Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-kontribut ghall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegha 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' strateġiji tal-Kummisjoni għall-Istrateġija ta' Liżbona li jinkludi r-rapport strateġiku dwar l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u li jniedi ċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010), il-valutazzjoni tal-programmi ta' riforma nazzjonali u l-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010) stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew (COM (2007)0803) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Programm Komunitarju ta' Liżbona 2008-2010 (COM (2007)0804),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta' globalizzazzjoni (COM(2007)0581),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 20072013 (COM (2007)0798)
– wara li kkunsidra s-27 Programm ta' Riforma Nazzjonali ta' Liżbona (NPRs) għall-2005-2008 kif ippreżentati mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, it-23 u l-24 Marzu 2001, it-22 u t-23 ta' Marzu 2005, it-23 u t-24 ta' Marzu 2006 u t-8 u d-9 ta' Marzu 2007, kif ukoll ir-riżultat tad-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew Informali tas-27 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta" globalizzazzjoni(1),
– wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Parlamentari Konġunta, li saret fi Brussell fil-11 u t-12 ta' Frar 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni wegħdet li tqis bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija ta' Liżbona, b'mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-globalizzazzjoni tal-15 ta' Novembru 2007,
B. billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, wera appoġġ qawwi għall-Istrateġija ta' Liżbona, u laqa' b'mod speċjali l-approċċ iċċentrat mill-ġdid madwar l-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi,
C. billi hemm interrelazzjoni qawwija bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali,
D. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi taċ-ċittadini dwar il-globalizzazzjoni; billi l-Unjoni Ewropea trid terfa' r-responsabilità politika tagħha bħala attur globali u tikkontribwixxi għall-kisba u għat-tiswir ta" żvilupp sostenibbli fid-dinja fl-epoka tal-globalizzazzjoni sabiex in-nies kullimkien ikunu jistgħu japprofittaw mill-opportunijiet li toffri l-globalizzazzjoni,
E. billi s-suq intern huwa strument importanti u effiċjenti għall-bini ta" ekonomija dinamika u kompettitiva bbażata fuq l-għarfien u għall-appoġġ tal-pożizzjoni kompettitiva ta' l-Ewropa fis-suq globali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha;
F. billi din ir-Riżoluzzjoni, skond il-mandat tal-Grupp ta" Kordinazzjoni ta" l-Istrateġija ta' Liżbona tal-Parlament u b'rispett lejn il-kompetenzi tal-kumitati l-oħra tal-Parlament, mhix ser tindirizzaa d-dettalji tal-proċċessi ta" leġiżlazzjoni u konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa,
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jenfasizza mill-ġdid l-importanza ta' implimentazzjoni vigoruża ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, b'enfasi fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli li tkun dinamika u innovattiva;
2. Jemmen li l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità futura ta' l-Ewropa jiddependu mill-mod ta" kif jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' l-impjiegi u kif jintlaħqu l-opportunitajiet u l-isfidi li joħorġu mill-globalizzazzjoni, mill-bidla demografika u mit-theddidiet ambjentali globali; jemmen li l-istrument komuni ta' l-Unjoni Ewropea hija l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda u l-linji gwida integrati;
3. Jemmen li sabiex jiġi garantit is-suċċess ta" l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda jeħtieġ li jissaħħaħ it-tkabbir ta" l-Ewropa,u biex tintgħeleb id-domanda domestika li ma kinitx kbira biżżejjed li trid tiġi miż-żidiet fid-dħul relatati maż-żidiet fil-produttività u fl-impjiegi;;
4. Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea se tiffaċċja ħafna sfidi fil-perjodu li ġej: popolazzjoni li ser tibda tonqos sa mill-2020, aktar pressjoni ekonomika mill-kompetituri globali, prezzijiet ta" l-enerġija ogħla, il-bidla fil-klima u l-iżbilanċi soċjali; hu tal-fehma li l-Ewropa jeħtieġ li tirrispondi għal dawk l-isfidi bl-aħjar taħlita ta" politiki;
5. Jinnota li l-Istrateġija ta' Liżbona qed tiżviluppa b'mod pożittiv; jinnota wkoll, madankollu, li għad hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha u li m'hemm l-ebda fehim adegwat tal-fatt li l-proċess Ewropew ta' l-iżvilupp lejn aktar tkabbir, ħolqien ta' impjiegi, sigurtà soċjali adegwata u xierqa u ħarsien ambjentali xieraq għadu mhux immuni kontra l-kriżijiet;
6. Isemmi li bħala l-ikbar esportatur u importatur ta" prodotti fid-dinja, l-akbar esportatur ta" servizzi fid-dinja u t-tieni l-akbar destinazzjoni u oriġini ta" investiment barrani dirett, l-Unjoni Ewropea hi waħda mill-ikbar benefiċjarji ta" l-ekonomija dinjija miftuħa; iqis li bħala tali, l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità kbira li taħdem fuq il-kwistjonijiet globali;
7. Jilqa' d-dimensjoni globali tal-proċess ta' Liżbona u jinnota li l-Istrateġija ta' Liżbona tirrappreżenta r-risposta Ewropea għall-opportunitajiet u r-riskji inerenti fil-globalizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-koperazzjoni transatlantika kif ukoll li titjieb il-koperazzjoni ma' atturi ewlenin oħra bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Brażil u zoni ekonomiċi oħra fid-dinja;
8. Jitlob għal regoli u prattiki li sar qbil dwarhom fil-kummerċ dinji, kompatibbli mal-miri ta" żvilupp tal-millenju u bir-responsabilità fit-tmexxija fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-promozzjoni tas-saħħa; Jitlob bħala prinċipju li jittieħdu miżuri sabiex jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha; jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni u approċċ ġust għat-tkomplija tan-negozjati tar-Rawnd ta" Doha;
9. Jenfasizza l-valur innegabbli ta" politika konsistenti ta" stabilità u tkabbir u l-importanza ta' l-istabilità makroekonomika bħala sors tal-fiduċja li hija l-bażi għall-kisba ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; isemmi li fl-interess ta" l-istabilità makro-ekonomika, iż-żieda fil-produttività trid timxi id f'id ma" distribuzzjoni aktar ekwi u tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; f'dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għat-talba li ż-żieda fid-dħul iżżomm il-pass mat-tkabbir fuq medda medja taż-żmien fil-produttività;
10. Jenfasizza, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-ekonomiji ta' l-Istati Membri huma interdipendenti ħafna u li l-argument għal aġenda komuni ta" riforma huwa l-aktar b'saħħtu fiż-żona ta" l-euro;
11. Jiġbed l-attenzjoni li l-ewwel u qabel kollox tkun imħarsa l-istabilità tas-swieq finanzjarji, u jinnota li l-kriżi subprime reċenti turi l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa miżuri ta' sorveljanza sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-istabilità tas-swieq finanzjarji u jitħarsu aktar il-klijenti; jitlob li ssir evalwazzjoni tas-sistemi attwali u ta' l-istrumenti ta' superviżjoni prudenti fl-Ewropa, u jinsisti fuq konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li twassal għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif tittejjeb l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-ħila tagħha li tipprovdi finanzi sikuri u fuq medda twila ta' żmien għan-negozji Ewropej;
12. Jirrimarka li s-sussidjarjetà hija importanti biex tippermetti lill-Istati Membri li jadattaw politiki miftehma bejn il-partijiet kollha dwar is-sigurtà u l-flessibilità għall-prattiki speċifiċi u t-tradizzjonijiet tas-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom;
13. Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija prinċipju fundamentali tat-Trattati u strument biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li 75 % tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni huma assenjati għall-innovazzjoni u għall-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; iqis li l-influwenza li għandha l-politika ta' koeżjoni b'mod ġenerali, u l-fondi strutturali u ta' koeżjoni b'mod partikulari, trid tintuża għall-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' l-Istrateġija ta' Liżbona fil-livell reġjonali u li r-riżultati ta' dan il-proċess jeħtieġ ikunu monitorati mill-qrib fil-livelli reġjonali u lokali; iqis li l-iżvilupp ekonomiku favorevoli attwali għandu jagħti spinta għal aktar riformi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun eżaminat l-effett ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona fil-livell reġjonali, meta wieħed iqis li l-2008 se tkun l-ewwel sena li fiha jistgħu jkunu evalwati r-riżultati preliminari ta' l-eżerċizzju ta' assenjazzjoni (earmarking exercise) tal-politika ta' koeżjoni;
14. Iqis li r-riċerka xjentifika u teknoloġika tifforma wieħed mill-elementi ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; jaqbel li huwa importanti ħafna li r-riċerka u l-iżvilupp (R&D) jingħataw spinta u li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri addizzjonali biex jilħqu l-miri tagħhom ta' investiment għall-2010 billi jindikaw kif ser jintlaħqu l-miri nazzjonali ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kif l-istrateġiji tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp ser jikkontribwixxu sabiex tiġi mwettqa zona Ewropea tar-riċerka; jenfasizza li l-bidla meħtieġa lejn ekonomija effiċjenti f'sens ta' enerġija, b'livell baxx ta" karbonju bbażata wkoll fuq sorsi li jiġġeddu permezz ta" l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta" teknoloġiji ġodda se toħloq diversi opportunitajiet għall-Unjoni Ewropea; jinnota l-opportunitajiet immensi li joffru lill-ekonomija Ewropea l-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ġodda li se jagħmlu parti mid-dekarbonizzazzjoni ta' l-ekonomija globali; jilqa" f'dan il-kuntest il-proposta tal-Kummissjoni tiġi stabbilita l-"ħames libertà" – il-libertà ta" l-għarfien – li tikkumplimenta l-erba' libertajiet ta-moviment tal-prodotti, tas-servizzi tal-persuni u tal-kapital kif ukoll li jingħaqdu r-riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp ta" l-UE u ta" l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-użu aktar effettiv tagħhom;
15. Jilqa" l-inizjattivi u l-investimenti riċenti tal-politika industrijali u ta" riċerka; f'dan il-kuntest, jilqa' l-istabbiliment ta' l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Tekonoloġija u l-investiment riċenti fil-Galileo bħala mezz effiċjenti li jgħaqqad il-ħtiġijiet ta' l-innovazzjoni tat-teknoloġija ma' l-aġenda tar-riċerka ta' l-industrija; japprova ħafna l-programmi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni Globali bis-Satellita (Galileo u EGNOS), bħala proġetti ewlieni ta" l-UE; jenfasizza l-merti ekonomiċi u pubbliċi ta' dawn il-programmi u l-benefiċċji ta" servizzi u swieq ġodda li jipprovdu;
16. Iqis li n-netwerks ta" eċċellenza huma meħtieġa biex tkun żgurata l-pożizzjoni ewlenija ta' l-Ewropa fl-oqsma ekonomiċi u teknoloġiċi; jemmen li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' raggruppamenti ta' eċċellenza u miżuri biex jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni and l-koperazzjoni fosthom sabiex jippromwovu aktar il-kultura ta' l-innovazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jieħdu aktar passi biex b'mod attiv jappoġġjaw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet ta" riċerka, l-universitajiet u l-industrija;
17. Jenfasizza li huwa importanti li n-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ta' l-Ewropa iwettqu b'suċċess it-tranżizzjoni tagħhom lejn l-era diġitali u jiksbu verament is-soċjetà u l-ekonomija bbażati fuq l-għarfien mitluba mill-Istrateġija ta' Liżbona; jitlob li jkun hemm żvilupp ulterjuri tax-xjenza u t-teknoloġija fil-ħajja ta" kuljum taċ-ċittadini u li tiġi promossa soċjetà ta" l-għarfien inklusiva;
18. Iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-amministrazzjonijiet reġjonali tagħhom, bħala l-ikbar istituzzjonijiet li jipprovdu impjiegi, li jixtru u li jipprovdu servizzi fis-suq intern, biex jistimulaw l-innovazzjoni billi joħolqu swieq pilota għal prodotti u servizzi innovattivi;
19. Jinnota li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-isfruttament ta' riċerka ġdida; japprova ħafna l-Att dwar in-Negozji Żgħar propost mill-Kummissjoni bħala mezz għall-ħolqien ta' opportunitajiet għall-SMEs, u jinkoraġġixxi l-kultura li wieħed "jibda bil-ftit" u jħejji strateġija ta" politiki integrata sabiex jiftaħ beraħ il-potenzjal għat-tkabbir f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta" l-SMEs;
20. Jenfasizza l-potenzjal għall-għajnuna li tista' tingħata lill-SMEs billi jitnaqqsilhom il-piż regolatorju, jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-kuntratti pubbliċi u jkun żviluppat reġim aktar favorevoli għall-iffinanzjar u l-isfruttament ta' l-innovazzjoni;
21. Jirrikonoxxi li fi ħdan l-Unjoni Ewropea, it-teknoloġiji innovattivi jridu jkunu tradotti bil-ħeffa fi prodotti u servizzi ġodda; jappoġġja għalhekk it-talba tal-Kummissjoni għal 'trijangolu ta' l-għarfien' magħmul mir- riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni; jistenna investiment aktar effettiv f'ħilietġodda, tagħlim tul il-ħajja kollha u sistemi moderni ta' edukazzjoni/taħriġ;
22. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-impenn li tnaqqas il-piż regolatorju u li qiegħda timmira lejn regolazzjoni aħjar u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri simili mingħajr ma jipperikolaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-ħarsien tal-konsumatur; jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jirrispettaw l-impenji msemmija fil-Ftehima Inter-istituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar(2); jinnota bi tħassib kbir li numru ta' proposti leġiżlattivi sinifikanti riċenti mill-Kummissjoni tressqu mingħajr ma qabel saru evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom, jew inkella mingħajr evalwazzjoni adegwata ta' l-effetti tal-leġiżlazzjoni preċedenti fl-istess qasam;
23. F'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa ta" approċċ tal-politika esterna u kummerċjali ġdid u komprensiv li jiffoka fuq konverġenza dinjija ta" regoli, standards u koperazzjoni regolatorja;; jenfasizza li l-Ewropa trid timmassimizza l-potenzjal tagħha bħala imbuttatura għal negozji li jkun deħlin fis-swieq dinjija u bħal lok attraenti għall-investituri; jitlob barra minn hekk li l-ftehimiet kollha bilaterali jew reġjonali tal-kummerċ ta' l-UE li qed ikunu nnegozjati jinkludu dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu infurzati dwar l-implimentazzjoni ta' standards fundamentali ta' xogħol u aspetti oħra ta' xogħol deċenti kif ukoll ta' standards ambjentali multilaterali;
24. Itenni mill-ġdid it-twemmin tiegħu li biex tinħoloq soċjetà li kapaċi tirrispondi għall-bidla l-irwol ta' stil aktar inklusiv ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi se jkun kruċjali; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2005 li jisħqu li livell għoli ta' protezzjoni soċjali huwa fundamentali għall-Istrateġija ta' Liżbona; jafferma mill-ġdid li mhux aċċettabbli li hawn nies jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u f'pożizzjoni ta' esklużjoni soċjali; jafferma mill-ġdid li ċ-ċittadini kollha Ewropej għandu jkollhom aċċess għal xogħol u ħajja diċenti, anke wara li jirtiraw; jappoġġja azzjoni ulterjuri biex jissaħħu politiki li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bl-għan li jkun adottat approċċ komprensiv għat-tiġdid tal-momentum deċisiv li ngħata lill-qerda tal-faqar sa l-2010 u biex ikun possibbli li ċ-ċittadini Ewopej kollha jiksbu aċċess għad-drittijiet fundamentali tagħhom; jenfasizza l-inkorporazzjoni li legalment torbot tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-Trattat ta" Liżbona; jitlob li jkun hemm impenn mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għal aġenda soċjali ambizzjuża b'impatt konkret fuq ir-riżultati ta" l-Istrateġija ta" Liżbona;
25. Itenni – minħabba li l-koeżjoni soċjali u territorjali hi waħda mill-komponenti ewlenin tas-suq intern – l-importanza li tingħata spinta lill-fiduċja taċ-ċittadini permezz tal-promozzjoni ta' objettivi soċjali u ambjentali komuni għall-Istati Membri, bħalma huma impjiegi ta' kwalità tajba, opportunitajiet indaqs u ħarsien tas-saħħa u ta" l-ambjent, filwaqt li tkun rispettata d-diversità kulturali Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-UE tħaddem il-funzjoni tagħha ta" ħarsien f'dawn l-oqsma u li tiġi evitata l-kompteizzjoni regulatorja fost l-Istati Membri;
26. Jemmen li hija neċessarja aktar integrazzjoni tal-qasam tat-trasport fl-Istrateġija ta' Liżbona; jinsisti li fil-Linji Gwida ta' Politika Integrata għandha tingħata prijorità lit-trasport sostenibbli, lil-loġistika u lill-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej, u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali li se jitressqu waqt il-Kunsill Ewropew 2008 li se jsir dalwaqt ikunu jirriflettu dawn il-prijoritajiet;
Is-suq intern u r-risponsi strateġiċi għall-globalizzazzjoni
27. Jenfasizza li suq intern li jaħdem mingħajr xkiel, ħaddiema kwalifikati b'mod konsiderevoli, ekonomija tas-suq soċjali bilanċjata u stabilità demokratika huma l-aktar vantaġġ kompetittiv b'saħħtu għall-Ewropa; jemmen li għal investituri ta" pajjiżi terzi, is-suq intern joffri vantaġġi bħal kundizzjonijiet indaqs u moviment ħieles, iżda jemmen li l-aċċess għas-suq intern għandu jkun akkumpanjat minn ftuħ simili għall-investituri ta" l-UE min-naħa ta" pajjiżi terzi b'ekonomji żviluppati u li qed jitfaċċaw, ; jinnota li, b'żieda ma" dan, jeħtieġ jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet ta' qafas għall-intrapriżi Ewropej inkluża regolazzjoni aħjar, tmexxija tajba, kompetizzjoni b'saħħitha u ġusta, swieq ta' kapital ta" riskju li jiffunzjonaw b'mod effiċjenti u kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni;
28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqiegħdu l-kompettitività ta' l-Unjoni Ewropea fil-qalba tat-tfassil tal-politiki tagħhom u biex jagħtu prijorità lit-tlestija tas-suq intern, b'mod partikolari permezz ta' l-implimentazzjoni f'waqtha u b'mod xieraq tad-direttivi tas-suq intern u t-tneħħija ta' ostakoli għas-swieq nazzjonali; ifakkar, madankollu, li t-twaqqif tas-suq intern kien ibbażat fuq il-kompetizzjoni, il-koperazzjoni u s-solidarjetà, li jibqgħu il-prekundizzjonijiet bażiċi għal aktar kisbiet tas-suq intern fis-seklu wieħed u għoxrin; jenfasizza li s-suq intern irid jiġi żviluppat permezz ta' regoli ġusti tal-kompetizzjoni, sistemi ta' ħarsien fiskali u soċjali effiċjenti u livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi komplut is-suq intern u li jitwettqu r-riformi meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw il-miżuri neċessarji li għad baqa' jsiru biex jinħoloq suq intern fis-servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jinkoraġġixxu l-fornituri u l-prodotti ġodda filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet kummerċjali indaqs u trasparenza adegwata u ċertezza legali għall-interessi ta' investituri individwali; hu tal-fehma li l-inizjattivi ġodda tal-politika għall-ikkumpletar tas-suq intern għandhom ikunu mmexxija aktar minn analiżi ta" l-impatt li dawn ikollhom fuq is-swieq, is-setturi ekonomiċi, l-ambjent u l-isfera soċjali;
30. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm livell adegwat ta' ħarsien ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali u jappoġġja inizjattivi għal sistema ta' privattivi li tagħti inċentivi għall-investiment u sforzi ta' riċerka u trawwmen il-kapaċità ta' innovazzjoni, b'mod partikulari għall-SMEs; iħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet biex jaħdmu flimkien lejn kunsens politiku għal titjib reali tas-sistema ta' privattivi, li jippermetti liċ-ċittadini li japprofittaw minn prodotti u servizzi ġodda bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kullħadd;
31. Jinnota li l-istrumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) jinkludu firxa sħiħa ta' strumenti tal-politika li qed jintużaw dejjem aktar sabiex jintlaħqu objettivi ambjentali; huwa tal-fehma li MBIs bħat-taxxi, ħlasijiet u skambji ta' emissjonijiet jistgħu jrawwmu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali u jistgħu jikkontribwixxu, f'dan il-kuntest, biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;
32. Jerġa' jtenni l-fehma tiegħu dwar il-benefiċċji tat-tneħħija tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u tqegħid tiegħu fuq id-degradazzjoni ambjentali bħala mod effettiv kif ikunu indirizzati kwistjonijiet kemm ambjentali kif ukoll ta' xogħol u huwa tal-fehma li l-piż fuq ix-xogħol irid jitnaqqas biex jinħolqu aktar impjiegi u tkun miġġielda l-ekonomija s-sewda;
33. Jinnota li l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista ta" l-enerġija u li ċ-ċittadini ta" l-Ewropa jiġu provduti b'mobilità u enerġija sostenibbli u bi prezz raġonevoli u ż-żamma ta" prezzijiet ġusti tista" tinkiseb permezz ta" l-istess strateġija bħall-ħarsien ambizzjuż tal-klima;
34. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex timplimenta b'mod konsistenti u b'ħeffa id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 u sabiex tagħmel l-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija l-prijoritajiet ta' politika komuni dwar l-enerġija;
35. Isemmi li ħidma importanti oħra ta" l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati l-oħra hija li jeqilbu għal ekonomija b'intensità enerġetika baxxa bbażata fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, u li mod effiċjenti li bih wieħed jista' jasal għal din il-bidla huwa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji li huma diġà disponibbli, iżda li għall-implimentazzjoni tagħhom hemm bżonn ta' azzjoni politika kuraġġjuża, li tkun tinkludi inċentivi u sanzjonijiet miftehma b'mod multilaterali għal dawk il-pajjiżi li m'humiex lesti li jerfgħu is-sehem tagħhom tal-piż; jenfasizza li l-bidla meħtieġa lejn ekonomija sostenibbli u b'użu baxx ta" enerġija u b'livell baxx ta" karbonju permezz ta" l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta" teknoloġiji ġodda se toħloq ħafna opportunitajiet għall-UE;
36. Jenfasizza l-importanza tal-politika tat-trasport biex tkun miġġielda l-bidla fil-klima u biex ikun indirizzat sett ta' problemi ambjentali ikbar, jappoġġja politiki li jnaqqsu t-trasport mhux neċessarju permezz ta' varjetà ta' miżuri u jitlob li n-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni strateġija bir-reqqa ta' l-impatt ambjentali;
37. Jistieden lill-Istati Membri biex b'ħeffa jespandu n-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej li huma interkonnessi u interoperabbli b'qies partikulari għall-bżonnijiet ta' l-Istati Membri l-ġodda fi ħdan politika tat-trasport effiċjenti, sostenibbli, u b'kuxjenza ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japplikaw it-taħlita xierqa ta" politiki biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' sistemi ta' trasport u innovazzjonijiet teknoloġiċi intelliġenti u b'kuxjenza ambjentali;
38. Għalhekk huwa kruċjali li jkun żgurat li t-talba futura għal servizzi loġistiċi tkun kumpatibbli ma' impatt ambjentali iżgħar u inqas emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; hu tal-fehma li t-trasport sostenibbli jiddependi fuq il-kapaċità tal-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali li jipprovdu inċentivi effiċjenti sabiex dawk li jixtru t-trasport, it-trasportaturi u l-manifatturi ta' vetturi jkomplu bl-isforzi tagħhom biex joħolqu suq tal-loġisitika li jirrispetta aktar lill-ambjent;
Is-Suq tax-Xogħol u l-Investiment fil-Persuni
39. Jirrikonoxxi li l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi qed tagħti benefiċċji iżda jenfasizza fl-istess ħin li mhux iċ-ċittadini kollha ta' l-UE bbenefikaw taħtha; jenfasizza li sabiex tkun iffaċjata l-globalizzazzjoni u l-isfida tal-bidla demografika huwa ta' importanza mill-ikbar li n-nies ikunu pprovduti bil-ħiliet meħtieġa u l-opportunitajiet sabiex ikunu attirati aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u biex ix-xogħol ikun għażla reali għal kullħadd, speċjalment permezz ta' miżuri li huma mmirati lejn il-persuni l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol;
40. Jenfasizza li sabiex ikun żgurat il-moviment ħieles u l-mobilità fis-suq tax-xogħol il-Kunsill irid jadotta d-direttivi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-kundizzjoniet tax-xogħol ta' ħaddiema temporanji u l-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni u għandu jirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill għax-Xogħol Ewropew(3) mingħajr dewmien; jenfasizza li t-tneħħija ta" l-ostakoli għall-mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew jagħti lok għal ħarsien akbar tal-ħaddiema Ewropej; jinnota li l-Unjoni Ewropea kellha tagħmel sforz sabiex tispjega liċ-ċittadini tagħha l-benefiċċji ta" strateġija li b'mod effettiv tgħaqqad it-tkabbir, l-integrazzjoni, is-solidarjetà u l-mobilità tax-xogħol;
41. Jerġa" jafferma li l-Ewropa ma jistax ikollha ċ-ċifri għolja ta" qagħad li għandha fil-preżent; jinnota li l-mudell soċjali Ewropew mhux se jibqa' mhux milqut mit-taqlib li qed iseħħ fid-dinja kollha; hu tal-fehma li biex tkun iffaċjata l-isfida demografika u biex tiżgura finanzi pubbliċi sostenibbli, l-Ewropa trid tagħmel riformi fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' sigurtà soċjali biex issaħħaħ l-inċentivi għall-ħidma u biex tipprovdi lin-nies bl-opportunitajiet u l-ħiliet biex ilaħħqu mal-bidla u biex tiffaċilita r-ritorn tagħhom għal xogħol imħallas; isemmi li biex iżżomm il-kompetittività tagħha fix-xena globali, l-UE trid tagħmel numru kbir ta' riformi; jemmen li l-livell ta' fiduċja bejn l-intrapriżi u l-ħaddiema li huwa meħtieġ biex tinqabad din it-triq se jiżdied hekk kif id-djalogu soċjali jintensifika; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-prinċipji komuni miftehma ta" flessigurtà b'mod komprensiv u bilanċjat kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem;
42. Jenfasizza li ħidma flessibbli qed tkun dejjem aktar mitluba kemm minn min iħaddem u kemm mill-impjegati, u jappoġġja l-adozzjoni ta" sett bilanċjat ta" prinċipji komuni rigward il-flexicurity;; ifakkar li l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-taħriġ jiffurmaw parti mill-aqwa politika ta' impjieg u li hemm bżonn infrastruttura għal servizzi ta' kura tat-tfal li għandha titqies bħala waħda mill-prekundizzjonijiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni fix-xogħol b'mod partikulari tan-nisa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintegraw dawn il-prinċipji komuni fil-konsultazzjoni dwar l-NRP tagħhom ma' l-imsieħba soċjali, u jenfasizza l-irwol ċentrali tal-miżuri li jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja personali, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għal kullħadd, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, protezzjoni soċjali xierqa u tqassim tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jkunu żgurati drittijiet marbuta ma' l-impjieg għall-ħaddiema kollha;
43. Jirrikonoxxi l-kontribut li jagħtu swieq tax-xogħol flessibbli mobbli, b'sigurtà u li jaħdmu sew għall-inklużjoni soċjali permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol għall-gruppi kollha fis-soċjetà; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex janalizzaw u jtejbu r-regolamenti ta' l-impjieg u biex jinvestu fl-edukazzjoni, it-taħriġ għal tul il-ħajja u politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol sabiex joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għal-livell għoli ta' impjegar u ta' mobilità fis-suq tax-xogħol; jinsisti dwar il-ħtieġa li jogħlew il-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ, biex ikun evitat li jħallu l-iskola minn kmieni u biex jitnaqqsu l-impjiegi prekarji, u biex tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali u tax-xogħol ta" kulħadd; fil-kuntest tas-soċjetà ta' l-informazzjoni tas-seklu 21 u l-ekonomija bbażata fuq it-tagħrif, l-inklużjoni diġitali hija ta' importanza fundamentali b'mod partikulari fir-rigward ta' dawk żvantaġġjati, l-anzjani u l-abitanti ta' zoni rurali remoti;
44. Jinnota bi tħassib it-tendenza lejn inugwaljanza dejjem tikber fid-dħul u fil-ġid fl-Istati Membri; jemmen li tali tendenza għandha tkun mreġġa" lura permezz ta' azzjoni nazzjonali u Ewropea xierqa sabiex naslu għal soċjetà li għandha aktar koeżjoni u biex ikun żgurat li ċ-ċittadini jipperċepixxu li qed jibbenefikaw mit-tkabbir;
45. Jinnota li uħud mill-Istati Membri introduċew il-kunċett ta" paga minima; jissuġġerixxi li Stati Membri oħra jistgħu jibbenefikaw mill-istudju ta" l-esperjenza ta" dawn ta" l-ewwel; jistieden lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw il-prekundizzjonijiet ta" parteċipazzjoni soċjali u ekonomika għal kulħadd u b'mod partikulari biex jipprovdu għal regolamenti dwar kwistjonijiet bħal pagi minimi, jew arranġamenti ġeneralment li jorbtu u legali oħra jew permezz ta' ftehimiet kollettivi skond it-tradizzjonijiet nazzjonali, li jippermettu ħaddiema full-time biex jgħixu b'mod deċenti mid-dħul tagħhom;
46. Jilqa" l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Proposta għal Programm ta" Liżbona tal-Komunità 2008-2010 billi jipproponi programm aktar prijorizzat b"10 objettivi ewlenin biss li jkunu jistgħu jintlaħqu waqt il-perjodu 2008-2010; jenfasizza, madankollu, li l-opportunità kbira li toffri l-Istrateġija ta" Liżbona hi li tgħaqqad ħtiġijiet differenti ta" riforma u strumenti ekonomiċi, ambjentali u strumenti relatati ma" l-impjiegi f'aġenda ta' riforma waħda; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżomm dan l-approċċ koerenti u integrattiv ta" taħlita ta" politiki u li ma tħottux billi tieħu direzzjoni lejn miżuri ta' politiki iżolati;
Il-kejl tal-progress u l-monitoraġġ ta" Liżbona
47. Jilqa" l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tnaqqas il-burokrazija, b'mod partikulari bl-għan li tgħin lill-SMEs, u sabiex ittejjeb l-evalwazzjoni ta" l-impatt leġiżlattiv; fl-istess ħin, jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Parlament u l-Kummissjoni għadhom ma laħqux ftehim dwar x'tip ta" evalwazzjoni ta" l-impatt hija meħtieġa; f'dan ir-rigward, itenni l-istedina tiegħu għal skrutinju indipendenti u minn barra ta" l-evalwazzjoni ta" l-impatt;
48. Jilqa' l-objettiv tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji; jistenna bil-ħerqa li jirċievi indikazzjonijiet konkreti dwar kif dan l-objettiv se jintlaħaq waqt li jkunu żgurati l-kundizzjonijiet ta' tmexxija tajba; jenfasizza li l-livelli kollha tal-gvern jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv u għalhekk għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet rigward il-politika relatata; jitlob, sabiex tkun tista" titnaqqas il-burokrazija u tkun simplifikata l-leġiżlazzjoni Ewropea, li jkun hemm monitoraġġ ċar bl-għan li jkun determinat safejn il-flessibilità li joffru l-atti leġiżlattivi Ewropej hija fil-fatt sfruttata mill-Istati Membri biex waqt it-traspożizzjoni iqisu l-ispeċifitajiet nazzjonali u dak li jxekkel l-innovazzjoni;
49. Iqis li l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, huma l-atturi prinċipali għall-kisba ta" l-objettivi ta" l-Istrateġija ta' Liżbona; isemmi li dawk il-pajjiżi li huma miftuħa għall-kompetizzjoni esterna, jimplimentaw riformi u jfittxu l-bilanċ baġitarju, kif ukoll l-investiment pubbliku u privata ta" kwalità tajba, huma dawk li kibru l-aktar u li ħolqu l-aktar impjiegi; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istrateġija ta" Liżbona għadha mhix viżibbli biżżejjed fil-politiki nazzjonali ta" ħafna Stati Membri; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati ekonomiċi kollha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta" l-Istrateġija; b'mod partikulari, jemmen li involviment aħjar ta" l-imsieħba soċjali, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritjiet reġjonali u lokali, u s-soċjetà ċivili ser itejbu r-riżultati ta" l-Istrateġija ta" Liżbona u d-dibattitu pubbliku dwar riformi adegwati; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jipprovdu għal dibattiti annwali dwar l-implimentazzjoni ta" l-NRPs tagħhom;
50. Jenfasizza l-importanza ta" l-impenn ta" l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati kemm għall-firxa kif ukoll għall-karattru innovattiv tal-kisbiet; f'dan il-kuntest, jilqa" l-interess qawwi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-monitoraġġ ta" l-Istrateġija ta" Liżbona;
51. Ifakkar li l-linji gwida integrati jipprovdu strument importanti għall-koordinazzjoni u qafas komuni għal Stati Membri differenti sabiex jaħdmu fuq l-aġendi nazzjonali ta" riforma tagħhom; iqis li l-analiżi u l-feedback mill-Istati Membri juru li l-linji gwida qed jaħdmu, iżda li madankollu jeħtieġ titjib fir-rigward ta" l-adattament għal kundizzjonijiet ġodda ekonomiċi u ta" l-impjiegi kif ukoll fir-rigward tas-segwitu (benchmarking) ta" l-Istati Membri; jitlob li jkun hemm applikazzjoni u implimentazzjoni aktar komprensiva ta" l-indikaturi u tal-miri;
52. Jilqa" r-rapporti tal-pajjiżi mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea; jitlob, madankollu, li jkun hemm approċċ aktar sistematiku li jenfasizza s-suċċessi kif ukoll in-nuqqasijiet; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi "punti li jirrikjedu attenzjoni" partikulari bħala parti mis-sorveljanza multilaterali, filwaqt li jiġi provdut ukoll ċans sabiex jitjiebu r-risponsi tal-politiki nazzjonali;
53. Iqis li n-nuqqas ta" monitoraġġ kif jixraq huwa ostakolu kbir għal għażliet tal-politika li jsir b'mod infurmat; f'dan ir-rigward, jenfasizza li jista" jsir użu ħafna aħjar tal-ħiliet u ta" l-għarfien disponibbli fi ħdan l-aġenziji diċentralizzati Ewropej fl-oqsma tal-kompetenzi tagħhom;
54. Għaldaqstant jilqa" d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 li jinstab rimedju għan-nuqqas ta" datamill-monitoraġġ billi jingħataw struzzjonijiet lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex iħejji studju li jimmonitorja "l-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi" li jinvolvi 104 reġjuni u bliet ta' l-UE li jaqsmu ma" xulxin il-fehmiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta" Liżbona – studju li se jiġi ppreżentat fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008; jenfasizza li l-istudju juri jekk id-dispożizzjoni għall-assenjazzjoni ta" Fondi Strutturali tgħinx sabiex sehem akbar mill-infiq tal-Fondi Strutturali ikun dirett lejn l-innovazzjoni u lejn miri ambjentali; fl-istudju jistenna li jkun hemm evalwazzjoni tal-valur miżjud tar-reġjonalizzazzjoni ta" l-Istrateġija ta" Liżbona;
55. Jemmen li lanqas xejn mhu evidenti kif għandu jiġi mkejjel is-suċċess ta" l-Istrateġija ta' Liżbona jew, b'mod aktar ġenerali, liema indikaturi ikunu mezzi xierqa sabiex jitkejjel "il-progress"; hu definittivament tal-fehma, madankollu, li l-monitoraġġ tas-suċċessi u tal-fallimenti ma jistax ikun ristrett għal indikaturi ekonomiċi bħall-prodott gross domestiku / dħul gross nazzjonali biss, għax dawn huma fl-aħjar ċirkustanzi indikaturi tal-ħolqien tal-ġid f'perjodu speċifiku iżda lanqas biss jagħtu informazzjoni affidabbli dwar il-livell ta" ġid f'soċjetà, u huma 'l bogħod milli jagħtu ħjiel tal-prezz soċjali u ambjentali li jitħallas għall-ħolqien ta' ġid addizzjonali;
56. Jidikjara li jeħtieġ li jiħi żviluppat u applikat approċċ multi-dimensjonali sabiex jiġi evalwat il-benesseri uman lil hinn mill-oqsma tal-prodott gross domestiku jew tad-dħul gross nazzjonali; jilqa", għaldaqstant, id-deliberazzjonijiet ta" l-Organizzazjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp fit-Tieni Forum Dinji tagħha "Il-kejl u t-trawwim tal-Progress tas-Soċjetajiet" f'Ġunju 2007, u d-diskussjonijiet tal-Konferenza tal-Kummissjoni "Lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku" fil-Parlament f'Novembru 2007, għaliex dataaffidabbli hija bażi importanti għal għażliet politiċi infurmati;
57. Jilqa", għaldaqstant, il-ħidma li saret minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex ikunu żviluppati indikaturi kwalitattivi ġodda; iħeġġeġ sabiex dawn l-indikaturi - kemm jekk huma relatati mad-dimensjoni soċjali, bħall-indikatur tal-faqar, jew ma" dik ambjentali, bħall-indikatur tal-bijodiversità - jiġu użati fl-evalwazzjonijiet li ġejjin tal-NPRs u integrati fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni, sabiex b'hekk jinħoloq sett aktar komplut ta" indikaturi sabiex jitkejjel is-suċċess ta" l-Istrateġija ta' Liżbona;
58. Jinsisti biex ikun hemm garanzija ta" koperazzjoni xierqa u involviment sħiħ tat-tliet istituzzjonijiet ta" l-UE fis-segwitu ta" l-Istrateġija ta" Liżbona; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jgħarrfu l-irwol tal-Parlament Ewropew li qed jimmonitorja mill-qrib l-istrateġija ta" Liżbona u l-programmi nazzjonali ta" riforma, u jiżguraw mezzi baġitarji importanti għall-miri ta" Liżbona u jikkoperaw mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali rigward dispożizzjonijiet leġiżlattivi importanti;
o o o
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta" l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.