xogħol tal-Minorenni;

122.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li prodotti li qed jinbiegħu fl-UE jista" jkun li qed jiġu maħduma permezz ta" xogħol tal-minorenni; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta mekkaniżmu li permezz tiegħu vittmi tax-xogħol tal-minorenni jkunu jistgħu jfittxu riparazzjoni għad-danni kontra kumpaniji ta' l-UE fil-qrati nazzjonali ta" l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforza l-konformità tal-katina ta' provvista u b'mod speċjali li tersaq b'mekkaniżmi li jagħmlu lill-kuntrattur prinċipali responsabbli fl-UE f'każijiet ta" ksur tal-konvenzjonijiet tan-NU dwar ix-xogħol tal-minorenni fil-katina tal-provvista; għal dan il-għan, jistieden lill-UE biex tuża l-proċedura tas-sistema ġeneralizzata ta" preferenzi (GSP) bħala mod wieħed biex jiġi miġġieled b'mod aktar effettiv l-isfruttament tax-xogħol tal-minorenni li jseħħ f'diversi reġjuni tad-dinja, b'miżuri speċjali għal xogħol perikoluż li numru kbir ta" tfal huma mġiegħla jagħmlu;

It-tfal ta" l-immigranti, ta" dawk li jfittxu ażil u tar-rifuġjati

123.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali, u fl-aħjar interessi tat-tifel jew tifla, lis-sitwazzjoni tat-tfal rifuġjati, tfal li qed ifittxu ażil u tfal migranti, u tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu qed ifittxu ażil, ikunu refuġjati jew immigranti illegali, sabiex ikun żgurat li tfal bħal dawn ikunu jistgħu igawdu d-drittijiet tagħhom ikun xi jkun l-istatus legali tal-ġenituri tagħhom u li dawn it-tfal ma jbatux mill-effetti ta" ħsara ta" sitwazzjoni li m'għandhom l-ebda responsabilità tagħha, u li l-bżonnijiet speċjali tagħhom ikunu indirizzati; filwaqt li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi ppriservata l-għaqda tal-familja fejn dan ikun fl-aħjar interess tat-tifel jew tifla;

124.  Jitlob li l-minorenni li ma jkunux akkumpanjati tingħatalhom attenzjoni speċjali fil-kuntest ta" kull forma ta" immigrazzjoni, peress li l-kriminalità organizzata tagħmel użu minn kull opportunità biex iddaħħal tifel jew tifla f'pajjiż sabiex imbagħad tisfruttah(a); hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom għalhekk joqogħdu għassa sew u jiżguraw li jkun hemm politiki tal-ħarsien tat-tfal għal kull sitwazzjoni li wieħed jista" jimmaġina;

125.  Jinsab imħasseb dwar il-ħafna vjolazzjonijiet tad-drittijiet li jaffettwaw lill-bniet li jkunu ġejjin minn ambjent ta" migranti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprojbixxu l-imkatar tar-ras u l-ħiġab għall-inqas fl-iskola primarja, sabiex jistabbilixxu b'mod iktar sod id-dritt għat-tfulija u biex tkun żgurata libertà ġenwina u mhux sfurzata ta' l-għażla f'età akbar iktar 'il quddiem;

126.  Jitlob li jkun hemm aċċess għall-edukazzjoni għal tfal immigranti u li jiġu stabbiliti programmi u riżorsi, minn perspettiva interkulturali, b'konċentrament partikulari fuq sitwazzjonijiet ta" vulnerabilità jew ta" minorenni li ma jkunux akkumpanjati;

127.  Jirrimarka li l-istandards internazzjonali dwar il-ħarsien tat-tfal huma applikabbli għall-minorenni li ma jkunux akkumpanjati li jaslu f'territorju ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' proċeduri irregolari ta' immigrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kollha u lill-istituzzjonijiet ta" l-UE sabiex jikkoperaw bejniethom kemm jista" jkun possibbli fil-ħarsien ta" dawn il-minorenni li m'humiex akkumpanjati; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri ta" koperazzjoni u assistenza internazzjonali mal-pajjiżi terzi ta" oriġini sabiex ikun żgurat li l-minorenni jkunu mreġġgħin lura lejn dawn il-pajjiżi b'mod xieraq u jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex iħarsu lil dawn il-minorenni ladarba dawn ikunu reġgħu lura lejn il-pajjiż ta" oriġini tagħhom, kemm fi ħdan il-familja bijoloġika tagħhom kif ukoll permezz ta" mekkaniżmi jew istituzzjonijiet li se joffrulhom ħarsien effettiv;

128.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni partikulari tat-tfal migranti li jkunu mifrudin miż-żewġ ġenituri tagħhom jew mill-persuna li kellhom tieħu ħsiebhom legalment jew mill-persuna prinċipali li kienet is-soltu tieħu ħsiebhom u jitlob li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jkun hemm miżura ddedikata ta" l-UE li tkun tindirizza d-dritt ta" l-assistenza għat-tfal kollha li jinsabu waħidhom, li tkun tindirizza l-aċċess għat-territorju, il-ħatra u ll-irwol tal-gwardjani, id-dritt li jiġu mismugħa, il-kundizzjonijiet ta" l-ilqugħ u miżuri għall-ittraċċar tal-familja u potenzjalment tkun tista' tindirizza wkoll soluzzjonijiet dewwiema;

129.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-tfal li m'humiex akkumpanjati minn adulti, it-tfal mingħajr stat, kif ukoll tfal li ma jkunux ġew irreġistrati meta twieldu, jinsabu f'riskju partikulari u jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċjali fuq il-bażi ta' x'inhu l-aħjar għat-tifel jew tifla individwali, kif iddefinit, b'mod partikulari, mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati;

130.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-irwol ta" l-edukazzjoni, li għandu jkun wieħed ugwalitarju u mingħajr l-użu tal-vjolenza jew tas-swat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex talloka r-riżorsi meħtieġa biex issir il-prevenzjoni ta" kull tip ta" vjolenza fil-komunitajiet tar-rifuġjati, b'mod speċjali l-vjolenza skond is-sess u l-isfruttament sesswali, billi tistabbilixxi programmi għall-edukazzjoni u għat-tqajjim ta" kuxjenza dwar kwistjonijiet rigward is-sessi, dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-HIV/AIDS, immirati lejn il-minorenni taż-żewġ sessi;

131.  Jisħaq li hemm diskrepanza bejn dak li titlob il-liġi u dak li fil-fatt huwa pprattikat fir-rigward ta" l-implimentazzjoni ta" l-istrumenti Ewropej ta" l-ażil u li fadal differenzi enormi fil-mod li bih huma ttrattati t-tfal li għandhom status ta' rifuġjati fl-Istati Membri differenti;

132.  Jenfasizza l-fatt li 5% ta' dawk li jfittxu l-ażil huma minurenni mhux akkumpanjati, li jindika l-bżonn li jinħatru gwardjani legali mħarrġa sew għal tfal mhux akkumpanjati biex jirrappreżentaw l-aħjar interessi tagħhom wara l-wasla tagħhom fil-pajjiż li jkun laqagħhom; jitlob li jsir titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien għat-tfal fil-faċilitajiet ta' l-ilqugħ; jinsab iddiżappuntat min-nuqqas ta' proċeduri ta' ażil li jkunu sensittivi għat-tfal;

133.  Jinnota li ħafna mir-riskji li jaffaċċjaw it-tfal refuġjati huma ugwalment iffaċċjati minn tfal li jkunu ġew spustjati bil-forza bejn il-fruntieri tal-pajjiżi tagħhom stess;

134.  Jinsisti li t-tfal għandhom jiġu rritornati lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom biss meta s-sikurezza u s-sigurtà tagħhom tkun fiċ-ċert, u jenfasizza l-bżonn li jiġu ttraċċati l-familji u li l-familji jingħaqdu mill-ġdid; jisħaq li r-ritorn tagħhom għandu jkun ipprojbit fejn ikun hemm il-periklu li ssirilhom ħsara, pereżempju permezz tax-xogħol tal-minorenni, l-isfruttament sesswali, il-vjolenza jew ir-riskju ta" mutilazzjoni ġenitali femminili, l-esklużjoni soċjali jew l-involviment f'kunflitti armati;

135.  Jisħaq fuq il-bżonn li jitjieb il-ġbir tad-data dwar tfal li jkunu qed ifittxu status ta' refuġjati, tfal li jkunu qed jgħixu illegalment fit-territorju ta' stat ieħor imma li ma jkunux qed ifittxu status ta' refuġjati u r-riżultat tal-proċeduri għall-ażil u l-futur ta' tfal bħal dawn wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni finali pożittiva jew negattiva dwar it-talba tagħhom għall-ażil, sabiex ikun żgurat li tfal bħal dawn ma jisparixxux fl-oskurità jew isiru l-vittmi tal-kriminalità;

136.  Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi ta" l-emigrazzjoni u s-sitwazzjoni prekarja tat-tfal li jkunu tħallew waħidhom fil-pajjiż tagħhom minn ġenituri li jkunu emigraw; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żgurati l-kura komprensiva, l-integrazzjoni u l-edukazzjoni għal tfal bħal dawn, kif ukoll ir-reintegrazzjoni tal-familja kull meta jkun possibbli;

137.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar il-possibilità li tiġi offruta ċittadinanza ta' l-Unjoni lil tfal li jitwieldu fl-UE hu x'inhu l-istatus legali tal-ġenituri tagħhom;

138.  Ifakkar li d-detenzjoni amministrattiva tat-tfal għandha tkun miżura eċċezzjonali; jisħaq li t-tfal li jkunu akkumpanjati mill-familji tagħhom għandhom ikunu ddetenuti biss meta ma jkunx fadal għażla oħra, għall-iqsar perjodu ta" żmien possibbli u biss jekk detenzjoni bħal din tkun fl-aħjar interessi tagħhom, skond l-Artikolu 37(b) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u li minorenni li ma jkunux akkumpanjati mgħandhomx jiġu ddetenuti jew imreġġgħin lura;

139.  Ifakkar li t-tfal migranti għandhom id-dritt għall-edukazzjoni u li jieħdu pjaċir;

Id-dritt tat-Tfal għall-Informazzjoni u għall-Edukazzjoni

140.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu sistema effettiva biex ikun żgurat li, kemm fid-dar u kemm fl-iskola, u sa livell li jkun adattat għall-età u l-iżvilupp intellettwali tagħhom, it-tfal jintgħamlu konxji tad-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jeżerċitawhom;

141.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għat-tfajliet żgħar għal informazzjoni u għal edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva u dwar is-servizzi tas-saħħa riproduttiva;

142.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tal-faċilitajiet tagħhom għall-kura tat-tfal, inklużi t-taħriġ professjonali kontinwu kif ukoll taħriġ fid-drittijiet tat-tfal, kundizzjonijiet tajba tax-xogħol u paga diċenti għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal b'mod professjonali peress li dawn il-faċilitajiet u l-istaff tagħhom jipprovdu lit-tfal b'pedament b'saħħtu għall-futur tagħhom, filwaqt li huma wkoll ta" benefiċċju għall-ġenituri, b'mod partikulari fir-rigward ta" l-ammont ta" xogħol tal-ġenituri li jaħdmu u tal-ġenituri li huma waħidhom - dan min-naħa l-oħra jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-faqar fost in-nisa u sussegwentement fost it-tfal;

143.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz ikkoordinat biex jgħinu pajjiżi sħab biex jilħqu l-mira ta" edukazzjoni primarja universali bla ħlas (mira ta" żvilupp tal-Millennju 2) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-finanzjament meħtieġ għall-Inizzjattiva ta" Malajr ta" l-Edukazzjoni għal Kulħadd;

144.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-mira ta" żvilupp tal-Millennju 3 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-edukazzjoni tal-bniet, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta" għalliema femminili lokali, l-eliminazzjoni ta" kull preġudizzju favur is-sess maskil fil-kurrikuli, l-ippustjar ta" l-iskejjel aktar qrib lejn il-komunitajiet li huma jservu u l-provvediment ta' faċilitajiet sanitarji xierqa; jisħaq li l-iskejjel għandhom ikunu zoni ta" sikurezza fejn id-drittijiet tat-tfal huma rrispettati, u li l-fastidju sesswali u l-vjolenza fl-iskejjel u madwarhom għandhom ikunu impediti u ttrattati vigorożament;

145.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu proġetti interġenerazzjonali ta" għajxien kommunali (djar interġenerazzjonali) sabiex it-tfal ikunu jistgħu jikbru ma" persuni mdaħħla fiż-żmien, u min-naħa l-oħra sabiex il-persuni mdaħħla fiż-żmien jibbenefikaw minn network ta" appoġġ soċjali u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-tfal billi jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

146.  Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni huwa rekwiżit bażiku għall-iżvilupp soċjali tat-tfal u għandu jkun aċċesibbli għat-tfal kollha fuq il-bażi tal-kapaċitajiet individwali tagħhom u huma x'inhuma l-oriġini etniċi u soċjali tagħhom jew l-ambjent ta" familja li ġejjin minnu;

147.  Jidhirlu li t-tfal għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni hu x'inhu l-istatus tagħhom u/jew l-istatus tal-ġenituri tagħhom; jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess bħal dan lit-tfal migranti u/jew lit-tfal refuġjati;

148.  Jenfasizza li l-istrateġija tal-ġejjieni għandha tirrikonoxxi d-dritt għall-edukazzjoni fuq il-bażi ta' opportunitajiet indaqs u tan-non-diskriminazzjoni;

149.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-inklużjoni fil-kurrikuli edukattivi ta' materjal li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri komuni li huma l-pedament ta' ċittadinanza demokratika;

150.  Jitlob illi fost il-prijoritajiet ta' l-istrateġija jkun hemm l-adozzjoni ta' sett konsistenti ta' miżuri biex ikun żgurat li t-tfal li jkollhom xi diżabilità ikunu dejjem jistgħu igawdu d-drittijiet tagħhom, bit-tama li tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni u li tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom fl-iskola, fis-soċjetà u fl-impjiegi f'kull stadju ta' ħajjithom;

151.  Jirrakkomanda wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li huma jistudjaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta" skulari minorenni b'diżabilità u li jimplimentaw programm ta" tagħlim skolastiku biex jinkuraġġixxu l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

152.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni partikulari lill-edukazzjoni integrata ta" tfal b'diżabilitajiet, u b'hekk ikun qed jiġi żgurat li jiġu integrati soċjalment b'mod faċli waqt li jkunu għadhom l-iskola u tkun qed tiżdied it-tolleranza ta" tfal b'saħħithom li ma jkollhomx diżabilità lejn diżabilitajiet u inugwaljanzi soċjali;

153.  Jitlob li jittieħdu passi biex jiġu ttrattati b'determinazzjoni akbar kwistjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni, id-diversità soċjali, it-tagħlim tat-tolleranza fl-iskejjel, l-edukazzjoni dwar stil ta' ħajja li hu ta' ġid għas-saħħa tal-bniedem, l-edukazzjoni dwar l-ikel, il-prevenzjoni ta" l-abbuż mill-alkoħol, id-drogu, prodotti mediċinali u psikotropiċi u sustanzi intossikanti oħra u edukazzjoni xierqa marbuta mas-saħħa sesswali;

154.  Jinnota li l-provvediment ta" kura bikrija għat-tfal f'istituzzjonijiet kollettivi (crèches, skejjel) huwa wieħed mill-aħjar modi biex tissolva l-problema ta" l-ibbilanċjar tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u huwa wkoll mezz biex jiġi żgurat, fi stadju bikri ta" l-iżvilupp tat-tfal, li huma jkollhom il-benefiċċju ta" opportunitajiet indaqs u jsiru soċjalizzati;

155.  Jirrimarka li l-fatt li l-bniet huma pprojbiti li jieħdu sehem fit-tagħlim fl-iskola u fi sports bħall-għawm minħabba raġunijiet kulturali m'hu ġġustifikat mill-ebda kultura jew reliġjon u m'għandux ikun ittollerat;

156.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lit-tfal kollha aċċess għal possibilitajiet ta' faċilitajiet ta' logħob u ta" sports li jkunu xierqa għall-età tagħhom mingħajr ħlas jew bi prezz li jintlaħaq mill-but ta' kulħadd;

Is-Saħħa

157.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt inkwetanti li l-obeżità, speċjalment fost it-tfal, qiegħda tiżdied fl-Ewropa; jissottolinja li stimi juru li aktar minn 21 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed fl-UE filwaqt li din iċ-ċifra qiegħda tiżdied b"400,000 kull sena; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex jiġi rregolat l-irreklamar aggressiv u qarrieqi u biex itejjeb id-dispożizzjonijiet għat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni ta' l-ikel ipproċessat sabiex tiġi megħluba l-problema ta' l-obeżità;

158.  Jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti tagħhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li t-tfal jesperjenzaw ambjent fiżiku ta" ġid għas-saħħa, meta wieħed iqis l-effett sproporzjonat li għandhom fuq iż-żgħar it-tniġġis u l-kundizzjonijiet fqar ta" għajxien; għandha tingħata attenzjoni xierqa wkoll lill-kundizzjonijiet ta' l-ambjent fejn jitgħallmu t-tfal, u għandhom jiddaħħlu standards xierqa;

159.  Ifakkar fid-drittijiet li għandhom it-tfal għas-saħħa u, b'mod partikulari, id-drittijiet ta' l-adoloxxenti għas-saħħa sesswali u riproduttiva u jisħaq li l-ħarsien tas-saħħa ta' l-ommijiet għandu jkun parti integrali mill-istrateġija futura Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal, li għandha tippromwovi kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol adattati għal nisa tqal jew li qed ireddgħu u tinsisti fuq konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-impjegati nisa, kif ukoll fuq l-aċċess ugwali u universali għan-nisa kollha għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta" kwalità qabel u wara l-ħlas fis-settur pubbliku sabiex titnaqqas il-mortalità ta' l-ommijiet u tat-tfal iż-żgħar kif ukoll it-trażmissjoni ta' mard mill-omm lit-tarbija; jisħaq fuq l-importanza vitali li għandu l-liv tal-maternità għall-iżvilupp tat-tfal, partikularment minħabba r-rabta tat-tarbija ma' ommha mhux biss matul l-ewwel xhur wara t-twelid imma wkoll matul l-ewwel snin tal-ħajja tagħha;

160.  Jilqa" b'sodisfazzjoni il-fatt li l-Kummissjoni tagħraf li t-tfal, mit-twelid sa meta jsiru adulti, għandhom ħtiġijiet differenti ħafna fi stadji differenti ta" żvilupp tal-ħajja tagħhom; ifakkar fid-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta" saħħa li jista" jintlaħaq u, speċifikament, id-dritt ta" l-adoloxxenti għal edukazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u dwar l-ippjanar tal-familja u li għandu jkun għalhekk parti integrali mill-istrateġija futura dwar id-drittijiet tat-tfal;

161.  Jinnota li d-drittijiet tat-tfal, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jirreferu għal kull bniedem/bniedma taħt l-età ta" 18-il sena u li ħtiġijiet speċifiċi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva ta" l-odoloxxenti u d-drittijiet marbuta magħha jridu jkunu rikonoxxuti;

162.  Jissottolinja l-importanza li jiġu promossi politiki dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva sabiex jitnaqqsu u possibilment jiġu evitati l-infezzjonijiet trasmessi sesswalment (inklużi l-HIV/AIDS), tqaliet mhux mixtieqa u abortijiet illegali u li m'humiex sikuri għal nisa żgħażagħ, u biex jiġi evitat in-nuqqas ta" fehim min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa riproduttiva tagħhom;

163.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex iħarsu lit-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu jbatu mill-AIDS u jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħqu l-mira ta" żvilupp tal-Millennju 5 (MDG 5) (li tittejjeb is-saħħa materna), il-mira ta" żvilupp tal-Millennju 4 (li titnaqqas il-mortalità fost it-tfal) u l-mira ta" żvilupp tal-Millennju 6 (li jiġu miġġielda l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor); iħeġġeġ ukoll l-investiment f'riċerka dwar formulazzjonijiet pedjatriċi ta" kontra r-retrovirus u fl-iżvilupp tagħhom, fil-provvediment ta" filoxx kontra l-malarja għal fuq is-sodot u fil-promozzjoni tat-tilqim permezz ta" l-Alleanza GAVI (li qabel kienet magħrufa bħala l-Alleanza Globali għall-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni);

164.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu edukazzjoni sesswali, informazzjoni u pariri sesswali sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar is-sesswalità personali u r-rispett għaliha, u biex jiġu evitati tqaliet mhux mixtieqa u t-tixrid ta" l-HIV/AIDS u mard ieħor li jiġi trasmess sesswalment (STDs), u biex jiffaċilitaw l-aċċess għal kontraċettivi differenti u l-informazzjoni dwarhom;

165.  Jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li t-tfal u l-adoloxxenti kollha kemm ġewwa u kemm barra mill-iskola huma pprovduti informazzjoni xjentifika mfassla kif meħtieġ u komprensiva dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva biex jagħmlu għażliet infurmati dwar kwistjonijiet relatati mal-benesseri personali tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta" l-infezzjonijiet li jiġu trasmessi sesswalment (STDs) u l-HIV/AIDS;

166.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu, kemm ġewwa u kemm barra mill-Unjoni, aċċess indaqs għat-tfal taż-żewġ sessi għall-kura tas-saħħa, b'enfasi partikulari fuq tfal żvantaġġjati u dawk ġejjin minn minoranzi etniċi jew soċjali;

167.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-ħsara lin-nisa u t-tfal marbuta ma' l-alkoħol, billi:

   a) jipprovdu informazzjoni aħjar lin-nisa dwar id-diversi ta" diżordnijiet fil-fetu kkawżati mix-xorb alkoħoliku,
   b) jipprovdu servizzi tas-saħħa adegwati u pariri adegwati għal nisa bi problemi ta' l-alkoħol matul u wara t-tqala kif ukoll għal nisa u tfal f'familji bi problemi ta' l-alkoħol u ta' l-abbuż tad-drogi,
   c) jintroduċu regolamenti aktar iebsa dwar ir-reklamar għax-xorb alkoħoliku u dwar l-isponsorjar ta" avvenimenti sportivi mill-industrija ta' l-alkoħol, fil-forma ta' projbizzjonijiet ta' reklamar bejn is-6 a.m. u d-9 p.m., u billi jipprojbixxu r-reklamar ta" l-alkoħol ma" kontenut li jkun immirat għat-tfal (logħob tal-kompjuter, komiks), sabiex ma tiġix ikkomunikata lit-tfal xbieha pożittiva ta" l-alkoħol, u
   d) jipprojbixxu x-xorb alkoħoliku li fid-disinn tiegħu ftit li xejn ikun differenti minn mill-ħelu jew mill-ġugarelli, ladarba t-tfal ma jafux jiddistingwu bejn xorb alkoħoliku u xorb mhux alkoħoliku;

168.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkunu maħluqa l-kundizzjonijiet biex kull tifel u tifla jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal kull tip u livell ta" servizz tas-saħħa, u fejn ikun meħtieġ li jieħdu miżuri pożittivi biex jgħinu l-gruppi żvantaġġjati biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għażliet ta" servizzi tal-kura tas-saħħa li altrimenti kienu jibqgħu esklużi minnhom;

169.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 t'Ottobru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew li qed ireddgħu(14) tistipula drittijiet tax-xogħol għal nisa tqal u li qed ireddgħu, li jobbligaw lil min iħaddem li jieħu l-passi xierqa kollha biex jiżgura li la n-nisa u l-anqas it-tarbija fil-ġuf ma jkunu esposti għal xi riskju għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

170.  Jitlob li ssir riċerka dwar l-effetti ambjentali fuq is-sistemi ormonali, newroloġiċi, psikoloġiċi u immunitarji u li ssir valutazzjoni tagħhom, li fl-ippjanar urban kollu u fl-ippjanar kollu tat-trasport jiġu introdotti testijiet ta" kemm jirrispettaw lit-tfal, li jsir tikkettar pożittiv ta" ġugarelli li ma jkunux maħduma permezz tax-xogħol tal-minorenni;

Ir-reġistrazzjoni tat-twelid

171.  Jagħraf id-dritt ta" kull tifel u tifla li jiġu rreġistrati kif jitwieldu bħala għarfien legali ta" l-eżistenza tiegħu/tagħha u tad-dritt tiegħu/tagħha li tikseb nazzjonalità u identità, hu x'inhu s-sess jew l-oriġini etniku tagħhom, jew in-nazzjonalità tal-ġenituri tagħhom jew l-istatus tal-ġenituri tagħhom bħala rifuġjati, immigranti jew bħala persuni li qed ifittxu ażil;

172.  Jagħraf li ċ-ċertifikati tat-twelid jgħinu biex iħarsu tifel jew tifla kontra vjolazzjonijiet tad-drittijiet li jinħolqu minn dubji dwar l-età jew l-identità tiegħu/tagħha; jidhirlu li sistemi ta" reġistrazzjoni tat-twelid li jkunu affidabbli jxekklu l-ittraffikar tat-tfal u ta" l-organi tagħhom, irażżnu l-adozzjoni illegali u jevitaw li l-età ta" tifel jew tifla tkun stmata aktar milli fill-fatt hi għall-għanijiet ta" żwieġ bikri, reklutaġġ militari taħt l-età, sfruttament sesswali, xogħol tal-monorenni(15) u t-trattament ġudizzjarju ta" minorenni bħala adulti;

173.  Jenfasizza l-fatt li l-"inviżibilità" ta' tfal li m'humiexx irreġistrati żżid il-vulnerabilità tagħhom u l-probabilità li l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tagħhom jgħaddu mingħajr ma ħadd jinduna bihom;

174.  Jikkundanna l-eżistenza f'xi pajjiżi ta" diskriminazzjoni tas-sessi fir-reġistrazzjoni tat-twelid, b'liġijiet u prattiki li qed joperaw li huma kuntrarji għall-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta" Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u li jinkludu ċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni għal ommijiet mhux miżżewġa, ir-rifjut tan-nazzjonalità tal-mara u d-diskriminazzjoni fir-reġistrazzjoni ta" bniet mingħajr edukazzjoni skolastika fejn l-aċċess għar-reġistrazzjoni hija bbażata fuq is-sistema edukattiva;

175.  Jistieden lill-Kummissjoni u kemm lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll lill-organizzazzjonijiet ta" l-għajnuna umanitarja biex jingħaqdu fl-azzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li ssir ir-reġistrazzjoni tat-twelid f'pajjiżi terzi; jinnota li n-nuqqas ta" ċertifikat tat-twelid jista" jżomm tfal milli jiksbu għarfien ta" drittijiet possibbli ta" wirt u milli jiksbu aċċess għall-edukazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa u għall-għajnuna materjali mill-Istat; jitlob li ssir il-promozzjoni ta' miżuri biex jiġi żgurat li servizzi bħal dawn ikunu pprovduti b'mod universali sakemm ikun komplut għal kollox il-proċess tar-reġistrazzjoni uffiċjali;

176.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati biex jistabbilixxu sistemi ta' reġistrazzjoni permanenti li jkunu joperaw mil-livell nazzjonali għal dak tal-villaġġi, li jkunu disponibbli mingħajr ħlas għall-popolazzjoni kollha kemm hi inklużi dawk in-nies li jgħixu f'inħawi remoti, permezz tal-provvediment, inter alia, ta" unitajiet mobbli ta' reġistrazzjoni fejn hu xieraq, it-taħriġ adegwat għar-reġistraturi ċivili u l-allokazzjoni ta" riżorsi suffiċjenti biex jiffinanzjaw dawn l-inizjattivi;

177.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-koordinament effettiv ta" politiki biex tiġi inkuraġġita r-reġistrazzjoni tat-twelid, b'mod partikulari bl-involviment tan-NU u l-aġenziji dipendenti, bit-tama li jintlaħaq ftehim dwar aġenda komuni li se trawwem rispons effettiv madwar id-dinja kollha;

Tfal f'kunflitti armati

178.  Jisħaq fuq il-bżonn kruċjali li jiġu implimentati l-Linji Gwida ta' l-UE dwar Tfal f'Kunflitti Armati;

179.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkorporaw l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' Ruma fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u biex jinvestigaw, iħarrku u jikkastigaw lil dawk kollha li bi ksur tal-liġi jkunu rreklutaw lit-tfal f'forzi jew gruppi armati, jew li jkunu użawhom għal parteċipazzjoni attiva f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt, sabiex jiżguraw li jkun qed isir kull sforz biex tintemm il-kultura ta' impunità fir-rigward ta' dawk id-delitti;

180.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' "L-Impenji ta' Pariġi biex it-tfal jiġu mħarsa mir-reklutaġġ jew l-użu illegali minn forzi armati jew minn gruppi armati" ta' l-2007 bħala aġġornament tal-Prinċipji ta' Cape Town ta" l-1997, u jħeġġeġ lill-Istati kollha biex jadottawhom;

181.  Jidhirlu li huma meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat li tfal li huma mċaħħda mill-libertà tagħhom jiġu trattati f'konformità mal-liġijiet internazzjonali umanitarji u mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem, billi jitqies l-istatus speċjali tagħhom bħala tfal, u biex tiġi pprojbita d-detenzjoni tat-tfal ma' l-adulti, ħlief fil-każ ta" ġenituri bit-tfal żgħar; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi programmi ta" taħriġ sabiex titqajjem kuxjenza fost l-uffiċjali u l-istaff tas-sistemi legali u dawk tal-pulizija tal-pajjiżi fejn l-użu ta" subien u bniet bħala suldati tfal tkun ġiet innutata;

182.  Jisħaq fuq il-bżonn li t-tfal jiġu ttrattati f'konformità mar-regoli tal-ġustizzja taż-żgħażagħ kif ukoll il-bżonn li jinsabu alternattivi għall-proċeduri ġudizzjali; jitlob li prosekuturi u avukati speċjalisti taż-żgħażagħ attivi fil-qasam tal-liġi soċjali jassistu lit-tfal fil-qorti; jitlob li jiġu stabbiliti kummissjonijiet tal-verità u tar-rikonċiljazzjoni;

183.  Jitlob li ssir ir-reintegrazzjoni, u r-riabilitazzjoni fiżika, soċjali u psikoloġika ta' dawk li kienu suldati tfal u tfal oħra affettwati minn kunflitti armati, l-għaqda tagħhom mill-ġdid mal-familji tagħhom, kura alternattiva għal dawk li l-għaqda mill-ġdid m'hijiex possibbli, korsijiet edukattivi biex ilaħħqu mat-tagħlim li jkunu tilfu u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-HIV/AIDS; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati nuqqasijiet speċifiċi fir-reintegrazzjoni tas-suldati bniet, li kultant jiġu mwarrba emarġinati soċjalment, billi jiġu allokati riżorsi speċjali biex jiġu stabbiliti programmi għall-edukazzjoni, is-saħħa sesswali, l-appoġġ psikoloġiku u għall-medjazzjoni tal-familja;

184.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjoni diplomatika konġunta kull fejn ikun hemm rapporti li tfal qed jiġu rreklutati għal ġo unitajiet militari jew gruppi armati;

185.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet ta" emerġenza għal tfal fi stati fraġli affettwati minn kunflitti rari jestendu għal edukazzjoni xierqa u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja attivitajiet edukattivi, inkluża l-implimentazzjoni ta" l-Istandards Minimi mfissra fil-qosor min-Network ta" bejn l-Aġenziji għall-Edukazzjoni waqt l-Emerġenzi, kemm waqt emerġenzi kif ukoll fil-fażi transizzjonali mill-kriżi għall-iżvilupp;

186.  Jisħaq li n-nuqqas ta" ftehima formali finali li ttemm kunflitti ffriżati joħloq sitwazzjoni li fiha l-istat tad-dritt huwa ttraskurat u fejn huma kommessi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiz-zoni kkonċernati, u li dan jikkostitwixxi impediment mill-aktar serju kontra l-assigurazzjoni li d-drittijiet kollha tat-tfal huma rrispettati; jitlob li jittieħdu passi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u l-familji tagħhom f'zoni ta" kunflitt iffriżat;

It-tfal u d-demokrazija

187.  Jisħaq fuq id-dritt tat-tfal li jikbru f'soċjetà ħielsa u miftuħa fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta" l-espressjoni huma rrispettati u fejn is-sentenzi tal-mewt ma jkunux imposti aktar, b'mod partikulari fuq individwi ta" taħt l-età;

188.  Jisħaq li l-pożizzjoni tat-tfal fi stati mhux demokratiċi hija waħda prekarja ħafna u jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni lil dan il-grupp ta" nies;

189.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħares lejn il-kwistjoni tat-tqajjim tal-kuxjenza politika tat-tfal u taż-żgħażagħ f'pajjiżi terzi fejn id-demokrazija hija ristretta, sabiex dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw f'ċittadini li jkunu konxji politikament;

190.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsemmgħu l-fehmiet tagħhom fuq bażi volontarja permezz ta" organizzazzjonijiet (politiċi) taż-żgħażagħ;

o
o   o

191.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Network Ewropew ta" Osservatorji Nazzjonali dwar it-Tfulija (ChildONEurope), lill-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UNICEF, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

(1) ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.
(2) ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.
(3) http://www.savethechildren.net/alliance/where_we_work/europegrp_haveyoursay.html.
(4) ĠU C 300E, 9.12.2006, p. 259.
(5) http://ec.europa.eu/justice_home/cfr_cdf/doc/thematic_comments_2006_en.pdf.
(6) ĠU L 13, 20.1.2004, p.44.
(7) ĠU L 338, 23.12.2003, p.1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2116/2004 (ĠU L 367, 14.12.2004, p.1).
(8) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p.355.
(9) Il-Konvenzjoni 182 ta" l-ILO dwar l-agħar forma ta" tħaddim tat-tfal tirreferi direttament għall-ittraffikar bħala wieħed mill-agħar forom ta" sfruttament.
(10) ĠU L 332, 18.12.2007, p.27.
(11) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 220.<0}
(12) ECPAT huwa network ta' appoġġ internazzjonali għat-Tmiem tal-Prostituzzjoni, tal-Pornografija u t-Traffikar tat-Tfal għal finijiet ta' Sess,
(13) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(14) ĠU L 348, 28.11.1992, p.1.
(15) Definit fl-Artikolu 32(1) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Avviż legali - Politika tal-privatezza