Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Frar 2008 dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Taqsima: linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi ta' l-Istati Membri u l-Komunità): It-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) (COM(2007)0803 – 2007/2275(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwidi Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2008-2010) (COM(2007)0803, Taqsima V),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Stati Membri u Reġjuni li qed iwettqu l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013 (COM(2007)0798),
– wara li kkunsidra s-27 Programm ta' Riforma Nazzjonali ta' Liżbona (NRPs) kif ippreżentati mill-Istati Membri,
– wara li kkunisdra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2000, Marzu 2001 u Marzu 2005,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwidi Integrati tal-Kummissjoni għat-Tkabbir u għall-Impjiegi (2005-2008) (COM(2005)0141) (il-Linji Gwidi Integrati),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport strateġiku dwar l-istrateġija mġedda ta" Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010)" (COM(2007)0803),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 107 u l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomici u Monetarji (A6-0029/2008),
A. billi l-istabilità makroekonomika tiġi żgurata b'taħlita tajba ta' għadd ta' politiki ekonomiċi; billi l-isfidi għall-istabilità għandhom ikunu indirizzati mhux biss b'miżuri makroekonomiċi imma wkoll bl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-prodotti, fix-xogħol u fis-swieq kapitali,
B. billi għad fadal iżjed xi jsir biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkunu preparati għall-globalizzazzjoni u biex jissaħħu l-pedamenti għas-suċċess ekonomiku u għal iktar koeżjoni soċjali għaż-żmien medju u għat-tul,
C. billi hemm opportunità li jiġi "sfruttat għal kulħadd" il-momentum tal-vantaġġ kompetittiv uniku li jirriżulta mit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u mill-integrazzjoni ulterjuri tagħha,
D. billi l-munita komuni u l-politika monetarja komuni joffru dimensjoni addizzjonali għall-integrazzjoni ta' l-ekonomiji u għall-koordinazzjoni ta' strateġiji politiċi li jistgħu jsaħħu l-irwol taż-żona ta' l-eurofil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi għall-Unjoni Ewropea kollha,
E. billi l-linji gwidi integrati huma strument ċentrali tal-politiki makroekonomiċi ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, li jikkonċentraw fuq perjodu medju ta' tliet snin,
F. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jwettqu politiki makroekonomiċi kif ukoll mikroekonomiċi biex l-Ewropa ssir post iżjed attraenti għall-investiment u x-xogħol u biex tingħata spinta lill-għerf u l-innovazzjoni għat-tkabbir,
G. billi l-Unjoni Ewropea kkommettit ruħha, fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007, għal miri kwantitattivi għal tnaqqis ta' gass b'effett serra u għal sehem ikbar ta' enerġiji li jiġġeddu sa l-2020,
H. billi s-servizzi finanzjarji huma importanti b'mod partikulari minħabba li dan is-settur għandu sehem ewlieni fl-iżvilupp ta' bosta oqsma ta' l-attività ekonomika,
I. billi l-politiki li huma maħsubin biex iżidu l-investiment fl-għerf u fir-riżorsi umani kif ukoll dawk li jsaħħu l-ħila innovattiva ta' l-ekonomija ta' l-UE huma fil-qalba ta' l-istrateġija ta" Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi,
J. billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi biex l-enerġija kreattiva tan-nies tinqaleb f'riżultati ekonomiċi innovattivi, pereżempju, l-ideat ġodda, in-negozji li jaħdmu b'teknoloġija avvanzata u l-iżvilupp reġjonali, m'humiex żviluppati biżżejjed u għadhom frammentati,
K. billi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni mgħaġġla, it-titjib fil-konsistenza internazzjonali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, fosthom l-impenn għal standards ambjentali u soċjali għoljin, huwa ta' importanza deċiżiva,
L. billi l-istabilità u l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea tista' tiġi żgurata biss bis-saħħa tal-fehim reċiproku tal-leġiżlazzjoni u r-regoli li jirriflettu r-realtà b'mod xieraq,
M. billi m'huwiex possibbli li jinkiseb progress sostanzjali fil-ħolqien ta' soċjetà misjuqa mill-għerf mingħajr l-involviment attiv taċ-ċittadini kollha ta' l-UE,
Qafas ekonomiku L-assigurazzjoni tat-tkabbir u l-istabilità makroekonomika
1. Jilqa' r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni li jevalwa l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija mġedda ta" Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, fosthom il-Linji Gwida Integrati; jagħti l-appoġġ tiegħu lill-fehma tal-Kunsill li l-istrateġija mġedda trid iżżid il-valur fil-livell Komunitarju biex ittejjeb il-koerenza tar-riformi u biex timmassimizza l-effetti pożittivi kif ukoll biex tiżgura li l-aġendi dwar ir-riforma ta' Liżbona b'mod effettiv jirriżultaw f'iktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità ogħla fl-Unjoni Ewropea kollha;
2. Jisħaq mill-ġdid fuq l-importanza ta' implimentazzjoni attiva ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati, b'enfasi fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli li tkun dinamika u innovattiva;
3. Jikkunsidra li l-iżbilanċi li qed jikbru, id-domanda aggregata u l-pressjoni inflazzjonarja globali jistgħu jsiru sfida sinifikanti għall-politika monetarja minħabba l-inċertezza fit-tul fis-swieq finanzjarji; jenfasizza li ambjent makroekonomiku b'saħħtu u stabbli jeħtieġ finanzi pubbliċi ta' kwalità għolja flimkien ma' baġits iktar konsolidati, kif ukoll polza ta' investiment privata u pubblika intelliġenti li toħloq infrastruttura b'viżjoni li tiftaħ illum is-swieq ta' għada; jitlob li jkun hemm azzjoni koordinata biex tiżdied il-flessibilità ta' l-ekonomija ta' l-UE;
4. Jemmen li politiki ekonomiċi sodi jistgħu jgħinu biex tikber il-fiduċja u tonqos l-inċertezza fit-taqlib finanzjarju attwali; jikkunsidra li għall-2008, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn issaħħaħ it-tkabbir potenzjali tagħha sabiex tkun tista' tiġġenera xogħol, b'mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir tagħha għal 27 Stat Membru;
5. Jirrimarka li fl-interess ta' l-istabilità makroekonomika, iż-żieda fil-produttività għandha timxi id f'id ma' distribuzzjoni iktar ġusta tal-benefiċċji tat-tkabbir u mat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għat-talba għal żieda fid-dħul biex jinżamm il-pass mat-tkabbir medju fil-produttività;
6. Jenfasizza li l-iżbilanċi finanzjarji li qegħdin ikomplu jikbru u l-volatilità eċċessiva tar-rati tal-kambju kif ukoll il-kreditu limitat u l-inċertezza fit-tul fis-swieq finanzjarji huma sfida sinifikanti għal min ifassal il-politika makroekonomika u, b'mod partikolari, il-politika monetarja;
7. Jirrimarka li trid tingħata iżjed attenzjoni biex jitjiebu s-sinerġiji bejn il-politika baġitarja, il-pagi u t-tkabbir fil-produttività filwaqt li għandhu jittieħed kont wkoll ta' l-implikazzjonijiet tal-politika baġitarja fuq l-iżviluppi makroekonomiċi;
8. Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin tar-rata tal-kambju ta' l-euro li jagħmlu ħsara lill-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea u li, f'dawk il-livelli, inaqqsu mill-marġni ta' l-operat tal-politika monetarja; jappoġġa l-interdependenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-istabbiliment tal-politika monetarja u jenfasizza li l-apprezzament tar-rata tal-kambju ta' l-euro huwa r-riżultat ta' l-iżbilanċi li dejjem qegħdin jikbru f'pajjiżi terzi kif ukoll tan-nuqqas ta' domanda interna fiż-żona ta' l-euro;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika fiskali soda bħala kundizzjoni ewlenija għat-tkabbir sostenut u l-ħolqien ta' l-impjiegi f'kull Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat bħala responsabilità komuni ta' l-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza kbira ta' l-effiċjenza fil-finanzi pubbliċi u jikkunsidra li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-konsolidament tal-finanzi pubbliċi jista' jgħin biex is-sostenibilità fiskali għat-tul tibqa' intatta; jenfasizza l-importanza ta' l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni bħala sors biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzi pubbliċi;
Swieq finanzjarji sodi
10. Jirrimarka li sistema finanzjarja li tkun integrata sewwa tista' ssaħħaħ l-effiċjenza tal-politika monetarja, l-aktar fiż-żona ta' l-euro; jemmen li s-swieq finanzjarji jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għas-sostenibilità makroekonomika u fiskali; jissuġġerixxi li jiġu eżaminati l-linji gwida speċifiċi dwar is-suq finanzjarju marbuta ma' fehim imtejjeb tal-kriżijiet finanzjarji ulterjuri possibbli u ma' trasparenza, responsabilita' u superviżjoni mtejba għal investituri, swieq u regolaturi;
11. Jinnota li approċċ ibbażat fuq ir-riskju fir-rekwiżiti kapitali jiffaċilita l-flussi tal-kapital transkonfinali mmexxijin minn strateġiji korporattivi speċifiċi fi gruppi finanzjarji kbar u jippreżenta sfida makroekonomika għall-Istati Membri ż-żgħar; huwa konvint bil-qawwa li s-sorveljanza finanzjarja effikaċi u t-trasparenza huma essenzjali sabiex jitrażżnu l-iżbilanċi makroekonomiċi;
12. Jisħaq fuq l-interdipendenza ta' l-ekonomiji ta' l-Istati Membri, l-aktar fiż-żona ta' l-euro; jikkunsidra li l-Linji Gwida Integrati għandhom jistabbilixxu qafas wiesa' għal koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-politika ekonomika biex ikun hemm konformità bejn l-aġendi nazzjonali tar-riforma (NRPs); jissuġġerixxi li, f'dan il-proċess, għandu jittieħed approċċ iżjed delikat lejn il-konverġenza li jkun jirrifletti d-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet differenti sabiex jissaħħaħ l-appoġġ wiesa' għall-proġett komuni ta' l-UE;
13. Hu tal-fehma li, stimolu ta' l-investiment privat u inizjattivi konġunti fil-qasam tal-koperazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat, filwaqt li jiġi rispettat il-konsolidament finanazjarju, jista' joħloq sinerġiji sostanzjali, itejjeb il-kapaċità ta' l-Ewropa biex tilqa' l-isfidi eżistenti fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka, tat-trasport u l-komunikazzjoni, ta' l-enerġija u s-sostenibilità ambjentali, u jagħti appoġġ għall-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fl-Ewropa kollha;
It-tfassil ta' l-aġenda esterna
14. Jenfasizza li sistema finanzjarja globali mingħajr regolamenti tmur lil hinn mill-influwenza diretta tal-politiki ta' l-UE u tista' tippreżenta r-riskju ta' l-instabilità finanzjarja; jenfasizza li approċċ omoġenju u koerenti min-naħa tar-regolaturi u l-leġiżlaturi huwa kundizzjoni ewlenija meħtieġa biex tikkonrtobilanċja t-tifrix tar-riskju transkonfinali; jemmen li huwa meħtieġ li jiġi evalwat mill-ġdid l-impatt tal-mudell tan-negozju u s-sehem tal-gruppi finanzjarji multinazzjonali fis-swieq finanzjarji globali;
15. Jirrimarka li l-Unjoni Ewropa u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi li ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom magħhom bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; hu konvint li sabiex tiġi promossa l-kompetittività Ewropea f'dinja globalizzata, għandha tiġi żviluppata d-dimensjoni esterna tas-suq intern; ifakkar li l-Unjoni Ewropea mhix se tadatta ruħha b'mod passiv għall-globalizzazzjoni iżda, għall-kuntrarju, se ssawwarha hi; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-koperazzjoni strateġika fuq livell internazzjonali, b'mod partikulari bis-saħħa tar-relazzjonijiet transatlantiċi, u li ssir ħidma konġunta fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali iżjed b'saħħithom billi jiġu promossi l-prinċipji ewlenin ta' l-UE - is-solidarjetà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;
16. Jitlob li jittieħdu miżuri fil-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-protezzjoniżmu jdgħajjef iktar milli jħares id-drittijiet tal-konsumaturi u taċ-ċittadini;
Il-kisba mill-ġdid tad-dinamiżmu fin-negozju It-tisħiħ tal-koordinazzjoni fil-politika ekonomika
17. Jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea, fir-rounds multilaterali tan-negozjati multilaterali differenti bħal dawk tad-WTO, għandha turi l-viżjoni komuni li tassew tgħaqqad l-interessi ta' kull Stat Membru;
Iffukar fuq l-oqsma ta' prijorità
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika integrata konsistenti għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li l-użu sostenibbli tar-riżorsi u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ta' l-ambjent u t-tkabbir kif ukoll it-titjib tal-prestazzjoni innovattiva jistgħu jinkisbu billi jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u billi tingħata dimensjoni "ekoloġika" lill-akkwist pubbliku, b'attenzjoni partikulari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
19. Jisħaq fuq is-sehem ta' l-istrumenti bbażati fuq is-swieq (MBIs) biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sabiex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija bbażata fuq l-enerġija effiċjenti u li tiġġedded; jikkunsidra li l-pressjoni kontinwa li qiegħda dejjem tikber fuq il-prezzijiet ta' l-enerġija u ż-żieda fit-theddidiet għall-klima jfissru li huwa importanti li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jiġi promoss bħala kontribut kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka li l-kumpaniji ta' l-UE huma minn ta' quddiem fl-iżvilupp tat-teknoloġiji li jaħdmu bl-enerġija li tiġġedded;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita "il-ħames libertà" b' mod partikolari r-riċerka u l-innovazzjoni – il-libertà ta' l-għerf – li tikkomplementa l-erba' libertajiet l-oħra tal-moviment tal-prodotti, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital;
21. Jikkunsidra li fil-kuntest taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet ta' l-ikel li tidher li se tkun permanenti aktar milli ċiklika, għandhom jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) li jillimitaw il-forniment; jemmen li l-CAP jista' jkollha sehem importanti fl-istabilità tal-prezzijiet ta' l-ikel;
22. Itenni l-fehma tiegħu dwar il-ġid li jsir jekk il-piż tat-taxxa jiċċaqlaq minn fuq ix-xogħol għad-degradazzjoni ta' l-ambjent bħala mod effettiv biex jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta ma' l-ambjent u ma' l-impjiegi, u huwa ta' l-opinjoni li l-piż għandu jonqos minn fuq ix-xogħol biex jinħolqu aktar impjiegi u tingħeleb l-ekonomija s-sewda;
It-titjib fis-suq intern
23. Jirrimarka li bħala riżultat tal-fatt li s-suq internma tlestiex, il-produttività ta' l-UE għadha ma laħqitx il-potenzjal kollu tagħha u dan ma jippermettix li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-suq globali; jikkunsidra li filwaqt li s-suq intern għall-prodotti huwa integrat b'mod aktarx tajjeb, is-swieq tas-servizzi, fosthom dak tas-servizzi finanzjarji, għadhom aktarx frammentati; jitlob għall-integrazzjoni mgħaġġla tas-suq tas-servizzi b'implimentazzjoni konsistenti u koerenti u bl-infurzar tar-regoli miftiehma kif ukoll bit-tneħħija ta' l-ostakli għall-kompetizzjoni u għad-dħul fis-swieq; jinnota li t-twassil, bi prezzijiet raġonevoli, ta' servizzi effettivi ta' interess ekonomiku ġenerali għandu sehem importanti x'jagħti f'ekonomija kompetittiva u dinamika;
24. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' l-erba' libertajiet għandha titwettaq bl-istess mod u bl-istess miżura fl-Unjoni Ewropea kollha u li t-tħaddim tagħhom għandu jiġi mmonitorjat il-ħin kollu;
25. Jenfasizza l-bżonn li l-industriji abbażi ta'networks jinfetħu għall-kompetizzjoni billi jiġi żgurat li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet u kompetizzjoni effettiva fis-swieq integrati ta' l-Ewropa kollha; f'dan is-sens, jemmen li s-sjieda pubblika fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass hija wieħed mill-elementi ewlenin li jwasslu għal distorsjoni fil-livell Ewropew, u li l-istimolu għall-kompetizzjoni f'dawk is-swieq għandu jkompli jittejjeb; huwa konvint li l-espansjoni, it-titjib u l-konnettività ta' l-infrastruttura Ewropea, b'mod speċjali għal dawk li huma proġetti transkonfinali u l-interkonnettività bejn l-Ewropa l-qadima u dik ġdida, għandhom jgħinu biex jiġu żviluppati kundizzjonijiet adegwati għal titjib sostanzjali fil-produttività tas-setturi tat-trasport, ta' l-enerġija u ta' l-ICT;
26. Jinnota l-ħtieġa li jkun hemm qafas fiskali koordinat, li għandha tkun favorevoli għalihom, b'mod partikulari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju (SMEs) u tkun maħsuba biex iġġedded it-tkabbir u tiġġenera l-impjiegi;
27. Jirrimarka li, f'dak li hu finanzjament mill-istat, l-Unjoni Ewropea trid tippromwovi arranġamenti tat-taxxa sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta" negozji ġodda u ta' l-innovazzjoni teknoloġika; jinnota li dan għandu mnejn jinvolvi, fost l-oħrajn, tnaqqis fit-taxxi li jdgħajfu l-effiċjenza u l-ħolqien ta" l-impjiegi, b'mod partikulari għal gruppi soċjali speċifiċi bħal ma huma n-nisa, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u dawk imdaħħlin fiż-żmien;
L-investiment fin-nies u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol L-intraprenditorjat u l-kreattività
28. Huwa konvint li sabiex tiġi promossa kultura ta' intraprenditorjat u biex jinħoloq ambjent li jappoġġja lill-SMEs huwa kruċjali li s-sistema ta' governanza ta' qafas istituzzjonali għall-innovazzjoni ssir iżjed sempliċi u tkun ibbażata fuq sistema effiċjenti ta' finanzjament li tipprovdi l-fondi matul il-fażijiet kollha tal-proċess ta' innovazzjoni, mill-iżvilupp ta' l-ideat sa l-implimentazzjoni tagħha fil-livell ta' intrapriża; jirrimarka li l-politika strutturali għandha titfassal b'mod flessibbli sabiex takkomoda l-espressjoni kreattiva u tiffaċilita l-użu vantaġġuż ta' l-ideat kreattivi;
29. Jemmen bil-qawwa li t-titjib fir-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miri ambizzjużi fit-tnaqqis tal-piż li jirriżulta minn leġiżlazzjoni ġdida ta' l-UE jagħtu kontribut għal ambjent kummerċjali iżjed kompetittiv u jinkoraġġixxu l-inizjattiva privata; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri daqstant ieħor ambizzjużi mnissla mil-livelli kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ ta' l-effiċjenza tal-ħila istituzzjonali u amministrattiva ta' l-Istati Membri;
L-approċċ għaċ-ċiklu tal-ħajja
30. Jikkunsidra li politiki tax-xogħol attivi għandhom iħalltu l-politiki li huma ffukati fuq "il-flessigurtà" ma' forom ġodda ta" sigurtà, fosthom il-motivazzjoni biex wieħed ifittex impjieg b'mod attiv kif ukoll l-antiċipazzjoni aħjar u l-ġestjoni pożittiva tal-bidla, inkluż l-istrutturar ekonomiku mill-ġdid, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun l-esklużjoni soċjali u jitħaffef l-adattabilita'; huwa konvint li għandha tingħata attenzjoni partikolari fuq kif jistgħu jintlaħqu ċ-ċittadini b'mod iżjed effettiv kif ukoll l-aspettativi u l-ħtiġijiet tagħhom;
31. Jikkunsidra li l-approċċ għaċ-ċiklu tal-ħajja għandu jkun żviluppat biex jiġu ffaċċjati l-isfidi demografiċi, fosthom l-immodernizzar tas-sistemi tal-pensjoni, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità finanzjarja, ekonomika u soċjali;
32. Jemmen li l-edukazzjoni hija fattur determinanti ewlieni tal-potenzjal tat-tkabbir fit-tul u strument effettiv fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni, u tippermetti li n-nies itejbu l-istandards ta" l-għajxien tagħhom; jirrakkomanda li jkunu implimentati miżuri aktar effettivi mill-UE u mill-Istati Membri biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd;
33. Huwa tal-fehma li, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fit-taħriġ kontinwu u fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja, b'mod speċjali għall-ħaddiema bi kwalifiki minimi u dawk imdaħħla fiż-żmien, l-istrateġiji effiċjenti għat-tagħlim matul il-ħajja jistgħu jpattu għall-impatt negattiv li qiegħda tħalli fuq il-forzi tax-xogħol li qegħdin jixjieħu - fl-UE; jikkunsidra, madanakollu, li jrid isir sforz determinat biex jogħla l-livell tal-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ, jitnaqqas b'mod drastiku l-ħruġ bikri mill-iskola u n-nuqqas ta" żvilupp ta" ħiliet b'mod ġenerali, u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà u fix-xogħol, b'mod partikulari billi jitrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet;
Il-politika dwar l-immigrazzjoni
34. Huwa konvint bil-qawwa li għandha tiġi kkunsidrata politika effettiva dwar l-immigrazzjoni fid-dawl tan-nuqqas ta' ħiliet u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jemmen li l-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva Ewropea dwar l-immigrazzjoni li tikkomplementa l-politiki ta' l-Istati Membri għadha prijorità fundamentali sabiex jintlaqgħu l-isfidi u jiġu sfruttati l-opportunitajiet li tirrappreżenta l-migrazzjoni fl-era l-ġdida tal-globalizzazzjoni;
35. Jikkunsidra li l-promozzjoni tat-tkabbir u tal-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-ftuħ ekonomiku akbar ta" l-Unjoni Ewropea jibqgħu vitali għall-iskop tal-ġestjoni tajba tal-flussi tal-migrazzjoni u għall-ġlieda kontra r-raġunijiet u l-faċilitaturi ta' l-immigrazzjoni illegali; jammetti li l-Unjoni Ewropea teħtieġ b'mod urġenti politika koerenti għall-migrazzjoni legali eż migrazzjoni ekonomika;
It-titjib fil-governanza ekonomika
36. Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rapporti fuq il-pajjiżi mħejjija mill-Kummissjoni; jitlob, madanakollu, li jkun hemm approċċ aktar sistematiku li jisħaq kemm fuq is-suċċessi kif ukoll fuq in-nuqqasijiet; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni biex jidħlu punti partikolari li wieħed għandu joqgħod għassa għalihom bħala parti mis-sorveljanza multilaterali kif ukoll bħala opportunità biex jitjiebu r-reazzjonijiet tal-politiki nazzjonali; jirrikonoxxi li għandu jiżdied is-sehem tal-livell reġjonali għat-tkabbir u għall-impjiegi, bħal ma huwa rikonoxxut fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-programmi tal-politika tal-koeżjoni li jkopru l-perjodu 2007 sa 2013;
37. Jiddispjaċih li l-viżibilità ta" l-Istrateġija ta" Liżbona għadha dgħajfa fil-politiki nazzjonali ta" ħafna Stati Membri; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni ta" dawk kollha li għandhom interess ekonomiku hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha; b'mod partikulari, jemmen li l-involviment akbar min-naħa tas-sieħba soċjali, tal-parlamenti nazzjonali, ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tas-soċjetà ċivili se jtejjeb ir-riżultati ta" l-Istrateġija ta" Liżbona u jseddaq id-dibattitu pubbliku dwar riformi xierqa; jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex japprofondixxu l-kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali filwaqt li jagħmlu provvedimenti għal dibattiti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta" riforma nazzjonali (NRPs) tagħhom;
38. Jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-modifikazzjonijiet li ġejjin:
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
Modifikazzjonijiet tal-Parlament
Modifika 1 Linja gwida 1
Linja gwida 1. Biex tkun żgurata l-istabbiltà ekonomika għal tkabbir sostenibbli
Linja gwida 1. Biex tkun żgurata l-istabbiltà ekonomika għal tkabbir sostenibbli inklużjoni soċjali u żieda fl-impjiegi fl-ambjent globali
1. Skond il-Patt ta" Stabbiltà u ta" Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet baġitarji tagħhom ta" tul ta' żmien medju. Sakemm dan l-għan ma jkunx għadu ntlaħaq, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa sabiex jilħquh. L-Istati Membri għandhom jevitaw linji ta' politika fiskali pro-ċikliċi. Barra dan, jeħtieġ li dawk l-Istati Membri li jkollhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni effettiva sabiex jiżguraw korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi.
1. Skond il-Patt ta" Stabbiltà u ta" Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet baġitarji tagħhom ta' tul ta' żmien medju. Sakemm dan l-għan ma jkunx għadu ntlaħaq, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa biex jilħquh u għandhom jiżguraw l-immodernizzar ta" l-amministrazzjoni pubblika kif ukoll il-konsolidament tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jevitaw linji ta' politika fiskali proċikliċi. Barra dan, jeħtieġ li dawk l-Istati Membri li jkollhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni effettiva sabiex jiżguraw korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi.
2. L-Istati Membri li jirrappurtaw żbilanċi fil-kontijiet kurrenti li jirriskjaw li jkunu insostenibbli, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom billi jimplimentaw riformi strutturali, jagħtu spinta lill-kompetittività esterna u, fejn xieraq, billi jikkontribwixxu għall-korrezzjoni tagħhom permezz ta" politiki fiskali.
2. L-Istati Membri li jirreġistraw defiċits fil-kontijiet kurrenti li jirriskjaw li ma jkunux sostenibbli, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom billi jimplimentaw riformi strutturali, jagħtu spinta lill-kompetittività esterna u, fejn ikun xieraq, jikkontribwixxu għall-korrezzjoni tagħhom permezz ta" linji ta' politika fiskali kif ukoll permezz tal-konsolidament tar-riżultati tat-tkabbir ekonomiku filwaqt li tingħata attenzjoni għal sinerġiji aħjar bejn il-politika baġitarja u t-tkabbir tal-produttività.
2a.Fl-interess ta' l-istabbiltà, l-Istati Membri m'għandhomx iħallu f'idejn il-politika monetarja biss ir-responsabilità kollha fil-ġlieda kontra r-riskju ta' l-inflazzjoni, b'mod partikolari fis-sitwazzjoni kurrenti tar-rati tal-kambju għoljin.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk il-politiki kollha li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra r-riskju ta' l-inflazzjoni.
2b.L-Istati Membri għandhom iżidu l-flessibilità ta' l-ekonomija ta' l-UE billi jiżviluppaw id-dimensjoni esterna tas-suq intern sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta ma' l-iżbilanċi globali li dejjem qegħdin jikbru.
2c.Wara taqlib li seħħ riċentement fis-swieq finanzjarji, iridu jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata sitwazzjoni ta" nuqqas ta" kreditu u biex terġa" tinbena l-fiduċja fis-swieq finanzjarji sabiex jiġu moqdija l-ħtiġijiet ta" investiment ta" l-atturi pubbliċi u privati.
Modifika 2 Linja gwida 2
Linja gwida 2. Biex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal żieda fl-impjiegi
Linja gwida 2. Biex tkun salvagwardata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal prospetti tat-tkabbir imtejba
Meta jitqiesu l-ispejjeż projettati tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, l-Istati Membri:
Meta jitqiesu l-isfidi demografiċiproġettatigħall-ġejjieni, l-Istati Membri:
1. għandu jkollhom pass sodisfaċenti ta" tnaqqis tad-dejn tal-gvern ħalli jissaħħu l-finanzi pubbliċi;
1. għandhom jirriformaw u jsaħħu s-sistemi tal-pensjonijiet, ta" l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jiżguraw li dawn ikunu finanzjarjament vijabbli u sostenibbli kif ukoll adegwati u aċċessibbli soċjalment;
2. għandhom jirriformaw u jsaħħu s-sistemi tal-pensjonijiet, ta" l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jiżguraw li dawn ikunu finanzjarjament vijabbli, adegwati u aċċessibbli soċjalment;
2. għandu jkollhom pass sodisfaċenti ta" tnaqqis tad-dejn tal-gvern, filwaqt li jtejbu l-ġestjoni tad-dejn ħalli jissaħħu l-finanzi pubbliċi;
3. għandhom jieħdu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, b'mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien, u għandhom jippromowvu approċċ tul ċiklu ta" ħajja għax-xogħol sabiex jiżdiedu s-sigħat maħduma fl-ekonomija.
3. għandhom jieħdu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, b'mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien, u għandhom jippromwovu approċċ tul ċiklu ta" ħajja għax-xogħol sabiex jiżdiedu s-sigħat maħduma fl-ekonomija; u
3a. għandhom jimplimentaw il-"ħames libertà" ta' l-għerf u jippromwovu ħiliet ġodda; għandhom jiżguraw it-tagħlim matul il-ħajja għal kulħadd u jimmodernizzaw l-infrastrutturi għas-sistemi tar-riċerka, ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.
Modifika 3 Linja gwida 3
Linja gwida 3. Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi.
Linja gwida 3. Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija
Mingħajr preġudizzju għal-linji-gwida għall-istabbiltà u għas-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom jagħtu direzzjoni ġdida lill-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir skond l-Istrateġija ta" Liżbona, jadattaw l-istrutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal għat-tkabbir, jiżguraw irwieħhom li ġew stabbiliti mekkaniżmi ħalli tkun ivvalutata r-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-kisba ta" l-għanijiet ta" politika, u jiżguraw irwieħhom mill-koerenza ġenerali tal-pakketti ta" riforma.
Mingħajr preġudizzju għal-linji gwida għall-istabbiltà u għas-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom jagħtu direzzjoni ġdida lill-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir skond l-Istrateġija ta" Liżbona, jadattaw l-istrutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal għat-tkabbir filwaqt li jiġi mħeġġeġ it-tkabbir misjuq mill-produttività, jiżguraw irwieħhom li ġew stabbiliti mekkaniżmi ħalli tkun ivvalutata r-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-kisba ta" l-għanijiet ta" politika, bħall-investiment ta' kwalità għolja fil-miri ta' Liżbona, u jiżguraw irwieħhom mill-koerenza ġenerali tal-pakketti ta" riforma.
Modifika 4 Linja gwida 4
Linja gwida 4. Biex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għal stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi.
Linja gwida 4. Biex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għal stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi
U biex tiżdied l-adattabilità, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kondizzjonijiet ta" qafas it-tajba għal sistemi ta" negozjati għall-pagi, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ ir-rwol ta" l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi nominali fil-pagi u fl-ispejjeż tax-xogħol li jkunu konsistenti ma" l-istabbiltà tal-prezzijiet u max-xejra fil-produttività tul perjodu medju ta" żmien, waqt li jqisu d-differenzi fil-ħiliet u fil-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.
U biex tiżdied l-adattabilità, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kondizzjonijiet ta" qafas it-tajba għal sistemi ta" negozjati għall-pagi, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ l-irwol ta" l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi nominali fil-pagi u fl-ispejjeż tax-xogħol li jkunu konsistenti ma" l-istabbiltà tal-prezzijiet u max-xejra fil-produttività tul perjodu medju ta" żmien, waqt li jieħdu kont, b'mod partikolari, tal-professjonisti tas-swieq finanzjarji, kif ukoll tad-differenzi fil-ħiliet u fil-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.
Modifika 5 Linja gwida 5
Linja gwida 5. Biex tkun promossa koerenza akbar bejn linji ta' politika makro-ekonomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi
Linja gwida 5. Biex tkun promossa koerenza akbar bejn linji ta' politika makroekonomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi
L-Istati Membri għandhom: 1. itejbu l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika biex jallinejaw l-aġendi ta' riforma nazzjonali filwaqt li jikkunsidraw d-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet differenti;
L-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu l-potenzjal għat-tkabbir u jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku billi jżidu l-flessibilità, il-mobilità tal-fatturi u l-kapaċità għal aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti b'reazzjoni għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi, għaċ-ċaqliq fid-domanda u għall-bidliet ċikliċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom: iġeddu l-impetu tar-riformi fiskali u tal-benefiċċji sabiex itejbu l-inċentivi u sabiex ix-xogħol ikun irendi; iżidu l-adattabbiltà tas-swieq tax-xogħol billi jikkombinaw il-flessibilità ta" l-impjiegi mas-sigurtà tagħhom; u jtejbu l-impjegabilità billi jinvestu fil-kapital uman.
2. isegwu r-riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu l-potenzjal għat-tkabbir u jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku billi jiżguraw il-flessibilità permezz ta' forom ġodda ta" sigurtà, il-mobilità tal-fatturi u l-kapaċità għal aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti b'reazzjoni għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi, għaċ-ċaqliq fid-domanda u għall-bidliet ċikliċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom: iġeddu l-impetu tar-riformi fiskali u tal-benefiċċji sabiex itejbu l-inċentivi u sabiex ix-xogħol ikun irendi; iżidu l-adattabbiltà tas-swieq tax-xogħol billi jikkombinaw il-flessibilità ta" l-impjiegi mas-sigurtà tagħhom; u jtejbu l-impjegabilità billi jinvestu fil-kapital uman;
3. joqogħdu attenti b'mod partikolari għat-tisħiħ ta" l-effiċjenza istituzzjonali u amministrattiva; u
4. jagħtu kontribut għall-iżvilupp ta" politika komprensiva ta" l-UE dwar l-immigrazzjoni, fosthom il-kriterji u l-proċeduri għal migrazzjoni ekonomika xierqa għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol.
Modifika 6 Linja gwida 6
Linja gwida 6. Biex jingħata kontribut għal EMU dinamika u li taħdem sew, l-Istati Membri taż-żona ta" l-euro jeħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-linji ta' politika ekonomiċi u baġitarji tagħhom, b'mod partikolari:
Linja gwida 6. Biex jingħata kontribut għal EMU dinamika u li taħdem sew, l-Istati Membri taż-żona ta" l-euro jeħtieġ li jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-linji ta' politika ekonomiċi u baġitarji tagħhom, b'mod partikolari:
-1. jimmassimizzaw l-effetti pożittivi tar-riformi billi l-munita komuni u l-politika monetarja komuni joffru dimensjoni addizzjonali għall-koordinazzjoni;
1. joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b'konformtà sħiħa mal-Patt ta" Stabbiltà u ta" Tkabbir;
1. joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b'konformtà sħiħa mal-Patt ta" Stabbiltà u ta" Tkabbir;
2. jikkontribwixxu għal taħlita ta" linji ta' politika li tappoġġja l-irkupru ekonomiku u li tkun kompatibbli ma" l-istabbilità tal-prezzijiet, u b'hekk tkabbar il-kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi tul perjodu qasir ta" żmien, filwaqt li tkun kompatibbli ma" tkabbir sostenibbli tul perjodu twil ta" żmien;
2. jikkontribwixxu għal taħlita ta" linji ta' politika li tappoġġja l-irkupru ekonomiku u li tkun kompatibbli ma" l-istabbilità tal-prezzijiet, u b'hekk tkabbar il-kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi tul perjodu qasir ta" żmien, filwaqt li tkun kompatibbli ma" tkabbir sostenibbli tul perjodu twil ta" żmien;
3. jagħtu spinta lil riformi strutturali li se jżidu t-tkabbir potenzjali tul perjodu twil ta" żmien taż-żona ta" l-euro u li se jtejbu l-produttività, il-kompetittività, u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal xokkijiet asimetriċi, fejn joqogħdu partikolarment attenti għall-linji ta' politika dwar l-impjiegi; u
3. jagħtu spinta lil riformi strutturali u jsegwu prijoritajiet għall-investiment skond l-għanijiet ta" Liżbona li se jżidu t-tkabbir potenzjali tul perjodu twil ta" żmien taż-żona ta" l-euro u li se jtejbu l-produttività, il-kompetittività, u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal xokkijiet asimmetriċi, fejn joqogħdu partikolarment attenti għal-linji ta' politika dwar l-impjiegi; u
4. jiżguraw li l-influwenza taż-żona ta" l-euro fuq is-sistema ekonomika globali tkun proporzjonata għall-piż ekonomiku tagħha.
4. jiżguraw li l-influwenza ta' l-UE u taż-żona ta" l-euro fuq is-sistema ekonomika globali tkun proporzjonata għall-piż ekonomiku tagħhom.
Modifika 7 Linja gwida 7, parti introduttorja u paragrafi 1, 2 u 3
Linja gwida 7. Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), b'mod partikolari minn negozji privati, ġie kkonfermat l-għan ġenerali għall-2010 ta" 3 % tal-PGD b'qasma adegwata bejn il-livelli ta" l-investiment privat u ta" dak pubbliku, l-Istati Membri se jiddefinixxu livelli intermedjarji speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw iktar taħlita ta" miżuri adattata sabiex jitrawwem l-R & D, partikolarment l-R & D relatat man-negozju, billi:
Linja gwida 7. Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), b'mod partikolari minn negozji privati, ġie kkonfermat l-għan ġenerali għall-2010 ta" 3 % tal-PGD b'qasma adegwata bejn il-livelli ta" l-investiment privat u ta" dak pubbliku u biex tiġi promossa kultura intraprenditorjali u tiġi mħeġġa l-inizjattiva privata, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw iktar taħlita ta' miżuri adattata sabiex jitħeġġul-modernizzazzjoni ta' l-ekonomija u l-forom kollha ta' l-innovazzjoni, billi:
1. itejjbu l-kundizzjonijiet ta" qafas u jiżguraw irwieħhom li l-kumpaniji joperaw f'ambjent kompetittiv u attraenti biżżejjed;
1. jiżviluppaw istituzzjonijiet li jirreaġixxu għas-suq u li jtejbu l-kundizzjonijiet ta" qafas sabiex jiżguraw li l-kumpaniji joperaw f'ambjent ta" negozju kompetittiv biżżejjedu jgawdu mill-implimentazzjoni ta" l-innovazzjonijiet;
2. nefqa pubblika iktar effettiva u effiċjenti fuq l-R & D, u l-iżvilupp ta" sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (PPPs);
3. jiżviluppaw u jsaħħu ċentri ta" eċċellenza ta" istituzzjonijiet edukattivi u ta" riċerka fl-Istati Membri, kif ukoll joħolqu oħrajn ġodda, fejn ikun xieraq, u jtejbu l-kooperazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġiji bejn l-istituti pubbliċi ta" riċerka u l-intrapriżi privati;
3a. jinkoraġixxu d-deċentralizzazzjoni taċ-ċentri ta' riċerka industrijali biex jerġa' jkun hemm il-konnettività tagħhom mill-ġdid maċ-ċentri ta' l-edukazzjoni, u jesploraw id-diversità tal-kulturi ta" riċerka differenti;
Modifika 8 Linja gwida 11, paragrafi 4a u 4b (ġodda)
4a. iwettqu l-impenji miftiehma fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sabiex jilqgħu għall-isfida ta' l-enerġija u ta' l-ambjent; u
4b. jirrevedu l-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) li jirrestrinġu il-forniment, fil-kuntest tal-prezzijiet ta' l-ikel li, milli jidher, qegħdin jogħlew b'mod stabbli u mhux b'mod ċikliku.
Modifika 9 Linja gwida 12
Linja gwida 12. Sabiex jestendu u jsaħħu s-Suq Intern, l-Istati Membri għandhom:
Linja gwida 12. Sabiex jestendu u jsaħħu s-suq internu jiżguraw li jkun hemm swieq miftuħa u kompetittivi, l-Istati Membri għandhom:
1. iħaffu t-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-suq intern;
1. iħaffu t-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-suq intern u jeliminaw l-ostakli li fadal għall-attività transkonfinali;
2. jagħtu prijorità lil infurzar aktar strett u aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;
2. jagħtu prijorità lil infurzar aktar strett u aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;
4. japplikaw b'mod effettiv ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku ta" l-UE;
4. japplikaw b'mod effettiv ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku ta" l-UE;
5. jippromwovu suq intern tas-servizzi li jkun għalkollox operattiv, filwaqt li jippreservaw il-mudell soċjali Ewropew;
5. jippromwovu suq intern tas-servizzi li jkun għalkollox operattiv u jiżguraw servizzi pubbliċi universali, aċċessibbli u sostenibbli bi prezzijiet li jintlaħqu u bi standards għoljin għal kulħadd, filwaqt li jippreservaw il-mudell soċjali Ewropew;
6. jaċċeleraw l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta" implimentazzjoni u ta" infurzar konsistenti u koerenti tal-Pjan ta" Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji.
6. jaċċeleraw l-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi, fosthom is-servizzi finanzjarji, permezz ta" l-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern u ta" l-infurzar tal-Pjan ta" Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji filwaqt li jtejbu t-trasparenza, ir-responsabilità u s-sorveljanza għall-investituri, is-swieq u r-regolaturi fir-rigward ta' attivitajiet ta' investiment fis-swieq finanzjarji, kemm alternattivi kif ukoll mhux alternattivi;
6b. jiżviluppaw kundizzjonijiet adegwati għal titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi fl-infrastrutturi tat-trasport u ta' l-enerġija, filwaqt li jiffokaw fuq l-oqsma transkonfinali, fuq ir-reġjuni periferali u fuq l-interkonnettività bejn l-Istati Membri l-"qodma" u l-"ġodda"; u
6c. ikollhom sehem ewlieni fil-livell internazzjonali rigward kwistjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet u t-titjib ta' l-arranġamenti attwali dwar is-sorveljanza globali.
Modifika 10 Linja gwida 13, paragrafu 6 a (ġdid)
6a. it-tlestija tas-suq transatlantiku;
o o o
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati Membri.