Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija ta' l-UE għall-Asja Ċentrali (2007/2102(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Asja Ċentrali, b'mod partikulari dawk tas-26 ta" Ottubru 2006 dwar l-Uzbekistan(1), tas-16 ta" Marzu 2006 dwar il-Kazakhstan(2), u tat-12 ta" Mejju 2005 dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżtan u fl-Asja Ċentrali(3) ,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta" Sħubija u Koperazzjoni (PCAs) li ntlaħqu bejn l-UE u l-Uzbekistan, il-Kirgiżtan u l-Kazakhstan, li kollha daħlu fis-seħħ fl-1999, il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u Kwistjonijiet Marbuta mal-Kummerċ bejn il-Komunita' Ewropea u il-Komunita' Ewropea għall-Enerġija Atomika, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Taġikistan, fuq in-naħa l-oħra(4), iffirmata fil-11 ta" Ottubru 2004, il-PCA bejn l-UE u t-Taġikistan, li għadha ma ġietx irratifikata, u l-proposta tal-Kummissjoni għal Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u Kwistjonijiet Marbuta mal-Kummerċ bejn l-UE u t-Turkmenistan,
– wara li kkunsidra l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-ftehim,
– wara li kkunsidra l-impenn ta" l-UE li tippromwovi s-seħħ ta" l-Għanijiet ta" Żvilupp għall-Millennju (MDGs) tan-NU u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp(5),
– wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 ta' Strateġija ta' l-UE għal Sħubija ġdida ma' l-Asja Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni (2007-2013)tal-Kunsill ta' l-Ewropa għal Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa adottat fit-8 u d-9 ta' Marzu 2007) u wara li kkunsidra l-koperazzjoni dwar l-enerġija bejn l-UE, l-istati tax-xtut tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar Kaspjan u l-ġirien tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 għal politika barranija Ewropea dwar l-enerġija(6),
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta" Baku għall-iżvilupp tal-koperazzjoni fl-enerġija u t-trasport bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed u tar-reġjun Kaspjan,
– wara li kkunsidra l-Memoranda ta" Ftehim konklużi ma" l-Azerbajġan u mal-Kazakhstan fil-kuntest ta" l-iżvilupp ta" politika barranija għas-servizz ta" l-interessi ta" l-enerġija ta" l-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill, inklużi l-konklużjonijiet dwar l-Uzbekistan tat-23-24 ta" Mejju, tat-13 ta" Ġunju, tat-18 ta" Lulju u tat-3 ta" Ottubru 2005, tat-13 ta" Novembru 2006 u tal-5 ta" Marzu, l-14 u l-15 ta" Mejju u l-15 u s-16 ta" Ottubru 2007, u l-konklużjonijiet dwar l-Asja Ċentrali tat-23 u tat-24 ta' April 2007,
– wara li kkunsidra s-sanzjonijiet imposti mill-UE fuq l-Uzbekistan wara l-massakru f'Andijan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1859/2005 ta' l- 14 ta' Novembru 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward ta' l-Uzbekistan(7), li ġew estiżi konsekutivament(8), u wara li kkunsidra t-tneħħija parzjali u s-sospensjoni kundizzjonali għal perjodu ta" sitt xhur tas-sanzjonijiet dwar il-viżi f'Mejju u f'Ottubru 2007 rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, imnedija fl-2003 bil-għan li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u jiġu appoġġjati r-riforma penali, id-demokrazija, il-governanza tajba, il-libertà tal-midja, l-istat tad-dritt, l-istrutturi tas-sigurtà (pulizija/forzi armati) u l-prevenzjoni tal-kunflitti,
– wara li kkunsidra l-Istrument dwar il-Koperazzjoni għall-Iżvilupp ('DCI')(9),
– wara li kkunsidra l-laqgħa tat-Troika tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE mal-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali, li saret f'Berlin fit-30 ta' Ġunju 2007 fil-preżenza tas-Sur Pierre Morel, ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE, u tal-Prim Ministru Portugiż, Is-Sur José Sócrates,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0503/2007),
A. billi l-ħames pajjiżi flimkien magħrufa bħala l-Asja Ċentrali (il-Kazakhstan, il-Kirgiżtan , it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan) jinsabu f'intersezzjoni importanti bejn l-Ewropa u l-Asja u billi, storikament u tradizzjonalment, irrappreżentaw punt importanti ta" tqarrib u ta" tranżitu bejn iż-żewġ kontinenti,
B. billi l-UE tinsisti dwar il-ħtieġa ta', u għandha interess ċar li tara l-progress lejn, stabilità akbar u livelli li jiżdiedu ta" żvilupp ekonomiku, demokratiku u tal-bniedem u ta" sigurtà tal-bniedem fl-Asja Ċentrali kollha kemm hi u trid dejjem iżżomm l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehim kollu ma" stati terzi u għall-promozzjoni tad-demokrazija permezz ta" politiki koerenti u billi tuża l-mezzi l-aktar xierqa għal dawk l-għanijiet; billi dan se jissalvagwardja l-kredibilità tagħha u fl-aħħarnett jikkontribwixxi biex jagħmilha parteċipant dejjem iktar effiċjenti vis-à-vis ir-reġjun, kif ukoll lilhinn minnu,
C. billi hemm interess globali fl-istabilità fl-Asja Ċentrali minħabba li instabilità serja u fit-tul f'wieħed mill-ħames pajjiżi jista" jkollha konsegwenzi diżastrużi għar-reġjun kollu u tista' taffettwa wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha f'ħafna modi,
D. konxju mir-riskji involuti fid-dipendenza minn importazzjonijiet minn reġjuni u fornituri li m'humiex stabbli u mill-ħtieġa li jkunu stabbiliti flussi ta' enerġija affidabbli, aċċessibbli u vijabbli,
E. billi l-UE għandha interess fis-sigurtà u fl-istabilità u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ta" l-istat tad-dritt fl-istati ta" l-Asja Ċentrali, minħabba li żviluppi strateġiċi, politiċi u ekonomiċi u l-isfidi trans-reġjonali li qed jikbru fl-Asja Ċentrali wkoll għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-interessi ta" l-Unjoni Ewropea; billi l-istati ta" l-Asja Ċentrali jistgħu jikkontribwixxu, bir-riżorsi sinifikanti tagħhom ta" l-enerġija u permezz ta" l-isforzi tagħhom għal diversifikazzjoni fost is-sħab kummerċjali u r-rotot ta" provvista, tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta" l-Unjoni Ewropea għas-sigurtà ta" l-enerġija u l-provvista ta" l-enerġija,
F. billi hemm, min-naħa l-waħda, każ qawwi għal koperazzjoni fost il-pajjiżi tar-reġjun iżda, min-naħa l-oħra, reżistenza qawwija għal tali ideat u sforzi, mhux l-inqas mill-Gvern ta" l-istat ta" l-Uzbekistan li jinsab f'pożizzjoni ċentrali u li huwa l-aktar ippopolat,
G. billi spiss l-iżolazzjoniżmu jibda minn ansjetà li jinżamm il-kontroll intern – eżempji estremi ta" dan huma t-Turkmenistan u l-Uzbekistan - u billi din l-ansjetà m'hemmx dubji li tinsab f'reġimi li juru ftit interess li jkollhom kunsens pubbliku fuq liema jistgħu jsejsu l-awtorità tagħhom,
H. billi l-ħames repubbliki ta" l-Asja Ċentrali huma riċevituri ta" l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, li jfisser li l-għajnuna ta" l-UE għal dawk il-pajjiżi titqies bħala għajnuna għall-iżvilupp,
I. billi minħabba l-interessi ta" sigurtà u interessi oħra ta" l-UE, kif ukoll minħabba l-valuri u l-appoġġ tagħha għall-MDGs, id-diffikultajiet u n-nuqqas ta" opportunitajiet li jiffaċċjaw ħafna nies f'dan ir-reġjun, li partijiet minnu huma affettwati mill-faqar, it-theddidiet għas-sigurtà tal-bniedem sa ċertu punt huma marbuta mal-problemi ta" sigurtà ta" pajjiżi ġirien bħall-Afganistan u r-riskji ta" destabilizzazzjoni u ta" konflitt iridu jkunu fil-qalba ta" l-approċċ ta" l-UE għall-Asja Ċentrali,
J. billi l-objettiv ewlieni tal-koperazzjoni ta" l-UE fl-iżvilupp huwa l-qerda tal-faqar fil-kuntest ta" żvilupp sostenibbli, anke fil-ħidma biex jintlaħqu l-MDGs,
K. billi l-għajnuna ta" l-UE għar-reġjun il-biċċa l-kbira ħadet il-forma ta" għajnuna teknika implimentata fil-programm TACIS kollu, u billi l-evalwazzjonijiet ta" l-effikaċja tat-TACIStaw riżultati mħallta,
L. billi, skond l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għas-saħħa huwa dritt tal-bniedem, u billi l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa huwa essenzjali biex jintlaħqu l-; billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa marru għall-agħar fir-repubbliki kollha ta" l-Asja Ċentrali wara l-isfaxxar ta" l-Unjoni Sovjetika u s-sistemi tas-saħħa huma fi kriżi; billi l-effetti potenzjali bħala konsegwenza ta" epidemiji bħall-HIV/AIDS u t-tuberkulożi li hija reżistenti għall-mediċina jippreżentaw theddida fit-tul għall-UE; billi l-kriżi ta' l-influwenza tat-tjur uriet il-kapaċità tal-mard li jittieħed li jinxtered malajr madwar l-Ewropa; billi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżijiet tas-saħħa fid-diversi pajjiżi jheddu l-istabilità ġenerali u l-prospetti ta" żvilupp tagħhom, u għandhom implikazzjonijiet għas-sigurtà Ewropea,
M. billi l-enerġija u l-ilma huma kwistjonijiet essenzjali għas-sigurtà tal-bniedem u għar-relazzjonijiet bejn l-istati fir-reġjun, partikolarment fir-rigward tal-Kirgiżtan, it-Taġikistan u l-Uzbekistan, u billi t-tnaqqis tal-faqar jibqa" kruċjali biex titnaqqas l-instabilità soċjali,
N. billi l-UE għandha interess li timporta iktar żejt u gass mill-Asja Ċentrali, preferibilment permezz ta' rotot ġodda tat-trasport, u li twaqqaf qafas ċar u trasparenti għall-produzzjoni u t-trasport ta' l-enerġija, u billi l-pajjiżi li huma rilevanti f'dan il-kuntest huma l-Kazakhstan u t-Turkmenistan,
O. billi l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali, b'modi differenti, huma mogħniija bir-riżorsi taż-żejt, tal-gass, tal-minerali jew ta' l-enerġija mill-ilma; billi l-isfruttament ta' riżorsi bħal dawn għandu jiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod sinifikanti; u billi f'kundizzjonijiet ħżiena, jista" jkun hemm effetti sekondarji mhux mixtieqa bħal degradazzjoni ambjentali serja, tnaqqis fil-kompetittività ta" setturi ekonomiċi oħra, inugwaljanzi kbar fil-ġid u iktar tensjonijiet politiċi u soċjali u dawn jistgħu wkoll ikunu akbar bil-qabda mill-effetti pożittivi (l-hekk imsejħa "saħta tar-riżorsi naturali"),
P. billi fl-10 ta" Ottubru 2007 rappreżentanti mill-Ukraina, mill-Azerbajġan u mill-Ġeorġja ltaqgħu fil-Litwanja biex jiddiskutu network ġdid tat-trasport taż-żejt imfassal biex iġib żejt mhux raffinat mill-Baħar Kaspjan via Baku u Odessa għall-port Pollakk ta" Gdansk,
Q. billi r-Russja u ċ-Ċina ppruvaw iżidu l-kamp ta' influwenza tagħhom fl-Asja Ċentrali permezz tal-ħolqien tax-Shanghai Five fl-1996, li permezz tiegħu ċ-Ċina, ir-Russja, il-Kirgiżtan, il-Kazakhstan u t-Taġikistan ingħaqdu f'forum għall-immaniġġjar ta" kwistjonijiet transkonfinali u li fl-2001 sar l-Organizzazzjoni ta" Koperazzjoni ta" Shanghai (SCO), li llum hi l-ikbar organizzazzjoni reġjonali ta" l-Asja Ċentrali u li issa tinkludi lill-Uzbekistan bħala membru sħiħ u lill-Pakistan, 'il-Indja, 'il-Iran u 'il-Mongolja bħala osservaturi,
R. billi numru ta" pajjiżi diversi kellhom, fil-passat jew iktar riċentement, interessi qawwija fir-reġjun; billi mhux l-Istati Membri kollha għandhom ambaxxati fir-reġjun u billi spiss hemm nuqqas ta' koordinazzjoni fir-rigward tar-reġjun bejn l-Istati Membri,
S. billi t-tluq ta' personal u tagħmir ta' l-Istati Uniti mill-bażi ta' l-ajru Karshi-Khanebad (K2) fl-Uzbekistan fil-21 ta" Novembru 2005 naqqas il-faċilitajiet militari ta" l-Istati Uniti fl-Asja Ċentrali għal bażi waħda f'Manas, qrib il-kapitali Kirgiża ta" Bishkek,
T. billi kundizzjoniiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u oħrajn ivarjaw ħafna bejn stati ta' l-Asja Ċentrali, u f'xi każi fi ħdan l-istati wkoll, u billi minħabba f'hekk huwa assolutament essenzjali li l-UE tuża politiki differenti kif meħtieġ,
U. billi l-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali huma stati ġodda ħafna, u billi l-bini ta" l-istat u l-isforzi ta" tranżizzjoni politika u ekonomika tagħhom mexxewhom f'direzzjonijiet differenti u ġegħluhom ma jitbiegħdux bl-istess mod mis-sistema Sovjetika ta' qabel; billi għadu importanti ħafna li jiġu ttrattati kwistjonijiet ta' sigurtà, fil-każ ta' numru ta' stati minħabba l-istabiltà u s-sigurtà, u fil-każ ta' l-istati kollha għall-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku,
V. billi preokkupazzjonijiet ta" l-UE jinkludu l-ħtieġa li jitwaqqaf il-fluss ta" traffikar tad-droga li jibda jew li jgħaddi mill-Asja Ċentrali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, u l-prevenzjoni ta" żieda tat-terroriżmu; billi f'xi każijiet il-"ġlieda kontra t-terroriżmu" tintuża bħala skuża għal azzjoni ripressiva kontra min jikkritika l-gvern, min jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, il-movimenti reliġjużi u kontra negozjanti ordinarji; billi huwa maħsub li persuni bħal dawn intlaqtu wkoll fil-qafas tal-koperazzjoni dwar is-sigurtà ta' l-Uzbekistan mal-ġirien; billi hu rikonoxxut li hemm migrazzjoni tax-xogħol tat-tfal li tirrikjedi forom ġodda ta" sħubija internazzjonali u soċjali li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha f'soluzzjoni komprensiva għall-problema,
W. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija differenti fid-diversi repubbliki ta' l-Asja Ċentrali u, globalment, hija ħafna agħar mill-istandards stipulati mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u billi l-Uzbekistan u t-Turkmenistan b'mod partikulari jiksru d-drittijiet tal-bniedem sistematikament u m'humiex qed jagħmlu progress demokratiku u pluralistiku,
X. billi r-repubbliki ta" l-Asja Ċentrali għadhom iridu jagħmlu elezzjoni – presidenzjali jew parlamentari – meqjusa bħala ħielsa u ġusta għalkollox mill-Uffiċċju ta' l-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR),
Y. billi l-ħames stati kollha ta" l-Asja Ċentrali huma stati membri ta" l-OSCE u, fil-qafas tagħha, ħadu impenji importanti fir-rigward tal-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi r-rispett għal dawk l-impenji jvarja bejn l-istati,
Z. billi l-Kazakhstan jipparaguna tajjeb mal-biċċa l-kbira ta' l-istati l-oħra fir-reġjun; billi l-elezzjonijiet l-iktar riċenti tiegħu, li saru fit-18 ta" Awwissu 2007, juru li, minkejja xi titjib, għadu mhux qed jirrispetta għalkollox l-impenji tiegħu u għadu mhux konformi għalkollox ma" l-istandards ta" l-OSCE u ma' standards internazzjonali oħra għal elezzjonijiet demokratiċi,
AA. billi s-soċjetà ċivili hi partikolarment attiva fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali permezz ta' network ta' NGOs u assoċjazzjonijiet lokali li għandhom bżonn ikunu mħarsa u apprezzati bħala l-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini li jkunu parti mill-proċess ta" demokratizzazzjoni u dak soċjali tal-pajjiżi tagħhom,
AB. billi t-titjib politiku, ekonomiku u soċjali jista" jinkiseb effettivament fir-reġjun permezz tal-ħolqien ta" ġudikatura indipendenti ġenwina u permezz ta" ġlieda vera kontra l-korruzzjoni rampanti,
AC. billi l-prinċipji li l-UE hija msejsa fuqhom jinkludu d-difiża tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta" l-espressjoni u l-protezzjoni ta' l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem,
AD. billi eżempji ta" ripressjoni massiva, korruzzjoni u sfruttament, u t-tiċħid tad-drittijiet fundamentali tan-nies u ta" opportunitajiet biex itejbu ħajjithom, flimkien man-nuqqas ta" mezzi xierqa biex jesprimu s-sogħba tagħhom u biex jieħdu sehem fi proċessi politiċi, iżidu r-riskji li jikbru l-estremiżmu u t-terroriżmu,
AE. billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali huma affettwati minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, min-nuqqas ta" sistema ġudizzjarja xierqa, minn restrizzjonijiet imposti fuq partiti ta" l-oppożizzjoni u minn entitajiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, u minn nuqqas ta" libertà tal-midja,
AF. billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq l-Uzbekistan wara l-massakru f'Andijan f'Mejju 2005, iżda l-gvern Uzbeki qed jibqa" jimblokka investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar li ġara u għadu għaddej bil-politiki ripressivi tiegħu, inkluża l-persekuzzjoni ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem; billi f'Ottubru 2007 l-Kunsill madankollu ddeċieda li jissospendi għal perjodu ta" sitt xhur projbizzjoni fuq il-viżi fir-rigward ta' tmien persuni responsabbli direttament għall-użu bla distinzjoni tal-forza f'Andijan; billi l-Kunsill permezz ta' din is-sospensjoni qed jipprova jħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbekin biex ibiddlu l-politiki tagħhom u billi l-projbizzjoni se tiġi attivata mill-ġdid f"[April/Mejju] 2008 sakemm ma jkunx issodisfat sett ta" kriterji adottat bħala parti mid-deċiżjoni tal-Kunsill,
AG. billi hemm interess konsiderevoli fir-reġjun dwar koperazzjoni ma' l-UE fl-oqsma tax-xjenza, tal-kura tas-saħħa u ta" l-edukazzjoni, u billi koperazzjoni bħal din tista" tikkontribwixxi biex ikunu intensifikati l-kuntatti tas-soċjetà ċivili u biex jinxterdu l-valuri Ewropej tad-demokrazija, ta" l-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem,
AH. billi f'livelli differenti kemm il-Mongolja kif ukoll l-Afganistan jaqsmu ċerti karatteristiċi komuni mal-ħames stati ewlenin ta' l-Asja Ċentrali iżda m'hemmx enfasi partikulari fuqhom fid-dokument ta" strateġija u huma nfushom huma koperti minn strumenti differenti ta" l-UE,
AI. billi minħabba l-viċinanza tar-reġjun ma" l-Afganistan ċerti pajjiżi sħab saru prezzjużi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-Istati Membri ta" l-UE użaw ukoll ajruporti jew spazju ta" l-ajru fir-reġjun; billi fl-istess ħin l-azzjoni ta" l-UE biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem fl-Asja Ċentrali b'mod ġenerali u f'ċerti pajjiżi b'mod partikulari kienet dgħajfa b'mod diżappuntanti,
AJ. billi l-Asja Ċentrali hi r-rotta ta" tranżitu għal 30% ta" l-eroina Afgana, l-iktar mis-swieq Russi, li twassal għal kriminalità organizzata u korruzzjoni marbuta mat-traffikar tad-droga, kif ukoll għall-vizzju u għal problemi tas-saħħa u problemi soċjali marbuta mal-vizzju, b'implikazzjonijiet ewlenin għall-istabilità reġjonali,
AK. billi l-Mongolja għandha kuntest simili għal dak tar-repubbliki ta" l-Asja Ċentrali, peress li għandha karatteristiċi storiċi, kulturali u ekonomiċi u politiki ambjentali u ta" l-enerġija li jridu jiġu kkunsidrati b'mod konsistenti fil-qafas ta" l-istrateġija ta" l-UE għall-Asja Ċentrali,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess akbar ta' l-UE fl-Asja Ċentrali, u dan jidher l-iktar permezz ta' l-adozzjoni ta' l-istrateġija għall-Asja Ċentrali; madankollu, jinnota li l-implimentazzjoni tal-proġetti għall-ħames pajjiżi tar-reġjun saret bil-mod ħafna;
2. Huwa konvint li, filwaqt li l-valuri li trid tippromwovi l-UE dejjem jibqgħu l-istess, l-interessi ta" l-UE, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet eżistenti fil-ħames pajjiżi, ivarjaw ħafna;
3. Jitlob li jitfasslu objettivi u prijoritajiet ċari għar-relazzjonijiet ta' l-UE ma' kull wieħed mill-ħames pajjiżi, billi ssir riferenza għall-analiżi ġenerali tar-reġjun u għall-katalgu ġenerali ta' l-objettivi tal-politika ta' l-UE inklużi fl-istrateġija ta' l-UE li ġiet adottata;
4. Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tippromwovi żvilupp ekonomiku ġust u sostenibbli fir-reġjun, u fuq l-importanza ta" l-appoġġ tagħha għal inizjattivi lokali għall-iżvilupp ekonomiku, għal riformi fil-qafas regolatorju tan-negozji kif ukoll għall-qerda tal-faqar fil-kuntest ta" l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, fir-rigward ta" l-isfida tat-terroriżmu, li t-tisħiħ tal-koperazzjoni dwar is-sigurtà huwa importanti, iżda li kwalunkwe approċċ għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu li ma jkollux bilanċ bejn il-ħtiġijiet tas-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem u governanza tajba jista' jkollu riżultat bil-maqlub ta' dak mixtieq; jilqa" b'sodisfazzjon it-tisħiħ tad-djalogu politiku mal-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibqgħu jippromwovu l-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-edukazzjoni, u biex jitqies il-fatt li jinbeda djalogu mat-tipi kollha ta' komunitajiet reliġjużi; u jistieden kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kummissjoni biex jiżguraw li kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ikollhom l-istess importanza bħall-approċċ qawwi ta' l-UE għall-enerġija, is-sigurtà u l-kummerċ;
5. Huwa konvint li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu ttrattati b'mod effettiv biss permezz ta' approċċi reġjonali li jwasslu għal soluzzjonijiet reġjonali (eż. il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin, il-ġlieda kontra d-droga, l-immaniġġjar ta' l-ilma) li jirrikjedu koperazzjoni reġjonali msaħħa; għalhekk, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta" l-UE biex jipprovdu l-għajnuna teknika meta tkun meħtieġa, speċjalment biex jinxtered l-għarfien u biex jagħmluha ta" medjatur biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali; madankollu, jiġbed l-attenzjoni li l-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali għandhom livelli differenti ta' żvilupp u differenzi politiċi, ekonomiċi u kulturali ewlenin; f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill qed jippruvaw jadottaw approċċi speċifiċi għall-pajjiż kif ukoll approċċi reġjonali fl-ippjanar ta' sħubija u koperazzjoni fil-ġejjieni;
6. Jitlob id-divrenzjar fil-politika ta" l-UE biex l-approċċ tagħha għall-pajjiżi tar-reġjun ikun ibbażat b'mod partikulari fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'kull pajjiż, ir-rispett tal-gvern tagħhom għall-impenji OSCE, il-ħtiġijiet ta" żvilupp tagħhom u l-impenji tal-gvern tagħhom biex jittejjeb il-livell ta" l-għajxien taċ-ċittadini tagħhom, l-importanza kurrenti u potenzjali tagħhom għall-UE bħala sħab fil-kummerċ, il-koperazzjoni fil-qasam ta" l-enerġija u f'oqsma oħra, u d-djalogu dwar kwistjonijiet internazzjonali, u l-prospetti għas-suċċess ta" azzjonijiet ta" l-UE, inklużi forom varji ta" għajnuna;
7. Jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni transkonfinali, speċjalment meta jitqies li b'hekk l-isforzi konġunti għall-ġlieda kontra t-traffikar tan-nies u tad-droga jkunu iktar effiċjenti; għalhekk, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta" l-UE biex jipprovdu l-għajnuna teknika fejn tkun meħtieġa, speċjalment biex jinxtered l-għarfien u biex jagħmluha ta" medjatur biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza tal-politika ta' l-UE fl-Asja Ċentrali, u għalhekk ifakkar li l-Istrateġija trid tkun konsistenti mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp; jenfasizza wkoll li l-għajnuna mogħtija skond id-DCI trid tkun konformi ma' l-għanijiet ewlenin, jiġifieri l-qerda tal-faqar u t-twettiq ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs);
9. Jinnota li l-qerda tal-faqar hi deskritta bħala prijorità prinċipali fl-għajnuna bilaterali tal-Komunità Ewropea għall-perjodu 2007-2013 fl-Anness ta' l-Istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni regolari u dettaljata lill-Parlament dwar kif l-għajnuna bilaterali u reġjonali se tirrelata mal-MDGs individwali u dwar il-baġit li hemm ippjanat għas-setturi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni bażika;
10. Jenfasizza li r-riformi ta" l-oqsma soċjali, tas-saħħa, tas-sigurtà ta" l-ikel, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku ġust u sostenibbli huma kruċjali biex ikunu żgurati stabiltà, sigurtà u prosperità għall-futur imbiegħed fil-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali; għalhekk, huwa tal-fehma li l-proċess ta' l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet f'livelli nazzjonali u reġjonali huwa opportunità ċara biex l-UE tispikka aktar u żżid il-kredibiltà tagħha fi djalogu miftuħ mal-partijiet interessati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, il-parlamenti u l-awtoritajiet lokali;
11. Jemmen li l-adeżjoni ma' l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) tirrappreżenta suċċess importanti għall-istabiltà ekonomika tar-reġjun, iżda li dan il-għan jista" jintlaħaq biss b'rispett ta" l-istandards internazzjonali għall-investiment barrani u permezz ta' ġudikatura indipendenti;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jimplimentaw kull miżura xierqa biex titħeġġeġ integrazzjoni aktar profonda ta' l-Asja Ċentrali fis-sistema kummerċjali u ekonomika dinjija, b'mod partikulari billi l-erba' pajjiżi fir-reġjun li għadhom m'humiex membri jaderixxu mad-WTO;
13. Jikkunsidra li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi fir-reġjun li jirriformaw is-sistemi bankarji u ta' l-assikurazzjoni tagħhom b'mod sostanzjali, li jistabbilixxu sistema effiċjenti tal-mikrokreditu, li jtejbu r-regolazzjoni u s-superviżjoni ta' attivitajiet bankarji, li jipprivatizzaw il-banek ta' l-istat u li joħolqu swieq nazzjonali finanzjarji li huma tassew kompetittivi u miftuħa għal banek barranin;
14. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jawtorizza awtorizza lill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) sabiex jestendi l-kreditu ta' appoġġ lill-Asja Ċentrali, b'koperazzjoni mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), li diġà huwa attiv fir-reġjun;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmobilizza, b'mod koerenti, l-istrumenti kollha disponibbli, mid-djalogu politiku u l-politiki Komunitarji (speċjalment dawk dwar il-kummerċ, l-iżvilupp, il-kompetizzjoni, ir-riċerka u l-ambjent) għas-sussidji u s-self, anke dawk mogħtija milll-EIB, l-EBRD u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħra, bil-għan li dawn il-proġetti jitwettqu aktar malajr;
16. Iħeġġeġ 'l-Istati fir-reġjun biex jipprovdu protezzjoni aħjar għall-investiment barrani dirett;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jieħdu kull miżura possibbli ħalli tkun aktar faċli għall-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali li jużaw is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi ta' l-UE, u biex irawmu l-iżvilupp tal-Kummerċ intrareġjonali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħtu lill-istati tar-reġjun appoġġ ekonomiku, amministrattiv u tekniku kkwalifikat, anke b'koperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet reġjonali li jittrattaw il-kwistjonijiet ekonomiċi ta' l-Asja Ċentrali, sabiex jissaħħew, fi ħdan dan il-qafas, l-istrutturi pubbliċi, u sabiex tinħoloq bażi ekonomika aktar effiċjenti u diversifikata u titjieb il-penetrazzjoni tal-prodotti lokali fis-swieq barranin, u b'mod partikulari fl-UE;
19. Jikkunsidra li l-istrateġija hija ambizzjuża biżżejjed fir-rigward tal-koperazzjoni bilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni;
20. Jikkunsidra li, meta tevalwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-UE għandha toqgħod attenta b'mod speċjali għall-eżistenza – jew għan-nuqqas – ta" impenn kredibbli min-naħa tal-gvern konċernat li jtejjeb dik is-sitwazzjoni, filwaqt li tiffoka fuq progress li jidher, is-sitwazzjoni ta" min jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-livell ta" koperazzjoni ma" rapporteurs speċjali u mekkaniżmi tan-NU, kif ukoll ma" organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra;
21. F'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu pożizzjoni konsistenti u magħquda dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u, bil-għan li d-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem isiru parti integrali mill-istrateġija dwar l-Asja Ċentrali, jistedinhom biex ifasslu benchmarks, indikaturi u miri ċari f'dawn l-oqsma, b'konsultazzjoni mal-pajjiżi msieħba ta' l-Asja Ċentrali, kif sar f'oqsma oħra; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu attenzjoni partikulari lill-ħelsien ta' priġunieri politiċi u lill-indipendenza tal-midja;
22. Jikkundanna l-persekuzzjoni ta' min jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan u fit-Turkmenistan; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz biex jipproteġu l-attivitajiet u l-integrità fiżika tagħhom, u jistieden lill-gvernijiet rilevanti biex jeħilsu minnufih lil dawk kollha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li ntbagħtu l-ħabs jew li qed jinżammu bilfors fi sptarijiet psikjatriċi għal raġunijiet politiċi;
23. Jenfasizza li kuntatti ta" l-UE ma" strutturi ta" sigurtà jew appoġġ ta'l-UE għal koperazzjoni dwar is-sigurtà li jinvolvu stati b'rata għolja ta" ripressjoni għandhom jitnaqqsu kemm jista" jkun, u li kwalunkwe kuntatti bħal dawn għandhom jitmexxew dejjem b'mod trasparenti;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joffru għajnuna speċjali għar-riforma u t-titjib tal-ġudikatura fir-reġjun, sabiex tkun tista" taħdem b'aktar indipendenza u effikaċja, anke fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
25. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw mill-qrib mal-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali fl-implimentazzjoni ta' riformi edukattivi u sabiex jinkuraġixxu lil dawk il-pajjiżi biex id-drittijiet ċivili u soċjali taċ-ċittadini ma jibqgħux marbuta mas-sjieda tal-proprjetà billi tkun irriformata s-sistema ta' reġistrazzjoni tad-djar (sistema fejn individwu jingħata timbru ta' reġistrazzjoni ta' dar fil-passaport tiegħu jew tagħha meta jsir ċittadin);
26. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp u l-appoġġ ta" soċjetà ċivili ġenwina huma prerekwiżit għall-progress; jiddeplora s-sitwazzjoni diffiċli ta" l-NGOs f'xi stati ta" l-Asja Ċentrali, għaliex l-azzjonijiet tagħhom qed ikunu mfixkla kontinwament mill-gvernijiet; jenfasizza li l-UE trid tibqa" tappoġġja lis-soċjetà ċivili, kemm permezz ta" għajnuna finanzjarja kif ukoll billi tiżgura li ssemma" l-vuċi tagħha (permezz ta" fora u konsultazzjonijiet), billi dan jgħin biex tinbena demokrazija parteċipatorja; huwa tal-fehma li l-UE għandha tikkunsidra lis-soċjetà ċivili bħala msieħba fil-kontribut għas-soċjetajiet sostenibbli, l-istabiltà soċjali u l-promozzjoni tal-valuri u l-istandards ta" l-UE;
27. Jinnota li l-politika ta' l-UE għall-Asja Ċentrali għandha tkun ibbażata fuq dibattiti u skambji serji mal-partijiet interessati kollha; għalhekk jistieden lill-UE biex tidħol fi djalogu politiku inklussiv li jinvolvi lill-parlamenti, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta' l-Istrateġija u tal-programmi;
28. Jiġbed l-attenzjoni għall-abbuż tan-nisa li huwa mifrux f'numru ta" reġjuni madwar l-Asja Ċentrali (eżempji ta' dan l-abbuż huma ż-żwiġijiet sfurzati, it-traffikar għal sfruttament sesswali, l-istupri, eċċ.), u jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali biex jimplimentaw il-liġijiet eżistenti biex jitħarsu d-drittijiet tan-nisa, u lill-Kummissjoni biex tinkludi azzjonijiet rilevanti fi programmi ta" assistenza;
29. Jistieden lill-gvernijiet ta' l-Asja Ċentrali biex isaħħu l-liġijiet eżistenti dwar id-drittijiet tan-nisa u biex itejbu l-implimentazzjoni tagħhom ta' dawn il-liġijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja proġetti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija marbuta ma' l-irwol speċifiku tan-nisa; iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta" Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u biex tużaha bħala benchmark għal koperazzjoni akbar; jenfasizza li s-sitwazzjoni tan-nisa qed tiddeterjora f'ħafna partijiet ta' l-Asja Ċentrali minħabba aċċess mhux ugwali għall-edukazzjoni, għas-saħħa u għall-impjiegi, u jenfasizza li t-tielet MDG li tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi u li n-nisa jingħataw aktar opportunitajiet għandu jsir prijorità li trid tkun integrata fl-attivitajiet ta' l-UE marbuta ma' din il-kwistjoni;
30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regoli u l-konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar xogħol deċenti, u jenfasizza li dawn l-istandards għandu jkollhom irwol integrali fil-koperazzjoni ekonomika, fl-investiment u fir-relazzjonijiet kummerċjali; jinnota li x-xogħol tat-tfal għadu jikkawża tħassib serju, speċjalment fit-Taġikistan u fl-Uzbekistan, u jenfasizza l-ħtieġa li tkun appoġġjata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
31. Jenfasizza l-użu mifrux tax-xogħol tat-tfal f'diversi stati ta' l-Asja Ċentrali, speċjalment fl-oqsma tal-ħsad tal-qoton, tal-kultivazzjoni tat-tabakk, tax-xogħol fil-minjieri tal-faħam u ta' l-artiġjanat, u jistieden lill-gvernijiet rispettivi biex jimplimentaw il-miżuri eżistenti kontra dan ix-xogħol b'mod iktar effettiv, biex ifasslu politika nazzjonali konsistenti dwar ix-xogħol tat-tfal u biex jappoġġjaw proġetti u jieħdu sehem fi proġetti għall-waqfien tax-xogħol tat-tfal li tnedew minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn NGOs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twaqqaf programm speċjali fi ħdan il-qafas tad-DCI dwar din il-kwistjoni;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tbiddel il-koperazzjoni attiva dwar il-migrazzjoni fi djalogu parteċipatorju u veru li fih jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni permezz ta' programmi speċifiċi ta' żvilupp ekonomiku legali, filwaqt li jiġu ttrattati, pereżempju, in-nuqqas ta' prospetti ekonomiċi fiz-zoni rurali sabiex jittaffew iż-żiedet konsegwenzjali tal-faqar urban;
33. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw kemm jistgħu l-esperjenza u l-aħjar prattika tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għall-migranti, speċjalment għal min ifittex il-kenn u għar-refuġjati; jikkundanna l-estradizzjoni sfurzata ta" min ifittex il-kenn, u partikolarment tar-refuġjati Uzbekin, mill-gvernijiet ta" pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw ma' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) biex jiddefendu u jappoġjaw lir-refuġjati politiċi;
34. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li numru kbir ta" Uighurs intbagħtu mill-Asja Ċentrali għaċ-Ċina wara talba miċ-Ċina, u dan jirrifletti l-pressjoni li qed tikber miċ-Ċina fuq gvernijiet fir-reġjun, u jinnota li r-refuġjati huma f'riskju ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem;
35. Jikkunsidra li, minħabba li l-mard li jittieħed, bħall-HIV, żdied ħafna fir-reġjun, ir-riforma tas-saħħa u tas-saħħa tas-settur pubbliku għandha tkun prijorità ewlenija għall-komunità donatriċi, inkluża l-Kummissjoni;
36. Jinkuraġġixxi b'qawwa l-appoġġ ta" l-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għaliex b'hekk l-istudenti ta" l-Asja Ċentrali jingħataw aktar possibiltajiet biex jistudjaw fl-UE, kif ukoll possibiltajiet ta" skambji ma' studenti minn universitajiet ta' l-UE;
37. Jenfasizza s-sitwazzjoni ġeopolitika ta" l-Asja Ċentrali u l-interess li qed jikber ta" setgħat ekonomiċi u politiċi fir-reġjun, bħar-Russja, l-Istati Uniti, iċ-Ċina u t-Turkija; għalhekk, jikkunsidra li koperazzjoni mill-qrib ma' dawk il-pajjiżi fir-rigward ta' l-Asja Ċentrali hija importanti ħafna meta hemm l-istess interessi iżda bla ma jkun hemm kunflitt mal-preokkupazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isibu modi biex titjieb il-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet u l-politiki individwali ta' Stati Membri ta' l-UE fir-reġjun, kif ukoll bejn l-UE u stati interessati oħra; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-irwol ewlieni tat-Turkija bħala pajjiż kandidat għall-UE fl-Asja Ċentrali, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex japprofittaw kemm jitsa' jkun mir-relazzjonijiet storiċi, ekonomiċi u kulturali tat-Turkija ma' ċerti pajjiżi fir-reġjun, filwaqt li jinvolvu għalkollox lil dak il-pajjiż kandidat biex jissieħeb ma" l-UE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta" l-istrateġija;
38. Jenfasizza l-importanza li l-koperazzjoni interreġjonali tkun żviluppata aktar, partikolarment mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed;
39. Jiddispjaċih għall-fatt li fl-istrateġija tal-Kunsill għall-Asja Ċentrali, il-Mongolja m'hijiex inkluża fost il-pajjiżi msemmija kollettivament bħala l-Asja Ċentrali (il-Kazakhstan, il- Kirgiżtan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan), speċjalment minħabba l-progress sostanzjali li għamlet il-Mongolja fit-twaqqif ta" stat imsejjes fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-reġjun; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaslu għal riżoluzzjoni f'livell ta' l-UE u jħejju dikjarazzjoni dwar l-iżvilupp tal-Mongolja;
40. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-oqsma kollha tas-soċjetà f'kull pajjiż jiġu integrati fid-djalogu politiku u fis-sħubija ma" l-UE, u jħeġġiġhom biex jinkludu numru akbar ta" nies fil-politika ta" l-UE, partikolarment il-parlamenti u s-soċjetà ċivili;
41. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għall-Asja Ċentrali, is-Sur Pierre Morel, u jistieden lill-Kunsill biex isaħħaħ il-mandat tiegħu u biex ifassal ,-irwol tiegħu aħjar, anke billi jikkontribwixxi għal koordinazzjoni mtejba tal-politiki ta' l-Istati Membri fir-reġjun;
42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi bla aktar dewmien biex twaqqaf delegazzjonijiet kompleti fil-pajjiżi kollha ta' l-Asja Ċentrali fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu, peress li preżenza sħiħa fil-post hija prerekwiżit għal azzjoni effettiva ta' l-UE; jinnota l-pjanijiet biex titwaqqaf delegazzjoni kompleta f'Bishkek u f'Dushanbe fl-2008, li żżid il-preżenza ta" l-UE fil-Kirgiżtan u fit-Taġikistan b'mod sinifikanti u għandha twassal għal tisħiħ tal-koperazzjoni;
43. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jirrevedi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija f'Ġunju 2008 u talanqas kull sentejn wara dik id-data; huwa tal-fehma li din ir-reviżjoni tkun l-okkażjoni biex l-istrateġija għall-Asja Ċentrali tintrabat aktar mill-qrib mal-Politika Ewropea tal-Viċinat;
Il-Kazakhstan
44. Jinnota li l-Kazakhstan huwa alleat ewlieni u msieħeb strateġiku fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-droga u l-estremiżmu reliġjuż; jirrikonoxxi t-tradizzjoni tal-Kazakhstan ta" armonija razzjali u reliġjuża f'pajjiż li jospita aktar minn 100 grupp etniku differenti u 45 reliġjon differenti; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lill-appoġġ għall-Gvern tal-Kazakhstan kif ukoll għas-soċjetà ċivili tagħha bil-għan li jissaħħaħ l-istat tad-dritt kif ukoll biex jibqgħu jiġu promossi l-elezzjonijiet demokratiċi fil-ġejjieni;
45. Jisħaq fuq l-importanza tal-Kazakhstan għall-kummerċ ta" l-UE fl-enerġija, bħala l-imsieħeb ewlieni tagħha fl-Asja Ċentrali; ifakkar l-iffirmar ta" Memorandum ta" Ftehim iffukat fuq il-promozzjoni tal-koperazzjoni ma" l-UE bil-għan li jiġu żviluppati l-enerġija sikura u l-koperazzjoni industrijali; jinnota - filwaqt li jfakkar li l-Kazakhstan għandu t-tielet l-akbar riżervi dinjin ta' l-uranju - li dan il-memornadum ġie ssupplimentat bi ftehim dwar il-koperazzjoni enerġetika u dikjarazzjoni dwar l-użu paċifiku ta' l-enerġija nukleari mill-Euratom u mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakhstan;
46. Jilqa" b'sodisfazzjon l-interess tal-Kazakhstan li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma" l-Unjoni Ewropea, u jirrikonoxxi l-importanza reċiproka ta" relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi msaħħa bejn l-UE u l-Kazakhstan; jikkunsidra li l-UE għandha tissokta bl-approċċ tagħha ta" attitudni pożittiva lejn il-Kazakhstan iżda jenfasizza li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakhstan ma jistax ma jkunx marbut ma' l-isforzi tal-Kazakhstan li jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu u l-obbligi ma' l-OSCE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-demokrazija;
47. Jenfasizza li l-aħħar elezzjonijiet parlamentari, li saru fit-18 ta" Awissu 2007, minkejja xi titjib, ma ssodisfawx l-istandards ta" l-OSCE u standards internazzjonali oħra; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li s-siġġijiet kollha fil-parlament ittieħdu mill-partit propresidenzjali fil-gvern, u dan jista' iwassal għall-monopolizzazzjoni tal-poter min-naħa tal-President Nursultan Nazarbayev u l-partitarji tiegħu; jistieden lill-gvern tal-Kazakhstan biex jabolixxi r-restrizzjonijiet sproporzjonati kollha fuq ir-reġistrazzjoni ta" partiti politiċi ġodda, pereżempju n-numru mhux realistiku ta" membri (50 000) meħtieġ biex jitwaqqaf partit politiku;
48. Jappoġġja d-deċiżjoni biex il-Kazakhstan jassumi iċ-Chairmanship ta" l-OSCE fl-2010, li huwa possibbli bil-wegħdi tal-Kazakhstan biex jiddefendi l-mandat attwali ta" l-Uffiċċju ta" l-ODIHR u biex jinstalla d-demokrazija u jilliberalizza s-sistema politika fil-Kazakhstan; rigward dan ta" l-aħħar, jinnota l-wegħdi li jkunu faċilitati r-rekwiżiti ta" reġistrazzjoni kemm għal partiti politiċi u kemm għal kumpaniji tal-midja u biex jemenda l-Liġi ta" l-Elezzjonijiet, u dan kollu jrid iseħħ sa l-2008, kif ukoll il-wegħdi li tkun emendata l-Liġi tal-Midja b'mod li tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet ta' l-OSCE u biex titnaqqas ir-responsabilità kriminali f'każ ta' malafama; jilqa' r-rabta mill-viċin li l-Kazakhstan stess iwettaq bejn dawn il-kwistjonijiet u ċ- Chairmanship tiegħu fil-futur ta" l-OSCE u jħares "il quddiem għal bidla fil-waqt u konvinċenti tal-wegħdi tar-riforma f'miżuri konkreti; jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-Kazakhstan biex jaħtaf din l-opportunità biex iwettaq pass deċiżiv lejn sistema demokratika b'mod sħiħ u b'hekk biex jipprepara għal Chairmanship ta" l-OSCE verament b'suċċess;
49. Iħeġġeġ lill-gvern biex jimxi b'aktar determinazzjoni lejn sistema istituzzjonali demokratika, filwaqt li jfakkar il-progress kontinwu li sar mindu l-Kazakhstan iddikjara l-indipendenza fl-1991;
50. Jenfasizza n-nuqqas ta" kwalunkwe libertà vera ta' l-istampa, u jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-kontroll presidenzjali tal-midja ewlenija u dwar il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti ta' l-oppożizzjoni; barra minn hekk, jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta" liġi ġdid dwar il-midja li tagħti aktar responsabiltà lill-ġurnalisti għat-tixrid ta" informazzjoni ta" disprezz u li ssaħħaħ il-kriminalizzazzjoni tal-malafama u l-insult tad-dinjità ta" persuni oħra, u skond liema liġi kwalunkwe ġurnalist jista" jitressaq il-qorti talli ppubblika informazzjoni dwar il-ħajja privata ta" persuna pubblika; jinnota li l-liġijiet eżistenti jipprovdu protezzjoni biżżejjed kontra ġurnalisti mhux etiċi;
51. Jilqa" b'sodisfazzjon l-iffirmar mill-Kazakhstan tal-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, u Trattament jew Kastig Ieħor Inuman u Degradanti (Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura) u jitlob li jiġi ratifikat u implimentat mill-aktar fis;
Il-Kirgiżtan
52. Huwa tal-fehma li għandhom isiru l-isforzi kollha biex jissaħħu u jkunu appoġġjati l-istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfa fil-Kirgiżtan; jemmen li dan il-pajjiż għandu l-potenzjal li jsir eżempju għall-istati l-oħra kollha ta" l-Asja Ċentrali fl-oqsma tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-għajnuna lil dan il-pajjiż sabiex ikun żgurat li jfassal u jimplimenta b'suċċess ir-riformi li wiegħed;
53. Jappoġġja b'mod qawwi l-progress tal-Kirgiżtan fil-qasam tal-libertà ta" l-istampa u tal-midja kif ukoll l-isforzi tal-politikanti u tas-soċjetà ċivili biex jattwaw riforma kostituzzjonali; jistieden lill-Gvern Kirgiż biex jiżgura s-sikurezza tal-ġurnalisti tal-pajjiż, biex ilesti r-riformi mwiegħda rigward il-midja u kontra l-korruzzjoni u biex jagħmel progress akbar fid-deċentralizzazzjoni politika u baġitarja;
54. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li l-abbozz il-ġdid tal-Kostituzzjoni, li l-votazzjoni dwaru saret fir-referendum tal-21 ta' Ottubru 2007, jista' jibdel il-bilanċ tal-poter b'mod sinifikanti; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li l-awtoritajiet Kirgiżi ma daħlux f'dibattitu pubbliku wiesa', li jinvolvi 'l-oqsma kollha tas-soċjetà Kirgiża, dwar din il-kwistjoni delikata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kirgiżi biex jissalvagwardjaw il-kontrolli u l-bilanċi xierqa;
55. Jiddispjaċih li l-elezzjonijiet ta" qabel it-terminu parlamentari li seħħew fis-16 ta" Diċembru 2007 fallew milli jilħqu numru ta" impenji ta" l-OSCE; jenfasizza li, skond l-OSCE, l-elezzjonijiet, b'mod ġenerali, irrappreżentaw opportunità mitlufa u pass lura meta mqabbla ma' l-elezzjonijiet ta' l-2005, u ma laħqux l-istennija tal-pubbliku għal aktar konsolidament tal-proċess elettorali; jesprimi t-tħassib tiegħu, b'mod partikulari, fir-rigward tal-mekkaniżmu tal-limitu doppju li eskluda mill-parlament il-ġdid il-partit ta" l-oppożizzjoni l-aktar b'saħħtu, b'hekk il-partit tal-President Bakiyev ingħata maġġoranza assoluta; jistieden lill-awtoritajiet Kyrgyzi, f'dan ir-rigward, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu jistabbilixxu pluraliżmu politiku b'mod sħiħ; jiddeplora it-trażżin u l-arrest mill-pulizija ta" attivisti ta" NGO u tad-drittijiet tal-bniedem li kienu qed jipprotestaw b'mod paċifiku kontra n-nuqqasijiet tal-proċess elettorali;
It-Taġikistan
56. Wara li laqa" b'sodisfazzjon l-iżvilupp pożittiv ta" sistema b'ħafna partiti u li fiha jinqasam il-poter fit-Taġikistan wara li ntemmet il-gwerra ċivili fl-1997, jinnota li t-Taġikistan ilu minn dakinhar fi stat ta' stabilità prekarja, bi President li, għalkemm jidher li għandu l-appoġġ ġenwin tal-poplu, rażżan l-oppożizzjoni kollha b'mod sistematiku u impona kontrolli stretti fuq il-midja stampata u x-xandir; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' soċjetà ċivili ġenwina fil-pajjiż, nuqqas li jdgħajjef l-iżvilupp demokratiku fil-ġejjieni, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar riformi sinifikanti u ta' rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-qasam, jitlob li jkunu adottati l-miżuri neċessarji kollha biex tkun irrispettata l-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Tortura, b'mod partikulari billi jitressqu quddiem il-ġustizzja l-uffiċjali li huma responsabbli għal trattament degradanti jew għal trattament ħażin; jitlob ukoll għat-tneħħija tal-piena tal-mewt;
57. Juri tħassib dwar l-abbozz ġdid ta" liġi reliġjuża li, jekk ikun adottat, se jinkludi dispożizzjonijiet restrittivi li jikkonċernaw l-istejtus legali għal komunitajiet reliġjużi, speċjalment fir-rigward tal-kisba ta" stejtus legali minn komunitajiet mhux Musulmani; jinnota li diversi dispożizzjonijiet ta" din il-liġi jiksru l-Kostituzzjoni tat-Taġikistan u normi internazzjonali li t-Taġikistan hu firmatarju tagħhom; jesprimi wkoll tħassib li l-mexxejja tal-moskej se jkunu suġġetti għal testijiet reliġjużi fit-Taġikistan u jistieden lill-gvern Taġik biex jirrispetta t-twemmin u l-eżistenza ta" minoritajiet reliġjużi;
58. Jinnota li t-Taġikistan, li m'għandux riżorsi naturali bħaż-żejt u l-gass, huwa wieħed mill-ifqar 20 pajjiż fid-dinja, u li hemm preokkupazzjonijiet kbar dwar il-livell ta" sfruttament li hemm, kif ukoll fl-Uzbekistan, ta" nisa u tfal minħabba monokultura tal-qoton;
59. Jinkuraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-PCA mat-Taġikistan biex jirratifikawha mill-aktar fis possibbli, peress li dewmien mhux meħtieġ jista' jagħti sinjali skuraġġanti u li ma jkunux ta' għajnuna lit-Taġikistan; il-Parlament stess għandu l-għan li japprova l-PCA fil-futur qarib;
60. Jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta" bombi tat-tip cluster li ma splodewx fit-Taġikistan, iħeġġeġ li jiżdiedu l-finanzi biex dawn jitneħħew, u jisħaq fuq il-ħtieġa għal trattat internazzjonali li jipprojbixxi l-bombi tat-tip cluster; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-eżistenza ta" zoni bil-mini splużivi fil-fruntieri ma" l-Afghanistan u l-Uzbekistan; jistieden lill-awtoritajiet Uzbeki biex jikkoperaw b'mod sħiħ fl-identifikazzjoni ta" dawn iz-zoni b'mini splużivi u lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-programmi meħtieġa ta" tneħħija tal-mini splużivi;
61. Minħabba l-irwol tat-Taġikistan bħala pajjiż ta" tranżitu għad-drogi mill-Afganistan, iħeġġeġ lill-UE biex issaħħaħ aktar l-appoġġ tagħha għall-miżuri sabiex ikunu miġġielda dawn l-attivitajiet fit-Taġikistan; mingħajr ma jkun sottovalutat il-kummerċ transkonfinali, li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni bil-konfini;
It-Turkmenistan
62. Jinnota bħala sinjal pożittiv ta" bidla fit-Turkmenistan, għalkemm limitat ħafna, l-ambizzjoni tal-President il-ġdid, is-Sur Gurbanguly Berdymukhammedov, li jwettaq riformi ewlenin tas-sistema edukattiva; jemmen li l-UE qed tagħmel sew li tirreaġixxi għar-riċettività tat-Turkmenistan għall-koperazzjoni f'dan il-qasam;
63. Jilqa" b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-President Berdymukhammedov li jagħti amnestija lil ħdax-il priġunier politiku li ngħataw sentenza ta" żmien twil ta" priġunerija minħabba l-oppożizzjoni tagħhom għall-politiki tal-President ta" qabel Saparmurat Niyazov; iħeġġeġ biex jittieħdu iktar passi biex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha fil-pajjiż;
64. Jenfasizza, iżda, li t-Turkmenistan irid jagħmel progress f'oqsma ewlenin sabiex l-UE tkun tista" timxi "l quddiem bil-Ftehim Interim, inter alia billi jippermetti lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar aċċess ħieles u bla kontroll, billi jinħelsu bla kundizzjoni l-priġunieri politiċi u l-priġunieri tal-kuxjenza kollha, billi jitneħħew l-impedimenti kollha fuq l-ivvjaġġar, u billi l-NGOs u l-entitajiet għad-drittijiet tal-bniedem kollha jitħallew joperaw b'mod ħieles fil-pajjiż;
65. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti ta" titjib fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-biża" tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar rigward il-qagħda gravi ta' komunitajiet reliġjużi żgħar li mhumiex reġistrati, tal-mexxejja tagħhom u ta' minoranzi oħra, u jinsisti li kwalunkwe żvilupp ieħor tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkmenistan, inkluża l-konklużjoni possibbli tal-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u l-Kwistjonijiet Marbuta mal-Kummerċ, kif ukoll, iktar tard, tal-Ftehim kompletta' Sħubija u Koperazzjoni, irid ikun marbut mill-qrib ma' evidenza ċara li għaddej proċess ta' titjib sinfikanti f'dan il-qasam, kif ukoll ma' sinjali ġenwini li dan il-proċess se jkompli;
66. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba l-epidemija riċenti fit-Turkmenistan ta" marda li tixbah lill-influwenza li x'aktarx li hija marbuta mal-kultivazzjoni u l-ħsad tal-qoton; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tad-DCI, biex toffri għajnuna lill-Ministeru għas-Saħħa Turkmani sabiex jinvestiga n-natura tal-marda u l-kawżi tagħha u biex isib ir-rimedji l-iktar effettivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Asja Ċentrali sabiex tnaqqas l-użu tal-pestiċidi fil-kultivazzjoni tal-qoton u tintroduċi tekniki favur l-ambjent;
L-Uzbekistan
67. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għas-sanzjonijiet kontra l-Uzbekistan imposti mill-UE wara l-massakru f'Andijan; jiddispjaċih għall-progress limitat ħafna li sar fir-rigward tal-kriterji ffissati għall-evalwazzjoni ta" l-iżvilupp ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta" Ottubru 2007 li jestendi l-embargo fuq l-armi għal 12-il xahar ieħor u li jissospendi kundizzjonalment ir-restrizzjonijiet fuq il-viżi għal perjodu inizjali ta" sitt xhur (Pożizzjoni Komuni 2007/734/PESK); jistieden b'mod urġenti lill-awtoritajiet Uzbekin biex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità sabiex jittieħdu passi konkreti biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, biex jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward ta' l-obbligi internazzjonali f'dan il-qasam u biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-UE;
68. Jappoġġja l-bidu ta" djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Uzbekistan; jinnota d-diffikultajiet kbar li dan jinvolvi u jenfasizza li l-istennijiet għandhom ikunu realistiċi; jirrifjuta kull tendenza biex is-sempliċi eżistenza ta' dan id-djalogu tintuża bħala skuża biex jitneħħew is-sanzjonijiet u biex jidher li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem qed ikunu ttrattati kif xieraq; jerġa' jafferma li r-riżultati biss jgħoddu, u jenfasizza li l-impenn Uzbeki biex ikunu żgurati l-ġustizzja u r-responsabilità għall-massakru f'Andijan hu element essenzjali fi kwalunkwe koperazzjoni addizzjonali ma" l-UE;
69. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistipula obbligi konkreti u tistabbilixxi mekkaniżmi ta' monitoraġġ aktar effiċjenti flimkien mal-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet ta" l-UE sabiex jinkiseb titjib reali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan;
70. Jilqa', bħala pass pożittiv lejn riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-Uzbekistan, l-approvazzjoni mill-Parlament Uzbeki tal-liġijiet dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt u l-awtorizzazzjoni tal-qrati li joħorġu mandati ta" arrest; jitlob li jsir eżami bir-reqqa tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li jippromwovi b'mod effettiv l-implimentazzjoni ta" dawn ir-riformi
71. Jiddeplora l-fatt li l-elezzjonijiet presidenzjali li seħħew fit-23 ta" Diċembru 2007 għal darb'oħra fallew milli jilħqu ħafna impenji ta" l-OSCE għal elezzjonijiet demokratiċi u li, skond l-ODIHR, is-sondaġġ seħħ f'ambjent politiku kkontrollat b'mod strett, bl-ebda spazju għal oppożizzjoni reali; jinnota l-amnestija presidenzjali maħruġa fit-2 ta" Jannar 2008 bil-maħfra ta" "l fuq minn 500 priġunier u t-tnaqqis tas-sentenza tal-ħabs ta' 900 priġunier ieħor, u jiddispjaċih li ftit wisq priġunieri politiċi bbenefikaw minn din l-amnestija;;
Nirrimedjaw għall-fraġilità ta" l-istati
72. Iħeġġeġ lill-UE biex tonora l-impenji tagħha biex ittejjeb ir-rispons tagħha għal sħubijiet diffiċli u stati fraġli u biex tappoġġja l-prevenzjoni tal-fraġilità ta' l-istati permezz ta' riforma fil-governanza, l-istat tad-dritt, miżuri kontra l-korruzzjoni u l-bini ta" istituzzjonijiet vijabbli ta" l-istat sabiex tgħin lil dawk l-istati iwettqu firxa ta" funzjonijiet u jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħhom, li jinkludu l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi bażiċi kollha;
73. Jinnota li l-UE impenjat ruħha biex tappoġġja l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom f'pajjiżi vulnerabbli għal diżastri naturali, għall-bidla fil-klima, għad-degradazzjoni ambjentali u għal xokkijiet ekonomiċi esterni; għalhekk, meta titqies is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiżi ta" l-Asja Ċentrali, jenfasizza li jeħtieġ li dawn l-impenji jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ fl-istrateġija ta" l-UE;
L-Ambjent
74. Jinnota li partijiet kbar mir-reġjun għandhom provvisti kbar ta" sustanzi naturali li, madankollu, ġew sfruttati industrijalment u pproċessati għal deċennji fl-imgħoddi, u dan wassal għal tniġġis ambjentali kbir, art irvinata kif ukoll biex ċkienu x-xmajjar u l-lagi bħall-Baħar Aral; jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kazakhstan, mis-sovranità ddikjarata tiegħu fl-1990, ipprojbixxa t-testijiet nukleari fit-territorju tiegħu, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' azzjoni kollettiva biex tkun ittrattata l-problema ta' siti għall-ħażna ta' skart radjuattiv fir-reġjun li m'humiex miżmuma kif suppost;
75. Jinnota li parti kbira mir-reġjun tuża numru għoli ta' sorsi ta' l-ilma għall-irrigazzjoni fl-agrikoltura, iżda mhux b'mod sofistikat, u li dan joħloq problemi kbar għax-xmajjar, għal-lagi (bħall-Baħar Aral) u għal iktar żvilupp, mhux biss fis-settur agrikolu; jirrakkomanda għalhekk, l-implimentazzjoni ta' tekniki u metodi ġodda sabiex jitjieb l-immaniġġjar ta" l-ilma fis-settur agrikolu, pereżempju permezz ta' ħruġ aħjar ta' kanali għall-irrigazzjoni;
76. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi impressjonanti mil-Kirgiżtan fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent, partikolarment il-bosta proġetti ta" koperazzjoni bilaterali li hija involuta fihom, li qed jagħtu benefiċċji konsiderevoli lil-Kirgiżtan;
77. Jappoġġja l-proposta biex tiġi stabbilita f'Bishkek l-hekk imsejħa "Akkademja dwar l-Ilma u l-Enerġija" għall-pajjiżi kollha ta" l-Asja Ċentrali bil-għan ta' l-użu sostenibbli xieraq ta" l-ilma u tal-ġenerazzjoni ta" l-idroenerġija, tat-titjib fit-teknoloġija ta" trażmissjoni, tal-ħarsien tal-bijodiversità u tat-titjib fit-tekniki ta" l-agrikoltura u ta" l-irrigazzjoni;
78. Jinnota li l-unika materja prima abbundanti tat-Taġikistan hija l-ilma, u li, peress li proġetti għal enerġija idroelettrika li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jirrikjedu investiment kapitali kbir, żieda fl-investiment barrani tgħin lit-Taġikistan biex l-ekonomija tiegħu ma tibqax tiddependi mill-monokultura tal-qoton, bl-ispejjeż ambjentali u tas-saħħa u t-tħaddim ta' tfal marbuta magħha, filwaqt li jiżdiedu l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali u l-istandard ta" għajxien; jistieden lill-gvern tat-Taġikistan sabiex jaħdem biex isaħħaħ il-qafas leġiżlattiv u fiskali tiegħu u l-amministrazzjoni pubblika tiegħu, u biex jirranġa n-nuqqas ta" infrastruttura bażika tiegħu, kif ukoll biex jittratta l-livelli endemiċi ta" korruzzjoni, sabiex jinkoraġġixxi investiment fil-pajjiż;
79. Jinkoraġġixxi djalogu miftuħ u effiċjenti mal-pajjiżi kollha ta" l-Asja Ċentrali fil-qasam ta" l-ambjent u ta" l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u jitlob li dan iseħħ b'mod prattiku;
L-Enerġija
80. Jemmen li l-UE trid tkun magħquda dwar il-politika enerġetika, minħabba l-preżenza fir-reġjun ta' proġetti ta' interess ewlieni għall-Ewropa fir-rigward tal-forniment ta" l-enerġija;
81. Jikkunsidra li l-koperazzjoni fuq il-politika dwar l-enerġija esterna ta" l-UE hi ta" l-ikbar importanza fil-kuntest ta" l-istrateġija ta" l-UE għall-Asja Ċentrali; jappoġġja, għalhekk, l-isforzi magħmula mill-Unjoni Ewropea biex tinkoraġġixxi l-importazzjonijiet tal-gass u taż-żejt mill-Kazakhstan u mit-Turkmenistan u biex tiddiversifika r-rotot ta" tranżitu; jitlob koperazzjoni attiva ta" l-UE fil-qasam ta" l-enerġija mar-reġjun, speċjalment mar-Repubblika Kirgiża, mat-Taġikistan u, jekk possibbli, ma" l-Uzbekistan, sabiex jiġu ttrattati l-problemi enerġetiċi ta" importanza partikulari għall-ħtiġijiet enormi tagħhom ta" żvilupp ekonomiku u tal-bniedem, ir-relazzjonijiet interstatali diffiċli u s-sigurtà tal-forniment prekarja;
82. Jemmen li aktar koperazzjoni msaħħa bejn l-Asja Ċentrali u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed fl-oqsma ta" l-enerġija u t-trasport hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta" l-UE msemmija hawn fuq; huwa tal-fehma li dan għandu jinkludi l-investiment fl-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' l-enerġija, ta' l-effiċjenza enerġetika u ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, u ta' infrastruttura ġdida fil-qasam ta' l-enerġija bil-modernizzazzjoni ta' infrastruttura eżistenti; jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-Kazakhstan bħala ekonomija b'saħħitha fl-Asja Ċentrali, fejn l-UE hija l-imsieħba kummerċjali ewlenija, u fejn il-Kazakhstan japplika strateġiija ta" modernizzazzjoni avvanzata soċjali, ekonomika u politika;
83. Jikkunsidra li l-UE għandha tinkuraġġixxi l-użu responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi naturali tar-reġjun, anke permezz tal-promozzjoni tat-trasparenza tad-dħul permezz ta" appoġġ għall-parteċipazzjoni ta" l-istati u ta" l-NGOs fl-Inizjattiva għat-Trasparenza ta" l-Industriji ta" Estrazzjoni, meta rilevanti;
84. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil proġetti li jgħaqqdu bjar taż-żejt u tal-gass u s-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-Asja Ċentrali ma' pajpijiet li jwasslu sa l-Unjoni Ewropea, anke lil proġetti futuri bħall-pipeline Nabucco;
o o o
85. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali ta" l-UE għall-Asja Ċentrali, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-OSCE u lill-presidenti, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Kazakhstan, il-Kirgiżtan, tat-Taġikistan, tat-Turkmenistan u ta" l-Uzbekistan.
Dikjrazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rapprezentati tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' l-Iżvilupp: 'Il-Consensus Ewropew' - Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (ĠU C 46, 24.2.2006, p.1).
ĠU L 299, 16.11.2005, p. 23 kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1). Ara ukoll il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/792/PESK ta' l-14 ta' Novembru 2005 dwar miżuri restrittivi kontra l-Uzbekistan (ĠU L 299, 16.11.2005, p. 72).
Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 18 ta' Diċembru 2006li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p.41).