Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0041/2008

Testi mressqa :

B6-0041/2008

Dibattiti :

PV 17/01/2008 - 4
CRE 17/01/2008 - 4

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2008 - 6.7

Testi adottati :

P6_TA(2008)0020

Testi adottati
PDF 211kWORD 44k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2008 - Strasburgu
It-tieni Forum dwar il-Governanza ta' l-Internet, li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta' Novembru 2007
P6_TA(2008)0020B6-0041/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza ta' l-Internet, li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta' Novembru 2007

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi(2),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (WSIS), adottati f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni" (COM(2004)0480),

–   wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż u l-Aġenda għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, adottati f'Tuneż fit-18 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Sħubija Globali fis-Soċjeta ta' l-Informazzjoni: Segwitu għall-Fażi ta' Tuneż tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar is-Soċjeta ta' l-Informazzjoni (WSIS) (COM(2006)0181),

–   wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' l-10 ta' Awissu 2007 għat-tieni Forum dwar il-Governanza ta' l-Internet f'Rio de Janeiro, il-Brażil mit-12 sal-15 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza ta' l-Internet (IGF) hu li jesegwixxu l-mandat tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (WSIS) rigward it-tlaqqigħ ta' fora għal djalogu demokratiku u trasparenti li jħaddan politika li tinteressa lil bosta partijiet,

B.   billi l-irwol ewlieni u l-funzjoni ta' l-IGFs hu li jiddiskutu medda wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-Governanza ta' l-Internet u, fejn ikun xieraq, li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali,

C.   billi fl-ewwel IGF li sar f'Ateni bejn it-30 ta' Ottubru u t-2 ta' Novembru 2006, kienu ġew identifikati xi kwistjonijiet u xi forom ta' dibattitu, bħall-koalizzjonijiet dinamiċi, li wara kienu analizzati aktar fil-fond f'Rio de Janeiro u se jkomplu jiġu diskussi fl-IGFs li jmiss,

D.   billi t-tieni IGF li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta' Novembru 2007, ġibed aktar minn 2,000 parteċipant,

E.   billi d-delegazzjonijiet ad hoc li bagħat il-Parlament kellhom sehem ewlieni fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej u fl-interazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li attendew għal dawn l-avvenimenti, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni,

F.   billi t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) għandhom sehem importanti biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

G.   billi waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin ta' l-Ewropa dwar l-ICTs hi li tnaqqas il-firda diġitali kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak globali,

H.   billi l-ogħla prijoritajiet ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill ta' l-Ewropa waqt it-tieni IGF kienu l-protezzjoni tat-tfal li jużaw l-Internet, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà ta' l-espressjoni, il-ħtieġa li jkunu garantiti l-użu bil-miftuħ u l-aċċessibilità biex ikun hemm diversità, l-indirizzi u n-numerazzjoni IP (Internet Protocol), u l-Internet ta' l-Affarijiet (Internet of Things) marbut mal-kwistjoni usa' ta' l-RFID (Radio Frequency Identification),

I.   billi dawn il-kwistjonijiet se jerġgħu jiġu trattati fl-IGF li jmiss, li se jiltaqa' f'i New Delhi bejn it-8 u l-11 ta' Diċembru 2008,

1.  Jikkunsidra li, għalkemm l-IGF mhux se jadotta konklużjonijiet formali, ir-responsabilità ta' l-Unjoni Ewropea hi li tagħti appoġġ lil dan il-proċess, billi dan jagħti kuntest pożittiv u konkret lill-iżvilupp ta' l-Internet fil-ġejjieni fuq il-bażi ta' strateġija li tinteressa lil bosta partijiet;

2.  Jenfasizza li diġà jistgħu jittieħdu tagħlimiet mill-iskambji produttivi li kien hemm fil-kuntest ta' l-IGFs s'issa, u li bdew jaħdmu, l-aktar fl-aspetti regolatorji dwar il-komunikazzjoni elettronika u l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-data u l-privatezza; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi assigurat Internet miftuħ u indipendenti għall-ġejjieni, ibbażat fuq l-inizjattivi u l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati, kif ukoll fuq il-libertà ta' l-espressjoni;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet konċernati ta' l-UE biex iqisu l-Aġenda ta' Tuneż għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom, bħar-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjoni elettronika, ir-reviżjoni ta' l-inizjattiva i2010 u kull proposta leġiżlattiva prospettiva dwar l-ICT; jenfasizza l-mezzi biex l-Internet isir aktar aċċessibbli għal aktar nies, p.e. il-kompetizzjoni bejn l-operaturi u l-fornituri tas-servizz, in-newtralità bejn it-teknoloġija u l-iżvilupp ta' l-ICT;

4.  Jenfasizza l-importanza li għandu jogħla l-profil parlamentari dwar il-proċess ta' l-IGF u jfittex bil-ħerqa li jikkopera mal-Parlamenti tal-Brażil u ta' l-Indja u assemblej oħra interessati rigward l-IGF li jmiss fi New Delhi;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lill-IGF fl-aġendi tagħhom;

6.  Jinnota l-offerta li saret mil-Litwanja biex torganizza l-IGF ta' l-2010;

7.  Jirrikonoxxi l-valur li jkompli bil-koperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, p.e. b'laqgħat regolari wara l-laqgħat tal-gruppi ta' konsulenza ta' l-IGF;

8.  Jisħaq fuq l-importanza li jidħlu l-interessi nazzjonali u reġjonali fil-proċess ta' l-IGF sabiex jinħolqu IGFs lokali, kif diġà qiegħed jiġi propost li jsir fir-Renju Unit;

9.  Jinkoraġġixxi l-organizzazzjoni ta' "IGF Ewropea" qabel nofs l-2009 biex tissaħħaħ id-dimenzjoni Ewropea tal-proċess sħiħ bejn l-IGF u d-WSIS; jitlob lill-President tiegħu biex joffri l-faċilitajiet għal avveniment ta' tħejjija qabel l-IGF ta' New Delhi li jkun jinvolvi membri parlamentari mill-UE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 133 E, 8.6.2006, p.140.
(2) ĠU C 291, 30.11.2006, p.133.

Avviż legali - Politika tal-privatezza