Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0024/2008

Testi mressqa :

A6-0024/2008

Dibattiti :

PV 20/02/2008 - 12
CRE 20/02/2008 - 12

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 4.7
CRE 21/02/2008 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0066

Testi adottati
PDF 382kWORD 168k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa
P6_TA(2008)0066A6-0024/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa (2007/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 1997 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni Ewropea (1995)(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 1998 dwar ir-rapport demografiku 1997 tal-Kummissjoni(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - Tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali"(3),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem: "Ir-risposta ta' l-Ewropa għax-xjuħija tal-popolazzjoni tad-dinja - Il-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali f'dinja li qed tixjiħ - Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għat-tieni assemblea dinjija dwar ix-xjuħija" (COM(2002)0143),

–   wara li kkunsidra l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej adottat mill-Kunsill Ewropew fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni ntitolata "Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2005)0094),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar il-mudell soċjali Ewropej għall-ġejjieni(5),

-  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa - minn sfida għal opportunità" (COM(2006)0571),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ntitolata "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2007)0244),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' l-14 Marzu 2007 ntitolata "Il-familja u l-bidliet demografiċi"(6), u l-proposta prinċipali tiegħu li jiġi ffirmat Patt Ewropew għall-Familja bejn l-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa: fatti u ċifri" (SEC(2007)0638),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjunali, kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0024/2008),

A.   billi d-demografija hija riżultat konġunt ta' diversi fatturi, fosthom it-twelid, it-tul mistenni ta' ħajja u l-flussi migratoriji, u billi l-livelli attwali jindikaw li sa l-2005 se jkun hemm bidliet kbar demografiċi li b'mod partikulari se jirriżultaw f'popolazzjoni ixjeħ li l-età medja tagħha se titla mid-39 sena ta' l-2004 għal 49 sena fl-2050,

B.   billi skond il-kalkoli tal-Kummissjoni dawn il-bidliet demografiċi jistgħu jibdlu mill-qiegħ l-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida ta' l-età, hekk li n-numru ta' tfal ta' 0 sa 14-il sena jinżlu mill-100 miljun (indiċi ta' l-1975) sa 66 miljun fl-2050, il-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem tilħaq massimu ta' 331 miljun madwar is-sena 2010 u wara tibda tonqos b'mod regolari sa madwar 268 miljun fl-2050, waqt li t-tul mistenni tal-ħajja jiżdied b'6 snin għall-irġiel u b'5 snin għan-nisa bejn l-2004 u l-2050 u li n-numru ta' persuni ta' età akbar minn 80 sena se jitla' minn 4.1% fl-2005 għall-11.4% fl-2050,

C.   billi l-medja Ewropea tal-livell ta' xjuħija dipendenti (in-numru ta' persuni ta' aktar minn 65 sena diviż bin-numru ta' persuni bejn l-14 u l-65 sena) se jitla' minn 25% fl-2004 għal 53% fl-2050,

D.   billi madankollu l-livell ta' dipendenza (in-numru ta' persuni mhux attivi, bħal pensjonanti, tfal u żgħażagħ jistudjaw, diviż bin-numru ta' persuni attivi li huwa ta' età li jistgħu jaħdmu) għandu aktar piż mill-livell ta' dipendenza ta' l-anzjani fil-kalkoli ta' l-ispiża li tirrapreżenta l-popolazzjoni inattiva għas-soċjetà ;

E.   billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt kbir fuq l-ispiża pubblika li hija mistennija li tiżdied b'10 % bejn l-2004 u l-2050,

F.   billi l-bidliet demografiċi m'għandhomx jaffettwaw il-volum totali tal-popolazzjoni Ewropea minn issa sa l-2050, iżda se jġibu magħhom żbilanċi territorjali sinifikattivi, billi ċerti reġjuni ta' l-Unjoni għandhom ċaqliq migratorju kbir ta' żgħażagħ, b'mod partikulari ta' żgħażagħ nisa; billi wkoll id-daqs relattiv tal-popolazzjoni Ewropea fil-livell dinji se jinżel mill-15 % ta' seklu ilu għal 5 % fl-2050; billi r-reġjuni fl- UE huma effettwati b'mod differenti ħafna b'dawn il-bidliet u billi, bi proporzjon ta' anzjani diġà minn issa akbar mill-medja f' dawk ir-reġjuni li qed jesperjenzaw emigrazzjoni net, waqt li l-proċess ta' xjuħija tal-popolazzjoni fir-reġjuni li għandhom immigrazzjoni net għad mhux perċettibbli minħabba l-immigrazzjoni taż-żgħażagħ;

G.   billi l-infertilità hija waħda mill-kawżi tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u billi din għandha tiġi rikonoxxuta bħala problema tas-saħħa pubblika u bħala problema soċjali li tolqot lin-nisa u lill-irġiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-"Appell għall-azzjoni rigward l-infertilità u d-demografija" magħmul mill-Parlament fl-2005 u fit-talba sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan il-qasam,

H.   billi jikkunsidra l-immigrazzjoni legali bħala element pożittiv għall-kompożizzjoni tal-popolazzjoni Ewropea u dan hu meħtieġ jekk għandu jinżammil-bilanċ demografiku; billi, madankollu, l-immigrazzjoni legali waħedha mhix biżżejjed sabiex tibbilanċja x-xjuħija demografika progressiva fl-Unjoni Ewropea u huma meħtieġa miżuri sabiex tiżdied ir-rata tat-twelid tal-popolazzjoni residenti,

I.   billi l-emigrazzjoni mhix għajr soluzzjoni parzjali u għal żmien qasir jekk irridu niffaċċjaw il-bidliet demografiċi fl-Ewropa li jeħtieġu impenn min-naħa ta' l-Istati Membri li jirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur pubbliku u privat, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-maternità u ta' l-appoġġ soċjo-ekonimiku għall-familji, kif ukoll azzjonijiet li jippermettu lill-irġiel u lin-nisa li jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol,

J.   billi d-diżabilità għandha rabta qawwija ma' l-anzjanità u billi l-anzjani huma aktar suxxettibbli li jsofru minn problemi tas-saħħa u minn inkapaċitajiet,

Konsiderazzonijiet ġenerali

1.  Jieħu nota serjà tal-projezzjonijiet demografiċi għall-2050; jenfasizza madankollu li l-projezzjonijiet għall-50 sena li gejjin m'humiex irriversibbli, imma jservu ta' twissijiet serji li jeħtieġ li minn issa jinstabulhom soluzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jinżammu l-kompetettività, l-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-mudell soċjali Ewropew ta' għada; jikkunsidra li l-prospettiva tat-tnaqqis demografiku minn issa sa l-2050 tista' tikkontribwixxi biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent u toffri okkażjoni ta' żvilupp sostenibbli li min-naħa tiegħu ikun jeħtieġ politiki proattivi sabiex ikun hemm ippjanar xieraq għal adattament ta' l-ispazju, ta' l-akkomodazzjoni, tat-trasport u ta' kull tip ieħor ta' infrastruttura; jirrikonoxxi l-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

2.  Ifakkar l-ewwelnett li ż-żewġ kawżi prinċipali tal-bidliet demografiċi - l-popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid - huma r-riżultat tal-progress; li ż-żmien ta' tul mistenni tal-ħajja li qiegħed jiżdied huwa konsegwenza diretta tal-progress tax-xjenza, ta'l-iġene u tal-istandards ta'l-għixien; li l-kontroll li n-nisa jeżerċitaw fuq il-fertilità tagħhom huwa r-riżultat ta' l-emanċipazzjoni tagħhom u jimxi id f'id mal-livell għola ta' edukazzjoni tat-tfajliet u mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja attiva u fir-responsabbiltajiet pubbliċi; jikkunsidra li dan għandhu jitqies bħala ta' benefiċċju irriversibbli għall-umanità;

3.  Jagħraf li soċjetà li tqiegħed lit-tfal fil-qalba tal-politiki tagħha hija l-prekundizzjoni għal rata tat-twelid aktar f'saħħitha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jkun jirrispetta lill-familja u fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien għall-familji u għat-tfal u biex ikunu realizzati l-aspirazzjonijiet reali tal-familji;

4.  Jenfasiza li r-rata medja ta' twelid fl-Unjoni Ewropea ta' 1.5%, li hija baxxa aktar min-normal, ma tirriflettix ir-rieda tan-nisa u lanqas ix-xewqa taċ-ċittadini Ewropej li jridu jkollhom familja, u għalhekk tista' tkun marbuta mad-diffikultà li jinsab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja (in-nuqqas ta' infrastrutturi għall-kura għal tfal żgħar, ta' appoġġ soċjo-ekonomiku għall-familji u impjiegi għan-nisa) ambjent soċjali li jikkawża l-ansjetà (instabilità ta' l-impjiegi, akkomodazzjoni għolja) u l-biża' mill-ġejjieni (aċċess tard għax-xogħol għaż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' xogħol);

5.  Ifakkar li l-konsum ta' l-alkoħol u tad-droga fost iż-żgħażagħ huwa ta' periklu għall-popolazzjoni u li dan għandu konsegwenzi demografiċi għaliex iġib miegħu kapaċità anqas għax-xogħol, sabiex trabbi familja, eċċ; jirrakkomdanda għalhekk l-implentazzjoni ta' programmi ta' qafas speċifiċi għal prevenzjoni ta' l-konsum bikri ta' alkoħol u droga, kif ukoll għad-diżintossikazzjoni ta' żgħażagħ li jiddependu fuq dawn il-prodotti;

6.  Jikkunsidra li t-tul mistenni tal-ħajja li qed jiżdied huwa fattur pożittiv u għandhu jitqis bħala tali; għalhekk jitlob li l-Istati Membri jiggarantixxu li jiġi evitat ir-riskju tal-faqar għall-pensjonanti li ma jkollhomx il-mezzi biex ikollhom akkomodazzjoni u kura, u li jkollhom tmiem ta' ħajja dinjituż;

7.  Jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri globali kontra d-diskriminizzazzjoni għaliex il-kwistjoni tal-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa ma jistax jiġi mifthum mill-problema ta' gruppi vulnerabbli li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà li huma milqutin b'mod serju mill-faqar u li ħafna drabi jitqiesu responsabbli għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha u dan jeffettwa mhux biss lit-tfal, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni ta' abbuż u nuqqas ta' kura li tagħhom jisfaw vittmi l-anzjani fil-familji tagħhom jew f'istituzzjonijiet ta' kura; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex iħabirku aktar biex isir magħruf aħjar kemm hu mifrux it-trattament ħażin ta' persuni anzjani fl-Unjoni Ewropea; jinnota l-kalkoli li jistmaw li sa 10% tal-persuni anzjani jbatu minn xi għamla ta' abbuż fiżiku, finanzjarju jew psikoloġiku qabel ma jmutu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw informazzjoni, sistemi ta' twissija u sanzjonijiet kontra dan it-trattament ħażin; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ komunikazzjoni fl-2008 dwar it-trattament ħażin ta' persuni anzjani; jitlob li din il-komunikazzjoni sservi ta' okkażjoni sabiex titfassal strateġija globali biex tiġi żviluppata kampanja estensiva ta' sensibilizzazzjoni u ta' attività f'dan il-qasam (taħriġ ta' min jagħti l-kura, definizzjoni ta' l-istandards ta' kwalità, sanzjonijiet kontra t-trattament ħażin).

9.  Jiddispjaċih li għad ma tteħdux biżżejjed miżuri biex l-Unjoni tkun ippreparata għal din l-isfida minkejja li ilha prevedibbli bosta snin; jiddispjaċih b'mod partikulari li l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona u l-impenji tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 rigward il-kura tat-tfal, ix-xogħol għal min għandu aktar minn 55 sena, il-konċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol baqgħu ma ntlaħqux mill-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u li l-Unjoni, bħala entità, għadha 'l bogħod milli tilħaq dawn l-għanijiet,

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex jinħolqu strutturi bi standards għoljin ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli għall-kura tat-tfal u ta' persuni dipendenti oħra, kif stipulat fl-objettivi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta" Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 li kienu jitlobu lill-Istati Membri sabiex sa l-2010 joħolqu strutturi għal kura tat-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal ta' età bejn it-3 snin u l-bidu ta' l-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33% tat-tfal taħt it-3 snin; isossni li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li l-ġenituri jkunu jistgħu jadattaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol skond ir-ritmu tal-ħajja tagħhom;

11.  Jikkunsidra li l-għanijiet ta' l-Unjoni m'għandhomx jillimitaw ruħhom għat-twettiq ta' l-objettivi ta' Barċellona rigward strutturi għall-kura tat-tfal; jemmen li dawn l-istrutturi għandhom jitqiesu bħala servizzi universali li jkunu aċċessibbli għal dawk kollha li jkollhom bżonnhom;

12.  Jenfasizza l-fatt li għadd ta' impriżi zgħar m'humiex ippreparati tajjeb għall-problemi ta' ħaddiema li qed jixjieħu u rigward dan jista' jkollhom bżonn l-għajnuna ta' l-Istati Membri;

13.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tkompli d-diskussjoni dwar din l-isfida kbira; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja fil-livell reġjonali u lokali l-identifikazzjoni u l-skambju ta' prattiki tajbin u biex tieħu din l-okkażjoni biex iddaħħal innovazzjonijiet fl-Unjoni; jaqbel ma' l-approċċ integrali tagħha għall-isfida demografika u għall-ħames linji gwida bażiċi li jwasslu għal patt ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-generi ur-reġjuni; ifakkar li biex jilqgħu b'suċċess l-isfidi demografiċi, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod effettiv l-istrateġija ta' Liżbona u jistabbilixxu koordinazzjoni mill-qrib fil-livell ta' Stati Membri bejn il-politiki makroekonomiċi u l-politiki soċjali sabiex it-tkabbir, il-kompetittività u l-produttività tas-sistema ekonomika ta' l-Unjoni jilqgħu għall-isfida demografika tax-xjuħija waqt li jippermettu li l-Istati Membri jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom billi jippjanaw innovazzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, tas-srvizzi tas-saħħa, tas-servizzi ta' interess ġenerali, ta' l-immigrazzjoni u ta' l-integrazzjoni.

L-isfida tat-tiġdid demografiku

14.  Jagħraf li l-maternità tagħti lok għall-għażliet l-aktar intimi ta' raġel u mara li jeħtieġ li jiġu rispettati; li minħabba li r-rati differenti tat-twelid fost l-Istati Membri jvarjaw bejn 1.25 għal 2.0, huwa possibli li jiġu modifikati r-rata ta' twelid tiġi nfluwenzata pożitivament permezz ta'politiki pubbliċi koordinati li joħolqu ambjent materjali u psikoloġiku xieraq għall-familja u għat-tfal; li skond il-prinċipji mħaddna mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-proposta tiegħu ta' patt Ewropew għall-familja, dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati matul perjodu ta' żmien fit-tul u joffru l-istabbilità u l-protezzjoni meħtieġa għad-deċiżjoni ta' paternità/maternità;

15.  Jappella lill-Istati Membri sabiex jadottaw l-aħjar prattiki rigward it-tul tal-liv għall-maternità li fl-Istati Membri jvarja minn 14 sa 28 ġimgħa, kif ukoll dwar liv għall-paternità/maternità, il-kura u l-għajnuna għal qabel it-twelid, il-garanzija ta' dħul waqt it-tqala u r-ritorn għall-istess impieg; hekk ukoll jispera li l-Istati Membri jadottaw miżuri u jikkontemplaw sanzjonijiet kontra l-vjolenza u l-abbuż domestiku;

16.  Ifakkar fid-diskriminazzjonijiet li jisfaw vittmi tagħhom in-nisa rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-isfiduċja ta' min iħaddimhom meta juru x-xewqa li jkollhom tfal; ifakkar li n-nisa jiksbu anqas xogħol minkejja l-kwalifiki tagħhom u li l-livell tal-qliegħ tagħhom huwa aktar baxx mill-medja tas-salarji tipiċi u jippreġudika l-indipendenza ekonomika indispensabbli tagħhom; jappella lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' opportunitajiet u ugwaljanza ta' trattament ta' rġiel u nisa rigward impjiegi u xogħol(7), u sabiex jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 rigward is-sikurezza u s-saħħa ta' ħaddiema nisa waqt it-tqala u ta' ommijiet żgħażagħ li jreddgħu(8); jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi, fil-qafas tad-Direttiva 92/85/KEE, kontra min jimpjega li direttament jew indirettament jiddiskrimina kontra nisa li jixtiequ jkollhom tfal;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri wara t-twelid ta" tarbija, li joffru ħarsien u appoġġ speċifiċi lin-nisa, u b'mod partikulari lill-ommijiet mingħajr sieħeb, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh in-numru dejjem akbar ta" familji b'ġenitur wieħed, li 85% minnhom huma mmexxija minn nisa u li huma esposti aktar minn oħrajn għall-riskju serju tal-faqar;

18.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa ta' nfiq pubbliku favur l-infanzja u l-familji numerużi, b'mod partikulari għall-forniment ta' servizzi ta' għajuna għall-kura tat-tfal żgħar u għall-protezzjoni ta' ommijiet waħdehom u ta' familji b'ġenitur wieħed li huma mhedda b'mod partikulari mill-eskużjoni soċjali, l-iżolament u l-faqar; jenfasizza li dawn is-servizzi huma ta' interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' l-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji ta' l-aħjar prattiki fir-reġjuni ta' ċerti Stati Membri;

19.  Għalhekk jirrakkomanda li jsiru investimenti pubbliċi u privati konġunti fis-settur tal-kura tat-tfal u fis-sistema ta" l-edukazzjoni ta" qabel l-iskola primarja;

20.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi żgurat aċċess adegwat għal servizzi ta' għoti ta' kura għat-tfal, għal persuni anzjani jew b'diżabilità u persuni oħrajn dipendenti sabiex jippermetti parteċipazzjoni sħiħa u ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, li jkollu impatt fuq il-livell ta' kura informali disponibblifl-unita' domestika;

21.  Ifakkar li d-djalogu soċjali kkonkluda ftehim rigward liv għall-ġenituri u xogħol part time li kienu l-għanijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim ta' qafas dwar il-leave tal-ġenituri(9) u 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-Ftehim ta' Qafas dwar ix-xoghol part-time(10), jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni b'rispett għall-prinċipju tas-solidarjetà;

22.  Jappella lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw it-tqegħid f'familji ospitanti tfal li jkuu vittmi ta' abbuż, orfni jew li trabbew f'istituzzjonijiet speċjlizzati; jitlob li jkun hemm diskussjonijiet fil-livell Ewropew dwar proċeduri għall-adozzjoni ta' tfal minn Stati Membri jew minn pajjiżi terzi, u sabiex tingħata attenzjoni li r-regolamenti nazzjonali u internazzjonali jiġu rispettati u emendati jekk ikun meħtieġ b'rispett għat-tfal; jappella li jkun hemm l-akbar sorveljanza rigward kull għamla ta' abbuż u ta' traffikar tal-bnedmin;

23.  Jenfasizza li l-modi kif inhuma organizzati l-familji qed jinbidlu; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni serja li din ir-realtà meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjib il-leġiżlazzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-paternità; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri speċifiċi mfassla biex jiġi ffaċilitat involviment akbar tal-missirijiet fil-ħajja tal-familja permezz tad-dritt għall-liv paternali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu d-drittijiet tal-missijirijiet rigward l-edukazzjoni u l-għoti ta' kura lit-tfal (b'mod partikolari f'każijiet ta' separazzjoni u divorzju) sabiex tiġi żviluppata l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà Ewropea;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-problema sensittiva ta' l-infertilità li tolqot lin-nisa, miżżewġin jew le, jew lill-koppji;

26.  Jinnota li l-infertilità hija kundizzjoni medika rrikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jista" jkollha effetti serji bħalma hi d-dipressjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-infertilità qiegħda tiżdied u issa tolqot kważi 15% tal-koppji; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-koppji għall-aċċess universali għall-kura ta" l-infertilità;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jagħmlu skambji dwar l-aħjar prattiki favur il-familja, dwar sussidji għall-familji kif ukoll servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSGIs) għall-protezzjoni u l-għajnuna tal-familja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu għajnuna lil ġenituri żgħażagħ li jkomplu l-istudji u t-taħriġ tagħhom;

28.  Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jirrikonoxxu l-valur soċjali, ekonomiku u edukattiv tat-tip ta' xogħol informali li jsir fil-familji fl-għoti ta' kura lit-tfal u lill-persuni dipendenti, billi jeżminaw il-possibilità li jkun hemm rikonoxximent ta' dawn l-istati ta' servizz u sabiex jingħataw protezzjoni soċjali kif ukoll drittijiet għall-pensjoni lill-persuni li jagħmlu xogħol informali bħal dan;

29.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri proattivi ta' appoġġ għall-ġenituri, bħal m'huma drittijiet addizzjonali għall-pensjoni u tnaqqis fit-taxxa dovuta għall-ħolqien ta' crèches tal-kumpaniji, u sabiex ikun hemm skambju ta' l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

L-isfida tar-riżorsi umani

30.  Jinnota li meta wieħed jikkunsidra l-iżbilanċ bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux kkawżat mill-bidliet demografiċi, l-Unjoni għandha skop sostanjali biex iżżidl-mpjieg billi timpjega li n-nisa, liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lil persuni b'diżabilità; isostni li x-xogħol għal kulħadd għandu jkun l-iskop f'terminu qasir fi ħdan ir-reviżjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbon fl-2008;

31.  Jappella sabiex ikun hemm riforma tal-ġestjoni attwali tar-riżorsi umani Ewropej li minħabba n-nuqqas ta' mpjegar ta' żgħażagħ ta' anqas minn 25/30 sena u ta' persuni ta' aktar minn 55 sena, tillimita għal sa madwar 30 sena l-ħajja tax-xogħol ta' parti kbira mill-popolazzjoni; jitlob li jkun hemm promozzjoni ta' tekniki għall-ġestjoni ta' l-età li huma preventivi u ħolistiċi;

32.  Jappella sabiex ikun hemm approċċ globali u kwalitattiv għar-riżorsi umani u jipproponi definizzjoni ta' "ċiklu ta' ħajja attiva" li tgħaqqad flimkien it-taħriġ, it-tagħlim għal tul il-ħajja u l-valorizzazzjoni tal-kompetenzi u kwalifiki, kemm dawk uffiċjali u dawk atipiċi, kif ukoll għal tul l-karriera mill-bidu sat-tmiem tagħha;

33.  Jirrikonoxxi li s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-prevalenza dejjem tikber ta' forom mhux sikuri ta' impjieg qegħdin kull ma jmorru jwasslu biex tikber in-nuqqas ta' sigurtà fix-xjuħija; iqis li l-Istati Membri jeħtiġilhom janalizzaw u jagħmlu skambju ta' l-ideat dwar l-aħjar prattiki rigward iż-żamma tal-kontribuzzjonijiet soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tkun żgurata s-sigurtà fix-xjuħija;

34.  Jidhirlu li l-miżuri eventwali li jittieħdu rigward bidliet demografiċi għandhom jikkunsidraw ż-żieda fil-produttività reġistrata għal kull ħaddiem attiv, u għalhekk m'huwiex biss in-numru ta' dawk attivi kif imqabbel ma' dawk mhux attivi li jgħodd, iżda wkoll iż-żieda fil-produttività;

35.  Jitlob li jkun hemm djalogu fil-fond ma' l-imsieħba soċjali, ma' l-impriżi, ma' l-universitajiet, ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi) u mal-media bħala preparazzjoni għal dawn il-bidliet demografiċi; jenfasizza li fil-futur il-kisbiet fi prodottività se jiddependu l-aktar mill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u mill-innovazzjonijiet teknoloġiċi, u jinsisti fuq il-ħtieġa essenzjali li l-kumpaniji jantiċipaw id-domanda tagħhom għal kompetenzi permezz ta' ġestjoni ta' impjiegi u ta' karrieri li tħares 'il quddiem, u permezz ta' investiment fit-taħriġ għal tul il-ħajja li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali;

36.  Jitlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti sabiex il-ħaddiema l-aktar anzjani, jekk jixtiequ, jipparteċipaw għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol biex b'hekk ikunu jistgħu jgħaddu l-kompetenzi miksuba u l-esperjenza professjonali tagħhom liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema l-oħrajn u lill-impriżi;

37.  Jinkuraġġixxi l-investiment fl-edukazjoni u fit-taħriġ, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ġodda, sabiex jgħollu l-livelli ta' taħriġ bażiku ta' kulħadd għaliex fuqhom jiddependu l-kapaċità ta' adattament u ta' taħriġ mill-ġdid permezz ta' tagħlim għal tul il-ħajja, kif ukoll fl-iżvilupp ta' miżuri għall-għajnuna biex żgħażagħ jibdew jaħdmu u sabiex jgħinu lill-ħaddiema anzjani u gruppi ta' persuni vulnerabbli biex jerġgħu jibdew jaħdmu, hekk li jkun hemm għajnuna tabilħaqq għal tul il-ħajja tax-xogħol;

38.  Jipproponi li abbażi ta' negozjar kolletiv awtonomu jew permezz ta' konsultazzjoni ma' kunsilli tax-xogħol jitnaqqas kemm jista' jkun malajr ir-rikors minn intrapriżi għal irtirar kmieni mix-xogħol b', skond l-użanzi ta' l-Istati Membri, u jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani u jinkuraġġixxu li dawn jingħataw ix-xogħol; madankollu, jammetti li għal dawk il-ħaddiema ta' età akbar (dawk li jaqbżu l-minimu ta' l-età ta' l-irtirar) li ma jkunux iridu xogħol full-time , l-possibilitajiet ta' xogħol part time, ħinijiet ta' xogħol flessibli, xogħol li jista' jsir barra l-post tax-xogħol u job-sharing għandhom jiġu studjati u jistgħu ikunu forma ġdida ta' rtirar progressiv u jillimitaw l-effetti ta' l-istress ta' l-irtirar;

39.  Iqis li wasal iż-żmien li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' l-"istress tal-pensjonanti", l-aktar is-sens ta' depressjoni, ta' nuqqas ta' siwi u ta' nikiliżmu esperjenzat minn ħaddiema ftit jiem wara li jirtiraw, meta jqisu lilhom infushom bħala inutli, abbandunati, waħedhom u mingħajr futur;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproponu inċentivi għal aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jappoġġjaw, mentoring ta' ħaddiema żgħażagħ minn ħaddiema li laħqu l-età tal-pensjoni permezz ta' skemi ta' job-sharing u ħidma part-time bl-għan li tkun faċilitata l-bidla ġenerazzjonali;

41.  Jitlob li jkun hemm riforma serja tal-ġestjoni tal-karrieri ta' impjegati anzjani li attwalment issir diskriminazzjoni magħhom fl-impjegar meta jkunu għalqu l-50, fl-aċċess mhux adegwat għat-taħriġ, b'mod partikulari f'teknoloġiji ġodda, fin-nuqqas ta' għarfien ta' l-esperjenza tagħhom u fil-promozzjonijiet li rari jingħatawlhom; ifakkar li restrizzjonijiet ibbażati fuq l-età rigward taħriġ professjonali huma diskrimintarji u jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw b'mod ċar dwar dan lil min jimpjega u lil min iħarreġ; għal dan il-għan, jitlob it-traspożizzjoni immedjata u l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11) li tiddikjara li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tat-taħriġ u ta' l-impjiegi hija illegali; jikkunsidra li, lilhinn mill-kwistjoni ta' aċċess għall-kompetenzi, il-ħaddiema anzjani ħafna drabi jkollhom bżonn għajnuna f'oqsma aktar personali relatati max-xogħol, bħalma huma t-teknika kif tagħmel interview, l-iżvilupp ta' fiduċja personali u kif tagħmel curriculum vitae; jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jsir tixrid ta' informazzjoni speċfika għall-ħaddiema anzjani fuq il-postijiet tax-xogħol u biex iniedu aktar programmi governattivi sabiex jiġu impjegati ħaddiema anzjani; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm moniteraġġ ta' Stati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom tkompli tiddiskrimina rigward diżabilitajiet jew età;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tassigura li jkun hemm moniteraġġ u tintervjeni ma' l-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom iżommu diskriminazzjonijiet rigward diżabilitajiet jew età li jmorru kontra t-Trattati u l-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea – li mill-1 ta' Jannar 2009 se tkun torbot legalment fit-territorju kollu ta' l-Unjoni – sabiex jibdew ineħħuhom mill-aktar fis;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor data statistika maqsuma skond gruppi ta' etajiet varji skond il-problemi differenti li jiffaċċjaw u skond il-forom diversi ħafna ta' diskriminazzjoni minħabba l-età;

44.  Ifakkar li l-persuni anzjani ma jirrapreżentawx kategorija omoġenja; jenfasizza b'mod partikulari l-fatt li n-nisa anzjani u l-persuni anzjani minn minoranzi etniċi huma esposti għal diskriminazzjonijiet multipliċi;

45.  Jenfasizza li x-xogħol part time jirrapreżenta stadju importanti biex wieħed jidħol lura fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod partikulari lill-intrapriżi żgħar fil-promozzjoni tax-xogħol part-time u l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol; ifakkar fil-vantaġġi konkreti tax-xogħol part time għall-ħaddiema anzjani li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu xogħol full time;

46.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol billi jisħqu fuq il-vantaġġi li jiġu impjegati dawn il-persuni u billi jinkuraġġixxu lil min jimpjega sabiex jadotta organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema anzjani biex jagħtu sehemhom fis-suq tax-xogħol;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju bbażat fuq data maqsuma skond il-ġeneru dwar il-benefiċċji fiskali u l-ostakli eżistenti rigward xogħol, u b'mod partikulari rigward il-popolazzjoni li qed tixjieħ;

48.  Jerġa' jisħaq mal-Kummissjoni u ma' l-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim għal tul il-ħajja;

49.  Ifakkar li l-prinċipju ta' età uffiċjali ta' irtirar huwa wieħed mill-kisbiet tal-mudelli soċjali Ewropej u garanzija kontra li jittawwal iż-żmien obbligaortju tal-ħajja tax-xogħol lilhinn minn dak li hu raġjonevoli;

50.  Ifakkar li l-pensjoni hija dritt li kull persuna impjegata bi ħlas tista' tuża mill-età legali tal-pensjoni ffissata minn kull Stat Membru, b'kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, f'dak li jirrigwarda t-tradizzjonijiet nazzjonali;

51.  Jenfasizza d-disparità kbira li teżisti bejn in-nisa u l-irġiel dwar rata ta' pensjoni medja kkawżata mill-interruzzjonijiet tal-karrieri minħabba responsabbiltjiet tal-familja rigward tfal jew qraba anzjani; jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex waqfien mix-xogħol minħabba maternità u liv għall-ġenituri ma jibqgħux jiġu penalizzati fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħsbu għal sussidji għall-pensjoni bbażati fuq in-numru ta' tfal li jkunu trabbew u sabiex jirrikonoxxu l-irwol ta' l-għoti ta' kura personali fis-soċjetà;

52.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jimmodernizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali u ta" l-għajnuna soċjali, inklużi l-iskemi tal-pensjoni, sabiex isiru vijabbli finanzjarjament u biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni; isostni li għandha tiġi ffukata attenzjoni speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa anzjani, li huma aktar vulnerabbli għall-iżolament u l-faqar;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal studju komparattiv f'kull Stat Membru tad-diversi skemi ta" pensjoni u ta" sigurtà soċjali li hemm għan-nisa sabiex ikunu identifikati l-aħjar prattiki, mhux biss biex jiżdied l-impjegar tan-nisa, iżda wkoll sabiex jippermetti konċiljazzjoni armonjuża bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw b'urgenza l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta' appoġġ għal xogħol għall-ħaddiema anzjani billi hemm previst li l-età uffiċjali ta' rtirar se togħla f'għadd kbir Stati Membri;

55.  Madankollu jikkunsidra li t-tul mistenni tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja ta' persuni li qabżu l-età legali tal-pensjoni huma ogħla aktar minn qatt qabel u f'dan il-kuntest jitlob lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jagħmlu minn kollox sabiex jippromwovu u ma jxekklux l-istabbiliment ta' standards u regoli komuni li jippermettu li l-ħaddiema jtawwlu l-ħajja attiva tagħhom, fuq bażi volontarja, wara l-età legali stabbilita minn kull Stat Membru; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tagħmel studji komparattivi dwar id-diversità tas-sistemi ta' pensjoni fl-Istati Membri u dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali tar-riformi previsti fl-Istati Membri;

56.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-promozzjonijiet ta' nisa li jaħdmu u l-problema ta' l-eżiġenzi tal-familja u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u l-isterjotipi li tagħhom għadhom jisfaw vittmi n-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni; ifakkar fil-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll fil-prinċipju invjolabbli tal-mudell soċjali Ewropew ta' l-ugwaljanza tal-pagi għall-istess xogħol fuq l-istess post tax-xogħol;

57.  Jitlob għalhekk li jittieħdu miżuri fil-qasam tal-liġi ta' l-impjiegi bil-għan li jeliminaw definitivament din il-forma ta" diskriminazzjoni, speċjalment rigward id-differenza li hemm bejn il-pagi ta' rġiel u nisa, u sabiex fil-baġits pubbliċi jiġi applikat l-ibbaġittjar skond is-sessi;

58.  Ifakkar li ambjent tax-xogħol tajjeb huwa fattur importanti tal-prodottività; jappella lill-Istati Membri sabiex jippromwovu inizjattivi fuq il-postijiet tax-xogħol bl-iskop li jitnaqqas ir-riskju ta' aċċidenti għall-ħaddiema anzjani, b'mod partikulari b'interventi li jtejbu l-ambjent psikosoċjali u fiżiku tax-xogħol, b'tibdil tal-kontenut u ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol, titjib ġenerali tas-saħħa fiżika, tal-benessere u tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema, u b'tisħiħ ta' l-abilitajiet u l-kompetenzi professjonali; jistieden lill-intrapriżi sabiex jinvestu fil-prevenzjoni ta' l-aċċidenti fuq ix-xogħol u ta' mard relatat max-xogħol, servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u d-djalogu soċjali;

59.  Jenfasizza li hu importanti li l-post tax-xogħol ikun aċċessibbli u sikur għall-ħaddiema anzjani jew dawk b'diżabilità permezz ta' infrastrutturi sodisfaċenti u bil-forniment ta' tagħmir speċifiku adattat għall-bżonnijiet individwali; jenfasizza wkoll li ambjent aċċessibbli jippermettti li persuni anzjani jgħixu ħajja indipendenti, li jgħin ukoll biex titnaqqas l-ispiża pubblika fuq kura istituzzjonali;

60.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu d-dritt li jintalab flex time jew xogħol part-time, li ma jkunx biss għal ġenituri, imma wkoll għal ħaddiema anzjani sabiex ikunu jistgħu huma wkoll jassumu risponsabbiltajiet tal-familja;

61.  Jisħaq fuq l-irwol ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bħala sors ta' impiegi fl-Unjoni;

62.  Jinnota li s-settur tas-servizzi huwa dak li jimpjega l-aktar nisa, immigranti u ħaddiema anzjani; jitlob bl-akbar urġenza li jitwettaq is-suq intern tas-servizzi;

L-isfida tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u t-territorji

63.  Ifakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, prinċipju ta' mudelli soċjali eċċellenti Ewropej, jiddependi filli persuni li jaħdmu jkopru dħul alternattiv u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u ta' kura tas-saħħa għal dawk li ma jaħdmux (tfal, żgħażagħ, persuni dipendenti u persuni anzjani) jinsisti li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jinżamm, minkejja l-iżbilanċ demografiku previst;

64.  Jenfassizza l-importanza ta' l-intervenzjoni attiva ta' l-awtoritajiet pubbliċi, b'mod speċjali bil-preżenza tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSIĠs), kemm favur il-familji u t-tfal żgħar, kemm ukoll għall-kenn u responsabbiltà għall-kura ta' l-anzjani u l-persuni kollha dipendenti; jikkunsidra li aċċess għal dawn is-servizzi jikkostitwixxi dritt fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi s-sikurezza legali tas-SSIĠ fil-liġi komunitarja li tiggarantixxi l-aċċess universali u l-prinċipju ta' solidarjetà;

65.  Jisħaq fuq l-importanza Membri ta' skambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki fost l-Istati Membridwar kif is-sistemi tas-saħħa jistgħu iħejju ruħhom għaż-żieda fid-domanda mill-popolazzjoni li qed tixjiħ; rigward dan, jinnota b'mod partikulari li l-popolazzjoni li qed tixjiħ se tikkontribwixxi biex tikber l-ispiża pubblika fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba li tul ix-xjuħija d-diżabiltà u l-mard ikomplu jiggravaw bis-sħiħ, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni ta' eta' avanzata ħafna (iżjed minn 80 sena)- grupp li ser jikber sew fis-snin li ġejjin;

66.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex japplikaw miżuri aktar stretti kontra kull evażjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sabiex tkun żgurata s-sostenibilità ta' l-iskemi tal-pensjoni; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki attivi u effettivi dwar ix-xogħol u jħeġġiġhom sabiex jipprovdu sistemi flessibbli u opportunitajiet għall-għażla personali rigward meta wieħed jista' jirtira mix-xogħol (lilhinn mill-età minima għall-pensjoni) permezz ta' inċentivi għal dawk il-ħaddiema li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu;

67.  Ifakkar fil-kontribut enormi li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali u ekonomika u li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-solidarjetà tal-familja u bejn il-ġenerazzjoniiet issaħħaħ l-irwol ta' ridistribuzzjoni tar-riżorsi li jeżistu fi ħdan il-katina tal-familja; barra minn hekk, jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' volontarjat għandha tkun faċilitata u mħeġġa; jikkunsidra f-aħħarnett li l-konsum tagħhom ta' beni u servizzi, divertiment, kura u benessere jikkostitwixxi settur ekonomiku li qed jikber u rikkezza ġdida msejħa "deheb griż"; jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-anzjani, b'attenzjoni partikulari għall-benessere fiżiku tagħhom u għall-kundizzjonijiet soċjali u finanzjarji tajbin tagħhom;

68.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' l-anzjani biex tinżamm is-solidarjetà bejn il-ġenerazjonijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jgħinu, b'kollaborazzjoni ma' msieħba fil-livell lokali, il-parteċipazzjoni ta' l-anzjani f'attivitajiet ta' volontarjat, b'mod partikulari dawk ta' xejra edukattiva, kulturali u intrapreditorjali;

69.  Jenfasizza l-importanza tal-volontarja li jippermetti li għadd ta' persuni jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-gvenijiet sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ta' l-anzjani fil-volontarjat permezz ta' ħlas ta' kumpens;

70.  Ifakkar li l-SSIĠ, b'mod partikulari rigward il-kenn, is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal żgħar jgħinu biex jintegraw il-ġenituri fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar, b'mod partikulari fil-każ ta' familji b'ġenitur wieħed; huwa konvint li dawn is-servizzi huma essenzjali biex l-Unjoni ssib soluzzjoni għall-isfidi demografiċi; min-naħa l-oħra iqis li, bil-ħolqien ta' l-impjiegi l-SSIĠ jistimulaw l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali u jikkontribwixxu għall-kompetettività ta' l-Unjoni; f'din il-perspettiva, jikkunsidra li huwa indispensabbli li jsir xogħol sabiex jiġu identifikati SSIĠ ekonomiċi (SSIĠE) u sabiex issir evalwazzjoni ta' l-impatti soċjali u ekonomiċi tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni ta' indikaturi ta' kwalità sabiex jitkejjel il-progress ta' l-għanijiet ta' Barċellona; jenfasizza li l-SSIĠE għal persuni anzjani u dipendenti għandhom jingħataw l-istess kunsiderazzjoni u l-istess trattament;

71.  Jenfasizza li f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, il-volontarjat u n-networks soċjali jagħtu kontribut sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali, iżda ma jistgħux jieħdu post l-irwol essenzjali ta' l-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta' SSIĠ fir-reġjuni; jikkunsidra li dan l-impenn attiv taċ-ċittadini jrid jiġi rikonoxxut u li l-korpi involuti jridu jkunu appoġġjati bħala msieħba fil-politika reġjonali; jenfasizza li dan iwassal għal proċessi ta' tagħlim li permezz tagħhom reġjun ikun jista' jiffaċċja l-isfidi tal-bidla demografika;

72.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jużaw il-Fondi Strutturali għal dan il-għan; u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fi ħdan il-qafas tal-Koperazzjoni Territorjali (Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(12)), l-iskambju ta' l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fejn l-'ekonomija ta' l-anzjani' diġà għandha rwol ewlieni, jew fejn se jkollha rwol ewlieni fil-ġejjieni;

73.  Jappella sabiex ikun hemm dibattitu fil-fond dwar id-dritt ta' pensjoni diċenti għal kulħadd li fuqha jiddependu l-istat finanzjarju tajjeb, id-dinjità u l-integrazzjoni soċjali tal-popolazzjoni anzjana; ifakkar fil-kontribut essenzjali li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali permezz tal-volontarjat u tal-kura fil-familji;

74.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu diskussjonijiet koordinati dwar possibiltajiet ta' riformi li jistgħu jiżguraw is-sostenibilità tas-sistemi ta' pensjoni u ta' sigurtà soċjali, u li b'mod partikulari jistipulaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu lin-nisa li ż-żmien ta" liv ta" maternità u għat-trobbija ta" l-ulied jitqies fil-kalkolu tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni;

75.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fejn dan ma jsirx diġà, jeżaminaw ir-relazzjoni bejn l-għoti ta' pensjonijiet u l-inċentivi għax-xogħol, b'mod partikulari rigward l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol sabiex jiġi elimiminat dak kollu li jiskuraġġixxi x-xogħol;

76.  Jinnota li x-xjuħija tas-soċjetà Ewropea taħbi inugwaljanzi reġjunali kbar u billi d-data nazzjonali rigward bidliet demografiċi jostru realtajiet lokali differenti, kultant ikun diffiċli li jiġu identifikati l-bżonnijiet infrastururali u t-trasferimenti finanzjarji meħtieġa mingħand il-gvernijiet ċentrali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità u l-affidabilità ta' data statistika rigward xejriet demografiċi u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu aktar il-proċess taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-ħaddiema kollha ta' l-Unjoni mkabbra ukoll qabel l-2014;

77.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżommu ugwaljanza fil-baġit bejn id-dħul u l-ħruġ, fis-sistemi rispettivi tal-pensjoni, b'rispett tal-prinċipju ta' sussidjarità u jifraħ lill-Istati Membi li kull sena jirriservaw fond tal-baġit għall-ħlas tal-pensjonijiet fil-ġejjieni;

78.  Jinnota li l-impatt ta' bidla demografika fuq reġjuni individwali huwa kbir u jeħtieġ strateġiji differenti ta' aġġustament skond jekk ir-reġjun konċernat huwiex reġjun ta' migrazzjoni jew ta' popolazzjoni li qed tonqos; jinnota li l-kwalità tal-ħajja hija definita b'mod differenti f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, li huma l-aktar reġjuni rurali, minn kif inhi definita f'reġjuni b'popolazzjoni li qed tiżdied, u għalhekk iqis li jinħtieġu strateġiji differenti ta' appoġġ;

79.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidrau d-dimensjoni ġenerazzjonali tas-solidarjetà bejn ir-reġjuni ta' l-Ewropa u sabiex jagħtu kunsiderazzjoni għall-impatt territorjali sinifikattiv ħafna tax-xejriet demografiċi differenti li jinsabu fl-Unjoni; jenfasizza li dawn l-impatti huma kbar fejn jolqtu l-akkomodazzjoni u l-infrastruttura, b'mod partikulari fiz-zoni urbani li probabbli se jaraw tkabbir kbir u konċentrazzjoni qawwija ta' komunitajiet ta' migranti; jenfasizza wkoll il-bżonnijiet speċifiċi fil-livell lokali fir-reġjuni li qed jixjieħu rigward investiment fis-servizzi lokali sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' persuni anzjani u sabiex ikunu żgurati għal żmien twil kemm jista' jkun l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom; jipproponi li l-attribuzzjoni ta' fondi strutturali u l-possibiltajiet li joffru l-Fondi Soċjali Ewropej sabiex jiġi mobilizzat il-kapital soċjali lokali għas-servizzi għandhom jikkunsidraw dawn il-bżonnijiet ta' investiment; jitlob li dawn jinżammu wara l-2013; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jittieħdu miżuri mir-reġjuni ta' immigrazzjoni sabiex jinżamm bilanċ demografiku naturali permezz ta' investimenti fix-xogħol, fit-taħriġ u fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi;

80.  Jipproponi lill-Kummissjoni li, bħala parti mill-Koperazzjoni Territorjali, għandha tippromwovi netwerks madwar l-Ewropa kollha li minnhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin kif għandhom jiġu ttrattati l-problemi li joriġinaw mill-bidla demografika;

81.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu proġetti interġenerazzjonali li fihom l-anzjani jaħdmu flimkien maż-żagħżagħ sabiex jaqsmu bejniethom il-kapaċitajiet tagħhom u jiksbu esperjenzi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilità l-iskambju ta' prattiki tajba f'dan il-qasam;

82.  Jistieden lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni b'emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta' servizzi ta' interess ġenerali (eż. l-edukazzjoni, inklużi s-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal qabel ma jmorru l-iskola, is-servizzi tas-saħħa, is-servizzi postali) u servizzi ta' aċċessibilità (eż. tat-trasport pubbliku, l-infrastrutturi tat-trasport u n-networks tat-telekomunikazzjoni) il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (eż. permezz tat-taħriġ, inklużi metodi ta' taħriġ għal tul il-ħajja, kif ukoll permezz ta' l-investiment f'teknoloġiji ġodda u l-użu tagħhom); jitlob li l-qafas prattiku fejn għandhom jitwteqqu dawn il-ħidmiet għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u għall-parteċipanti lokali u jagħmel aħjar l-adattibilità tagħhom; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għas-sitwazzjoni tal-gżejjer, taz-zoni mal-fruntieri, ta' reġjuni muntanjużi u ta' oħrajn ultraperiferiċi;

83.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf Fond Ewropew għall-Integrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tfassil u l-immaniġġjar tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali biex jaħdmu dejjem aktar flimkien sabiex jinkuraġġixxu li n-nies imorru joqogħdu f'reġjuni rurali fejn qed tonqos il-popolazzjoni, billi jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol f'dawn ir-reġjuni;

84.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni identifikat l-iżbilanċ demografiku li qed jikber bħala waħda mill-isfidi li trid tiffaċċja; jistenna b'interess ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet soċjali u d-definizzjoni ta' l-irwol tal-politika reġjonali fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-bidla demografika fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

85.  Ifakkar lill-Istati Membri fl-iżvantaġġi numerużi li għandhom voluntiera responsabbli għall-kura, b'mod speċjali dawk l-aktar anzjani; jissuġġerixxi li jiġi propost aktar appoġġ għal dawn il-persuni sabiex ikunu jistgħu jgħelbu l-għadd ta' ostakli biex isibu impjieg;

86.  Jikkunsidra li f'zoni urbani, f'subborgi u f'zoni rurali żvantaġġati t-tendenzi demografiċi wisq probabbli se juru tnaqqis fil-popolazzjoni li jkollu effett deċiżiv fuq l-akkomodazzjoni u fuq l-infrastrutturi;

87.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex fl-ambitu ta' l-iżvilupp urban u ta' l-ippjanar ta' l-ibliet iżidu d-disponibilità ta' djar xierqa għall-familji, speċjalment għall-familji b'ġenitur wieħed u għan-nies imdaħħla fiż-żmien pereżempju permezz ta" "proġetti interġenerazzjonali";

88.  Jenfasizza li l-iżbilanċi demografiċi f'livell dinji qed jirriskjaw li jkabbru l-inugwaljanza fl-iżvilupp u l-pressjonijiet migratorji; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw dawn l-elementi fil-politiki għall-immigrazzjoni tagħhom bl-iskop li jkun hemm żvilupp konġunt;

L-isfida ta' l-immigrazzjoni integrata

89.  Jinnota li r-rikors għall-immigrazzjoni huwa, u se jibqa', wieħed mill-elementi fid-demografija ta' l-Unjoni Ewropea u jista' jkun kontribut pożittiv minn perspettiva ekonomika, soċjali u kulturali; jappella għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw approċċ kalm u raġunat għall-immigrazzjoni sabiex jaffronta l-opinjonijiet u attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti u sabiex jippromwovi l-integrazzjoni sħiħa u effettiva tal-migranti fis-soċjetà;

90.  Jagħraf madankollu li l-migrazzjoni, b'mod partikulari dik li tiġi mir-reġjuni ta' emigrazzjoni, toffri wkoll opportunità biex tpatti għall-effetti negattivi tal-bidla demografika u għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-integrazzjoni tal-migranti bħala miżura politika ta' importanza strateġika;

91.  Jikkunsidra li l-politiki ta" integrazzjoni għandhom ikunu msaħħa fl-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-migranti fl-Unjoni Ewropea; għalhekk jilqa" b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 li twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-perjodu 2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali 'Solidarjetà u Tmexxija ta' Flussi tal-Migrazzjoni'(13) u jemmen li dan jikkontribwixxi biex jiffaċilità l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti fl-UE;

92.  Jenfasizza l-bżonn li jkunu definiti u koordinati bejn l-Istati Membri l-politiki ta' immigrazzjoni billi jiggarantixxu lill-immigranti kundizzjonijiet indaqs ta' għajxien u ta' xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja u tippreżenta malajr kemm jista' jkun strateġija u miżuri speċifiċi rigward l-immigrazzjoni ekonomika;

93.  Jenfasizza l-urgenza li jiġu koordinati aħjar il-politiki għall-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu integrazzjoni aħjar ta' l-immigranti fis-soċjetà u l-ekonomija formali u li tiġi żgurata s-sikurezza legali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni; jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu b'konvinzjoni kontra l-kutrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u biex jiġi penalizzat min iħaddem u/jew jesplojta ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari; jilqa' l-inizjattiva Ewropea kontra x-xogħol illegali u kontra l-esplojtazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' ħajja mhux diċenti li tagħhom jisfaw vittmi l-immigranti illegali;

94.  Jagħraf rigward dan l-irwol speċifiku li għandhom l-ibliet, billi l-maġġoranza ta' l-immigranti jgħixu hemm, u jenfasizza li l-Kummmissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta'l-impatt taz-zoni urbani fuq il-politika ta' l-immigrazzjoni u jinvolvuhom mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki; jinnota b'interess il-proċess "L-Integrazzjoni ta' l-Ibliet" imniedi mill-Kummissjoni u EUROCITIES, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' Milan dwar l-integrazzjoni, iffirmata fis-6 ta' Novembru 2007 bħala garanzija li jitkompla d-djalogu dwar l-implentazzjoni, fil-livell ta' l-ibliet, tal-prinċipji bażiċi komuni rigward l-integrazzjoni;

95.  Jenfasizza li l-immigrazzjoni legali fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ta' vantaġġ għall-immigranti u m'għandhiex tkun ta' piż għall-pajjiżi ta' oriġini; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jespandu l-miżuri tagħhom għall-integrazzjoni soċjali u ċivika ta' l-immigranti;

96.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri biex jikkunsidraw id-dimensjoni dinjija ta' l-immigrazzjoni u l-konsegwenzi ta' l-immigrazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ir-riskju tat-telf ta' l-aħjar imħuħ fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi, iniedu miżuri effikaċi biex jiġġieldu dan il-fenomenu;

97.  Jinsisti li d-dimensjoni umana ta' l-immigrazzjoni m'għandhiex tintilef minħabba kunsiderazzjonijiet strettament ekonomiċi u li l-għażla ta' l-integrazzjoni tal-familja għandha tibqa' possibilita? għal dawk l-immigranti li jkunu jixtiquha; jitlob għal koperazzjoni mill-qrib bejn il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni u dawk dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u r-reġjuni;

98.  Ifakkar li l-qligħ li jagħmlu l-immigranti fl-Ewropa jippermetti b'mod sostanzjali ħafna li jingħata kontribut għall-għajxien ta' persuni anzjani f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

99.  Jenfasizza li l-politiki għall-immigrazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiġġieldu kontra d-diskriminizzazzjoni u jkollhom l-iskop li jkun hemm grad aktar għoli ta' ugwaljanza legali, soċjali u soċjetali, kemm għall-immigranti li diġà jinsabu fl-Ewropa, kemm għal dawk li għad iridu jiġu;

100.  Jidhirlu li membri tal-familji li jkunu qed jakkumpanjaw ħaddiema immigranti għandhom jingħataw permessi ta" residenza u, fejn ikun jixraq, permessi tax-xogħol;

101.  Jenfasizza l-irwol importanti tan-nisa migranti u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtuhom il-post li jixirqilhom fil-politiki ta" integrazzjoni u sabiex jiggarantulhom id-drittijiet kollha tagħhom;

102.  Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu fl-aġenda ta' samit li jmiss skambju ta' opinjonijiet dwar il-bidla demografika u dwar il-prattiki tajbin li saru f'oqsma differenti, bħal fil-qasam tax-xjuħija attiva, ta' l-impjieg taż-żgħażagħ, tal-politika għall-familja u ta' l-integrazzjoni tal-migranti;

103.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta kull sentejn rapport fuq is-sitwazzjoni tal-Forum Demografiku Ewropew; jixtieq li dan ir-rapport jikkunsidra ukoll l-impatt tal-politiki implimentati mill-Istati Membri fil-qasam konċernat; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li kull sentejn tiddedika kapitlu tar-rapport tagħha għall-infertilità u li tinkludi f'dan ir-rapport kapitlu dwar il-preparazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-bidliet demografiċi; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex timplimenta sistema ta' indikaturi sabiex jimmoniterjaw u janalizzaw il-bidla demografika f'kull Stat Membru individwali u fl-Unjoni Ewropea;

104.  Josserva li l-ġejjieni demokratiku ta' l-Ewropa jippreżenta diffikultajiet ġodda fil-livell ta' mekkaniżmi demokratiċi u tal-mezzi li permezz tagħhom il-vuċi tal-pluralità tal-komponenti tagħha tkun tista' tinstema' u tinfluwixxi fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi; jikkunsidra li l-kwistjoni prinċipali f'soċjetà li qed tixjiħ hija dik tar-rappreżentanza politika tal-minorenni, li jikkostitwixxu l-ġejjieni komuni, u għalhekk il-ġejjieni politiku tal-komunità, u li attwalment la jistemgħu u lanqas ma jinfluwixxu b'xi mod fuq id-deċiżjonijiet; jinnota li għal raġunijiet diversi l-immigranti, kemm l-adulti kif ukoll l-ulied tagħhom, isibu diffikultajiet kbar biex isemmgħu leħinhom; huwa ta' l-opinjoni li l-kwistjoni ta' l-espressjoni u tar-rappreżentanza politika ta' gruppi soċjali li llum huma miċħudin minnhom, b'mod partikulari l-minorenni, hija sfida essenzjali li jistħoqqilha dibatittu wiesa' u fil-fond;

105.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni rigward l-isfidi demografiċi fl-Ewropa, inter alia permezz ta' kampanji u proġetti pilota f'dan il-qasam;

o
o   o

106.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 115, 14.4.1997, p 238.
(2) ĠU C 104, 6.4.1998, p 222.
(3) ĠU C 232, 17.8.2001, p 381.
(4) ĠU C 292, 1.12.2006, p. 131.
(5) ĠU C 305, 14.12.2006, p. 141.
(6) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66.
(7) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(8) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
(9) ĠU L 145, 19.6.1996, p.4.
(10) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
(11) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(12) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(13) ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18.

Avviż legali - Politika tal-privatezza